Language of document : ECLI:EU:T:2003:316

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

27 ta’ Novembru 2003 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Self għall-operat – Ammissibbiltà – Terminu tar-rikors – Att konfermatorju – Rikors għal annullament – Għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida – Prinċipju tempus regit actum – Għajnuna għall-esportazzjoni – Għajnuna għall-operat – Terminu raġonevoli”

Fil-Kawża T-190/00,

Regione Siciliana, irrappreżentat minn F. Quadri, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci u D. Triantafyllou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/319/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata mill-Italja għall-produzzjoni, għall-ipproċessar u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness I tat-Trattat KE (Liġi tar-Reġjun ta’ Sqallija Nru 68, tas-27 ta’ Settembru 1995) (ĠU 2000, L 110, p. 17), sa fejn tiddikjara li l-għajnuna ta’ l-istat mogħtija taħt l-Artikolu 6 tal-Liġi tar-Reġjun ta’ Sqallija Nru 68, tas-27 ta’ Settembru 1995, lill-impriżi fis-settur ta’ l-agrikoltura jew tas-sajd hija inkompatibbli mas-suq komuni, u li tirrikjedi lill-Italja tirtira u tikkanċella din l-għajnuna,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, P. Lindh, J. D. Cooke, A. W. H. Meij u H. Legal, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(1) KE), li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tipproponi lill-Istati Membri l-miżuri xierqa li jikkonċernaw l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti f’dawn l-Istati, meħtieġa għall-iżvilupp progressiv jew għall-funzjonament tas-suq komuni, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kriterji ta’ kompatibbiltà tas-self għall-operat mar-regoli tat-Trattat applikabbli għall-għajnuna mill-Istat f’avviż, ippubblikat fis-16 ta’ Frar 1996, dwar l-għajnuna mill-Istat relatata ma’ self issussidjat u bi skadenza qasira fl-agrikoltura (ĠU 1996 C 44, p. 2, iktar ’il quddiem, “avviż dwar is-self għall-operat”).

2        Fl-4 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-applikazzjoni ta’ l-avviż dwar is-self għall-operat, wara li ġew ikkonstatati ċerti problemi ta’ interpretazzjoni. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri li l-imsemmija sospensjoni kellha tiġi fit-tmiem fit-30 ta’ Ġunju 1998, data li minnha hija kienet ser tibda tapplika l-avviż dwar is-self għall-operat skond l-interpretazzjoni stabbilita f’din l-ittra.

3        Il-prassi segwita mill-Kummissjoni qabel l-implementazzjoni ta’ l-avviż dwar is-self għall-operat hija msemmija f’dokument tal-Kummissjoni intitolat “Il-Politika tal-Kompetizzjoni fl-Agrikoltura” (L-Ewropa Ħadra – Rapport dwar il-Politika Komuni ta’ l-Agrikultura, Nru 22, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, il-Lussemburgu, 1987, p. 12):

“B’mod ġenerali, fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tas-self għall-operat, il-Kummissjoni rriżervat id-dritt tagħha li tikkummenta fi stadju ulterjuri. Madankollu, l-għajnuna mogħtija taħt forma ta’ self b’rata baxxa ta’ mgħax hija kkunsidrata bħala inkompatibbli mas-suq komuni meta tingħata:

–        għal żmien itwal mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni (12-il xahar)

–        għal prodott wieħed biss u għal tranżazzjoni waħda biss (pereżempju, il-ħżin ta’ l-inbid, il-bejgħ tal-baqar, eċċ.).

Din il-pożizzjoni hija motivata mill-fatt li l-produzzjoni agrikola, li min-natura tagħha hija ċiklika, teħtieġ li tiġi ffinanzjata skond metodi speċifiċi.”

4        F’dan ir-rigward, is-Sbatax-il Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, il-Lussemburgu, 1988, punt 259) jispeċifika li t-test ikkwotat iktar ’il fuq jiddeskrivi l-linji ġenerali segwiti mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-agrikoltura.

5        Din il-prassi hija msemmija wkoll fl-avviż dwar is-self għall-operat, li jipprovdi, qabel ma jistabbilixxi r-regoli l-ġodda applikabbli fil-futur – li għal diversi snin il-Kummissjoni kienet qegħda tapplika politika konsistenti li ma topponix għall-għajnuna ta’ l-Istat mogħtija taħt forma ta’ self issussidjat u bi skadenza qasira fis-settur ta’ l-agrikoltura u li “[l]-uniċi kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni għal din l-għajnuna huma dawn li ġejjin: is-self għandu jkun għal massimu ta’ sena u, b’mod kumulattiv, is-self ma għandux ikun limitat għal prodott wieħed biss u għal tranżazzjoni waħda biss”, filwaqt li jindika li “ma hemmx limitu fir-rigward ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna u ma hemm l-ebda ostaklu, għal dak li jikkonċerna kull benefiċjarju, li dan is-self jiġi mġedded kull sena” (il-ħames paragrafu ta’ l-avviż dwar is-self għall-operat).

6        Fir-rigward ta’ l-għajnuna kklassifikata bħala “ġdida”, l-Artikolu 93(3) tat-Trattat (li sar l-Artikolu 88(3) KE) jipprovdi li:

“Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 92 [li sar l-Artikolu 87 KE], hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali.”

7        It-tifsira ta’ l-Artikolu 93 hija ċċarata bir-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 A –L-iskema ta’ għajnuna stabbilita mill-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32, tat-23 ta’ Mejju 1991, u l-eżami tagħha mill-Kummissjoni

8        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ġunju 1991, il-Gvern Taljan innotifika lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat (li sar l-Artikolu 88(3) KE), bi skema ta’ għajnuna stabbilita mir-Reġjun ta’ Sqallija fl-ambitu tal-Liġi Reġjonali Nru 32, tat-23 ta’ Mejju 1991 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 32/91”), li tikkonċerna l-għajnuna fis-settur agrikolu.

9        L-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 kien jipprovdi għall-għoti, għall-perijodu bejn l-1991 u l-1993, ta’ sussidju fuq l-imgħaxijiet dovuti lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-banek għal self għal inqas minn sena, mogħti lill-operaturi kummerċjali li kellhom l-uffiċċju reġistrat u li kienu joperaw fi Sqallija u li ta’ l-inqas 70 % tad-dħul tagħhom mill-bejgħ kien ġej mill-bejgħ tal-frott u tal-ħaxix, inkluż il-frott taċ-ċitru, barra mit-territorju reġjonali. Id-dispożizzjonijiet tiegħu jipprovdu dan li ġej:

“1.       L-uffiċjal reġjonali inkarigat mill-agrikoltura u mill-foresti huwa awtorizzat jagħti, għas-snin bejn l-1991 u l-1993, sussidju fuq l-imgħaxijiet dovuti lill-istabbilimenti ta’ kreditu u lill-banek, għal self għall-operat għal mhux iktar minn sena mogħti lill-operaturi ekonomiċi li għandhom l-uffiċċju reġistrat u li joperaw fi Sqallija u li ta’ l-inqas 70 % tad-dħul tagħhom mill-bejgħ ġej mill-bejgħ tal-frott u tal-ħaxix, inkluż il-frott taċ-ċitru, barra mit-territorju reġjonali.

2.       Ir-rata ta’ l-imgħaxijiet li jridu jitħallsu mill-operaturi kummerċjali hija ekwivalenti għar-rata stabbilita skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Reġjonali Nru 13, tal-25 ta’ Marzu 1986.

3.       Ħlief għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 1990-1991, self issussidjat għandu jingħata bil-kundizzjoni li ta’ l-inqas 51 % tal-prodotti kkummerċjalizzati jinxtraw mingħand kooperattivi agrikoli u l-membri tagħhom u mingħand assoċjazzjonijiet rikonoxxuti ta’ produtturi agrikoli skond il-ftehim interprofessjonali.

4.       L-ammont tas-self issussidjat – proporzjonali għal-limiti massimi stabbiliti fis-sena, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 18 tal-Liġi Reġjonali Nru 13, tal-25 ta’ Marzu 1986 – ma jistax, fi kwalunkwe każ, jaqbeż il-50 % tal-volum tal-medja tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-aħħar tliet snin kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-VAT.

5.      L-operaturi li jibbenefikaw mill-għajnuna għandhom iżommu l-livelli ta’ impjieg u jirrispettaw il-ftehim kollettivi tax-xogħol. Fil-każ li jiġi stabbilit li dawn l-obbligi ma ġewx irrispettati, l-uffiċjal reġjonali għall-agrikoltura u l-foresti għandu jirrevoka l-għajnuna in kwistjoni u għandu jirkupra l-flus imħallsa, flimkien ma’ l-imgħaxijiet legali.

6.      Ammont ta’ 30 000 miljun lira, li minnhom 10 000 miljun huma applikati għas-sena finanzjarja 1991 huwa awtorizzat għall-implementazzjoni ta’ dan l-artikolu għall-perijodu 1991-1993.

7.      70 % ta’ l-ispejjeż awtorizzati minn dan l-artikolu għandhom ikunu għas-settur tal-frott taċ-ċitru.”

10      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 1992, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Taljan, fir-rigward ta’ l-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 li, “għal dak li jikkonċerna l-għajnuna taħt forma ta’ self issussidjat għall-operat, il-Kummissjoni ma topponix għall-għoti tiegħu, iżda tirriżerva d-dritt tagħha li tirrevedi l-pożizzjoni tagħha f’data ulterjuri, skond l-Artikolu 93(1) tat-Trattat”.

 B – Il-finanzjament mill-ġdid ta’ l-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91, mill-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81, tas-7 ta’ Novembru 1995, u mill-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33, tat-18 ta’ Mejju 1996, u l-eżami tagħha mill-Kummissjoni

11      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 1995, il-Gvern Taljan innotifika lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat (li sar l-Artikolu 88(3) KE), bi skema ta’ għajnuna stabbilita mir-Reġjun ta’ Sqallija fl-ambitu tal-Liġi Reġjonali Nru 81, tas-7 ta’ Novembru 1995 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 81/95”), li tikkonċerna diversi għajnuniet fis-settur agrikolu. L-Artikolu 7 kien jawtorizza l-finanzjament mill-ġdid għas-sena finanzjarja 1995 ta’ l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mill-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 għas-sena agrikola 1992/1993:

“Għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32, tat-23 ta’ Mejju 1991, l-ispiża ta’ 2 000 miljun lira għas-sena [agrikola] 1992-1993 hija awtorizzata għas-sena finanzjarja 1995.”

12      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Mejju 1996, il-Gvern Taljan bagħat lill-Kummissjoni t-test ta’ l-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33, tat-18 ta’ Mejju 1996 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 33/96”), li kien jirreferi għall-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81/95 u li kien jawtorizza l-finanzjament mill-ġdid għas-sena finanzjarja 1996 ta’ l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mill-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 għas-sena agrikola 1992/1993:

“Għall-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32, tat-23 ta’ Mejju 1991, l-ispiża ta’ 2 000 miljun lira għas-sena [agrikola] 1992-1993 hija awtorizzata għas-sena finanzjarja 1996, b’mod addizzjonali għall-ammont imsemmi fl-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81, tas-7 ta’ Novembru 1995.”

