Language of document :

Appell ta' Luigi Marcuccio ppreżentat fil-15 ta' Jannar 2010 mid-digriet tad-29 ta' Ottubru 2009 tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-94/08, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-12/10 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

-    fi kwalunkwe każ: tannulla in toto u mingħajr ebda eċċezzjoni d-digriet appellat.

-    tiddikjara li r-rikors fl-ewwel istanza li fir-rigward tiegħu ingħata d-digriet appellat, kien perfettament ammissibbli in toto u mingħajr ebda eċċezzjoni.

-    prinċipalment: tilqa' in toto u mingħajr ebda eċċezzjoni l-petitum tar-rikorrent li jinsab fir-rikors fl-ewwel istanza.

-    tikkundanna lill-konvenuta għar-rifużjoni, favur l-appellant, tal-ispejjez, tad-drittijiet u tal-onorarji kollha sostnuti minnu, u inerenti għall-istanzi kollha eżerċitati s'issa, tal-kawża de qua.

-    sussidjarjament: tirrinvija l-kawża de qua quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, diversament kompost, sabiex jiddeċiedi mill-ġdid fil-mertu dwar l-istess kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell qiegħed isir mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tad-29 ta' Ottubru 2009, mogħti fil-Kawża F-94/08. Dan id-digriet ċaħad bħala manifestament inammissibbli rikors għall-annullament tan-nota tat-28 ta' Marzu 2008 li biha l-Kummissjoni Ewropea informatu bl-intenzjoni tagħha li tagħmel tnaqqis mill-benefiċċju ta' invalidità tiegħu sabiex titħallas tal-ispejjeż sostnuti f'istanza preċedenti.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant jinvoka l-iżnaturament u d-distorsjoni tal-fatti fid-digriet appellat, in-nuqqas totali ta' motivazzjoni, kif ukoll l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni żbaljati tal-prinċipju tempus regis actum u tal-kunċett ta' deċiżjoni li tikkawża preġudizzju.

____________