Language of document : ECLI:EU:T:2008:319

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Settembru 2008 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali MAGIC SEAT – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti SEAT – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑363/06

Honda Motor Europe Ltd, stabbilita fi Slough, Berkshire (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Malynicz, barrister, u N. Cordell, solicitor,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Seat, SA, stabbilita f’ Barċellona (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tas-7 ta’ Settembru 2006 (Każ R 960/2005-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Seat, SA u Honda Motor Europe Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Diċembru 2006,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ April 2007

wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2008

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-10 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrenti, Honda Motor Europe Ltd, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali MAGIC SEAT.

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 12 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti: “siġġijiet ta’ vetturi u mekkaniżmi ta’ siġġijiet ta’ vetturi u partijiet u installazzjonijiet u aċċessorji għal dawn il-prodotti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 70/2002 tat-2 ta’ Settembru 2002.

5        Fis-7 ta’ Ottubru 2002, Seat, SA ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar- Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha koperti minn din tal-aħħar.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq it-trade mark figurattiva Spanjola Nru 2189822 irreġistrata fit-3 ta’ Marzu 1999 għall-prodotti “vetturi tal-art, ingaġġjar u sistemi ta’ trażmissjoni, kif ukoll komponenti u spare parts ta’ vetturi tal-art li mhumiex inklużi fi klassijiet oħrajn; apparat għal-lokomozzjoni bl-art, arja jew ilma” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jaqgħu fil-klassi 12, irrappreżentata hawn isfel:

Image not found

7        Wieħed mill-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kien il-probabbiltà ta’ konfusjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti. Insostenn tal-oppożizzjoni, Seat invokat ukoll ir-reputazzjoni tat-trade mark tagħha, b’mod partikolari fi Spanja.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2005, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni minħabba li kien hemm riskju ta’ konfusjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti fid-dawl tal-identiċità tal-prodotti u tax-xebh tat-trade marks inkwistjoni. Barra minn hekk, hija speċifikat li, fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat il-karattru distintiv kweżit tat-trade mark preċedenti.

9        Fil-5 ta’ Awwissu 2005, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra din id-deċiżjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell ċaħad l-appell kollu kemm hu. Huwa mmotiva d-deċiżjoni tiegħu billi osserva li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għailha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, peress li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi u s-sinjali kienu simili. Il-Bord tal-Appell ibbaża din l-aħħar konklużjoni fuq il-konstatazzjoni li s-sinjali kunfliġġetti kienu, sa ċertu punt, simili mill-aspett viżiv, li kienu simili mill-aspett fonteiku u li kien hemm riskju li jitqiesu simili mill-aspett kunċettwali. Huwa osserva ukoll li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv għoli fi Spanja minħabba r-reputazzjoni tagħha. Il-Bord tal-Appell qal ukoll li, anki kieku l-konsumaturi ma jitfixklux s-sinjali bejntiethom u jindunaw bid-differenza tagħhom, xorta waħda hemm riskju li jassoċjawhom u li jissopponu li kellhom l-istess oriġini kummerċjali.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

12      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Biex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

14      Fir-rigward tal-paragun viżiv tas-sinjali inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jikkunsidra b’mod suffiċjenti l-importanza tal-logo “S” tat-trade mark preċedenti billi kkunsidra li dan ikun preċepit bħala element dekorativ jew bħala l-ewwel ittra tal-kelma “seat”. Din il-konklużjoni tikkontradixxi, barra minn hekk, il-konstatazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li ż-żewġ trade marks huma differenti b’mod viżiv minħabba l-preżenza tal-imsemmi logo fit-trade mark preċedenti u ta’ dik tal-kelma “magic” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Il-logo “S” huwa l-element viżiv dominanti fit-trade mark preċedenti filwaqt li, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-kelma “magic” tattira l-attenzjoni immedjatament. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kellu jikonkludi li kien hemm b’mod ġenerali xebh viżiv dgħajjef ħafna bejn is-sinjali kunfliġġenti. Barra minn hekk, il-logo “S” huwa sinjal magħruf u distintiv ħafna bħal-logos ta’ Citroën, Peugeot, Audi, Mercedes, Toyota u Honda. Jekk jiġi injorat, dan iwassal li tingħata protezzjoni purament verbali għal trade mark figurattiva jew kumplessa, li mhuwiex permess fl-iskema tat-trade mark Komunitarja, peress li ħafna drabi trade marks jirċievu protezzjoni biss minħabba l-element ta’ karatterizzazzjoni. Fl-aħħar nett, il-fatt li tinjora l-element ta’ karatterizzazzjoni f’dan il-każ huwa att mhux aċċettabbli ta’ “skomposizzjoni kunsiderevoli” ta’ trade mark kumplessa [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Canali Ireland vs UASI – Canal Jean (CANAL JEAN CO. NEW YORK), T‑301/03, Ġabra p. II‑2479, punt 48]. Fis-seduta, ir-rikorrenti wkoll invokat insostenn ta’ dan l-arguement is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs OHMI, (C‑193/06 P, Ġabra p. I-114).

