Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Novembru 2013 – Watch TV vs Il-Kunsill

(Kawża T-639/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Watch TV (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: F. de Visscher u M. von Kuegelgen, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni tat-30 ta’ Settembru 2013;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Bir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ma jilqax l-offerta tagħha ppreżentata fil-kuntest tal-lott Nru°1 tal-kuntratt UCA 190/11 “Servizzi awdjoviżivi u multimedia għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea/il-Kunsill Ewropew” (ĠU 2012/S 26-041228).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju 1 u tal-Artikoli 131(5), 135(2), u 146(3) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju 2 , peress li l-Kunsill ta l-kuntratt lil offerent li l-offerta tiegħu ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti minimi obbligatorji f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tal-kandidati, mitluba fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kellu jiċħad awtomatikament l-offerta magħżula.