Language of document : ECLI:EU:T:2008:328

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Settembru 2008 (*)

“FAEGG – Taqsima ‘Garanzija’ – Infiq eskluż mill-finanzjament Komunitarju – Settur tal-inbid – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni – Kunċett ta’ superfiċji eliġibbli”

Fil-kawża T‑370/05,

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn G. de Bergues u A. Colomb, u sussegwentement minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Nolin, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/579/KE, tal-20 ta’ Lulju 2005, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq magħmul mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU L 199, p. 84), sa fejn hija teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq bħala korrezzjoni li tirrigwarda d-determinazzjoni tas-superfiċji eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tas-settur tal-inbid għas-sena 2001/2003,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, J. D. Cooke u I. Labucka (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest Ġuridiku

1        Il-leġiżlazzjoni bażika dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (PAK) hija kkostitwita, fir-rigward tal-infiq magħmul mill-1 ta’ Jannar 2000, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-PAK (ĠU L 160, p. 103).

2        L-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprovdi kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar in-nefqa li trid tiġi eskluża mill-finanzjament Komunitarju riferit fl-Artikoli 2 u 3 fejn issib illi n-nefqa ma tkunx ġiet effettwata skond ir-regoli Komunitarji.

Qabel ma tittieħed deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-kontrolli tal-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri interessati għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilthom kollha biex jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, l-Istat Membru jista’ jitlob li tinfetaħ proċedura bil-għan ta’ medjazzjoni bejn il-pożizzjonijiet rispettivi f’perjodu taż-żmien ta’ erba’ xhur, li r-riżultati tagħha għandhom jiġu ddikjarati f’rapport li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni u jiġi eżaminat minnha, qabel ma tittieħed deċiżjoni illi jiġi rrifjutat il-finanzjament.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi filwaqt li tqis b’mod partikolari il-livell misjub tan-nuqqas ta’ konformità. Il-Kummissjoni għandha tqis in-natura u l-gravità tal-kontravenzjoni u tat-telf finanzjarju sofrut mill-Komunità […]”

3        L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95 tas-7 ta’ Lulju 1995 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-ivverifikar tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU L 158, p. 6), jipprovdi:

“1. Jekk, bħala riżultat ta’ inkjesta, il-Kummissjoni tikkunsidra illi n-nefqa ma ġietx effettwata skond ir-regoli Komunitarji, għandha tinnotifika lill-Istati Membri fil-kwistjoni bir-riżultati tal-kontrolli tagħha u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-konformità fil-futur.

Il-komunikazzjoni għandha tirreferi għal dan ir-Regolament. L-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn u l-Kummissjoni tista’ timmodifika l-pożizzjoni tagħha bħala konsegwenza. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perjodu taż-żmien permess għat-tweġiba.

Wara li jiskadi ż-żmien permess għat-tweġiba, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal diskussjoni bilaterali u l-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom li jilħqu ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu u dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u t-telf finanzjarju lill-Komunità. Wara din id-diskussjoni u kull temma taż-żmien ta’ wara d-diskussjoni ffissata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, għall-provvediment ta’ iżjed tagħrif jew, fejn l-Istat Membru ma jaċċettax l-istedina għal laqgħa qabel it-temma taż-żmien iffissat mill-Kummissjoni, wara li tkun għaddiet din it-temma taż-żmien, il-Kummssijoni għandha formalment tikkomunika l-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru, filwaqt li tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/442/KE. Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, din il-komunikazzjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta’ kull nefqa li l-Kummissjoni jkun beħsiebha li teskludi skond l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli dwar il-miżuri korrettivi adottati sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tar-regoli Komunitarji u dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom. Il-Kummissjoni għandha, kif approprjat, tadotta waħda jew iktar mid-deċiżjonijiet skond l-Artikolu 5(2)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 sabiex teskludi n-nefqa affettwata minn-nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli Komunitarji sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri korrettivi.”

