Language of document : ECLI:EU:C:2008:323

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2008 1(1)

Kawża C‑295/07 P

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Département du Loiret

“Appell – Għajnuna mill-Istat − Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi lil Scott Paper – Prezz preferenzjali ta’ art u rata preferenzjali tal-levy tat-trattament tal-ilma sabiex jitwaqqaf stabbiliment ta’ manifattura tal-karta għal użu domestiku”





I –    Introduzzjoni

1.        Bis-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, kawża T‑369/00, Département du Loiret vs Il-Kummissjoni (2) (iktar ’il quddiem: is-“sentenza appellata”), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/14/KE tat-12 ta’ Lulju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur Scott Paper SA/Kimberly-Clark (3) (iktar ’il quddiem: id-“deċiżjoni kkontestata”).

2.        Bl-appell, li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja issa qed tintalab tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni qed titlob l-annullament tas-sentenza appellata.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

3.        Il-ġrajja inkwistjoni tikkonċerna ċ-ċessjoni, fl-1987, lil kumpannija privata, Scott, ta’ art bi prezz vantaġġjuż min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi Franċiżi. Din l-art intużat biex jitwaqqaf stabbiliment li jipproduċi l-karta. Fl-1996 Scott ġiet akkwistata minn kumpannija oħra, Kimberly-Clark Corp., li fl-1998, wara li għalqet l-istabbilment, ċedietu, flimkien mal-art relatata, lil kumpannija oħra, Procter & Gamble.

4.        Scott gawdiet ukoll minn rata preferenzjali sabiex tiġi kkalkolata l-levy tat-trattament tal-ilma. Dan il-vantaġġ speċifiku madankollu m’huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża.

5.        Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-vantaġġi li ssemmew iktar ’il fuq u l-obbligu li tintradd l-għajnuna li ngħatat.

6.        Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi dan li ġej:

“L-ewwel Artikolu

L-għajnuna mill-Istat taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art u ta’ rata preferenzjali tal-levy tat-trattament ta’ l-ilma, li Franza implementat favur Scott, f’ammont ta’ 39,58 miljun FRF (6,03 miljun EUR) jew, f’valur attwali, ta’ 80,77 miljun FRF (12,3 miljun EUR), għal dak li jirrigwarda l-prezz preferenzjali ta’ l-art, u f’ammont li l-awtoritajiet Franċiż jridu jiddeterminaw skond il-metodu ta’ kalkolu stabbilit mill-Kummissjoni, għal dak li għandu x’jaqsam mat-tieni element, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. Franza għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra mill-benefiċjarja tagħha l-għajnuna indikata fl-ewwel Artikolu u li diġà tqegħdet għad-dispożizzjoni tagħha illegalment.

2. L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tal-preżenti deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata għandha tinkludi l-imgħax mid-data li fiha tqegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja, sad-data ta’ l-irkupru tagħha. L-imgħax għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-rati ta’ riferiment użati għall-kalkolu tas-sussidji ekwivalenti fil-kuntest ta’ l-għajnuniet b’finalitajiet reġjunali.

[…]”.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

7.        Id-deċiżjoni kkontestata kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi separati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li ġew ippreżentati rispettivament minn Scott (Kawża T‑366/00) u mid-Département du Loiret (Kawża T‑369/00). Barra minn hekk, f’din tal-aħħar Scott intervjeniet fil-proċeduri in sostenn tad-Département du Loiret.

8.        Fis-sentenza li ġabet fi tmiem il-kawża T‑366/00, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat “[l]-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni […] sa fejn dan jikkonċerna l-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ prezz preferenzjali ta’ l-art kontenzjuża previst fl-Artikolu 1 tagħha” (4). Din is-sentenza ġiet appellata fil-Kawża C‑290/07 P.

9.        Fis-sentenza appellata f’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza minflok annullat id-deċiżjoni kkontestata “sa fejn tirrigwarda l-għajnuna mogħtija taħt forma ta’ prezz preferenzjali ta’ art indikata fl-ewwel Artikolu tagħha”(5).

10.      B’mod iktar speċifiku, kulma għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa li eżaminat wieħed mill-elementi illegali li tqajmu mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, jiġifieri n-nuqqas ta’ motivazzjoni rigward l-għażla tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-valur attuali tal-għajnuna billi tuża l-imgħaxijiet komposti iktar milli l-imgħaxijiet sempliċi.

11.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li d-deċiżjoni kkontestata ma indikatx b’mod espliċitu l-użu ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu tal-imgħaxijiet u lanqas ma mmotivat din l-għażla. Fil-fehma tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li ma jirriżultax li f’dak iż-żmien il-Kummissjoni kienet tapplika normalment l-imgħaxijiet komposti, hija qieset li l-użu ta’ imgħaxijiet komposti kienet tikkostitwixxi l-ewwel eżempju ta’ prassi innovattiva min-naħa tal-Kummissjoni, li għaldaqstant kienet titlob motivazzjoni adegwata. Għal din ir-raġuni biss, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni kkontestata.

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

12.      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej appellat mis-sentenza T‑369/00 permezz ta’ rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ġunju 2007.

13.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata kollha kemm hi;

–        tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-mertu, fejn tirrespinġi l-aggravji kollha magħmula fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata jew, subordinatament, tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti tal-Prim’Istanza;

–        tikkundanna lill-kontroparti għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll tikkundanna lil Scott, li intervjeniet in sostenn tad-Département du Loiret, għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

14.      Id-Département du Loiret u Scott jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

V –    Il-kuntest ġuridiku

15.      In sostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni pproponiet tmien aggravji.

16.      Bl-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li deċiżjoni tkun suffiċjentement immotivata jekk sempliċi kalkolu matematiku jippermetti li jiġi skopert liema metodu ta’ kalkolu jkun intuża.

17.      Fit-tieni aggravju, qed tafferma li l-użu ta’ rata ta’ imgħax kompost hu bilfors impliċitu fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

18.      It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-oneru tal-prova nqaleb b’mod illegali mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-prassi tal-Kummissjoni rigward il-kalkolu tal-imgħaxijiet.