15      Għal dak li jikkonċerna l-paragun fonetiku tat-trade marks inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li s-sinjali kienu simili. Minn naħa, il-konsumatur Spanjol ma jippronunċax il-kelma “magic” bħala kelma Spanjola, peress li din il-kelma ma teżistix f’din il-lingwa u, konsegwentement anki t-trade mark li għailha saret l-applikazzjoni kkunsidrata fit-totalità tagħha mhijiex ppronuċata bħala frażi Spajnola. Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ukoll naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li “magic” hija l-ewwel kelma tat-trade mark MAGIC SEAT, b’mod li d-diffrenzi fonetiċi mat-trade mark preċedenti SEAT jirriżultaw fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

16      Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies li l-kelma “seat” ma kellha l-ebda sinjifikat fl-Ispanjol u li ma kkunsidrax li t-trade mark preċedenti kollha kemm hi, li hija komposta mill-kelma “seat” u mil-logo “S” u li hija immedjatament u kjarament mifhuma mill-konsumatur Spanjol li tindika l-magħruf manifattur Spanjol ta’ karrozzi Seat. Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni MAGIC SEAT, il-kelma “magic”, għalkemm hija simili għall-kelma Spanjola “mágico”, hija mifhuma li għandha sinjifikat fl-Ingliż, jew tal-inqas fl-lingwa oħra li mhux l-Ispanjol, iżda fl-ebda każ bħala referenza għall-kumpannija tal-karozzi Spanjola Seat. Konsegwentement, id-differenza kunċettwali bejn it-trade marks tneħħi xebh viżiv jew fonetiku eventwali. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma ħax kont tal-provi ppreżentati mir-rikorrenti fuq il-mod kif il-konsumaturi Spanjoli jistgħu jipperċepixxu t-trade mark MAGIC SEAT b’mod partikolari r-rapport tas-sur Sanchez-Verdejo Pérez , li jgħid li l-konsumaturi Spanjoli li jafu jitkellmu bl-Ingliż jagħrfu “magic” bħala kelma Ingliża, filwaqt li dawk li ma jafux jitkellmuh jistgħu jikkunsidrawha bħala simili għall-kelma Spanjola “mágico”, b’mod li t-trade mark MAGIC SEAT hija perċepita kollha kemm hi bħala frażi Ingliża jew, tal-inqas, bħala frażi barranija.

17      Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm erba’ fatturi li juru n-nuqqas ta’ eżistenza tagħha f’dan il-każ. Fl-ewwel lok, is-siġġijiet ta’ karozza huma xi kultant għoljin ħafna u x-xerrejja għaldaqstant jagħtuhom attenzjoni relattivament għolja. Fit-tieni lok, huma ġeneralment jinxtraw bl-għajnuna ta’ professjonist. Fit-tielet lok, anki meta dawn il-prodotti jinxtraw mingħajr l-għajnuna ta’ professjonist, il-konsommaturi, li probabbiliment iħobbu l-karozzi jew huma membri ta’ klabb tas-sewwieqa, ikunu xorta waħda informati sew. Fl-aħħar lok, kull persuna, professjonist jew le, jagħti attenzjoni partikolari sabiex jassigura li tixtri s-siġġu li jikkorrispondi għall-karozza inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-espert is-sur Gardiner li minnha jirriżulta li s-siġġijiet tal-karozzi ġeneralment jinbiegħu minn aġenti awtorizzati, li jinbiegħu bħala komponenti oriġinali jew bħala prodotti tas-suq sekondarju tal-ispare parts, li ġeneralment jinxtraw minn persuni li jifhmu u li anki s-siġġijiet ta’ karozzi tas-suq sekondarju tal-ispare parts jeħtieġu kit ta’ installazzjoni li jikkorrispondi għall-mudell ta’ karozza.