13      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 1997, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Taljan li ma kellhiex oġġezzjonijiet għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, applikabbli għall-finanzjament mill-ġdid għall-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 għas-sena agrikola 1992/1993. Din l-ittra tispeċifika, b’mod partikolari, li:

“Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81/95 u fl-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33/96. Billi adottat din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ammonti intiżi għal miżura bħal din huma dawk li jirrigwardaw is-sena agrikola 1992/93 u jikkonċernaw ħlasijiet tardivi li jirrigwardaw għajnuna eżistenti (Għajnuna Nru 377/91).

Għaldaqstant, il-finanzjament previst fl-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81/95 u fl-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33/95 jista’ jibqa’ jibbenefika mill-evalwazzjoni favorevoli tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91.”

 C – Skema ta’ għajnuna stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68, tas-27 ta’ Settembru 1995, u l-eżami tagħha mill-Kummissjoni

14      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Awwissu 1995, il-Gvern Taljan innotifika lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat (li sar l-Artikolu 88(3) KE), bi skema ta’ għajnuna li kellha tiġi stabbilita mir-Reġjun ta’ Sqallija fl-ambitu ta’ l-abbozz ta’ Liġi Reġjonali, adottat sussegwentement taħt il-forma tal-Liġi Reġjonali Nru 68, tas-27 ta’ Settembru 1995 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 68/95”).

15      L-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 kien jipprovdi għal skema ta’ għajnuna favur impriżi fis-setturi ta’ l-agrikoltura jew tas-sajd, li d-dispożizzjonijiet prinċipali tiegħu kienu dawn li ġejjin:

“1.       L-uffiċjal reġjonali inkarigat mill-kooperazzjoni, mill-kummerċ, mill-artiġjanat u mis-sajd huwa awtorizzat jagħti, għas-snin bejn l-1991 u l-1993, għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 1993-1994, 1994-1995 kif ukoll 1995-1996, sussidju fuq l-imgħaxijiet dovuti lill-istabbilimenti ta’ kreditu u lill-banek, għal self għall-operat għal mhux iktar minn sena mogħti lill-operaturi ekonomiċi li għandhom l-uffiċċju reġistrat u li joperaw fi Sqallija u li ta’ l-inqas 70 % tad-dħul tagħhom mill-bejgħ ġej mill-bejgħ tal-frott u tal-ħaxix, inkluż il-frott taċ-ċitru, barra mit-territorju reġjonali.

2.      Ir-rata ta’ l-imgħaxijiet li jridu jitħallsu mill-operaturi kummerċjali hija ekwivalenti għar-rata prevista skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Reġjonali Nru 13, tal-25 ta’ Marzu 1986.

3.      L-ammont tas-self issussidjat – proporzjonali għal-limiti massimi stabbiliti fis-sena b’mod uniformi, skond l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 18(1) tal-Liġi Reġjonali Nru 13, tal-25 ta’ Marzu 1986 – ma jistax, f’ebda każ, jaqbeż il-50 % tal-volum tal-medja tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-aħħar tliet snin kif jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-VAT.

4.       L-operaturi li jibbenefikaw mill-għajnuna għandhom iżommu l-livelli ta’ impjieg. F’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, l-uffiċjal reġjonali inkarigat mill-kooperazzjoni, mill-kummerċ, mill-artiġjanat u mis-sajd għandu jannulla s-sussidju mogħti u għandu jirkupra l-flus imħallsa, flimkien ma’ l-imgħaxijiet legali.

5.      70 % ta’ l-ammonti mogħtija skond dan l-artikolu huma intiżi għas-settur tal-frott taċ-ċitru.

6.      Ammont ta’ 15 000 miljun lira huwa awtorizzat għall-perijodu 1995-1997 għall-implementazzjoni ta’ dan l-artikolu, li minnhom 2 000 miljun lira huma għas-sena finanzjarja 1995, 7 000 huma għas-sena finanzjarja 1996 u 6 000 huma għas-sena finanzjarja 1997.

7.      Ammont ta’ 2 000 miljun lira applikat għas-sena finanzjarja 1995 huwa kopert minn disponibbiltajiet taħt il-Kapitolu 21257 tal-baġit tar-reġjun għall-istess sena finanzjarja. It-13 000-il miljun li jkun baqa’, applikati għas-snin finanzjarji 1996 u 1997, huma previsti fil-baġit pluriannwali tar-reġjun – titolu 2001”.

16      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 1998, il-Kummissjoni informat lill-Italja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 93(3) tat-Trattat (li sar l-Artikolu 88(2) KE) fir-rigward ta’ l-implementazzjoni ta’ l-għajnuna prevista fil-Liġi Reġjonali Nru 68/95 għas-setturi ta’ l-agrikoltura, tas-sajd u ta’ l-akwakultura. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-21 ta’ Marzu 1998 (ĠU C 86, p. 3) u l-Kummissjoni stiednet lil dawk ikkonċernati jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna in kwistjoni.

17      Sabiex tiġġustifika l-bidu tal-proċedura msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat – fil-parti li tikkonċerna l-Artikolu 6 – li hija kellha dubji dwar il-possibbiltà li l-għajnuna in kwistjoni tiġi kkunsidrata veru bħala self għall-operat (fis-sens ta’ “kreditu staġonali”) peress li dan is-self kien jidher li pjuttost jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ għajnuna għall-esportazzjoni sa fejn kien intiż għal impriżi orjentati lejn l-esportazzjoni u kkalkolat fuq il-volum (50 %) tad-dħul mill-bejgħ ta’ l-impriża, li jirriżulta l-biċċa l-kbira mid-dħul mill-esportazzjoni (ara l-Premessa 2.7 tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 88(2) KE).

18      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 1998, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw il-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni. Ebda persuna oħra kkonċernata ma ppreżentat kummenti. Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni dwar l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 permezz ta’ faks tal-10 ta’ Novembru 1998. Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Novembru 1998, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw kummenti addizzjonali dwar l-Artikolu 6 lill-Kummissjoni.

19      Fit-22 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2000/319/KE, li tiddikjara, b’mod partikolari, li l-għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 favur impriżi fis-setturi ta’ l-agrikoltura jew tas-sajd hija inkompatibbli mas-suq komuni u li tirrikjedi lill-Italja tirtira u tikkanċella l-imsemmija għajnuna (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fis-6 ta’ Mejju 2000 (ĠU L 110, p. 17).

 Proċeduri u talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 ta’ Lulju 2000, ir-rikorrent adixxa lill-Qorti tal-Prim’Istanza b’dan ir-rikors.

21      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tiddikjara li l-għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 favur impriżi fis-setturi ta’ l-agrikoltura jew tas-sajd hija inkompatibbli mas-suq komuni u tirrikjedi lill-Italja tirtira u tikkanċella l-imsemmija għajnuna;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

23      Wara li semgħet ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

24      Il-partijiet ġew imsejħa diversi drabi sabiex jidhru fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2003, iżda r-rikorrent ma attendiex għaliha. Il-Kummissjoni ppreżentat l-argumenti orali tagħha u rrispondiet għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

25      Wara li fakkret li, skond il-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ir-rikorsi għal annullament ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni ta’ l-att, min-notifika tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata li fiha r-rikorrent isir jaf bih, skond il-każ, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza – mingħajr, madankollu, ma tqajjem eċċezzjoni formali ta’ inammissibbiltà – għall-fatt li f’dan il-każ, ir-rikors ġie ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni ta’ l-att, minkejja li r-rikorrent probabbilment kellu t-test tad-deċiżjoni għal diversi xhur.

26      Minkejja dan, il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza li tistabbilixxi li meta l-atti, bħal f’dan il-każ, ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej skond prassi stabbilita, it-terminu tar-rikors jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973, punti 34 sa 39). Madankollu, hija ssostni li, fil-każ ta’ rikorsi ppreżentati mir-reġjuni li sal-lum ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors promotur kien ġie ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II-717, punti 17 u 19) jew mill-ġurnata li fiha r-rikorrent isir jaf biha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 1999, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, T‑288/97, Ġabra p. II-1871, punti 5 u 7).

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni tar-reġjuni tista’ tiġi kkunsidrata l-istess bħal dik ta’ l-Istati Membri li jagħtu għajnuna, peress li, abbażi ta’ prassi stabbilita, ir-reġjuni jiġu informati malajr bid-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom mill-Istat Membru in kwistjoni. Filwaqt li osservat li huwa minnu li r-reġjuni mhumiex stricto sensu d-destinatarji tad-deċiżjoni u li ma jidhirx li d-data tan-notifika hija deċiżiva, il-Kummissjoni xorta tipproponi li, fil-każ tagħhom, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni d-data li fiha dawn ir-reġjuni jsiru effettivament jafu bid-deċiżjoni sabiex tiġi ddeterminata d-data li fiha jibda jiddekorri t-terminu tar-rikors.

28      Ir-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti billi jsostni li mill-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE jirriżulta li l-kriterju tal-ġurnata li fiha r-rikorrent isir jaf bl-att ikkontestat bħala d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu tar-rikors huwa sussidjarju għal kriterji tal-pubblikazzjoni u tan-notifika. Fin-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni in kwistjoni lir-rikorrent, l-unika data li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jibda jiddekorri t-terminu tar-rikors hija dik tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

29      Skond il-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni ta’ l-att, min-notifika tiegħu lir-rikorrent jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata li fiha r-rikorrent isir jaf bih, skond il-każ.

30      Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kriterju tal-ġurnata li fiha r-rikorrent isir jaf bl-att ikkontestat bħala d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu tar-rikors huwa sussidjarju għal dawk tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-11/95, Ġabra p. II-3235, punt 47; tas-6 ta’ Ottubru 1999, Salomon vs Il-Kummissjoni, T-123/97, Ġabra p. II-2925, punt 42, u tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-296/97, Ġabra p. II-3871, punt 61).

31      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma nnotifikatx id-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrent iżda lir-Repubblika Taljana biss. Peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fis-6 ta’ Mejju 2000, huwa minn din id-data ta’ l-aħħar li beda jiddekorri t-terminu li fih ir-rikorrent kellu jippreżenta r-rikors u mhux id-data li fiha huwa seta’ sar jaf biha.

32      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka b’suċċess is-sentenzi Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni u Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, insostenn ta’ l-argument tagħha. Minn naħa, fl-ewwel waħda minn dawn il-kawżi, ir-rikors tar-Reġjun Fjamming kien ġie ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn (fis-27 ta’ Novembru 1995) mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali (fid-9 ta’ Novembru 1995). Min-naħa l-oħra, fl-ebda waħda minn dawk il-kawżi ma ġie deċiż li, fil-każ li r-reġjun ikun jaf b’deċiżjoni qabel il-pubblikazzjoni tagħha, huwa ma jkunx jista’ jibbenefika iktar mit-terminu tar-rikors ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni.