19.      Fir-raba’ aggravju, il-Kummissjoni tafferma li hija ma kinitx obbligata tivverfika jekk il-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat kienx għadu jikseb vantaġġ meta nħarġet l-ordni tal-irkupru.

20.      Bil-ħames aggravju, hija ssostni li s-sentenza appellata m’hi bbażata fuq l-ebda prova, u li qalbet l-oneru tal-prova rigward il-prezz tal-bejgħ tal-art lil Procter & Gamble.

21.      Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq id-dikjarazzjoni li l-prezz tal-bejgħ relattiv għal ċessjoni li saret 11-il sena wara l-għoti tal-għajnuna m’huwiex rilevanti biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-għajnuna.

22.      Fis-seba’ aggravju, il-Kummissjoni qed targumenta li, fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni rigward l-imgħaxijiet li għandhom jiġu applikati għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat tikkonċerna d-dritt Komunitarju u mhux id-dritt nazzjonali.

23.      Fl-aħħar nett, bit-tmien aggravju qed issostni li, fi kwalunkwe każ, il-konstatazzjoni ta’ illegalità rigward l-imgħaxijiet applikati ma kinitx tiġġustifika l-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata; anzi l-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk xejn, kellha tannullaha biss parzjalment.

24.      Nantiċipa mill-ewwel li, fil-fehma tiegħi, l-ewwel seba’ aggravji tal-Kummissjoni jidhru pjuttost inkonsistenti u, għaldaqstant huwa diffiċli li jintlaqgħu. Bil-kontra, it-tmien aggravju jqajjem diversi problemi rilevanti li biex jiġu solvuti jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari minħabba d-deċiżjoni li trid tittieħed f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, għall-finijiet ta’ kompletezza, issa se neżamina separatament l-aggravji individwali. Se nsegwi l-ordni li użat il-Kummissjoni, u b’hekk l-ewwel nett se neżamina l-aggravji li, jekk jintlaqgħu, iwasslu għal annullament sħiħ tas-sentenza appellata. Fil-fatt, it-tmien aggravju, li se nħalli għall-aħħar, jekk jintlaqa’, iwassal, per se, biss għal annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

A –    Fuq l-ewwel aggravju, jiġifieri “deċiżjoni tkun suffiċjentement immotivata jekk sempliċi kalkolu matematiku jippermetti li jiġi skopert liema metodu ta’ kalkolu jkun intuża”

1.      L-argumenti tal-partijiet

25.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni qed issostni li deċiżjoni tkun suffiċjentement immotivata jekk sempliċi kalkolu matematiku jippermetti li jiġi skopert liema metodu ta’ kalkolu jkun intuża.

26.      Skont id-Département du Loiret u Scott l-aggravju huwa irrilevanti peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’annullatx id-deċiżjoni għar-raġuni li ma kienx possibbli li tinftiehem il-proċedura teknika li fuqha kienet ibbażata d-determinazzjoni tal-imgħaxijiet, imma sempliċement għaliex il-Kummissjoni ma mmotivatx adegwatament l-għażla li tuża l-imgħaxijiet komposti minflok l-imgħaxijiet sempliċi.

2.      L-evalwazzjoni

27.      Biex tispjega l-aggravju inkwistjoni, il-Kummissjoni tiċċita l-punt 36 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva kemm huwa meħtieġ li jsiru ċerti evalwazzjonijiet matematiċi sabiex tinftiehem is-sistema tal-imgħaxijiet komposti li din użat, biex tiġi kkalkolata r-rivalutazzjoni tal-ammont tal-għajnuna, fis-skiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, jekk il-Kummissjoni biħsiebha effettivament tikkontesta biss din l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jidhirli li huwa evidenti li l-osservazzjoni li għamlu d-Département du Loiret u Scott tolqot il-likk, u li jrid jiġi ddikjarat li l-aggravju huwa irrilevanti (6).

28.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma bbażatax l-evalwazzjoni ta’ illegalità tagħha fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx it-tip ta’ formula matematika li ntużat għall-kalkolu tal-imgħaxijiet. Anzi, dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li jikkostitwixxi nuqqas fid-deċiżjoni kkontestata huwa l-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx għaliex hija waslet għal din id-deċiżjoni li tuża din il-formula, biex b’hekk segwiet prassi differenti. Eżattament l-imsemmi punt 36 tas-sentenza appellata, fil-fatt, ikompli jgħid li “[i]l-Kummissjoni ma indikat bl-ebda mod il-motivi għaliex hija imponiet rata komposta pjuttost milli rata sempliċi”.

29.      Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li, b’dan l-aggravju, il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li ssostni li l-possibbiltà li wieħed jiddeduċi l-formula matematika li ntużat tikkostitwixxi, per se, motivazzjoni suffiċjenti tar-raġuni għalfejn intgħażlet din il-formula, huwa għal kollox evidenti li l-motiv huwa infondat. L-għażla li jintużaw imgħaxijiet komposti minflok imgħaxijiet sempliċi mhijiex operazzjoni li ssib fiha nfisha l-motivazzjoni tagħha.

30.      Għaldaqstant inqis li l-ewwel aggravju tal-appell m’għandux jintlaqa’.

B –    Fuq it-tieni aggravju, jiġifieri “l-użu ta’ rata ta’ imgħax kompost hu bilfors impliċitu fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata”

1.      L-argumenti tal-partijiet

31.      Bit-tieni aggravju tal-appell, il-Kummissjoni ssostni li l-użu ta’ rata ta’ imgħax kompost huwa impliċitu fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien hemm qabel ma ngħatat l-għajnuna.

32.      Id-Département du Loiret u Scott min-naħa tagħhom qed isostnu li xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jindika r-raġunijiet għall-għażla li tiġi applikata rata ta’ imgħax kompost. U dan a fortiori peress li l-prassi kurrenti tal-Kummissjoni f’dak iż-żmien ma kinitx tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ imgħaxijiet komposti. Id-Département du Loiret, min-naħa tiegħu, jippreċiża anki li, fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, motivazzjoni impliċita ma setgħetx tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni.