4        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU L 179, p. 1, retifika ĠU L 271, p. 47), jipprovdi b’mod partikolari:

“Artikolu 11

1. Sistema għar-ristruzzurazzjoni u l-konverżjoni ta’ oqsma tad-dwieli [settur tal-inbid] hija b’hekk stabbilita.

2. L-għan tas-sistema għandu jkun l-addattazzjoni tal-produzzjoni għad-domanda tas-suq.

3. Is-sistema għandha tkopri waħda jew iżjed minn dawn il-miżuri li ġejjin:

(a) konverżjoni varjetali, inkluż permezz ta’ tilqim fuq ieħor;

(b) ri-allokazzjoni ta’ l-oqsma tad-dwieli;

(ċ) titjib fit-teknika tat-tmexxija ta’ l-oqsma tad-dwieli rrelatati ma’ l-għanijiet tas-sistema.

Is-sistema m’għandhiex tkopri r-rinnovament normali ta’ l-oqsma tad-dwieli li jkunu waslu fit-tmiem tal-ħajja naturali tagħhom.

[…]

Artikolu 13

1. Appoġġ għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni għandu jingħata biss fir-rigward ta’ pjanijiet li jkunu ġew imħejjija u, meta meħtieġ, approvati mill-Istati Membri. L-appoġġ għandu jieħu l-forom li ġejjin:

(a)      kumpens lill-produtturi għat-telf ta’ dħul dovut minħabba l-implimentazzjoni tal-pjan,

u

(b)       kontribuzzjoni lejn l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni.

2. Il-kumpens lill-produtturi għal telf ta’ dħul jista’ jieħu waħda mill-forom li ġejjin:

(a)      permess għall-koeżistenza ta’ dwieli kemm qodma u ġodda għal perjodu fiss li m’għandux jaqbeż it-tliet snin, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu I ta’ dan it-Titolu;

jew

(b)      kumpens finanzjarju, li għandu jkun iffinanzjat mill-Komunità.

3. Il-kontribuzzjoni tal-Komunità lejn l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni m’għandhomx jeċċedu l-50 % ta’ dawk l-ispejjeż. B’dana kollu, f’reġjuni kklassifikati bħala Objettiv 1 bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, il-kontribuzzjoni tal-Komunità m’għandhiex teċċedi l-75 %. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14(4), l-Istati Membri ma jistgħux jikkontribwixxu għall-ispiża f’ebda wieħed minn dawn il-każi.  

[…]

Artikolu 15

Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 75.

Dawn ir-regoli jistgħu partikolarment jinkludu:

(a)      id-daqs minimu għall-qasam tad-dwieli kkonċernat;

(b)      id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-użu tad-drittijiet ġenerali ta’ tħawwil mil-ġdid u d-drittijiet ġodda ta’ tħawwil mogħtija fil-qafas tal-pjanijiet tat-titjib materjali u għal bdiewa żagħżagħ, fl-implimentazzjoni ta’ programmi;

(ċ) dispożizzjonijiet li jimmiraw ħalli jipprevjienu żieda fil-potenzjal tal-produzzjoni li joħorġu minn dan il-Kapitolu;

(d)      ammonti massimi ta’ appoġġ għal kull ettaru.”

5        Il-paragrafi 1, 2 u 4 tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1227/2000 tal-31 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1493/1999 f’dak li jirrigwarda l-potenzjal tal-produzzjoni (ĠU L 143, p. 1) jipprovdu b’mod partikolari dan li ġej:

“1. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu daqs minimu ta’ pakkett li jista’ jikkwalifika [biċċa art li tista’ tikkwalifika] għall-għajnuna ta’ l-istrutturar u konverżjoni, u daqs minimu ta’ pakkett li jirriżulta [biċċa art li tirriżulta] mill-istrutturar u konverżjoni.

2.       L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu:

(a)       id-definizzjonijiet ta’ miżuri li għandhom ikunu jinsabu fil-pjanti;

(b)       il-limitu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, li m’għandux jeċċedi l-ħames snin;

(ċ)       il-ħtiega li l-pjanijiet għandhom jistqarru li, għal kull sena finanzjarja, il-miżuri li għandhom ikunu implimentati f’dik is-sena finanzjarja, u l-biċċa art kkonċernata għal kull qies;

(d)       il-proċeduri għas-sorveljanza ta’ dik l-implimentazzjoni. […]

4. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jadottaw ir-regoli li jirregolaw l-iskop speċifiku [il-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku] u l-livelli ta’ għajnuna li għandhom jingħataw. Bla ħsara għall-Kapitolu III tat-Titolu I tar-Regolament […] Nru 1493/1999 u dan il-Kapitolu, dawk ir-regoli jistgħu jipprovdu b’mod partikolari għall-ħlas ta’ ammonti b’rata fissa, l-livelli massimi ta’ għajnuna għal kull ettaru u d-differenza ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Ir-regoli għandhom b’mod partikolari jipprovdu għall-livelli ogħla adegwati ta’ għajnuna f’każijiet fejn id-drittijiet ta’ tħawwil mill-ġdid li jseħħu mit-tindif mill-għeruq taħt il-pjan huma użati fl-implimentazzjoni tal-pjan.”