33      Konsegwentement, ir-rikors ġie ppreżentat fit-terminu meħtieġ u, għaldaqstant, huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

34      Ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tiegħu. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 88(1) KE, tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, tal-forom proċedurali sostanzjali u ta’ l-Artikolu 253 KE; it-tieni motiv jallega ksur tal-prinċipju tempus regit actum u abbuż ta’ poter; it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 87 KE, abbuż ta’ poter u ksur ta’ l-Artikolu 253 KE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni; ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u l-fatt li l-proċeduri stabbiliti mill-Artikolu 87 KE ma ġewx kompluti f’terminu raġonevoli.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 88(1) KE, tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, tal-forom proċedurali sostanzjali u ta’ l-Artikolu 253 KE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni

 Fuq l-ammissibbiltà

–       L-argumenti tal-partijiet

35      Il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti ppreżentati mir-rikorrent fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv tiegħu, li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna eżistenti minflok bħala għajnuna ġdida, huma inammissibbli peress li l-klassifikazzjoni tirriżulta mid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni stabbilita mill-Artikolu 88(2) KE, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrent u li għaldaqstant saret definittiva; id-deċiżjoni kkontestata li tikklassifika l-għajnuna bħala ġdida, hija purament att li jikkonferma d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmija klassifikazzjoni setgħet u għandha tiġi kkontestata permezz ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni u li issa ma tistax tkun iktar is-suġġett ta’ rikors li jikkonċerna d-deċiżjoni finali.

36      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni tipproduċi effetti legali definittivi, sa fejn deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna in kwistjoni kompatibbli mas-suq komuni ma tistax sussegwentement tirregolarizza a posteriori l-miżuri ta’ implementazzjoni, li għandhom jitqiesu bħala li ġew adottati bi ksur tal-projbizzjoni stabbilita fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1992, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-312/90, Ġabra p. I-4117, punti 20 u 23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Cenemesa”, u tat-30 ta’ Ġunju 1992, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-47/91, Ġabra p. I-4145, punti 26 u 29, iktar ’il quddiem is-“sentenza Italgrani tat-30 ta’ Ġunju 1992”).

37      B’mod partikolari, il-Kummissjoni tfakkar li l-kwistjoni preliminari tal-klassifikazzjoni ta’ l-għajnuna tiddetermina l-proċedura applikabbli, kif ukoll il-portata u l-effetti tad-deċiżjoni finali. Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE kif ukoll l-Artikoli 4, 6 u 13 tar-Regolament Nru 659/1999, fil-każ ta’ għajnuna ġdida u meta hija tqis li pjan sabiex tiġi stabbilita jew mibdula għajnuna ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha tibda, mingħajr dewmien, il-proċedura formali ta’ investigazzjoni skond l-Artikolu 88(2) KE. Fil-każ ta’ għajnuna illegali li tkun diġà tħallset bi ksur tal-projbizzjoni stabbilita fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 jimponi obbligu fuq il-Kummissjoni li tordna l-irkupru tagħha. Meta l-għajnuna tkun diġà eżistenti, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun il-każ, skond l-Artikolu 88(1) KE u l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/99, tipproponi miżuri xierqa għall-Istat Membru kkonċernat; huwa biss fil-każ li l-imsemmi Stat Membru jirrifjuta dawn il-miżuri li l-Kummissjoni tista’ tibda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni skond l-Artikolu 88(2) KE, mingħajr madankollu ma tkun tista’ tirrikjedi l-irkupru ta’ l-għajnuna.

38      Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, il-Kummissjoni tqis li huwa fl-interess ta’ kulħadd li jiġu ddefiniti l-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna ġdida jew eżistenti.

39      Fir-rigward tar-referenzi li saru mir-rikorrent għas-sentenzi Cenemesa u Italgrani tat-30 ta’ Ġunju 1992, il-Kummissjoni tqis li minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-deċiżjoni li tinbeda il-proċedura formali ta’ investigazzjoni tinvolvi, għall-Istat Membru kkonċernat, il-projbizzjoni li titħallas l-għajnuna ppjanata qabel ma l-imsemmija proċedura twassal għal deċiżjoni finali u li, anki meta l-miżuri kklassifikati mill-Kummissjoni bħala għajnuna ġdida jkunu ġew implementati, l-effetti legali marbuta ma’ din il-klassifikazzjoni jkunu definittivi (sentenzi Cenemesa, punti 12 et 23, et Italgrani tat-30 ta’ Ġunju 1992, punti 20 u 29).

40      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-argument espost f’din il-kawża huwa fundamentalment differenti minn dawk li hija ppreżentat fil-kawżi Preussag Stahl u Moccia Irme, u li ġew miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Marzu 1998, Preussag Stahl vs Il-Kummissjoni, T-129/96, Ġabra p. II-609, punt 31, u tat-12 ta’ Mejju 1999, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, T-164/96 sa T-167/96, T-122/97 u T-130/97, Ġabra p. II-1477, punt 65). Hija tfakkar, b’mod partikolari, li fil-kawża Preussag Stahl vs Il-Kummissjoni, kienet ippreżentat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors billi bbażat ruħha fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkonstatat li d-deċiżjoni finali tipproduċi effetti legali proprji, inkluż l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna mogħtija, u li għalhekk l-impriża kkonċernata kellu jkollha d-dritt li tippreżenta rikors kontra deċiżjoni bħal din, irrispettivament mill-fatt jekk kinitx ikkontestat id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni jew le. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mill-Kummissjoni ġiet miċħuda, peress li kienet tikkonċerna r-rikors kollu u, b’mod partikolari, il-partijiet fejn ir-rikorrenti kkontestat id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fl-istadju tad-deċiżjoni finali biss, li mhuwiex il-każ f’din il-kawża fejn il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ l-ilmenti ppreżentati mir-rikorrent għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida stabbilita fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni.

41      Ir-rikorrent jikkontesta dawn l-argumenti abbażi tal-fatt li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ l-ekonomija tal-ġudizzju u li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni ma tistax tiġi kkontestata b’mod awtonomu ħlief jekk hija tipproduċi effetti dannużi fir-rigward tad-destinatarju tagħha (sentenzi Cenemesa u Italgrani tat-30 ta’ Ġunju 1992), li huwa l-każ biss meta deċiżjoni bħal din tirrikjedi lid-destinatarju jaġixxi b’ċertu mod jew li jastjeni minn ċertu aġir, jew twassal, fi kwalunkwe każ, għal effetti irreversibbli. Dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża, fejn hija biss id-deċiżjoni finali li tipproduċi effetti kontra r-rikorrent. Ta’ l-inqas, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni finali li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni tipproduċi effetti legali ġodda li huma awtonomi mid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni, li jippermettilu jikkontesta l-legalità tagħha. Il-konsegwenza ta’ dan hija li, insostenn ta’ tali rikors għal annullament, ikun possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq motivi li jkunu komuni għad-deċiżjoni finali u għall-miżura li tibda l-proċedura in kwistjoni jekk din ma tkunx is-suġġett ta’ rikors separat, indipendentement mill-fatt jekk l-imsemmija miżura meħuda skond l-Artikolu 88(2) KE tkunx ġiet ikkontestata jew le (ara s-sentenzi Preussag Stahl vs Il-Kummissjoni u Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

42      Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li r-rikorrent ma jistax jikkontesta d-deċiżjoni finali peress li tikklassifika l-miżura in kwistjoni bħala għajnuna ġdida, li hija s-suġġett ta’ l-ewwel motiv tar-rikors, sa fejn din il-klassifikazzjoni tirriżulta mid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni, li r-rikorrent ma kkontestax fit-terminu meħtieġ u li għaldaqstant saret definittiva.

43      L-ewwel nett, jeħtieġ li jingħad li, skond ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati f’rikors għal annullament fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE, dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-10/92 sa T-12/92 u T‑15/92, Ġabra p. II-2667, punt 28).

44      Fil-każ ta’ atti jew deċiżjonijiet li jkunu saru f’diversi fażijiet, b’mod partikolari wara proċedura interna, bħala regola, huma biss il-miżuri li jiddeterminaw, b’mod definittiv, il-pożizzjoni ta’ l-istituzzjoni wara din il-proċedura, li jistgħu jiġu kkontestati, u mhux il-miżuri provviżorji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw għad-deċiżjoni finali (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10, u sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

45      Skond din il-ġurisprudenza, id-deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni sabiex tagħlaq il-proċedura formali ta’ investigazzjoni stabbilita mill-Artikolu 88(2) KE, tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE. Deċiżjoni bħal din tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-partijiet ikkonċernati, peress li ġġib fi tmiem il-proċedura in kwistjoni u tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kompatibbiltà tal-miżura eżaminata mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-partijiet ikkonċernati dejjem għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, u f’dan il-kuntest, għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-diversi elementi li fuqhom tkun ibbażata l-pożizzjoni adottata b’mod definittiv mill-Kummissjoni.

46      Din il-possibbiltà hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni tinvolvix jew le effetti legali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Huwa minnu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat il-possibbiltà li jsir rikors kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni meta din ikollha effetti legali definittivi li ma jkunux jistgħu jiġu rregolati a posteriori mid-deċiżjoni finali. Dan huwa l-każ meta l-Kummissjoni tibda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ miżura li hija tikklassifika b’mod provviżorju bħala għajnuna ġdida, peress li din id-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni jkollha effetti legali indipendenti mid-deċiżjoni finali. Fil-fatt, is-sospensjoni ta’ l-implementazzjoni tal-miżura kkonċernata li tirriżulta, skond l-Artikolu 88(3) KE, mill-klassifikazzjoni provviżorja ta’ din il-miżura bħala għajnuna ġdida, hija ta’ natura indipendenti mid-deċiżjoni finali, limitata fi żmien sakemm tingħalaq il-proċedura formali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cenemesa, punti 12 sa 24, u Italgrani tat-30 ta’ Ġunju 1992, punti 29 u 30; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-400/99, Ġabra p. I-7303, punti 56 sa 62, u 69; u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T-207/01, Ġabra p. II-2309, punti 80 sa 86).

47      Madankollu, din il-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni ma tistax tnaqqas id-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati billi ma tħallihomx jikkontestaw id-deċiżjoni finali, u insostenn tar-rikors tagħhom, jinvokaw difetti relatati ma’ l-istadji kollha tal-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni.

48      Ma jistax jiġi kkontestat li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni, anki jekk hija għandha effetti legali proprji u awtonomi, tikkostitwixxi stadju preparatorju għad-deċiżjoni finali li tiddetermina l-pożizzjoni tal-Kummissjoni b’mod definittiv. L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, għaldaqstant, jispeċifika li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni tiġbor fiha l-elementi rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, inkluża evalwazzjoni preliminari tal-miżura proposta sabiex jiġi ddeterminat jekk din ikollhiex in-natura ta’ għajnuna, u tesponi r-raġunijiet li jwasslu sabiex ikun hemm dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, bil-għan li l-Istat Membru u l-partijiet ikkonċernati jiġu mistiedna jippreżentaw il-kummenti tagħhom f’terminu partikolari. In-natura neċessarjament provviżorja ta’ l-evalwazzjonijiet li jsiru fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li l-Kummissjoni tista’, fid-deċiżjoni finali, tiddeċiedi li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna, li l-għajnuna nnotifikata hija kompatibbli mas-suq komuni, li l-għajnuna nnotifikata tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni jekk jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet, jew li l-għajnuna nnotifikata hija inkompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, xejn ma jżomm lill-Kummissjoni milli fid-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura tiddeċiedi, wara li tkun inizjalment qieset fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni li l-miżura kkonċernata kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida, li din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna eżistenti.