2.      L-evalwazzjoni

33.      Jidhirli li huwa ċar li l-Kummissjoni stess, fl-appell tagħha, tirrikonoxxi li d-deċiżjoni kkontestata ma pprovdiet ebda motivazzjoni espliċita għall-għażla li jintużaw l-imgħaxijiet komposti sabiex jiġi kkalkolat il-valur attwali tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-Kummissjoni tosserva li l-użu tal-imgħaxijiet komposti kellu “jkun bilfors impliċitu” fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni.

34.      Inqis li l-aggravju inkwistjoni ma jistax jintlaqa’.

35.      Kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari fil-punti 40 sa 43 tas-sentenza appellata, l-użu ta’ imgħaxijiet komposti, meta seħħew il-fatti, kien novità sinjifikattiva fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. U hawnhekk tinsab, kif osservat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-importanza partikolari ta’ motivazzjoni, f’dan il-każ.

36.      Barra minn hekk, jidhirli wkoll li l-idea stess ta’ “motivazzjoni impliċita” fil-kuntest ta’ deċiżjoni amministrattiva, hija inkompatibbli mal-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat ripetutament fir-rigward tal-motivazzjoni. B’mod partikolari, huwa magħruf li skont ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni prevista mill-Artikolu 253 KE trid tindika b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament li għamlet l-istituzzjoni li toħroġ l-att, b’tali mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jsiru jafu r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat r-raġunament u l-qorti Komunitarja eventwalment tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (7).

37.      Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, f’ċerti każi, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tista’ tkun “sommarja” (li, fuq kollox, huwa differenti milli tgħid li tista’ tkun “impliċita”). Dan jista’ jseħħ, b’mod partikolari, meta deċiżjoni tkun ġiet adottata f’kuntest magħruf sew u, fuq kollox, skont prassi deċiżjonali kostanti tal-istituzzjoni li tkun ħadet l-istess deċiżjoni (8), għalhekk, f’sitwazzjoni ferm differenti minn dik li tat bidu għad-deċiżjoni kkontestata.

38.      Issa, jidhirli li huwa evidenti li, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata. La motivazzjoni sommarja u, inqas u inqas, motivazzjoni impliċita, anki jekk din tal-aħħar setgħet titnissel mit-test tad-deċiżjoni kkontestata, ma setgħu jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni.

39.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, m’għandu jintlaqa’ lanqas it-tieni aggravju tal-appell.

C –    Fuq it-tielet aggravju, li jikkontesta taqlib illegali tal-oneru tal-prova

1.      L-argumenti tal-partijiet

40.      Bit-tielet aggravju tal-appell, li huwa parzjalment konness mat-tieni wieħed, il-Kummissjoni ssostni li kienet ir-rikorrenti fl-ewwel istanza li kellha turi l-eżistenza ta’ bidla fil-prassi deċiżjonali tal-Kummisjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-imgħaxijiet, u li l-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, ma kellha l-ebda oneru tal-prova. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti kellha tipprova b’mod xieraq li, meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, normalment, ma kinitx tuża l-mekkaniżmu tal-imgħaxijiet komposti. Skont il-Kummissjoni, dan ma ġiex ipprovat.

41.      Bil-kontra, id-Département du Loiret u Scott, qed isostnu li pprovdew lill-Qorti tal-Prim’Istanza biżżejjed elementi idonei biex jippruvaw il-fatt li, f’dak iż-żmien, il-prassi tal-Kummissjoni ma kinitx tipprevedi l-użu ta’ imgħaxijiet komposti. Affaċċjata b’dawn l-elementi, il-Kummissjoni ma setgħet tippreżenta l-ebda element ta’ prova li juri l-kuntrarju. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija korretta.

2.      L-evalwazzjoni

42.      Nixtieq nenfasizza għal darb’oħra li, kif osservajt iktar ’il fuq (9), motivazzjoni eventwali għal kollox “impliċita”, jiġifieri essenzjalment nieqsa mit-test tad-deċiżjoni, ma tista’ tkun suffiċjenti lanqas għal atti li jaqgħu taħt prassi deċiżjonali ferm ikkonsolidata tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

43.      Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li l-motivazzjoni eventwalment inkluża fid-deċiżjoni kkontestata tista’ titqies “sommarja” u mhux “impliċita”, jidhirli li l-osservazzjonijiet li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, partikolarment fil-punti 39 sa 43 tas-sentenza appellata, jimmotivaw b’mod iktar minn sodisfaċenti l-konvinzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza stess rigward il-fatt li, fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni ta’ imgħaxijiet komposti kienet novità fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Mill-bqija, fil-kuntest tas-setgħat li għandha biex tiżgura ruħha mill-fatti tal-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza saħansitra bagħtet domanda bil-miktub lill-Kummissjoni, li kellha l-għan li taċċerta l-prassi li kienet tintuża f’dak iż-żmien minn din l-istituzzjoni Komunitarja. Fuq il-bażi tar-risposta li tat il-Kummissjoni, għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ġibdet il-konklużjonijiet li semmiet fis-sentenza.

44.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat kif, meta fl-2003 il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni espliċita dwar il-kwistjoni tal-imgħaxijiet li għandhom jiġu applikati (10), hija rrikonoxxiet li, wara li ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata, kien jeħtieġ li jiġu ċċarati xi affarijiet fuq dan il-punt. B’mod speċifiku, f’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ddikjarat li “[g]ħaldaqstant il-Kummissjoni tixtieq tinforma lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati li fid-deċiżjonijiet kollha li se tadotta fil-ġejjieni biex tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali se tiġi applikata r-rata ta’ riferiment li tintuża biex jiġi kkalkolat is-sussidju nett ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna reġjonali fuq bażi komposta” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (il-korsiv huwa tiegħi).

45.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li hija l-qorti li għandha r-responsabbiltà li taċċerta ruħha mill-fatti, għalhekk setgħet taċċerta ruħha u timmotiva b’mod eżawrjenti, fis-sentenza appellata, li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma kinitx tipprevedi l-użu ta’ imgħaxijiet komposti (11): għaldaqstant huwa evidenti li l-aggravju huwa infondat, u li għalhekk ma jistax jintlaqa’.

