Language of document : ECLI:EU:T:2016:402

Kawża T-43/16

1&1 Telecom GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Iffirmar tar-rikors promotur – Artikoli 76 u 77 tar-Regoli tal-Proċedura – Ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Ġunju 2016

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Firma ta’ avukat – Regola sostantiva ta’ applikazzjoni stretta – Assenza ta’ firma – Inammissibbiltà – Impossibbiltà ta’ regolarizzazzjoni

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 19; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikoli 43, 51(4) u 78(5))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Nuqqas ta’ preżentata ta’ mandat ta’ avukat fl-istess ħin mal-preżentata tar-rikors promotur – Inammissibbiltà – Assenza – Regolarizzazzjoni – Eliġibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 76(b) u 78(5))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 22, 23)

2.      Il-preżentata ta’ rikors promotur permezz tal-applikazzjoni e-Curia bl-użu tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni u tal-password tal-aġent jew tal-avukat tar-rikorrenti tiswa daqs firma abbażi tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni e-Curia.

Il-kwalità ta’ rappreżentant tar-rikorrenti hija kkonfermata mill-fatt li l-parti msemmija ppreżentat mandat li jagħti s-setgħa ta’ rappreżentanza lill-avukat jew lill-aġent ikkonċernat. Il-fatt li dan il-mandat ma ġiex ippreżentat flimkien mar-rikors promotur ma huwiex tali li jbiddel din il-konstatazzjoni u lanqas li jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors imsemmi, peress li tali ommissjoni fil-preżentata tar-rikors tista’ tiġi rregolarizzata u ġiet irregolarizzata mir-rikorrenti fit-terminu mogħti abbażi tal-Artikolu 78(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Barra minn hekk, l-użu ta’ kont e-Curia mhux biss jiswa daqs firma, iżda, diversament minn sempliċi firma bl-idejn, jixhed ukoll awtomatikament fuq l-identità, il-kwalità u l-indirizz tal-firmatarju li jirrappreżenta lir-rikorrenti.

F’kull każ, is-sempliċi nuqqas ta’ tniżżil tal-indirizz tal-avukat inkwistjoni jew tal-fatt li huwa r-rappreżentant tar-rikorrenti fil-korp tar-rikors ma huwiex, minnu nnifsu, tali li jirrendi inammissibbli rikors validament iffirmat minn avukat tal-Unjoni inkarigat mir-rikorrenti, kemm jekk din il-firma tkun bl-idejn jew elettronika permezz ta’ e-Curia, u ppreżentata fit-terminu mogħti fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 25, 28-30)