49      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura u li tipproduċi effetti legali vinkolanti u definittivi fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati, inkluż billi tikklassifika l-għajnuna bħala għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq komuni u billi tirrikjedi lill-Italja tirtira u tikkanċella l-imsemmija għajnuna. Għaldaqstant, ir-rikorrent għandu jkollu possibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kollha, inkluża l-klassifikazzjoni ta’ l-għajnuna bħala għajnuna ġdida, irrispettivament mill-fatt jekk dan l-aspett tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni, fir-rigward ta’ l-għajnuna in kwistjoni, huwiex ikkontestat jew le (ara s-sentenzi Preussag Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65). Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawżi Preussage Stahl u Moccia Irme huma bbażati fuq l-istess prinċipji bħal dawk ta’ din il-kawża, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni definittiva li tipproduċi effetti legali proprji u, għaldaqstant, li l-partijiet ikkonċernati għandhom dritt jikkontestawha. Il-fatt li fil-kawża Preussag Stahl, il-Kummissjoni ppreżentat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors kollu, u li f’din il-kawża, din l-eċċezzjoni hija limitata għall-ewwel motiv biss ma jbiddel xejn fin-natura tal-kwistjoni mqajma.

50      Għal dak li jirrigwarda l-argument li jkun fl-interess ġenerali li jiġu ddefiniti malajr il-kwistjonijiet li jistgħu jqumu fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura in kwistjoni, jeħtieġ li jingħad li, fi kwalunkwe każ, kunsiderazzjoni bħal din ma tistax tikkostitwixxi ostaklu li jċaħħad lill-partijiet mill-possibbiltà li jippreżentaw rikors għal annullament kontra deċiżjoni li tibdel is-sitwazzjoni legali tagħhom.

51      Fil-qosor, l-argument tal-Kummissjoni jwassal sabiex tiġi sostnuta sitwazzjoni kuntrarja għall-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward ta’ l-atti li jistgħu jiġu kkontestati. Dan l-argument iwassal sabiex jiġi aċċettat li l-fatt li l-qrati Komunitarji jiddeċiedu, fi stadju preliminari tal-proċeduri, dwar atti preparatorji bħad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni, u b’mod partikolari, dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-għajnuna bħala ġdida, iċaħħad lill-partijiet ikkonċernati mill-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni finali li fiha l-Kummissjoni tista’ tibdel l-evalwazzjonijiet li tkun għamlet fid-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni. Li argument bħal dan jiġi aċċettat, ikun ifisser li jiġu antiċipati kwistjonijiet li jirrigwardaw il-mertu u b’hekk tinħoloq konfużjoni bejn id-diversi fażijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji billi l-għan essenzjali tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni mibdija mill-Kummissjoni, li huwa li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-kwistjonijiet kollha li jkunu tqajmu fil-fajl u li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta deċiżjoni finali fid-dawl ta’ dawn il-kummenti, jiġi pprivat mis-sens tiegħu.

52      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma jistax jiġi validament sostnut li, peress li ma ppreżentax ir-rikors kontra d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni fit-terminu meħtieġ, ir-rikorrent ma jistax iktar jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżura in kwistjoni bħala għajnuna ġdida fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni finali.

53      Konsegwentement, l-ewwel motiv huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

–       L-argumenti tal-partijiet

54      L-ewwel nett, ir-rikorrent ifakkar li fid-deċiżjoni tagħha tal-14 ta’ Diċembru 1992, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91, kien kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, u sempliċement irriżervat id-dritt tagħha li tirrevedi l-pożizzjoni tagħha fi stadju ulterjuri skond l-Artikolu 93(1) tat-Trattat (li sar l-Artikolu 88(1) KE). Huwa jsostni wkoll li l-Kummissjoni ma għamlitx użu minn dan id-dritt billi kkunsidrat li l-finanzjamenti suċċessivi mill-ġdid għall-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91, mill-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81/95 u mill-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33/96, kienu kompatibbli mas-suq komuni.

55      F’dan il-kuntest, ir-rikorrent isostni li l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 għandu jiġi kkunsidrat bħala sempliċi finanzjament mill-ġdid għall-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91. Jekk dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jiġu mqabbla, jirriżulta li fil-fatt huma simili għal dak li jikkonċerna l-benefiċjarji, is-sussidji u l-għanijiet tagħhom filwaqt li d-differenzi bejniethom jikkonsistu fl-introduzzjoni ta’ referenza espressa għas-snin agrikoli, għat-tkabbir tal-bażi tal-benefiċjarji kif ukoll għal tibdil ċar tas-snin baġitarji koperti mill-finanzjament.

56      Għaldaqstant, ir-rikorrent iqis li l-fatt li l-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 bħallikieku kienet għajnuna ġdida fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE, pjuttost milli ttrattata bħallikieku kienet finanzjament mill-ġdid ta’ għajnuna eżistenti, approvata preċedentement skond l-Artikolu 88(1) KE, kif kienet impenjat ruħha li tagħmel, jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 88(1) KE u ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

57      Ir-rikorrent jallega li ma jistax jiġi sostnut, kif isir fil-Premessa 52(c) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 jintroduċi skema ġdida ta’ għajnuna. Huwa jsostni li l-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 ma jistabbilixxi ebda limitu ta’ żmien għas-snin agrikoli li għalihom jista’ jingħata s-self issussidjat. Skond ir-rikorrent, ir-referenza fil-Liġi Reġjonali Nru 32/91 għat-tliet snin inklużi fil-perijodu 1991-1993 għandha tkun mifhuma f’termini esklużivament finanzjarji, fis-sens li s-self jiġi awtorizzat matul dawn it-tliet snin, iżda li s-snin agrikoli li fir-rigward tagħhom l-operaturi kummerċjali jistgħu jibbenefikaw minn dan is-self, mhumiex limitati fiż-żmien. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 kien intiż li jistabbilixxi limiti iktar restrittivi għas-snin agrikoli li għalihom applikat l-għajnuna, jiġifieri s-snin agrikoli 1993/1994, 1994/1995 u 1995/1996.

58      Bl-istess mod, huwa jqis li l-finanzjament mill-ġdid skond l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ma għandu ebda differenza speċifika meta mqabbel ma’ dak stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81/95 u fl-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33/96 – approvat mill-Kummissjoni –, peress li dawn l-artikoli kollha kellhom l-għan li jirristrutturaw l-ammonti li oriġinarjament kienu stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91.

59      Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li l-ġurisprudenza stabbilixxiet il-prinċipju li meta skema ġenerali ta’ għajnuna tkun ġiet approvata, mhuwiex neċessarju li l-Kummissjoni teżamina individwalment dawn l-għotjiet ta’ għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-47/91, Ġabra p. I-4635, iktar ’il quddiem is-“sentenza Italgrani tal-5 ta’ Ottubru 1994”). Li jiġi aċċettat li tista’ ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna jista’ jagħti lok għar-riskju li jinkisru l-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Dawn il-prinċipji għandhom japplikaw ukoll fil-każ li l-iskema ta’ għajnuna – diġà approvata – ikollha tiġi kkonfermata permezz ta’ sempliċi finanzjament mill-ġdid ta’ l-ammonti li ma jkunux ġew użati. Għaldaqstant, ir-rikorrent iqis li, meta ma jkunx hemm pjan (kif kien il-każ hawnhekk) li jiġu proposti miżuri xierqa marbuta ma’ l-evoluzzjoni progressiva jew mal-funzjonament tas-suq komuni fil-qafas ta’ eżami permanenti ta’ l-iskema ta’ għajnuna, mhuwiex leċitu li ssir evalwazzjoni mill-ġdid ta’ tali skema ta’ għajnuna. F’dan il-każ, dan l-eżami mill-ġdid ma setax isir fid-dawl tad-deċiżjoni preċedenti ta’ approvazzjoni, iżda skond it-Trattat, u b’hekk ġew miksura l-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

60      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent iqis li meta l-Kummissjoni esponiet il-motivi għaliex jeħtieġ li l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 jitqies bħala skema ġdida ta’ għajnuna, hija naqset milli tikkunsidra l-portata vera ta’ din id-dispożizzjoni, peress li kklassifikatha b’mod differenti u kontradittorju meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti li kienet approvat l-għajnuna in kwistjoni u peress li hija ma pprovdietx motivazzjoni għal dak li jikkonċerna l-kummenti li kienu ntbagħtulha mill-awtoritajiet Taljani.

61      Il-Kummissjoni tqis li l-ilmenti ppreżentati mir-rikorrent fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ l-għajnuna huma nieqsa minn kwalunkwe fondatezza, peress li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ma jirrigwardawx għajnuna eżistenti u bl-ebda mod ma jaqgħu taħt allegata skema ta’ għajnuna, għal żmien mhux limitat, stabbilita mill-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91, u li preċedentement kienet approvata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 1992.

62      Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 1992 dwar l-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 sempliċement tapprova skema limitata għall-perijodu ta’ tliet snin 1991-1993, perijodu li jista’ jiġi interpretat bħala li jikkoinċidi mas-snin agrikoli 1990/1991, 1991/1992 u 1992/1993. Għalhekk, l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sempliċi finanzjament mill-ġdid għall-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91, peress li d-dispożizzjoni l-ġdida tikkonċerna l-perijodu ta’ tliet snin 1995-1997 u s-snin agrikoli 1993/1994, 1994/1995 u 1995/1996, jiġifieri perijodi wara dawk koperti mid-dispożizzjoni preċedenti.

63      Konsegwentement, l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 jikkostitwixxi għajnuna ġdida u, b’mod iktar preċiż, għajnuna ġdida b’effetti retroattivi u mhux finanzjament ġdid ta’ skema ta’ għajnuna. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li r-referenza għas-sentenza Italgrani tal-5 ta’ Ottubru 1994 hija irrilevanti, u b’hekk hija ma tistax tiġi akkużata bl-iċken ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ssostni li l-Premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata tesponi, b’mod eżawrjenti u konklużiv, ir-raġunijiet li għalihom il-miżuri eżaminati għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

64      Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi sostnut li l-għajnuna in kwistjoni ma ġietx innotifikata mill-awtoritajiet Taljani fl-ambitu tal-kooperazzjoni permanenti tal-Kummissjoni ma’ l-Istati Membri mwaqqfa mill-Artikolu 88(1) KE, li jirreferi għall-każ ta’ għajnuna eżistenti, iżda ġiet innotifikata taħt l-Artikolu 88(3) KE, li jikkonċerna għajnuna ġdida. L-ittra tat-8 ta’ Awwissu 1995 ta’ l-awtoritajiet Taljani, li tinnotifika lill-Kummissjoni bl-abbozz tal-Liġi Reġjonali li sussegwentement sar il-Liġi Reġjonali Nru 68/95, tirreferi espressament għall-Artikolu 88(3) KE u ma fiha ebda referenza għall-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 jew għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 1992 li approvat l-għajnuna stabbilita minn din id-dispożizzjoni.