D –    Fuq ir-raba’ aggravju, jiġifieri li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tivverifika li kien għad hemm vantaġġ meta nħarġet l-ordni ta’ rkupru

1.      L-argumenti tal-partijiet

46.      Il-Kummissjoni qed issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kellha tqis l-eżistenza ta’ vantaġġ, għall-benefiċjarju tal-għajnuna, anki meta nħarġet l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, l-iżball li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa evidenti mir-raġunament li din il-qorti għamlet fil-punti 50 u 52 tas-sentenza appellata.

47.      Min-naħa tagħhom, id-Département du Loiret u Scott qed isostnu li, f’dawn is-siltiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma ddikjarat li l-verifika tal-eżistenza ta’ vantaġġ fil-mument meta tittieħed id-deċiżjoni rigward l-għajnuna hija kundizzjoni preliminari għall-possibbiltà li tiġi rkuprata l-għajnuna. Kulma għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa li osservat li l-eżistenza ta’ vantaġġ li jkun baqa’ effettiv anki meta ngħatat id-deċiżjoni dwar l-għajnuna kellha tiġi aċċertata sabiex ikun iġġustifikat l-użu tal-imgħaxijiet komposti.

2.      L-evalwazzjoni

48.      L-aggravju inkwistjoni jidher li huwa irrilevanti, u fi kwalunkwe każ, infondat.

49.      Naqbel mal-pożizzjoni li ħadu d-Département du Loiret u Scott, jiġifieri li l-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement sostniet li, peress li l-Kummissjoni kellha timmotiva b’mod adegwat l-użu tal-imgħaxijiet komposti, għall-fini ta’ din il-motivazzjoni kien jeħtieġ li jiġi pprovat anki l-vantaġġ konkret miksub mill-benefiċjarju tal-għajnuna fis-snin sussegwenti għal dik meta ngħatat l-għajnuna. Fil-fatt huwa evidenti li l-għażla li jiġu applikati imgħaxijiet komposti, minflok l-imgħaxijiet sempliċi li kienu jintużaw normalment dak iż-żmien, diffiċilment setgħet tkun ibbażata fuq sies ieħor għajr vantaġġ eżistenti favur il-benefiċjarju.

50.      Għalhekk, l-ewwel nett, l-aggravju huwa irrilevanti peress li r-raġunament li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, partikolarment fil-punt 50 tas-sentenza appellata ma kellu l-ebda influwenza għall-finijiet tad-deċiżjoni li jiġi annullat l-att ikkontestat, li kienet ibbażata biss fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni rigward l-għażla li jiġu applikati l-imgħaxijiet komposti.

51.      Barra minn hekk, l-aggravju huwa anki infondat peress li huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri li l-Qorti tal-Prim’Istanza introduċiet indirettament kundizzjoni illegali biex tiġi aċċertata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

E –    Fuq il-ħames u s-sitt aggravji, rigward il-prezz ta’ bejgħ tal-art lil Procter & Gamble

1.      L-argumenti tal-partijiet

52.      Bil-ħames aggravju tar-rikors tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni, billi tirreferi għall-punt 51 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq “spekulazzjonijiet” iktar milli fuq provi, u qalbet l-oneru tal-prova rigward il-prezz ta’ bejgħ tal-art fiż-żmien meta din ġiet ċeduta lil Procter & Gamble. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tatx kas il-fatt li, hekk kif ġie indikat fid-deċiżjoni kkontestata, il-kumpannija li bbenefikat mill-għajnuna qatt ma wriet il-prezz ta’ bejgħ tal-art lil Procter & Gamble. Il-Qorti tal-Prim’Istanza min-naħa tagħha aċċettat bħala fatt dan l-ammont.

53.      Bis-sitt aggravju, il-Kummissjoni qed issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 51 u 52 tas-sentenza appellata, billi affermat li l-Kummissjoni stess, fid-deċiżjoni tagħha, kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz taċ-ċessjoni tal-art lil Procter & Gamble fl-1998, 11-il sena wara l-għoti tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, skont il-Kummissjoni, dan il-prezz ta’ bejgħ huwa għalkollox irrilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna.

54.      Min-naħa tagħhom, id-Département du Loiret u Scott, qed isostnu li l-ħames u s-sitt aggravji m’humiex ammissibbli, peress li għandhom l-għan li jixħtu dubju fuq evalwazzjonijiet ta’ fatt li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Isostnu wkoll li, fi kwalunkwe każ, l-aggravji inkwistjoni m’humiex rilevanti, peress li d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li fuqhom huma kkonċentrati dawn l-aggravji, fil-korp tas-sentenza appellata, saru għall-finijiet ta’ kompletezza.

2.      L-evalwazzjoni

55.      Jidhirli li l-osservazzjonijiet tad-Département du Loiret u Scott huma essenzjalment korretti. Minn naħa waħda, fil-fatt, huwa evidenti li l-osservazzjoniijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza rigward il-bejgħ sussegwenti tal-art lil Procter & Gamble ma kinux determinanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li ttieħdet mill-istess Qorti tal-Prim’Istanza. Minn dan jirriżulta li l-ħames u s-sitt aggravji proposti mill-Kummissjoni m’humiex rilevanti.

56.      Min-naħa l-oħra, madankollu jidher li l-Kummissjoni qed tibbaża ruħha fuq presuppost żbaljat, jiġifieri li l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ġew ikkritikati fil-kuntest tal-ħames u tas-sitt aggravji tal-appell kienu jiffurmaw il-bażi tad-deċiżjoni li tiġi annullata l-istess deċiżjoni, bħallikieku fost il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun aċċertata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Prim’Istanza qiegħdet l-evalwazzjoni ta’ sensiela ta’ elementi li seħħew bosta snin wara l-allegat għoti tal-għajnuna.

57.      Fil-fatt, huwa evidenti li l-osservazzjonijiet li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza rigward il-bejgħ sussegwenti tal-art fl-1998 jidħlu, fil-kuntest tar-raġunament li għamlet l-imsemmija qorti, fil-qafas tal-konstatazzjoni tal-fatt li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni li jintużaw l-imgħaxijiet komposti.

