Language of document : ECLI:EU:T:2011:716

Kawża T-562/10

HTTS Hanseatic Trade Trust & Shipping GmbH

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran bħala prevenzjoni mill-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Obbligu ta’ motivazzjoni — Proċedura fil-kontumaċja —Talba għal intervent — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010)

2.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja — Regolament li jimponi ċerti miżuri restrittivi diretti kontra l-Iran — Annullament parzjali minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni — Neċessità li tiġi ssalvagwardata ġustifikazzjoni eventwali tal-imsemmija miżuri fuq il-mertu — Żamma tal-effetti tal-imsemmi regolament matul perijodu li jippermetti s-sostituzzjoni eventwali tiegħu

(Artikolu 264 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 41; Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010)

1.      L-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, b’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi adottata skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, fl-Artikolu 36(3), ta’ dan ir-regolament, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermettilha teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit b’dan il-mod jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li jista’ jiġi dderogat biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Unjoni.

B’hekk, sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi, il-Kunsill għandu l-obbligu, skont l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010, li jgħarraf lill-entità kkonċernata minn miżura adottata skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa jqis li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-persuna kkonċernata. B’hekk għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh jadottaha.

Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha.

Ġaladarba l-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill sabiex tiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ta’ entità fil-lista tal-persuni, entitajiet jew korpi li għalihom tapplika miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010, ma hijiex suffiċjenti fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, għandu jiġi konkluż li hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 36(3) ta’ dan ir-regolament u dan ir-regolament għandu jiġi annullat sa fejn jikkonċerna l-imsemmija entità.

(ara l-punti 32-34, 36, 39, 40)

2.      Sa fejn il-miżura jew ir-Regolament Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007, għandu jiġi annullat għal dak li jikkonċerna entità kkonċernata minn deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi adottata b’mod konformi mal-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li, fuq il-mertu, l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi għall-imsemmija entità tista’ xorta waħda tirriżulta li hija ġġustifikata.

B’hekk, sa fejn ir-Regolament Nru 961/2010 jikkonċerna din l-entità, l-annullament tiegħu b’effett immedjat jista’ jippreġudika serjament u irriversibbilment l-effikaċja tal-miżuri restrittivi li jimponi dan ir-regolament, ġaladarba, fil-perijodu ta’ żmien li jippreċedi s-sostituzzjoni eventwali tiegħu permezz ta’ att ieħor, l-imsemmija entità tkun tista’ taġixxi b’mod li tevita l-effett tal-miżuri restrittivi ulterjuri.

Għalhekk, skont l-Artikolu 264 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jinżammu fis-seħħ l-effetti tar-Regolament Nru 961/2010 sa fejn jinkludi l-isem tar-rikorrenti fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness VIII tiegħu matul perijodu li ma jistax jaqbeż xahrejn mid-data tal-għoti tas-sentenza.

(ara l-punti 41-43)