65      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha a priori raġun li tibda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni fil-qafas ta’ l-iskema applikabbli għall-għajnuna l-ġdida.

66      Madankollu, il-klassifikazzjoni ta’ l-għajnuna tirrifletti sitwazzjoni oġġettiva li hija indipendenti mill-evalwazzjoni magħmula meta saret in-notifika ta’ l-għajnuna jew fl-istadju tal-bidu tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 88(2) KE, u għalhekk jeħtieġ li jiġu eżaminati d-diversi lmenti invokati mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

67      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-evalwazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 inkwantu għajnuna ġdida u mhux inkwantu finanzjament mill-ġdid ta’ l-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91, preċedentement approvata mill-Kummissjoni, tikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 88(1) KE.

68      Jeħtieġ li mill-bidu jiġi osservat li l-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81/95 u l-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33/96 jirreferu espressament għall-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91, billi jirreferu għall-għanijiet ta’ dan l-artikolu. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ma jagħmel ebda referenza għall-Artikolu 48.

69      Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 jikkonċerna perijodu differenti minn dak li ġie eżaminat fil-kuntest ta’ l-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91. Skond l-Artikolu 6(1) u (6) tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95, l-għajnuna stabbilita tikkonċerna s-“snin 1995-1997” u l-“perijodu 1995-1997”, filwaqt li skond l-Artikolu 48(1) u (6) tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 l-għajnuna awtorizzata mid-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 1992 tirrigwarda s-“snin 1991 sa 1993” u l-“perijodu 1991-1993”.

70      Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-iskema ta’ għajnuna prevista għas-snin 1995-1997 fil-qafas tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna li tikkonċerna perijodu differenti, jiġifieri s-snin 1991-1993.

71      Ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrent fir-rigward ta’ dan il-punt ma jista’ jimmina din il-konklużjoni.

72      L-argument li r-referenzi għas-“snin 1991 sa 1993” u għall-“perijodu 1991-1993” li jinsabu fl-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 kienu sempliċement intiżi sabiex jispeċifikaw li l-krediti mogħtija b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu setgħu jintużaw matul is-snin 1991, 1992 u 1993 u għalhekk ma setgħux jiġu interpretati bħala referenza għas-snin agrikoli li jikkorrispondu għal dawn it-tliet snin, ma għandu ebda effett fuq din l-analiżi. Fil-fatt, anki kieku l-perijodu ta’ tliet snin 1991-1993 imsemmi fl-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 ma kienx jirrigwarda s-snin agrikoli li jikkorrispondu għal dawn is-snin, dan ma kienx ikun biżżejjed sabiex l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ikun ikkunsidrat sempliċiment bħala miżura ta’ finanzjament mill-ġdid ta’ dispożizzjonijiet approvati preċedentement, peress li l-perijodu li ssir referenza għalih fl-Artikolu 48 huwa differenti mill-perijodu ta’ tliet snin 1995-1997 previst fl-Artikolu 6 u eżaminat mid-deċiżjoni kkontestata.

73      Bl-istess mod, ma hemm ebda bażi għall-allegazzjoni tar-rikorrent li jekk l-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 ma jistabbilixxi ebda limitu ta’ żmien għas-snin agrikoli li għalihom jista’ jingħata s-self issussidjat, is-snin agrikoli li għalihom l-operaturi kkonċernati jistgħu jirċievu s-self ipprovdut fil-qafas ta’ din l-iskema [jiġifieri 30 miljun lira Taljani (ITL)] ma jistgħux, għaldaqstant, ikunu limitati fiż-żmien, u b’hekk l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 sempliċement jiffinanzja mill-ġdid din l-iskema għas-snin agrikoli 1993/1994, 1994/1995 u 1995/1996 (għall-ammont ta’ ITL 15-il miljun). Fil-fatt, id-differenza li teżisti bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija fundamentali, peress li l-ewwel waħda tawtorizza l-għajnuna “għas-snin 1991 sa 1993” biss (ara l-Artikolu 48(1) tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91), filwaqt li t-tieni waħda tagħmel dan biss “għas-snin 1995-1997” (ara l-Artikolu 6(1) tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95). Kull proroga tal-perijodu 1991 sa 1993 tirrikjedi notifika ġdida fis-sens ta’ l-Artikolu 88(3) KE, kif sar mill-awtoritajiet Taljani, li jfisser ukoll li jsir eżami ġdid ta’ l-għajnuna.

74      Fir-rigward ta’ l-argument li l-allegat finanzjament mill-ġdid li sar taħt l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ma kien fih ebda differenza minn dawk li saru taħt l-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81/95 u l-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33/96, li kienu approvati mill-Kummissjoni, jeħtieġ li jingħad li d-deċiżjoni kkontestata tispjega r-raġunijiet li għalihom għandha ssir distinzjoni bejn dawn il-miżuri, peress li l-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81/95 u l-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33/96 jirreferu għall-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 u huma intiżi sabiex jiffinanzjaw il-miżuri stabbiliti għas-“sena agrikola” 1992/1993 matul is-snin finanzjarji 1995 u 1996 [ara l-Premessa 52(b) tad-deċiżjoni kkontestata], filwaqt li l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ma kienx isemmi l-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 u kien intiż sabiex jiffinanzja l-miżuri stabbiliti għas-snin agrikoli 1993/1994, 1994/1995 u 1995/1996 [ara l-Premessa 52(d) u l-aħħar parti tad-deċiżjoni kkontestata].

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment marbut mal-ksur ta’ l-Artikolu 88(1) KE għandu jiġi miċħud.

76      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li, billi ddeċidiet li l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 kien għajnuna ġdida, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

77      Dwar dan il-punt huwa jinvoka s-sentenza Italgrani tal-5 ta’ Ottubru 1994, li tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita meta jkun allegat li l-għajnuna eżaminata tkun taqa’ taħt il-qafas ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata preċedentement. Fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega, fil-fatt, li:

“Meta l-Kummissjoni jkollha quddiemha għajnuna speċifika allegatament mogħtija b’applikazzjoni ta’ skema awtorizzata preċedentement, il-Kummissjoni ma tistax mill-ewwel teżaminaha fid-dawl tat-Trattat. Qabel ma tibda kwalunkwe proċedura, il-Kummissjoni għandha l-ewwel teżamina jekk l-għajnuna tkunx koperta minn skema ġenerali u jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni tagħha. Jekk ma timxix b’dan il-mod, il-Kummissjoni tista’, meta teżamina għajnuna speċifika, tmur lura fuq id-deċiżjoni tagħha ta’ approvazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna, li tkun diġà involviet eżami fid-dawl ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat [li sar l-Artikolu 87 KE]. Dan jikkomprometti l-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kemm fir-rigward ta’ l-istati Membri kif ukoll fir-rigward ta’ l-operaturi ekonomiċi, peress li l-għajnuna individwali li tkun strettament konformi mad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna tkun tista’, f’kull mument, tiġi kkontestata mill-Kummissjoni.”

78      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi invokata b’suċċess f’din il-kawża, peress li kien biss bħala risposta għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 1998 li tibda l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 88(2) KE, li l-awtoritajiet Taljani sostnew, għall-ewwel darba, li l-għajnuna in kwistjoni kienet tikkostitwixxi l-finanzjament mill-ġdid ta’ għajnuna awtorizzata preċedentement (ara l-ittri ta’ l-awtoritajiet Taljani lill-Kummissjoni tal-30 ta’ Ġunju u tad-19 ta’ Novembru 1998). Qabel id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni, dawn l-awtoritajiet kienu huma stess li kkunsidraw li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt il-qafas ta’ l-iskema applikabbli għall-għajnuna l-ġdida billi nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżura in kwistjoni skond l-Artikolu 88(3) KE.

79      Barra minn hekk, meta fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Jannar 1997, il-Kummissjoni awtorizzat il-finanzjament mill-ġdid għall-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91 għas-sena agrikola 1992/1993 fil-kuntest tal-miżuri stabbiliti mill-Artikolu 7 tal-Liġi Reġjonali Nru 81/95 u mill-Artikolu 20 tal-Liġi Reġjonali Nru 33/96, hija ħadet ħsieb li tavża lill-awtoritajiet Taljan li l-approvazzjoni ta’ dan il-finanzjament mill-ġdid kien mingħajr ħsara għall-eżami li kien għaddej ta’ l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 [ara l-Premessa 52(c) tad-deċiżjoni kkontestata].

80      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment marbut mal-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud.

81      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li, billi ddeċidiet li l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 kienet għajnuna ġdida, il-Kummissjoni kisret il-forom proċedurali sostanzjali u ma wettqitx l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit mill-Artikolu 253 KE.

82      Dwar dan il-punt, jeħtieġ li jiġi osservat li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata skond l-Artikolu 88(2) KE wara notifika li saret mill-awtoritajiet Taljani skond l-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni ma kisritx il-forom proċedurali sostanzjali f’din il-kawża, peress li l-Premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata tispjega, b’mod suffiċjenti skond il-liġi, ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ma setax jitqies bħala finanzjament mill-ġdid għall-Artikolu 48 tal-Liġi Reġjonali Nru 32/91, bil-mod kif fehmuh l-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti marbuta mal-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u man-nuqqas ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

84      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi kompletament miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tempus regit actum u abbuż ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

85      Ir-rikorrent jilmenta li d-deċiżjoni kkontestata ma tiddikjarax l-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 kompatibbli mar-regoli applikabbli għas-self għall-operat mogħti fil-qasam ta’ l-agrikoltura.

86      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tempus regit actum u l-prinċipju ta’ nonretroattività ta’ atti amministrattivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, C-325/91, Ġabra p. I-3283, u tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125) billi applikat l-avviż dwar is-self għall-operat – adottat meta l-proċedura formali ta’ investigazzjoni kienet għadha għaddejja – għall-iskema ta’ għajnuna stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/1995, li kien sar qabel din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, diversi drabi waqt il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kkunsidrat li tapplika d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar is-self għall-operat. Fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Ottubru 1995 lir-Rappreżentanza Permanenti ta’ l-italja, li fiha talbet għal iktar dettalji dwar is-sena agrikola 1995/1996, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Taljani sabiex jikkonfermaw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-abbozz ta’ l-avviż dwar is-self għall-operat mehmuż, bħala anness, kienu rrispettati. Bl-istess mod, fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Jannar 1997 lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Taljan, il-Kummissjoni qieset li l-avviż dwar is-self għall-operat kien applikabbli “peress li kienet skema ġdida li tibqa’ fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar 1996”.

87      Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-awtoritajiet Taljani ġew żgwidati mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, peress li dawn kienu konvinti li ma kellhomx jikkonċentraw fuq in-natura ta’ l-għajnuna (peress li kien jidher stabbilit li dan kien self għall-operat), iżda pjuttost fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex wieħed jibbenefika mill-għajnuna kinux sodisfatti, jiġifieri dawk li kienu jiġu applikati qabel l-avviż dwar is-self għall-operat (hekk kien il-każ, skond ir-rikorrent). Aġir bħal dan jikkostitwixxi abbuż ta’ poter.