58.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċment osservat, minn daqshekk ad abundantiam, li l-għażla li jintuża dan it-tip ta’ imgħaxijiet minflok l-imgħaxijiet sempliċi setgħet/kellha tqis dak li ġara sussegwentement mill-art inkwistjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma affermat bl-ebda mod li l-verifika tal-kundizzjonijiet taċ-ċessjoni tal-art fl-1998, 11-il sena wara l-għoti tal-għajnuna, kienet meħtieġa sabiex tkun iddeterminata l-eżistenza tal-għajnuna stess u l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

59.      Għaldaqstant, inqis li lanqas il-ħames u s-sitt aggravji tal-appell m’għandhom jintlaqgħu.

F –    Fuq is-seba’ aggravju, li jikkontesta, għall-perijodu sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni ta’ imgħaxijiet differenti minn dawk applikati għall-perijodu preċedenti

1.      L-argumenti tal-partijiet

60.      Bis-seba’ aggravju, il-Kummissjoni qed issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, sostniet li kien hemm kontradizzjoni fil-fatt li, skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imgħaxijiet applikati għas-somma li kellha tiġi rkuprata kellhom ikunu imgħaxijiet komposti fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel id-deċiżjoni stess, u imgħaxijiet sempliċi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-rigward tal-perijodu bejn l-imsemmija deċiżjoni u l-irkupru effettiv tal-ammonti.

61.      B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, ma hemm ebda kontradizzjoni, peress li, effettivament, id-dritt nazzjonali jirregola biss il-“proċeduri” ta’ rkupru tal-għajnuna, imma mhux ir-rata tal-imgħax applikata, li huwa element sostantiv u mhux proċedurali.

62.      Min-naħa l-oħra, skont id-Département du Loiret u Scott, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma kien jindika l-ħtieġa li l-awtoritajiet Franċiżi, sabiex jiġi kkalkolat il-valur attwali tal-ammont tal-għajnuna għall-perijodu bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-irkupru effettiv, jużaw imgħaxijiet komposti. Konsegwentement, il-kontradizzjoni li sabet il-Qorti tal-Prim’Istanza hija waħda reali.

2.      L-evalwazzjoni

63.      Inqis li anki s-seba’ aggravju li pproponiet il-Kummissjoni huwa irrilevanti. Fil-fatt, ir-raġuni għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija n-nuqqas ta’ motivazzjoni rigward l-għażla li jintużaw l-imgħaxijiet komposti. Għaldaqstant, l-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza rigward il-kontradizzjoni bejn id-diversi tipi ta’ imgħaxijiet applikabbli, minn naħa waħda, fil-fażi bejn l-għoti tal-għajnuna u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, mill-oħra, fil-fażi bejn din l-adozzjoni u l-irkupru effettiv tas-somma, ma jidhirx deċiżiv għall-finijiet tal-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, imma anzi ġie żviluppat ad abundantiam.

64.      Barra minn hekk, l-aggravju jidher anki infondat fil-mertu.

65.      Kif irrilevat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza, partikolarment fil-punt 11 tas-sentenza appellata, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jindika li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li titlob lill-awtoritajiet Franċiżi biex japplikaw rata ta’ imgħax kompost. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-qafas leġiżlattiv ta’ dak iż-żmien, ma jidhirx li hemm dubju li r-rata tal-imgħax li kellha tiġi applikata fil-fażi bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-irkupru effettiv tal-għajnuna kellha tiġi kkalkolata fuq bażi sempliċi, skont id-dritt nazzjonali, u mhux fuq bażi komposta.

66.      Mill-bqija, il-Kummissjoni, fir-rikors tal-appell tagħha, setgħet biss tirrepeti, f’dan ir-rigward, li l-użu tal-imgħaxijiet komposti kien l-uniku sistema sabiex jinstab rimedju effikaċi għall-għoti tal-għajnuna mill-Istat (12). Però, huwa evidenti li affermazzjoni ġenerali dwar il-fatt li kien opportun li jintużaw imgħaxijiet komposti ma tistax tkun suffiċjenti biex jitqies li l-applikazzjoni tagħhom kienet prevista b’mod impliċitu mid-deċiżjoni kkontestata.

67.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, għalhekk jidher li lanqas is-seba’ aggravju tal-appell m’għandu jintlaqa’.

G –    Fuq it-tmien aggravju, jiġifieri li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tordna annullament parzjali

1.      L-argumenti tal-partijiet

68.      Bit-tmien u l-aħħar aggravju tar-rikors tal-appell tagħha, il-Kummissjoni qed issostni li, fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni rigward l-imgħaxijiet applikabbli tista’ u trid tkun separata minn dik rigward l-ammont prinċipali tal-għajnuna, u b’hekk meta l-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat l-eżistenza ta’ żball rigward l-imgħaxijiet, kien imissha annullat id-deċiżjoni kkontestata biss fil-parti li tikkonċerna l-imgħaxijiet.

69.      Fi kliem ieħor, is-sentenza appellata, meta annullat id-deċiżjoni kkontestata kollha, kienet sproporzjonata u illegali.

70.      Id-Département du Loiret u Scott qed isostnu li l-aggravju inkwistjoni huwa inammissibbli. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni qatt ma talbet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, lanqas b’mod sussidjarju, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, din id-domanda, li ġiet ippreżentata għall-ewwel domanda fl-appell, hija estensjoni tas-suġġett tal-kawża, ipprojbit skont l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

71.      Barra minn hekk, anki fil-mertu, l-aggravju huwa infondat, peress li l-kwistjoni rigward il-kalkolu tal-imgħaxijiet ma tistax tkun separata faċilment mill-bqija tad-deċiżjoni kkontestata, biex b’hekk it-talba tal-Kummissjoni, fl-aħħar mill-aħħar, tisfa’ bħala talba għal emenda (u mhux sempliċi annullament parzjali) tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’ambitu fejn il-qrati Komunitarji m’għandhomx kompetenza hekk imsejħa ta’ ġuriżdizzjoni sħiħa, jidher biċ-ċar li hi ħaġa impossibbli.

72.      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma mmotivatx id-deċiżjoni ta’ annullament li ħadet anki fuq il-bażi tal-kritika ulterjuri li saret fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata.