18      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

19      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar- Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni m’għandhiex tiġi rreġistrata jekk minħabba identiċità jew xebh mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jinftiehem bi trade marks preċedenti, it-trade marks reġistrati fi Stat Membru b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

20      Skont ġurisprudenza kostanti, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni r-riskju li l-pubbliku jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti għall-każ, b’mod partikolari, ix-xebh bejn it-trade marks u bejn il-prodotti jew is-servizzi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan il-każ, it-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni hija t-trade mark figurattiva Spanjola SEAT. Hekk kif jikkonstata l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, it-territorju rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huwa t-territorju Spanjol. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tal-prodotti, il-pubbliku rilevanti, minn naħa, ta’ bejjiegħa tal-vetturi li mhumiex ġodda, ta’ proprjetarji ta’ garaxxijiet u ta’ mekkaniċi u, min-naħa l-oħra, ta’ konsumaturi medji li huma probabbilment assistiti minn mekkaniku jew minn professjonisti oħra kompetenti fil-qasam matul il-bidla jew it-tiswija ta’ kull komponent relatat ma’ siġġu ta’ karozza. Barra minn dan, din id-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

22      Fir-rigward tal-paragun tal-prodotti inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra, mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-prodotti inkwistjoni huma identiċi safejn il-prodotti indikati fl-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri s-“siġġijiet ta’ vetturi u mekkaniżmi ta’ siġġijiet ta’ vetturi u partijiet u installazzjonijiet u aċċessorji għal dawn il-prodotti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jaqgħu f’definizzjoni iktar wiesgħa ta’ ċerti prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, jiġifieri “komponenti u spare parts ta’ vetturi tal-art” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Fuq il-paragun tas-sinjali

23      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li dawn jipproduċu, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips‑Van Heusen vs UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-paragun viżiv tas-sinjali kunfliġġenti, għandu jiġi mfakkar qabel kollox, li xejn ma jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ tagħti lok għal impressjoni viżiva [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Vedial vs UASI – France Distribution (HUBERT), T‑110/01, Ġabra p. II‑5275, punt 51 u tal-4 ta’ Mejju 2005, Chum vs UASI – Star TV (STAR TV), T‑359/02, Ġabra p. II‑1515, punt 43].

25      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li trade mark kumplessa, komposta minn kemm elementi verbali u kif ukoll figurattivi, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tixbah trade mark oħra li hija identika jew li tixbah wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, sakemm dan il-komponent ma jikkostitwixxix l-element dominanti fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark kumplesssa. Dan hu l-każ meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġini ta’ din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm f’moħħu, b’tali mod li l-komponenti l-oħra ta’ din it-trade mark huma ta’ importanza żgħira fl-impressjoni globali prodotta minnha [sentenzi tat-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 33, u STAR TV, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44].

26      Il-ġurisprudenza ppreċiżat li dan l-approċċ ma jfissirx li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, hemm lok li tali paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha. Madankollu, dan ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew aktar mill-komponenti tagħha [sentenza MATRATZEN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs UASI – Sadia (GRUPO SADA), T‑31/03, Ġabra p. II‑1667, punt 49].

27      Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta’ wieħed jew diversi mill-komponenti speċifiċi ta’ trade mark kumplessa, għandhom, b’mod partikolari, jiġu kkunsidrati l-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull waħda minn dawn il-komponenti billi jiġu mqabbla ma’ dawk tal-komponenti l-oħra. Barra dan u alternattivament, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva tal-komponenti differenti fl-għamla tat-trade mark kumplessa (sentenzi MATRATZEN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u GRUPO SADA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

28      Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li ż-żewġ sinjali li għandhom jiġu paragunati għandhom il-kelma “seat” komuni, li hija miżjuda, fit-trade mark preċedenti , ma’ logo f’forma ta’ “S” stilizzata u, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-kelma “magic”.