88      Insostenn ta’ l-argumenti tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti mill-avviż dwar is-self għall-operat meta evalwat il-miżuri in kwistjoni, kif jidher mir-referenza magħmula għan-natura “staġonali” tas-self fil-Premessa 54(c) tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, ir-rikorrent jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li n-natura staġonali ta’ l-għajnuna hija kundizzjoni li, fil-prattika, kienet diġà meħtieġa qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda ddefiniti mill-avviż dwar is-self għall-operat, billi jirreferi għat-test stess ta’ dan l-avviż, b’mod partikolari, għall-ħames paragrafu tiegħu li kien jindika b’mod ċar li ż-żewġ kundizzjonijiet applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu kienu, l-ewwel, li s-self seta’ jkun għal massimu ta’ sena u t-tieni, li l-għajnuna ma setgħetx tkun limitata għal prodott wieħed biss u għal tranżazzjoni waħda biss, mingħajr ma kien isemmi n-natura staġonali. Fil-verità, kien l-avviż dwar is-self għall-operat li, fis-seba’ paragrafu, daħħal il-kundizzjoni dwar in-natura staġonali tas-self abbażi tar-regoli l-ġodda applikabbli fil-futur, bil-għan li l-operatur agrikolu jkun jista’ jantiċipa l-ispejjeż marbuta maċ-ċiklu tal-produzzjoni qabel ma jirċievi l-qligħ li jirriżulta mill-bejgħ.

89      Ir-rikorrent isostni li ż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa mill-prassi preċedenti tal-Kummissjoni kienu sodisfatti (is-self kien għal massimu ta’ sena u l-għajnuna kienet tapplika għall-frott u l-ħaxix kollu, inkluż il-frott taċ-ċitru), kif huwa rikonoxxut mid-deċiżjoni kkontestata fil-Premessa 54(c) [“anki jekk jiġi preżunt li s-self issussidjat ma ngħatax għal prodott wieħed biss (iżda għal żewġ kategoriji ta’ prodotti) jew ma kienx marbut ma’ tranżazzjoni waħda biss (iżda prinċipalment ma’ tranżazzjoni waħda, l-esportazzjoni) u li s-self ma kienx għal iktar minn tnax-il xahar”].

90      Il-Kummissjoni tispeċifika, qabel xejn, li r-rikorrent jilmenta, essenzjalment, li hija applikat ir-regoli stabbiliti fl-avviż dwar is-self għall-operat b’mod żbaljat. Hija ssostni li tali argumenti ma għandhomx bażi fattwali, peress li l-ħames paragrafu tal-Premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata jindika li f’din il-kawża, ir-regoli rilevanti huma dawk li kienu applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-avviż dwar is-self għall-operat.

91      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-awtoritajiet Taljani ma ġewx żgwidati peress li l-Premessi 2.4 et seq tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni jistabbilixxu b’mod ċar li l-Kummissjoni aċċettat il-fehma tagħhom dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli, u jirreferu espressament għall-prassi preċedenti għall-avviż dwar is-self għall-operat.

92      Fl-aħħar lok, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent, il-Kummissjoni ssostni li n-natura staġonali ma tikkostitwixxix kundizzjoni ġdida stabbilita mill-avviż dwar is-self għall-operat, iżda hija intrinsikament marbuta mal-kunċett stess ta’ self għall-operat jew self għal sena agrikola; fil-fatt, dan huwa l-element essenzjali tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

93      Jeħtieġ li jiġu ddefiniti r-regoli applikabbli ratione temporis għall-miżura nnotifikata qabel ma jiġi eżaminat il-kontenut ta’ dawn ir-regoli u l-applikazzjoni tagħhom għal dan il-każ partikolari.

 1. Definizzjoni tar-regoli applikabbli ratione temporis

94      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, wara li għal xi żmien il-Kummissjoni kkunsidrat li tapplika r-regoli l-ġodda stabbiliti fl-avviż dwar is-self għall-operat (ara t-tielet paragrafu tal-Premessa 53), hija finalment iddeċidiet li ma tagħmilx dan u applikat sempliċement ir-regoli li jirriżultaw mill-prassi preċedenti tagħha (ara r-raba’ u l-ħames paragrafi tal-Premessa 53).

95      B’mod partikolari, il-ħames paragrafu tal-Premessa 53 jistabbilixxi espressament li, fid-dawl tal-fatt li l-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 tapplika għas-snin agrikoli 1993/1994, 1994/1995 u 1995/1996 u li l-avviż dwar is-self għall-operat, adottat sussegwentement, japplika biss għall-għajnuna li daħlet jew li baqgħet fis-seħħ wara t-30 ta’ Ġunju 1998, l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/1995 għandu jiġi eżaminat “fuq il-bażi ta’ kriterji applikabbli għas-self issussidjat u bi skadenza qasira qabel id-data tat-30 ta’ Ġunju 1998, li minnha l-avviż il-ġdid [dwar is-self għall-operat] isir applikabbli”. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma għamlet xejn ħlief irriproduċiet il-kontenut tal-kummenti ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani fl-ittra tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ara l-Premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

96      Konsegwentement, ir-rikorrent għandu żball li jilmenta li l-Kummissjoni analizzat il-kummenti ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani bi ksur tar-regoli applikabbli ratione temporis għas-self għall-operat billi applikat ir-regoli l-ġodda ddefiniti fl-avviż dwar is-self għall-operat jew li abbużat mill-poter tagħha fil-kuntest ta’ din l-analiżi.

 2. Il-kontenut tar-regoli applikabbli ratione temporis

97      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tar-regoli applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda ddefiniti fl-avviż dwar is-self għall-operat minħabba t-teħid in kunsiderazzjoni tan-natura staġonali ta’ l-għajnuna, kriterju li, fil-fehma tiegħu, ma kienx stabbilit fil-prassi preċedenti tal-Kummissjoni.

98      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li, qabel ma jiddefinixxi r-regoli l-ġodda applikabbli mit-30 ta’ Ġunju 1998, l-avviż dwar is-self għall-operat jistabbilixxi li għal diversi snin il-Kummissjoni kienet qegħda tapplika politika konsistenti li ma topponix għall-għajnuna ta’ l-istat mogħtija taħt forma ta’ self issussidjat u bi skadenza qasira fis-settur ta’ l-agrikoltura. B’hekk, dan l-avviż jispeċifika li “[l]-uniċi kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni għal din l-għajnuna huma dawn li ġejjin: is-self għandu jkun għal massimu ta’ sena u, b’mod kumulattiv, is-self ma għandux ikun limitat għal prodott wieħed biss u għal tranżazzjoni waħda biss”, filwaqt li jindika li “ma hemmx limitu fir-rigward ta’ l-intensità ta’ l-għajnuna u m’hemm l-ebda ostaklu, għal dak li jikkonċerna kull benefiċjarju, li dan is-self jiġi mġedded kull sena” (il-ħames paragrafu ta’ l-avviż dwar is-self għall-operat).

99      Madankollu, u kuntrarjament għall-allegazzjoni tar-rikorrent, definizzjoni bħal din ma tistax tinjora n-natura staġonali ta’ l-għajnuna in kwistjoni, peress li tali natura hija intrinsika għad-definizzjoni stess tas-self għall-operat, li tirreferi neċessarjament għall-kunċett ta’ “krediti staġonali”, jiġifieri self intiż li jkopri ħlas bil-quddiem mill-operatur ta’ spejjeż marbuta maċ-ċiklu tal-produzzjoni agrikola sakemm jirċievi l-qligħ mill-istess ċiklu (ara l-aħħar parti tal-Premessa 2.8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 1998 li tinbeda l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 88(2) KE).

100    In-natura staġonali tas-self għall-operat tirriżulta mid-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Il-Politika tal-Kompetizzjoni fl-Agrikoltura”, li s-Sbatax-il Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tiegħu jispeċifika li dan jiddeskrivi l-linji ġenerali segwiti mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-agrikoltura, li għaldaqstant joħloq qafas ta’ referenza magħruf mill-Istati Membri, mill-korpi pubbliċi u mill-operaturi kkonċernati. Skond dan id-dokument, l-għajnuna mogħtija taħt forma ta’ self għall-operat hija kkunsidrata bħala inkompatibbli mas-suq komuni meta dan is-self “[j]ingħata għal żmien itwal mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni (12-il xahar) għal prodott wieħed biss u għal tranżazzjoni waħda biss” (a contrario, l-għajnuna li tissodisfa dawn iż-żewġ kriterji hija kkunsidrata bħala komptabbli mas-suq komuni). Id-dokument ikompli billi jispjega li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija “motivata mill-fatt li l-produzzjoni agrikola, li min-natura tagħha hija ċiklika, teħtieġ li tiġi ffinanzjata skond metodi speċifiċi”.

101    Bl-istess mod, in-natura staġonali tal-miżura in kwistjoni hija msemmija fis-seba’ paragrafu ta’ l-avviż dwar is-self għall-operat, fil-parti li tispjega l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni wara rieżami ta’ dik il-prassi, fejn jingħad li “l-agrikoltura fil-Komunità tista’, għal raġunijiet inerenti għan-natura ta’ dan is-settur u ta’ dawk l-attivitajiet relatati miegħu, b’mod partikolari, in-natura staġonali tal-produzzjoni u ta’ l-istruttura ta’ l-istabbilimenti agrikoli, tkun relattivament żvantaġġata meta mqabbla ma’ setturi oħra ta’ l-ekonomija, kemm fir-rigward tal-bżonnijiet ta’ self bi skadenza qasira kif ukoll fir-rigward tal-possibbiltà ta’ finanzjament”.

102    Huwa għaldaqstant il-bżonn li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ finanzjament marbuta man-natura staġonali tal-produzzjoni agrikola li jiġġustifika ż-żewġ kriterji stabbiliti sabiex tkun tista’ tiġi ddefinita l-kompatibbiltà tas-self għall-operat mar-regoli tat-Trattat, u l-evalwazzjoni ta’ miżuri bħal dawn ma tistax issir mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni tali natura.

103    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li d-definizzjoni tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi li “[i]r-regoli applikabbli għas-self issussidjat u bi skadenza qasira fl-agrikoltura, fis-seħħ fiż-żmien tan-notifika, kienu jipprojbixxu l-għoti ta’ self għal prodott wieħed biss jew għal tranżazzjoni waħda biss u kienu jillimitaw it-tul massimu tiegħu għal tnax-il xahar”, hija kkompletata mill-ewwel paragrafu tal-Premessa 54 li jirreferi mhux biss għaż-żewġ kriterji msemmija iktar ’il fuq, iżda wkoll għan-natura staġonali tal-miżura in kwistjoni, billi jipprovdi li l-kriterji applikabbli għall-miżura nnotifikata qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda ddefiniti mill-avviż dwar is-self għall-operat huma dawn li ġejjin: “is-self għandu jkun ta’ natura ‘staġonali’, intiż sabiex ikopri l-ispejjeż ġenerali (xiri ta’ materja prima, pagi tal-ħaddiema, eċċ.), is-self ma għandux ikun marbut ma’ prodott wieħed biss jew ma’ tranżazzjoni waħda biss u ma għandux ikun għal iktar minn tnax-il xahar”.