2.      L-evalwazzjoni

73.      It-tmien aggravju propost mill-Kummissjoni huwa mingħajr dubju l-iktar wieħed kompless u għaldaqstant jeħtieġ analiżi magħmula bir-reqqa. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu eżaminati separatament il-kwistjonijiet tal-ammissibbiltà u tal-fondatezza tal-motiv.

a)      Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

74.      L-ammissibbiltà tal-motiv għandha tiġi evalwata minn żewġ perspettivi. L-ewwel nett, jeħtieġ li nistaqsu lilna nfusna jekk, lil hinn mit-termini tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, din tikkostitwixxix diġà annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, jeħtieġ li neżaminaw l-oġġezzjoni li qajmu d-Département du Loiret u Scott, jiġifieri li l-aggravju inkwistjoni huwa inammissibbli peress li huwa ġdid.

i)      Fuq l-eżistenza ta’ annullament parzjali possibbli tad-deċiżjoni kkontestata

75.      Wieħed jista’ jsostni li l-aggravju tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, minkejja l-kliem tad-diżpożittiv tas-sentenza appellata, din, effettivament, tista’ titqies bħala annullament parzjali.

76.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażżjoni tafferma, fis-sentenza hekk imsejħa “Baby-dry”(13), li jkun sar annullament parzjali meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tadotta sentenza li, minkejja li fid-dispożittiv tipprevedi sempliċement l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, dan tagħmlu billi tilqa’ biss uħud mill-aggravji tar-rikorrenti, u effettivament tikkonferma, fil-motivazzjoni tal-istess sentenza, il-legalità ta’ parti tad-deċiżjoni.

77.      B’annullament parzjali bħal dan, anki jekk l-att ikkontestat jinbidel għal kollox, l-istituzzjoni li tkun adottattu tkun tista’ tadottah mill-ġdid b’xi emendi ftit jew wisq marġinali, fejn madankollu żżomm intatta parti minnu (14): li, fil-każ tad-deċiżjoni kkontestata, hija dik li tinkludi l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni u d-determinazzjoni tal-valur “storiku” tal-għajnuna, nett mir-rivalutazzjoni sussegwenti.

78.      Fi kliem ieħor, biex nerġgħu naqbdu l-fili tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza “Baby-dry”, bis-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza, għalkemm annullat formalment id-deċiżjoni kkontestata kollha, almenu fil-parti li tikkonċerna l-art, fil-fatt, meta ma tatx deċiżjoni dwar l-aggravji l-oħra tar-rikors, żammet fis-seħħ il-parti ta’ din id-deċiżjoni li ma tikkonċernax il-kalkolu tal-imgħaxijiet (15).

79.      F’din il-perspettiva li għadni kemm semmejt, l-aggravju jkun inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku (16), peress li bih il-Kummissjoni titlob xi ħaġa (is-separazzjoni tal-parti dwar l-imgħaxijiet u l-annullament tagħha biss) li essenzjalment il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà tatha (17).

80.      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li fil-kawża “Baby-dry”, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ċaħdet espliċitament parti mill-aggravji invokati mill-kumpannija rikorrenti: fis-sentenza appellata f’din il-kawża, minflok, ċerti aggravji ġew sempliċment assorbiti, mingħajr ma kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni espliċita. Madankollu, f’dak il-każ l-istess bħal f’dan il-każ, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza “fir-realtà qed tilqa’ biss parzjalment it-talbiet tar-rikorrenti” (18).

81.      Għalhekk, fuq il-bażi tar-raġunament li għadni kemm spjegajt, għandu jiġi ddikjarat li t-tmien aggravju huwa inammissibbli. Madankollu, inqis li dak li ngħad, għalkemm interessanti, m’għandux jintlaqa’.

82.      Fil-fatt ma jidhirlix li hemm dubju li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha l-intenzjoni li tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha, jew aħjar fil-parti kollha li tikkonċerna l-akkwist tal-art bi prezz vantaġġjuż. Għaldaqstant nistgħu nitkellmu dwar “annullament parzjali”, almenu biss fis-sens li l-Kummissjoni tista’ tadotta att ġdid li jemenda l-parti li tikkonċerna l-imgħaxijiet u li jirriproduċi b’mod sħiħ il-partijiet l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

83.      Anki jekk jista’ jiġi sostnut li, minn perspettiva sostantiva, biex il-Kummissjoni tadotta att ġdid li jikkonċerna biss il-kwistjoni tal-imgħaxijiet jista’ jkun li dan ma jkunx wisq differenti mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li għandha l-għan li tissostitwixxi b’mod sħiħ dik preċedenti (minkejja li tkun differenti minnha biss fil-parti li tikkonċerna l-imgħaxijiet), iż-żewġ sitwazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala għal kollox ekwivalenti.

84.      Fil-każ ta’ annullament parzjali, fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tkompli teżisti bħala tali, anki jekk tkun teħtieġ integrazzjoni rigward il-parti annullata. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ annullament totali, anki jekk fil-motivazzjoni jiġi speċifikat li l-annullament ikun sar b’referenza għal aspett speċifiku tal-att ikkontestat, l-annullament sħiħ jipproduċi xorta sitwazzjoni (almenu temporanja) ta’ nuqqas totali tal-istess att ikkontestat.

85.      Għaldaqstant, inqis li l-Kummissjoni tista’ anki taspira leġittimament li “ssalva” almenu parti mid-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk għandha interess ġuridiku rigward l-aggravju inkwistjoni.

ii)    Fuq in-novità possibbli tal-motiv

86.      Kif rajna, id-Département du Loiret u Scott qed isostnu li l-aggravju huwa inammissibbli peress li jestendi s-suġġett tal-kawża li oriġinarjament tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Dawn il-partijiet qed jinvokaw partikolarment is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża IPK (19). F’din is-sentenza ġie ddikjarat inammissibbli l-aggravju li permezz tiegħu l-Kummissjoni, fil-fażi tal-appell, kienet qed issostni li fl-ewwel grad il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata quddiemha biss parzjalment, u mhux fl-intier tagħha. Speċifikament, f’dik is-sede, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni la talbet li l-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata ikun parzjali u lanqas ma invokat aggravju bħal dak in eżami” (20): għalhekk l-aggravju kellu jitqies li kien ġdid, u konsegwentement, inammissibbli.