29      Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-kelma “seat” tikkostitwixxi l-element dominanti tat-trademark preċedenti, jiġifieri l-element li l-konsumaturi Spanjoli jikkwotaw meta jippruvaw jidentifikaw it-trade mark fit-totalità tagħha.

30      F’dan ir-rigward, għandhu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta trademark hija komposta minn elementi verbali u figurattivi, dawk tal-ewwel għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala iktar distintivi mit-tieni, għaliex il-konsumatur medju jagħmel riferenza għall-prodott inkwistjoni iktar faċilment billi jgħid l-isem minflok joqgħod jispjega l-element figurattiv tat-trademark [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 47 u tal-14 ta’ Lulju 2005, Wassen International vs UASI – Stroschein Gesundkost (SELENIUM-ACE), T‑312/03,Ġabra p. II‑2897, punt 37].

31      F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-logo “S” tat-trade mark preċedenti hija leġġerment stilizzata iżda ma jidhirz bħala oriġinali jew elaborat ħafna. Fil-fatt, huwa jikkostitwixxi l-ewwel ittra tal-element verbali “seat” li, minkejja li huwa taħt il-logo “S” u għandu karattri li huma iżgħar mill-imsemmi logo, xorta huwa miktub b’ittri majjuskoli ta’ daqs kbir, huwa ikbar mill-imsemmi logo u huwa perfettament leġġibbli. Barra minn hekk, hekk kif isostni ġustament il-Bord tal-Appell, u minkejja l-elementi li għalihom tirreferi r-rikorrenti, bħar-reproduzzjoni tal-logo “S” fuq il-qoxra tar-rapport annwali tal-kumpannija Seat jew quddiem tal-vetturi mibjugħa mill-imsemmija kumpannija, l-imsemmi logo ma fihx semantiku intrinsiku li jagħti t-trade mark l-karattru distintiv tagħha, iżda għandu ċertament bħala għan li jenfasizza l-ewwel ittra tal-kelma “seat”.

32      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata tiegħu li, għalkemm il-logo bħala tali kien bla dubju identifikabbli minnu stess, huwa wkoll marbut b’mod inseparabbli mal-element verbali “seat” li għandu karattru distintiv ħafna fi Spanja minħabba r-reputazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, hemm riskju li t-trade mark preċedenti, analizzata fit-totalità tagħha, tiġi identifikata mill-intermedjarju tal-element verbali “seat”, filwaqt li l-logo jiġi meqjus bħala element dekorattiv jew l-inizjali ta’ “seat”. Konsegwentement, għandha tiġi kkonfermata li l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li l-element verbali “seat” hija dominanti fit-trade mark preċedenti.

33      Għall-kuntrarju ta’ dak li qed tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell b’hekk applika b’mod korrett il-ġurisprudenza li tipprovdi li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew aktar mill-komponenti tagħha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

34      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata li, mill-aspett viżiv, is-sinjali inkwistjoni kienu, sa ċertu punt, simili fir-rigward tal-preżenza tal-element komuni “seat”, iżda li huma differenti minħabba l-element figurattiv preżenti fit-trade mark preċedenti u l-kelma “magic”, li tkun perċepita, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tikkwalifika l-kelma “seat” minħabba x-xebh tagħha mal-kelma ekwivalenti Spanjola “mágico”.

35      Fl-aħħar lok, għandu jiġi wkoll miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-punt 25 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata huma kontradittorji inkwantu jirriżulta mill-punt 25 li l-logo tat-trade mark preċedenti huwa insinjifikanti u mill-punt 28 li ż-żewġ sinjali huma differenti b’mod viżiv minħabba l-preżenza tal-imsemmi logo fit-trade mark preċedenti u tal-kelma “magic” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, hekk kif ġie osservat hawn fuq, il-Bord tal-Appell ma injorax il-logo “S” fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata iżda qieset li l-imsemmija trade mark, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, kienet dominanti permezz tal-element verbali “seat” u li l-logo huwa perċepit bħala element dekorattiv jew l-inizjali ta’ “seat”. B’hekk, għalkemm, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa ċertament li, fuq livell viżiv, it-trade marks inkwistjoni huma differenti minħabba l-element figurattiv aċċessorju u l-kelma “magic” preżenti fl-applikazzjoni tat-trade mark, huwa kkunisdra wkoll li l-imsemmija trade marks kienu, sa ċertu punt, simili minħabba l-preżenza taż-żewġ sinjali tal-element “seat” li huwa element dominanti tat-trade mark preċedenti.