104    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jistax ikun sorpriż mill-użu tan-natura staġonali ta’ l-għajnuna, li hija msemmija espressament fil-Premessa 2.5 tad-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 88(2) KE peress li “il-kriterji applikati mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ self għall-operat qabel l-adozzjoni tal-linji gwida ppubblikati fil-ĠU C 44 tal-14 ta’ Frar 1996 [l-avviż dwar is-self għall-operat]” u li l-Premessa 2.6 tagħhom tippreċiża li kienu jeżistu dubji “dwar il-possibbiltà li l-għajnuna in kwistjoni tiġi kkunsidrata veru bħala self għall-operat (fis-sens ta’ ‘krediti staġonali’).”

105    Konsegwentement, ma jistax ikun hemm oġġezzjoni għall-analiżi li saret mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kummenti ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura nnotifikata bħala self għall-operat abbażi tan-natura staġonali tagħha.

 3. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għall-każ ineżami

106    Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tar-regoli applikabbli għas-self għall-operat, huwa biżżejjed li jingħad li r-rikorrent ma jinnegax li l-għajnuna in kwistjoni mhijiex ta’ natura staġonali, iżda sempliċement isostni, b’mod żbaljat, li l-bżonn li jkollha natura bħal din kien stabbilit biss mid-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda ddefiniti mill-avviż dwar is-self għall-operat.

107    B’mod partikolari, mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrent jagħraf li l-għajnuna in kwistjoni mhijiex ta’ natura staġonali (“ma hemm ebda dubju li l-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/1995 […] tapplika favur operaturi ekonomiċi u li, konsegwentement, hija tkun teżisti wara li l-agrikoltur ikun sostna l-ispejjeż tal-produzzjoni”).

108    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jinnegax li l-kriterju li jirrigwarda t-tul tas-self (li jista’ jkun għal terminu massimu ta’ tnax-il xahar anki jekk is-self jista’ jiġġedded kull sena) ma kienx sodisfatt f’din il-kawża peress li t-tul ta’ żmien għall-ħlas lura tad-dejn kien ta’ sitta u tletin xahar (jew, b’mod iktar korrett, ta’ “terminu medju […] ħafna inqas minn sitta u tletin xahar”, u ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun għal “terminu itwal minn tnax-il xahar”) (ara l-Premessa 54(b) tad-deċiżjoni kkontestata, u b’referenza, il-Premessa 32).

109    Għaldaqstant, ma jistax ikun hemm oġġezzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni qieset li f’din il-kawża s-self għall-operat mhuwiex ta’ natura staġonali.

110    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 87 KE, abbuż ta’ poter u l-ksur ta’ l-Artikolu 253 KE

111    Dan il-motiv jinkludi tliet tipi ta’ argumenti: dawk relatati mal-kunċett ta’ għajnuna għall-esportazzjoni, dawk li jikkonċernaw il-kunċett ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ l-impriżi f’diffikultà kif ukoll il-kunċett ta’ għajnuna għall-impjieg, u dawk li jipprovdu għall-kunċett ta’ għajnuna għall-operat mogħtija sabiex jiġu aġġustati d-djun li jkunu saru fil-passat.

 1. Fuq l-ilmenti dwar il-kunċett ta’ għajnuna għall-esportazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

112    Ir-rikorrent jilmenta li d-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li l-għajnuna in kwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna għall-esportazzjoni”. Skond ir-rikorrent, il-Kummissjoni ma waslitx għal din il-konklużjoni billi eżaminat l-għajnuna in kwistjoni fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 87 KE, iżda billi użat sistema ta’ eliminazzjoni, abbażi ta’ kriterju residwu mingħajr ebda bażi fil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tiġġustifika l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna għall-esportazzjoni” minħabba n-nuqqas ta’ provi miġjuba mill-awtoritajiet Taljani għal dak li jikkonċerna l-effett ta’ l-esportazzjoni barra mill-Italja fuq l-esportazzjoni barra minn Sqallija. Billi għamlet dan, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87 KE u abbużat mill-poter tagħha, peress li hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-għajnuna in kwistjoni toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

113    Dan l-aġir huwa rifless ukoll fil-motivazzjoni tagħha. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-prinċipju li, deċiżjoni li ma jkunx fiha informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fis-suq, l-ishma fis-suq ta’ l-impriża li tibbenefika mill-għajnuna, ir-relazzjonijiet ta’ kummerċ li jikkonċernaw il-prodotti in kwistjoni bejn l-Istati Membri u l-esportazzjonijiet mill-benefiċjarji ta’ l-għajnuna, ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi ta’ motivazzjoni (sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, u CIRFS et vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq). Dwar dan il-punt, ir-rikorrent isostni li l-informazzjoni indikata fil-Premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda l-esportazzjoni ta’ frott u ta’ ħaxix Taljan, inkluż il-frott taċ-ċitru, ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-perċentwali ta’ prodotti li ġejjin mir-reġjun ta’ Sqallija, b’mod li l-allegat effett ta’ l-għajnuna mill-Istat fuq il-kummerċ Komunitarju huwa ddeterminat abbażi tan-“nuqqas ta’ informazzjoni”, sakemm l-awtoritajiet Taljani jġibu prova kuntrarja.

114    Il-Kummissjoni ssostni li, anki kieku l-ilmenti tar-rikorrent kienu fondati, huma ma setgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li jirreferu għal silta mill-parti tal-motivi li, kif indikat b’mod espliċitu fid-deċiżjoni stess, ma għandha ebda effett fuq id-dispożittiv (ara l-Premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

115    L-argumenti tar-rikorrent, li d-deċiżjoni kkontestata waslet għall-konklużjoni li l-għajnuna in kwistjoni kellha tkun ikklassifikata bħala għajnuna għall-esportazzjoni, ma għandhiex bażi fattwali peress li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta espressament li, għalkemm tali klassifikazzjoni kienet prevista inizjalment, finalment ġiet abbandunata.

116    Fil-fatt, il-Premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li, b’risposta għall-kummenti ta’ l-awtoritajiet Taljani li jikkontestaw il-fatt li l-miżura nnotifikata setgħet tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li “il-bejgħ barra mit-territorju reġjonali jista’ ma jfissirx neċessarjament u esklużivament l-esportazzjoni barra mit-territorju Taljan, u li, konsegwentement, ma kinitx ser tkompli fuq dawn il-linji fl-eżami tagħha ta’ l-għajnuna taħt din id-deċiżjoni”.

117    Huwa minnu li wara li tispeċifika li l-għajnuna ma kinitx ser tiġi iktar ikklassifikata bħala għajnuna għall-esportazzjoni, l-istess Premessa 55 tkompli billi tipprovdi li: “Madankollu, peress li jidher li l-metodu ta’ kalkolu ta’ l-għajnuna (ara l-Premessa 23), kif osservat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tirrigwarda l-bidu ta’ l-investigazzjoni, jikkorrispondi għall-metodu ta’ kalkolu ta’ għajnuna għall-esportazzjoni, u peress li l-awtoritajiet nazzjonali bbażaw il-kummenti tagħhom fuq interpretazzjoni litterali ta’ l-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95, mingħajr ma taw prova dokumentata dwar, pereżempju, l-esportazzjonijiet barra mit-territorju reġjonali lejn l-Italja jew barra mill-Italja, il-Kummissjoni ma tistax teskludi l-fatt li l-għajnuna hija wkoll għajnuna għall-esportazzjoni.” Madankollu, kumment bħal dan, li kull ma jagħmel huwa li jesponi l-ovvju – il-fatt li l-Kummissjoni ma tkomplix l-investigazzjoni tagħha ma jfissirx li eventwalment l-għajnuna ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-esportazzjoni jekk ikun hemm prova ta’ dan –, bl-ebda mod ma jippermetti li jiġi konkluż, kif għamel ir-rikorrent, li d-deċiżjoni kkontestata tasal għall-konklużjoni li l-għajnuna in kwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-esportazzjoni.

118    Konsegwentement, l-ilmenti li jirrigwardaw il-kunċett ta’ għajnuna għall-esportazzjoni għandhom jiġu miċħuda mingħajr ebda kunsiderazzjoni ulterjuri peress li l-Kummissjoni rrinunzjat espressament milli tkompli bi klassifikazzjoni bħal din fid-deċiżjoni kkontestata.

 2. Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw il-kunċett ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ l-impriżi f’diffikultà u l-kunċett ta’ għajnuna għall-impjieg

–       L-argumenti tal-partijiet

119    Ir-rikorrent isostni li r-referenzi li jsiru mid-deċiżjoni kkontestata għall-kunċett ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà u l-kunċett ta’ għajnuna għall-impjieg huma irrilevanti. L-awtoritajiet Taljani qatt ma sostnew li l-għajnuna in kwistjoni setgħet tiġi kklassifikata b’mod differenti milli bħala self issussidjat u bi skadenza qasira fis-settur agrikolu (“self għall-operat”), u ma kellhomx bżonn iressqu provi li jindikaw li l-għajnuna kienet ta’ natura differenti. B’mod partikolari, ir-referenza li ssir mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 għaż-żamma tal-livelli ta’ impjieg ma tistax tagħti lill-għajnuna in kwistjoni n-natura ta’ għajnuna għall-impjieg, iżda tiġġustifika l-importanza ta’ l-għajnuna fuq il-pjan soċjali.

120    Il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex żbalji f’dan ir-rigward, peress li hija teskludi l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni fid-dawl tar-regoli applikabbli għall-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà u għall-għajnuna għall-impjieg.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

121    Jeħtieġ li jingħad li l-argumenti ppreżentati mir-rikorrent dwar dan il-punt huma irrilevanti, peress li huwa jsostni sempliċement li r-referenzi għall-kunċett ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà u għall-kunċett ta’ għajnuna għall-impjieg huma kompletament irrilevanti, konklużjoni li preċiżament tasal għaliha wkoll id-deċiżjoni kkontestata.

122    B’hekk, għalkemm il-Premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-awtoritajiet Taljani ma rreferewx għall-possibbiltà li l-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/1995 tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà applikabbli f’dak il-qasam (ĠU C 283, tad-19 ta’ Settembru 1997, p. 2) u tirreferi għall-kontenut ta’ dawn il-kundizzjonijiet, hija tikkonkludi li l-“awtoritajiet nazzjonali ma ġabu ebda prova li l-miżura in kwistjoni hija konformi mal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, u ebda prova f’dan ir-rigward ma tirriżulta mill-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Taljani”.

