Language of document : ECLI:EU:T:2014:57

Kawża T‑644/13 R

Serco Belgium et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kuntratti pubbliċi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Fumus boni juris”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (Imħallef għal miżuri provviżorji) tal-4 ta’ Frar 2014

1.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Urġenza — Dannu gravi u irreparabbli — Natura kumulattiva — Ibbilanċjar tal-interessi kollha inkwistjoni — Ordni ta’ eżami u metodu ta’ verifika — Setgħa diskrezzjonali tal-Imħallef għal miżuri provviżorji

(Artikoli 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(2))

2.      Proċeduri għal miżuri provviżorji — Sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Miżuri provviżorji — Kundizzjonijiet għall-għoti — Fumus boni juris — Eżami prima facie tal-motivi invokati insostenn tar-rikors prinċipali — Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta ta’ offerent fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku — Proċeduri għal miżuri provviżorji f’każijiet ta’ kuntratti pubbliċi– Għan — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva

(Artikoli 256(1) TFUE, 278 TFUE u 279 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 104(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18; Direttiva tal-Kunsill 89/665, l-ewwel sal-ħames premessi u Artikolu 2(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, premessa 40)

3.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Kriterji ta’ selezzjoni — Evalwazzjoni tal-kapaċità tal-kandidati li jipprovdu s-servizzi speċifikati– Kriterji ta’ għoti — Evalwazzjoni komparattiva tal-karatteristiċi u merti partikolari tal-offerti individwali

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikoli 146 sa 149)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 15-17)

2.      Fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol partikolari tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest ġuridiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, kif ipprovdut fil-premessa 40 tar-Regolament Delegat Nru 1268/2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, ir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti għandhom ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi].

Barra minn hekk, kif jintqal fl-ewwel tliet premessi tad-Direttiva 89/665, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, sabiex jiżgura l-applikazzjoni effettiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur qies neċessarju li jiġu stabbiliti numru ta’ rekwiżiti proċedurali li jagħmlu possibbli rimedji mħaffa fi stadju fejn il-ksur jista’ jkun għadu jiġi korrett b’mod effettiv. Jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni t-tul qasir tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ir-rwol tal-Imħallef għal miżuri provviżorji huwa tali li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, il-leġiżlatur ippreveda, f’dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ għoti li jaqgħu taħt l-Istati Membri, li dawn ikunu aċċessibbli indipendentement minn kwalunkwe azzjoni sostantiva. Barra minn hekk, kif jidher fit-tieni, fit-tielet u fil-ħames premessi u fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, fil-kuntest partikolari tal-kuntratti pubbliċi, il-miżuri provviżorji ma humiex biss intiżi bħala mezz biex jiġi sospiż il-proċess ta’ għoti, iżda tal-inqas ukoll bħala mezz sabiex tiġi rrimedjata illegalità, għan li kien inkella jaqa’ taħt l-ambitu tal-proċeduri prinċipali.

Anki jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-applikazzjoni tal-Artikolu 104(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jagħti effett lill-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE u jeħtieġ li l-kawża prinċipali tkun tressqet qabel ma ssir il-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom huwa ġġustifikat mill-fatt li, kif huwa l-każ fuq livell nazzjonali, fi każijiet ta’ kuntratti pubbliċi, il-miżuri taħt it-Titolu 3 tar-Regoli tal-Proċedura għandhom bħala għan li jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward tal-applikazzjoni mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi li huma essenzjalment ibbażati fuq id-Direttiva 2004/18. Korrelattivament, għalkemm huwa veru li, fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma huwiex meħtieġ, bħala regola, li jwettaq evalwazzjoni ddettaljata bħal fil-kuntest tal-proċeduri prinċipali, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi interpretata li tfisser li evalwazzjoni ddettaljata hija assolutament ipprojbita.

Konsegwentement, huwa xieraq li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti jipproduċux provi suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-fumus boni juris tal-allegazzjonijiet tagħhom fis-sens li joħolqu impressjoni serja li d-deċiżjoni kkontestata fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi hija vvizzjata b’illegalità.

(ara l-punti 18-23)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 30)