36      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-paragun fonetiku taż-żewġ sinjali inkwistjoni, mhuwiex ikkontestat li l-element figurattiv fil-forma ta’ “S” tat-trade mark preċedenti mhuwiex intiż li jiġi ppronunċat. Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat, hekk kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, li l-element verbali tat-trade mark preċedenti “seat” huwa ppronunċjat mill-pubbliku rilevanti f’żewġ sillabi “se- at”.

37      Għal dak li jikkonċerna t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li hemm riskju li l-kelma “seat”, riprodotta fit-trade mark verbali MAGIC SEAT, ma tiġix perċepita mill-pubbliku rilevanti bħala t-traduzzjoni Ingliża tal-kelma “siġġu” inkluż il-konsumatur li jifhem l-Ingliż, peress li din il-kelma huwa immedjatament assoċjat mal-isem tal-magħruf manifattur Spanjol Seat. Għall-kuntrarju ta’ dak li qed tafferma r-rikorrenti, hemm riskju, konsegwetement, li din tiġi ppronuċata bħala kelma Spanjola f’żewġ sillabi u mhux f’waħda bħal fl-Ingliż.

38      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-evalwazjoni tal-Bord tal-appell tmur kontra l-ġurisprudenza li tgħid li l-konsumaturi ġeneralment jiftakkru l-parti inizjali tat-trade marks mill-partijiet segwenti, għandu jiġi mfakkar li din il-kunsiderazzjoni ma tistax tapplika f’kull każ [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Mejju 2007, Trek Bicycle vs UASI – Audi (ALLTREK), T‑158/05, Ġabra p. II-49, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata] u ma tistax, f’kull każ, tqiegħed fid-dubju l-prinċipju li skontu l-eżami tax-xebh bejn it-trade marks għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali mogħtija minn dawn it-trade marks, peress li l-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark bħala xi ħaga sħiħa u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tagħha.

39      Issa, hekk kif ġie osservat hawn fuq, il-kelma “magic” ser tkun perċeputa mill-pubbliku rilevanti bħala li tikkwalifika sempliċiment il-kelma “seat” minħabba x-xebh tagħha mal-kelma Spanjola “mágico” , li hija purament tifħira. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li hija ġurisprudenza kostanti li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumplessa bħall-element distintiv u dominati fl-impressjoni globali prodotta minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T‑129/01,Ġabra p. II‑2251, punt 53, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE et NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, Ġabra p. II‑3471, punt 34]. L-argument li l-pubbliku rilevanti mhux ser jippronunċa “magic seat” bħala frażi Spanjola minħabba l-fatt li l-kelma “magic” ma teżistix f’din il-lingwa għandha tinċaħad għall-istess raġuni.

40      Minn dan isegwi li ma jistax jiġi eskluż li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tiġi ppronunċata “ma-gic se-at” tal-inqas minn parti tal-pubbliku rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-inklużjoni ta’ element wieħed verbali tat-trade mark preċedenti fl-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tippermetti li jiġi konkluż li hemm xebh fonetiku importanti bejn is-sinjali inkwistjoni, u l-evalwazzjoni magħmula fuq dan il-punt mill-Bord tal-appell hija konsegwentement approvata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37].

41      Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-paragun kunċettwali taż-żewġ sinjali inkwistjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-komprensjoni eventwali li l-pubbliku rilevanti ħa jkollu tas-sinjali inkwistjoni u b’mod iktar partikolari tal-element dominanti tat-trade mark preċedenti “seat”, komuni għaż-żewġ sinjali.

42      Għal dak li jikkonċerna s-sinjifikat tat-trade mark preċedenti, minn naħa, għandu jiġi mfakkar li l-logo “S” ma fihx kontenut semantiku intrinsiku.

43      Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ikkunsidra fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma “seat” bħala kelma li m’għandhiex sinjifikat fil-lingwa Spanjola u tikkostitwixxi akronimu tal-isem tal-kumpannija li hija l-proprjetarja tat-trade mark preċedenti, jiġifieri Sociedad Española de Automóviles de Turismo. Huwa jżid li, minħabba r-reputazzjoni miksuba minn din il-kumpannija u mit-trade mark preċedenti, il-kelma “seat” kien identifikabbli bħala trade mark tal-karozzi.