123    Bl-istess mod, għalkemm il-Premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata tosserva li l-kummenti magħmula mill-awtoritajiet Taljani “jirreferu vagament” għal rabta li teżisti bejn il-miżura u ż-żamma tal-livell ta’ l-impjieg, hija tistabbilixxi immedjatament li ma tressqet ebda prova għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna in kwistjoni tirrispettax l-ispirtu u l-kelma tal-linji gwida dwar l-għajnuna għall-impjieg (ĠU C 334, tat-12 ta’ Diċembru 1995, p. 4). B’mod partikolari, id-deċiżjoni tindika li għalkemm l-Artikolu 6(4) tal-Liġi Reġjonali Nru 68/95 jipprovdi għar-revoka u l-irkupru ta’ l-għajnuna fil-każ li l-benefiċjarji ma josservawx l-obbligu tagħhom li jżommu l-livell ta’ l-impjieg, jidher li l-imsemmija għajnuna ma tirrispettax il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna għall-impjieg, peress li mhijiex ippreżentata u lanqas hija intiża speċifikatament bħala għajnuna għall-protezzjoni ta’ l-impjieg, l-ammont tagħha mhuwiex relatat man-numru ta’ ħaddiema u l-forma tagħha ma għandha ebda relazzjoni ma’ l-ispejjeż tal-pagi. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tikkonkludi li, anki jekk l-għajnuna in kwistjoni tista’ tikkontribwixxi b’mod indirett għaż-żamma ta’ l-impjieg, kif inhu l-każ għal ħafna iktar kategoriji ta’ għajnuna, hija xorta ma tistax titqies bħala għajnuna għall-impjieg skond il-linji gwida applikabbli f’dak il-qasam.

124    Konsegwentement, l-ilmenti dwar il-kunċett ta’ għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà u l-kunċett ta’ għajnuna għall-impjieg, għandhom jiġu miċħuda.

 3. Fuq l-ilment dwar il-kunċett ta’ għajnuna għall-operat mogħtija sabiex jiġu aġġustati d-djun li jkunu saru fil-passat

–       L-argumenti tal-partijiet

125    Ir-rikorrent jikkritika d-dikjarazzjoni fil-Premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikklassifika l-għajnuna in kwistjoni bħala “għajnuna għall-operat, mogħtija sabiex jiġu aġġustati d-djun li jkunu saru fil-passat” mingħajr ma teżamina l-ġustifikazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani għal dak li jikkonċerna l-fatt li r-rati ta’ mgħax applikati mill-banek fi Sqallija huma kemm xejn ogħla minn dawk applikati fil-bqija ta’ l-italja. Huwa josserva wkoll li billi kklassifikat l-għajnuna in kwistjoni bħala għajnuna għall-operat, inkompatibbli mar-regoli tas-suq komuni, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-kwistjoni dwar jekk din l-għajnuna tistax tiġi kklassifikata bħala “għajnuna għall-esportazzjoni” – klassifikazzjoni li, kieku kienet magħrufa fi żmien xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali u, minkejja li l-bażi tagħha ma kinitx korretta, fi kwalunkwe każ, kienet tippermetti li l-għajnuna in kwistjoni tibbenefika mid-derogi stabbiliti mill-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma tipprovax tiġġustifika, bi kwalunkwe mod possibbli, l-għajnuna għall-operat, u b’hekk id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

126    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti billi tfakkar li l-għajnuna in kwistjoni ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mogħtija sabiex jiġu aġġustati d-djun li jkunu saru fil-passat mill-awtoritajiet Taljani stess. Barra minn hekk, hija ssostni li qatt ma kien hemm dubji dwar in-natura tagħha ta’ għajnuna għall-operat u r-raġuni għall-klassifikazzjoni hija mogħtija adegwatament fil-Premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li miżura bħal din ma tistax, f’dan il-każ, tibbenefika minn awtorizzazzjoni inkwantu self għall-operat, peress li l-eżistenza ta’ rata ta’ mgħax differenti bejn Sqallija u l-bqija ta’ l-italja mhijiex rilevanti f’dan ir-rigward għaliex dan il-parametru mhuwiex meħtieġ mir-regoli applikabbli għall-imsemmi self għall-operat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

127    Skond il-Premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 6 tal-Liġi Reġjonali Nru 68/1995, “li manifestament mhijiex għajnuna favur investimenti, la tidher li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għas-self issussidjat u bi skadenza qasira, la l-kundizzjonijiet fir-rigward tas-salvataġġ jew tar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà, la dawk li jirrigwardaw l-għajnuna għall-impjieg, u lanqas ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ deroga stabbiliti minn bażijiet legali oħra”, tidher li hija “sempliċi għajnuna għall-operat, mogħtija sabiex jiġu aġġustati d-djun li jkunu saru fil-passat, u li l-effett tagħhom jispiċċa meta ma tibqax titħallas l-għajnuna”.

128    Fil-Premessa 60, id-deċiżjoni kkontestata tfakkar li fil-qasam ta’ l-agrikoltura l-prassi kostanti tal-Kummissjoni kienet li tipprojbixxi l-għoti ta’ għajnuna għall-operat fir-reġjuni kollha, anki dawk li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(3)(a) KE, peress li din l-għajnuna, inkwantu tali, hija ta’ natura li tinterferixxi mal-mekkaniżmi ta’ l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq li għandhom prijorità fuq ir-regoli tal-kompetizzjoni ddefiniti mit-Trattat.

129    Wara din l-ispjegazzjoni, fil-Premessa 61, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li, peress li “il-kummenti ta’ l-awtoritajiet Taljani jikkonfermaw li l-għan tal-miżura in kwistjoni huwa li ttaffi l-piż tad-dejn tal-benefiċjarji, u li ma hemm ebda korrispettiv li jitqies bħala li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti reġjuni”, din il-miżura ma tista’ tibbenefika minn ebda deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE, u għalhekk, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

130    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna għall-operat, jiġifieri l-għajnuna li hija intiża sabiex teħles lil impriża mill-ispejjeż li normalment ikollha ssostni fl-ambitu ta’ l-operat dejjiemi jew ta’ l-attivitajiet normali tagħha, ma taqax, bħala prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(3) KE. Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, tali għajnuna, bħala regola, toħloq distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-setturi fejn tingħata mingħajr, madankollu, ma tista’, min-natura tagħha stess, tilħaq wieħed mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet derogatorji stabbiliti mit-Trattat KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 1990, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-86/89, Ġabra p. I-3891, punt 18, u tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 50; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punt 48).

131    F’din il-kawża, ir-rikorrent ma jressaq ebda prova li tikkontradixxi l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-fatt li għajnuna tingħata sabiex jiġu aġġustati d-djun li jkunu saru fil-passat billi jittaffa l-piż tad-dejn għall-benefiċjarji tagħha, jikkostitwixxi għajnuna għall-operat inkompatibbli mar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ rati ta’ mgħax differenti bejn Sqallija u l-bqija ta’ l-italja mhijiex ġustifikazzjoni li tista’ tirrendi għajnuna bħal din kompatibbli mar-regoli msemmija iktar ’il fuq, peress li l-Artikolu 87(3) KE ma jipprovdix għal din it-tip ta’ deroga.

132    Konsegwentement, l-ilment dwar il-kunċett ta’ għajnuna għall-operat mogħtija sabiex jiġu aġġustati d-djun li jkunu saru fil-passat, għandu jiġi miċħud.

133    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-forom proċedurali sostanzjali u fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli sabiex jiġu kompluti l-proċeduri stabbiliti mill-Artikolu 87 KE

 L-argumenti tal-partijiet

134    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni ma kkompletatx il-proċedura amministrattiva f’terminu raġonevoli, peress li l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ġiet innotifikata fit-8 ta’ Awwissu 1995 u peress li għaddew prattikament sentejn mid-deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 1998 li tinbeda l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 88(2) KE sad-deċiżjoni finali tat-22 ta’ Diċembru 1999.

135    Il-Kummissjoni tikkontesta tali argumenti billi ssostni, l-ewwel nett, li t-terminu ta’ 30 xahar li għadda bejn in-notifika ta’ l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-Liġi Reġjonali Nru 68/1995 u l-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni u t-terminu ta’ 22 xahar ta’ l-imsemmija proċedura formali ta’ investigazzjoni huma essenzjalment attribwibbli lill-awtoritajiet Taljani. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li t-terminu ta’ 22 xahar ma jistax jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv fid-dawl ta’ l-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, minn fejn jirriżulta li t-terminu ta’ 18-il xahar stabbilit minn din id-dispożizzjoni mhuwiex imperattiv u li terminu kemm xejn itwal minn dan huwa aċċettabbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

136    Huwa prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li l-Kummissjoni taġixxi f’terminu raġonevoli meta tadotta deċiżjoni wara proċeduri amministrattivi li jirrigwardaw il-politika tal-kompetizzjoni (ara, fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, Ġabra p. 1471, punt 4; tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni, 223/85, Ġabra p. 4617, punti 12 sa 17; fir-rigward ta’ ċaħda ta’ l-ilmenti, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p. I-1503, punti 37 u 38). In-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura amministrattiva bħal din għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, u b’mod partikolari, skond il-kuntest tiegħu, id-diversi stadji proċedurali li jkollha ssegwi l-Kummissjoni, il-kumplessità tal-każ kif ukoll l-importanza għad-diversi partijiet ikkonċernati (ara, fir-rigward tal-kompetizzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T-213/95 u T-18/96, Ġabra p. II-1739, punt 57).

137    Madankollu, f’din il-kawża, ir-rikorrent isostni sempliċement li l-iskema ta’ għajnuna stabbilita mil-Liġi Reġjonali Nru 68/95 ġiet innotifikata fit-8 ta’ Awwissu 1995, li d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni stabbilita mill-Artikolu 88(2) KE ttieħdet fit-13 ta’ Frar 1998, li d-deċiżjoni finali ngħatat fit-22 ta’ Diċembru 1999, u li dawn it-termini mhumiex raġonevoli, mingħajr ma ta ebda raġuni.

138    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li t-terminu ta’ tletin xahar bejn in-notifika ta’ l-iskema ta’ għajnuna u l-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni huwa essenzjalment attribwibbli lill-awtoritajiet Taljani, li rrispondew b’mod parzjali u inkomplut għat-talbiet tal-Kummissjoni għal iktar informazzjoni, kif indikat fil-Premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrent. Il-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal dan id-dewmien.

139    Fir-rigward tat-terminu ta’ erbgħa u għoxrin xahar bejn il-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni u d-deċiżjoni finali, mill-Artikolu 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999, li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1999, jirriżulta li “[i]l-Kummissjoni għandha tipprova kemm jista’ jkun tadotta deċiżjoni f’perjodu ta’ 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura”. Għaldaqstant, terminu ta’ erbgħa u għoxrin xahar ma jistax jitqies bħala irraġonevoli sempliċement minħabba l-fatt li jaqbeż dan it-terminu ta’ tmintax-il xahar li, għalkemm jikkostitwixxi għan li għandu jintlaħaq, mhuwiex terminu imperattiv. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jinnegax li l-perijodu, f’nofs il-proċedura formali ta’ investigazzjoni, li matulu ma sar prattikament xejn, kien attribwibbli lill-awtoritajiet Taljani li kienu ntalbu – mingħajr suċċess – li jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar il-possibbiltà li l-għajnuna tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-esportazzjoni.

140    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

141    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

142    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

García-Valdecasas

Lindh

Cooke

Meij

 

Legal

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-27 ta’ Novembru 2003.

H. Jung

 

      R. García-Valdecasas

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.