87.      Huwa evidenti li, skont dak li għadu kif ingħad, anki l-aggravju in eżami jista’ jiġi ddikjarat inammissibbli.

88.      Madankollu inqis li, f’dan il-każ, tkun preferibbli soluzzjoni differenti, u dan fuq il-bażi ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet.

89.      L-ewwel nett, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni hawnhekk mhix qed tipproponi aggravji ta’ liġi ġodda in sostenn tat-talbiet tagħha, imma kulma qed tagħmel huwa li tikkontesta l-loġika segwita mill-Qorti tal-Prim’Istanza meta siltet konsegwenza partikolari (l-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata) minn premessa partikolari (in-nuqqas ta’ motivazzjoni rigward il-kalkolu tal-imgħaxijiet). F’dan is-sens, il-kontestazzjoni ma tipproponix talba ġdida imma tikkontesta biss ir-raġunament loġiku tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

90.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza hija paċifika meta ssostni li l-kwistjonijiet li jikkonċernaw in-natura kontradittorja jew insuffiċjenti tal-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma kwistjonijiet ta’ liġi, li jistgħu jiġu invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala aggravji ta’ appell skont l-Artikolu 58 tal-Istatut (21). Barra minn hekk, meta affermat l-inkompetenza tagħha biex tagħmel evalwazzjoni tal-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, f’appell, hija għandha “tistħarreġ il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet minnhom”  (22) (il-korsiv huwa tiegħi). Għaldaqstant inqis li, f’dan il-każ, jista’ jiġi affermat li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkritika, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, żball loġiku li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-motivazzjoni tagħha.

91.      It-tieni nett, anki li kieku stess inqisu l-problema mill-perspettiva tal-aggravji proposti mill-Kummissjoni, kif jagħmlu Scott u d-Département du Loiret, jidhirli li hu ċar li, iktar milli f’termini ta’ “aggravju”, il-kwistjoni li tikkonċerna l-punt inkwistjoni trid tiġi evalwata f’termini ta’ “talba”. Jiġfieri, il-Kummissjoni mhix qed tipproponi “aggravju” ġdid imma “talba” ġdida.

92.      Madankollu, inqis li dak li ntalab mill-Kummissjoni jista’ jiġi kklassifikat f’dan l-aggravju bħala talba “minuri” meta pparagunat mat-talba “maġġuri”, jiġifieri iktar estiża, li ġiet proposta kemm quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll, fl-appell, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba “maġġuri”, naturalment, hija dik li jiġu miċħuda fl-intier tagħhom it-talbiet għal annullament li għamel id-Département du Loiret.

93.      Fil-fehma tiegħi, jista’ jitqies li t-talba iktar estiża, li diġà kienet ġiet proposta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, tinkludi fiha anki t-talba iktar ristretta. Għaldaqstant, ma teżisti ebda talba “ġdida”.

94.      Mill-bqija, b’dan l-aggravju l-Kummissjoni essenzjalment qed titlob, għalkemm mhux b’mod għal kollox ċar u mhux rifless speċifikament fit-talbiet tagħha, li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tiġi annullata parzjalment u li jintlaqgħu, għal darb’oħra b’mod parzjali, xi talbiet li l-Kummissjoni stess kienet ippreżentat fl-ewwel grad, u dan b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113 tar-Regoli ta’ Proċeduri tal-Qorti tal-Ġustizzja.

95.      Għaldaqstant, inqis li dan l-aggravju jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli.

b)      Fuq il-fondatezza tal-motiv

96.      Sabiex ikun jista’ jiġi eżaminat jekk l-aggravju huwiex fondat, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġi verifikat jekk, f’dan il-każ, kienx possibbli li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-parti dwar l-imgħaxijiet tiġi sseparata mill-komponenti l-oħra tal-istess deċiżjoni, b’mod partikolari dawk rigward l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mad-dritt Komunitarju u rigward il-valur oriġinali tal-għajnuna. F’każ ta’ risposta pożittiva, imbagħad irid jiġi kkunsidrat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellhiex id-dmir li tolqot biss il-parti tad-deċiżjoni li kienet tikkonċerna l-imgħaxijiet minflok ma tannulla d-deċiżjoni kollha.

i)      Fuq is-separabbiltà tal-parti li tikkonċerna l-imgħaxijiet

97.      Skont ġurisprudenza kostanti, l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja huwa possibbli biss jekk ikun ċar li l-partijiet li qed jintalab li jiġu annullati jkunu jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tad-deċiżjoni (23). Separazzjoni bħal din normalment tissejjaħ “materjali”, u tikkonsisti fil-possibbiltà li jiġu annullati artikoli waħdanin, paragrafi waħdanin jew partijiet oħra ta’ att indikati b’mod ċar. Fil-fehma tiegħi, madankollu, tista’ anki titqies il-possibbiltà ta’ separabbiltà biss “loġika”: bħal, f’dan il-każ, dik bejn id-determinazzjoni tal-ammont “storiku” tal-għajnuna u l-kalkolu tal-imgħaxijiet ta’ dan l-ammont.

98.      Fis-sentenza appellata, fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tannulla parti waħdanija mid-deċiżjoni kkontestata li setgħet tiġi indikata b’mod speċifiku, peress li għall-kwistjoni tal-imgħaxijiet mhix iddedikata parti speċifika u separata tad-dispożittiv. Madankollu setgħet tannulla d-deċiżjoni “sa fejn” jew “fil-parti fejn” il-Kummissjoni ma mmotivatx (adegwatament) l-għażla li jintużaw l-imgħaxijiet komposti.

99.      B’mod konkret, jidhirli li l-parti li tikkonċerna l-kalkolu tal-imgħaxijiet fuq l-għajnuna tista’ tiġi sseparata mill-bqija tad-deċiżjoni.

ii)    Fuq il-ħtieġa li tiġi annullata biss il-parti li tikkonċerna l-imgħaxijiet

100. Inqis li t-tmien aggravju tal-appell propost mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’, għar-raġunijiet li ġejjin.