44      Għandha tiġi kkonfermata din l-analiżi tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, il-kelma “seat” ma teżistix fil-lingwa Spanjola iżda hemmhekk kisbet sens sekondarju jew sinjifikat għaliha nfisha inkwantu hija tindika kjarament il-manifattur Spanjol tal-karozzi Seat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punt 104). Ir-rikorrenti tirrikonoxxi barra minn hekk li t-trade mark preċedenti komposta mil-logo u mill-kelma “seat” hija immedjatament assoċjata mill-konsumatur rilevanti mal-magħruf manifattur tal-karozzi Spanjol Seat.

45      Għal dak li jikkonċerna t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni MAGIC SEAT, il-Bord tal-Appell sussegwentement ikkonkluda li kien hemm riskju li tiġi meqjusa li għandha xebh kunċettwali mat-trade mark preċedenti Seat, peress li hija komposta minn marka li għandha karattru distintiv ħafna li magħha huwa miżjud l-aġġettiv ta’ tifħir “magic”.

46      Din l-analiżi għandha wkoll tiġi kkonfermata peress li ma jistax jiġi eskluż li l-pubbliku rilevanti, fil-preżenza tat-trade mark MAGIC SEAT li tindika siġġijiet ta’ vetturi mibjugħa mir-rikorrenti, jassoċja l-imsemmija trade mark mat-trade mark preċedenti SEAT u għaldaqstant mal-manifattur Spanjol tal-karozzi, fid-dawl tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u tal-karattru purament ta’ tifħir tal-aġġettiv “magic”.

47      Għandhom jinċaħdu, f’dan ir-rigward, il-provi lingwistiċi li skont ir-rikorrenti, ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell. Is-sempliċi dikjarazzjoni tal-espert Sanchez Verdejo-Pérez li l-biċċa l-kbira tal-konsumaturi Spanjoli jgħarrfu li “magic” hija kelma Ingliża u, anki jekk isibuha simili għall-kelma Spanjola “mágico”, huma xorta jipperċipixxu li t-trade mark MAGIC SEAT, ikkunsidrata fit-totalità tagħha, bħala frażi Ingliża mhijiex biżżejjed sabiex turi li tali trade mark mhijiex ser tkun mifhuma minn tal-inqas minn parti tal-pubbliku rilevanti bħala frażi Spanjola.

48      Fil-fatt, din hija opinjoni li mhija bbażata fuq l-ebda data statistika jew xjentifika li tista’ turi li l-pubbliku rilevanti jifhem l-Ingliż. Issa, hekk kif ġie osservat hawn fuq, il-pubbliku rilevanti huwa kompost, minn naħa waħda, mill-bejjiegħa ta’ korrozzi mhux ġodda, ta’ proprjetarji ta’ garaxxijiet u ta’ mekkaniċi u, min-naħa l-oħra, ta’ konsumaturi medji li huma probabbilment assistiti minn mekkaniku jew minn professjonisti oħra kompetenti fil-qasam matul il-bidla jew it-tiswija ta’ kull komponent relatat ma’ siġġu ta’ karozza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija dikjarazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex teskludi li tal-inqas parti tal-imsemmi pubbliku rilevanti mhux ser jifhem it-trade mark li għaliha ntalbet reġistrazzjoni bħala frażi mhux Spanjola iżda ser jassoċja mal-manifattur tal-karozzi Spanjol Seat.

49      Konsegwentement, safejn hemm riskju li dawn iż-żewġ sinjali inkwistjoni jiġu perċipiti minn tal-inqas parti mill-pubbliku rilevanti li qed jirreferu għall-manifattur tal-karozzi Seat, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li kienu simili kunċettwalment.

50      Peress li mhemmx differenza kunċettwali bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti li tista’ tneħħi x-xebh viżiv u fonetiku tagħhom, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-applikazzjoni mill-Bord tal-Appell tar-regola tan-newralizzazzjoni għandu jinċaħad.

51      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li s-sinjali kunfliġġenti jidhru bħala simili globalment, u dan ix-xebh jirriżulta b’mod partikolari mir-riproduzzjoni tal-element dominanti “seat” tat-trade mark preċedenti fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

52      Għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, peress li iktar ma l-karattru distintiv tat- trade mark preċedenti jkun qawwi iktar tiżdied il-probabbiltà ta’ konfużjoni t-trade marks li għandhom karattru distintiv qawwi, jew intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Barra minn hekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti inkwistjoni huwa meqjus li hu informat normalment u raġonevolment attent u prudenti. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa rari li l-konsumatur medju jkollu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks differenti u li huwa jkollu jafda fl-istampa imperfetta tagħhom li jkun żamm fil-memorja tiegħu. Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26) kif ukoll il-fatt li pubbliku ta’ professjonisti speċjalizzati fil-qasam tal-prodotti inkwistjoni jistgħu juru grad għoli ta’ attenzjoni waqt l-għażla tagħhom ta’ dawn il-prodotti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Awla tal-14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (Spanja) vs UASI – Aladin (ALADIN), T‑126/03, Ġabra p. II‑2861, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata].

54      F’dan il-każ, il-Bors tal-Appell ikkonkluda li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba li t-trade marks huma simili, li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv ħafna fi Spanja minħabba r-reputazzjoni tagħha u li l-prodotti inkwistjoni huma identiċi. Huwa speċifika li, b’mod partikolari, anki jekk il-pubbliku rilevanti ma jitfixkilx it-trade marks bejniethom u jara d-differenza, hemm xorta waħda riskju li dawn iż-żewġ sinjali jiġu assoċjati u li jissoponi li l-prodotti indikati għandhom l-istess oriġini kummerċjali.

55      Mill-analiżi esposta hawn fuq jirriżulta li l-prodotti koperti minn dawn iż-żewġ sinjali huma identiċi u li ż-żewġ trade marks huma globalment simili.

56      Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv għoli fi Spanja minħabba r-reputazzjoni tagħha b’mod li hija għandha protezzjoni iktar wiesgħa mit-trade marks li għandhom inqas karattru distintiv.

57      Minn dan isegwi li jeżisti riskju li l-pubbliku rilevanti jista’ jemmen li l-prodotti inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi ekonomikament marbuta. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ assoċjazzjoni fir-rigward tal-pubbliku rilevanti.

58      Din il-konklużjoni ma hija bl-ebda mod effettwata bl-argumenti tar-rikorrenti.

59      Fir-rigward tal-argument li l-kelma “seat” li tinsab fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja titlef is-sens sekondarju tagħha ta’ indikatur tal-oriġini kummerċjali minħabba l-assoċjazzjoni tagħha mal-kelma Ingliża “magic”, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade mark SEAT u l-karttru deskrittiv tal-kelma “magic”, hemm riskju li din tal-aħħar tiġi perċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li tikkwalifika l-kelma “seat”, b’mod partikolari fil-frażi “magig seat!”, hekk kif osserva l-Bord tal-Appell fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija sostnuta mill-fatt li, hekk kif jenfasizza l-UASI fl-osservazzjonijiet tiegħu, huwa iktar u iktar frekwenti fl-Istati Membri li ma jitkellmux bl-Ingliż li jippromwovu trade marks billi jużaw kliem Ingliżi sabiex iżiedu l-immaġini internazzjonali tagħhom u li l-użu tal-kelma Ingliża “magic” bħala kwalitattiv ta’ eloġju huwa popolari.

60      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-erba’ fatturi li għandhom iwasslu għall-koklużjoni tan-nuqqas ta’ propbabbiltà ta’ konfużjoni, jiġifieri l-prezz relattivament għoli tas-siġġijiet ta’ vetturi, l-għajnuna ġeneralment mogħtija mill-bejjiegħ waqt ix-xiri ta’ dawn il-prodotti, il-konoxxenza tajba li l-konsumatur għandu tal-imsemmija prodotti u l-fatt li kull konsumatur, professjonist jew le, jieħu ħsieb li jassigura l-kompatibbiltà tas-siġġu mal-mudell ta’ vettura inkwistjoni, għandu wkoll jinċaħad.