101. L-ewwel nett, inqis li l-ħtiġiet ta’ kompletezza u ta’ ċertezza legali jimponu li jiġu eżaminati biss ċerti aggravji tar-rikors, filwaqt li jitqies li l-aggravji l-oħra ġew assorbiti, biss meta l-aggravji milqugħa jippermettu li t-talbiet proposti jintlaqgħu b’mod sħiħ. Peress li f’dan il-każ, l-aggravju li ntlaqa’ mill-Qorti tal-Prim’Istanza jikkonċerna biss aspett speċifiku tad-deċiżjoni kkontestata, ma nqisx li l-imsemmija qorti setgħet tillimita ruħha għall-fatt li teżamina u tilqa’ l-imsemmi aggravju, minfejn siltet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha.

102. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball loġiku u argumentattiv meta siltet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha mill-konstatazzjoni tal-inġustifikabbiltà tad-deċiżjoni fil-parti li tikkonċerna l-imgħaxijiet.

103. Barra minn hekk, l-għażla tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ma tagħtix każ l-eżami tal-aggravji l-oħra kollha proposti quddiemha mir-rikorrenti timplika li, jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ġdida li tkun ġiet emendata biss fil-parti li tikkonċerna l-kalkolu tal-imgħaxijiet, id-Département du Loiret ikollu l-oneru li jerġa’ jikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza din id-deċiżjoni, fejn jipproponi mill-ġdid id-diversi motivi diġà invokati u li ma ġewx eżaminati. Irrispettivament mill-problemi possibbli ta’ ammissibbiltà ta’ rikors bħal dan, jidher li huwa evidenti li dan imur kontra kull prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, ferm iktar importanti f’każ, bħal dan inkwistjoni, fejn il-ġrajja inkwistjoni seħħet iktar minn għoxrin sena ilu.

104. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tilqa’ t-tmien aggravju propost mill-Kummissjoni, tannulla s-sentenza appellata, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiġbed il-konklużjonijiet ġusti mill-inġustifikabbiltà tal-imgħaxijiet, u barra minn hekk tiddeċiedi dwar l-aggravji l-oħra tar-rikors li ġew proposti mid-Département du Loiret. Dan kollu, bla ħsara għall-korrettezza tal-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza rigward l-aggravju li jikkonċerna l-użu, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ imgħaxijiet komposti.

VI – Konklużjonijiet

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzonijiet li ssemmew iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)      tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Marzu 2007, Kawża T‑369/00, Département du Loiret vs Il-Kummissjoni, fil-parti fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza siltet mill-inġustifikabbiltà tal-kalkolu tal-imgħaxijiet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha.

2)      tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

3)      tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – Ġabra p. II‑851.


3 – ĠU 2002, L 12, p. 1.


4 – Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Scott vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (T-366/00, Ġabra p. II‑797, punt 1 tad-dispożittiv).


5 – Punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.


6 – Rigward kif jiġu ttrattati l-aggravji irrilevanti, ara, per eżempju, is-sentenzi maqgħuda tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 148), u tas-7 ta’ Novembru 2002, Hirschfeldt vs AEA, (C-184/01 P, Ġabra p. I-10173, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


7 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 19), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C-301/96, Ġabra p. I‑9919, punt 87).


8 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1975, Groupement des fabricants de papiers peints de Belgique et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (73/74, Ġabra p. 1491, punt 31); tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C-156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 105), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 (punti 87 sa 92).


9 – Punt 36.


10 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rati tal-imgħax li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2003, C 110, p. 21).


11 – Taħt din il-perspettiva, l-aggravju tal-Kummissjoni jista’ anki jidher inammissibbli peress li għandu l-għan li jikkontesta evalwazzjoni ta’ fatt li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza.


12 – Ara, b’mod partikolari, il-punt 56 tar-rikors tal-appell.


13 – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI (C-383/99, Ġabra p. I‑6251, punti 20‑25). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fl-istess Kawża, ippreżentati fil-5 ta’ April 2001 (punti 33‑41).


14 – Sentenza Procter & Gamble vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq, fil-punt 25.


15 – Ibidem, punt 24.


16 – Dwar l-interess ġuridiku bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ appell minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ara pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C‑19/93 P, Ġabra p. I‑3319, punt 13); tat-13 ta’ Lulju 2000, Il-Parlament Ewropew vs Richard (C‑174/99 P, Ġabra p. I‑6189, punt 33, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 21).


17 – Dan in-nuqqas ta’ interess ġuridiku jista’ jkun mistħarreġ ex-officio mill-Qorti tal-Ġustizzja: insostni li din il-konklużjoni tista’ tinġibed faċilment meta titqies il-ġurisprudenza li tistipula li n-nuqqas ta’ interess ġuridiku minħabba fatti sussegwenti għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ jiġi mistħarreġ exofficio (sentenza Rendo et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2001, Lech Stahlwerke vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C‑111/99, Ġabra p. I‑727, punt 18) u d-duttrina iktar ġenerali dwar il-possibbiltà ta’ stħarriġ exofficio tal-interess ġuridiku, ara, per eżempju, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 1987, D.M. vs Il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (108/86, Ġabra p. 3933, punt 10), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 22), u tat-28 ta’ Marzu 2001, Istituto dei mandatari abilitati presso l’Ufficio europeo dei brevetti vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (T‑144/99, Ġabra p. II‑1087, punti 29 sa 35).


18 – Sentenza Procter & Gamble vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenrali Jacobs fl-istess kawża, iċċitati iktar ’il fuq, punt 39, fejn l-Avukat Ġenerali afferma li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 kurrenti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu “jiġi interpretat fis-sens li jagħmel referenza f’termini ġenerali għall-fatt li ma nkisibx dak li kien qed jintalab, iktar milli b’mod speċifiku għall-fatt li ma ntlaqax l-argument ta’ dak li jkun jew ma tteħditx tip partikolari ta’ miżura”.


19 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004, IPK-München vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C‑199/01 P u C‑200/01 P, Ġabra p. I‑4627, punti 57sa 60).


20 – Ibidem, punt 59.


21 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C‑401/96 P, Ġabra p. I‑2587, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk); tat-2 ta’ Ottubru 2001, BEI vs Hautem (C‑449/99 P, Ġabra p. I‑6733, punt 45), u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 45).


22 – Sentenza tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (C‑7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 21).


23 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C‑29/99, Ġabra p. I‑11221, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk), u tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (C‑244/03, Ġabra p. I‑4021, punt 12).