61      Fil-fatt għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, billi tallega dawn l-erba’ fatturi, tidher li qed issostni li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, professjonist jew le, huwa għoli u dan jimpedixxi li hu jikkonfondi ż-żewġ trade marks inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks inkwistjoni mhijiex affettwata mill-fatt li l-pubbliku huwa kompost essenzjalment minn speċjalisti, għandha tiġi approvata. Fil-fatt, hekk kif josserva l-Bord tal-Appell, il-biegħ ta’ komponenti u ta’ spare parts ta’ karozzi mhuwiex limitat għall-bejjiegħa ta’ karozzi awtorizzati minn marka waħda, b’mod li ma jistax jiġi eskluż li bejjiegħ ta’ karozzi jew mekkaniku Spanjol jiffornixxi komponenti u spare parts li joriġinaw mill-manifatturi differenti jaħseb li l-prodotti li qed jinbiegħu taħt it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni joriġinaw minn Seat jew minn manifattur li għandu konnessjoni ekonomika ma’ Seat.

62      Barra minn hekk, għalkemm il-grad ta’ attenzjoni għolja tal-konsumatur rilevanti jista’, ċertament, iwasslu sabiex ikun konxju tal-karatteristiċi tekniċi tas-siġġijiet ta’ karozza b’mod li huwa jista’ jassigura ruħu mill-kompatibbiltà mal-mudell ta’ karozza inkwistjoni, hemm lok li jingħad li, fid-dawl ta’ identiċità tal-prodotti koperti, tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti u tal-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti, il-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa kompost minn professjonisti mhuwiex biżżejjed sabiex jeskludi li huwa jista’ jemmen li l-prodotti joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi ekonomikament konnessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ALADIN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100). Fil-fatt, jekk il-livell ta’ attenzjoni għoli tal-pubbliku rilevanti jimplika li hu jkun informat sew fuq is-siġġijiet ta’ vetturi u jista’ b’hekk jevita li jwettaq żbalji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mal-mudell ta’ vettura inkwistjoni, dan ma jistax jimpedixxih milli jemmen li s-siġġijiet li għandhom it-trade mark MAGIC SEAT jagħmlu parti minn gamma ġdida ta’ prodotti żviluppati mill-magħruf manifattur ta’ karozzi Spanjol Seat.

63      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li joħroġ min-nuqqas allegat tal-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni esperta tas-sur Gardiner li minnha jirriżulta ċar, skont ir-rikorrenti, li s-siġġijiet tal-karozzi ġeneralment jinbiegħu minn aġenti awtorizzati, li jinbiegħu bħala komponenti oriġinali jew bħala prodotti tas-suq sekondarju tal-ispare parts, għandu jingħad li dan l-argument huwa irrilevanti inkwantu li, peress li l-modalitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni partikulari tal-prodotti koperti mit-trade marks jistgħu jvarjaw fiż-żmien u skont il-volontà tal-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks, l-analiżi prospettiva tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks ma tistax tiddependi fuq l-intenzjonijiet kummerċjali, imwettqa jew le, u li min-natura tagħhom huma suġġettivi, tal-proprjetarji tat-trade marks [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2007, T.I.M.E. ART vs UASI, C‑171/06 P, Ġabra p. I-41, punt 59].

64      Barra minn hekk, safejn ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni tal-espert is-sur Gardiner li s-siġġijiet ta’ karozza ġeneralment jinxtraw minn persuni li jifhmu fil-karozzi u li probabbli mhumiex ser ikunu konfużi u li anki s-siġġijiet ta’ suq sekondarju għandhom bżonn kit ta’ installazzjoni li jikkorrispondi għall-mudell tal-karozza inkwistjoni, l-argument tagħha għandu jinċaħad peress li ġie stabbilit hawn fuq li, għalkemm il-grad ta’ attenzjoni għolja tal-pubbliku rilevanti jista’ iwasslu jevita żbalji fir-rigward tal-kompatibbiltà tas-siġġijiet mal-mudell tal-karozza inkwistjoni, ma tistax tiġi eskluża probabbiltà ta’ konfużjoni jew ta’ assoċjazzjoni f’dak li jikkonċerna l-oriġini kummerċjali tagħhom.

65      Minn dan jirriżulta li l-uniku motiv imqajjem fuq il-mertu mhuwiex fondat. Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jinċaħad.

 Fuq l-ispejjeż

66      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-UASI, skont it-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Honda Motor Europe Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Czúcz

Cooke

Labucka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2008.

Reġistratur

 

       President

E. Coulon

 

       O. Czúcz


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.