6        L-Artikolu 15a tar-Regolament Nru 1227/2000, li ġie mdaħħal permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2002 tal-24 ta’ Lulju 2002 (ĠU L 196, p. 23), li jemenda l-imsemmi Regolament Nru 1227/2000, jipprovdi:

“1. B’eċċezzjoni għall-Artikolu 15, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-għajnuna għandha tkun imħallsa wara verifikazzjoni li l-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni għall-għajnuna jkunu ġew implimentati. Jekk il-verifiki juru li l-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni ta’ għajnuna ma ġewx implementati kollha kemm huma, iżda xorta waħda ġew implimentati fuq iżjed minn 80 % taż-żona kkonċernata fil-limitu ta’ żmien stabbilit, allura l-għajnuna għandha titħallas imnaqqsa b’ammont ugwali għad-doppju ta’ l-għajnuna addizzjonali li kieku kienet titħallas kieku l-miżura kienet giet implimentata fuq iż-żona kollha.

2. B’eċċezzjoni għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-għajnuna għall-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni ta’ l-għajnuna li għandha tkun avvanzata lill-produtturi qabel ma dawk il-miżuri jkunu ġew implimentati, sakemm dik l-implimentazzjoni bdiet u l-benefiċjarju jkun għamel sigurtà ekwivalenti għal 120 % ta’ l-għajnuna. Għall-għanijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85, l-obbligazzjoni għandha tkun li jiġu implimentati l-miżuri kollha fi żmien sentejn minn meta l-avvanz jitħallas.

Dak il-perjodu jista’ jiġi aġġustat mill-Istat Membru fil-każijiet fejn:

(a)      iż-żoni kkonċernati huma parti minn żoni li jkunu sofrew diżastru naturali rikonoxxut mill-awotiritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

(b)      il-miżura ppjanata ma tistax tkun implimentata għax il-materjal tal-pjanti jkun sofra problemi ta’ saħħa li jkunu ġew ċertifikati minn korp rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.

Jekk il-verifiki juru li l-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni ta’ l-għajnuna, u li għalihom avvanz ikun ġie mħallas, ma jkunux ġew implimentati kollha kemm huma, iżda xorta waħda tkun ġiet implimentata iktar minn 80 % taż-żona kkonċernata fil-limitu ta’ żmien stabbilit, allura l-garanzija għandha tiġi rilaxxata imnaqqsa b’ammont ugwali għad-doppju ta’ l-għajnuna addizzjonali li kienet titħallas kieku l-miżuri kollha kienu ġew implimentati fiż-żona kollha.

Fejn produttur jagħżel, qabel id-data ta’ l-iskadenza stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, kontra li l-għajuna titħallas minn qabel, 95 % tal-garanzija għandha tiġi rilaxxata. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data ta’ l-iskadenza li huma stabbilixxew għall-implimentazzjoni ta’ dan is-subparagrafu.

Fejn produttur jiddeċiedi, qabel id-data ta’ l-iskadenza stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat, li ma jimplimentax il-miżuri kollha koperti mill-applikazzjoni ta’ l-għajnuna, dak il-produttur għandu jħallas lura kull avvanz li jkun diġà tħallas, u wara dan 90 % tal-garanzija għandha tiġi rilaxxata. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data ta’ l-iskadenza li stabbilixxew għall-implimentazzjoni ta’ dan is-subparagrafu.

3. Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu, tolleranza ta’ 5 % għandha tiġi applikata meta ż-żoni kkonċernati jiġu verifikati.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Metodu applikat mir-Repubblika Franċiża għall-kalkolu tal-għajnuna

7        Korrezzjonijiet finanzjarji ġew imposti fuq ir-Repubblika Franċiża permezz tad-Deċiżjoni 2005/579/KE tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Lulju 2005, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq magħmul mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU L 199, p. 84, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), minħabba li l-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Franċiża kienet inkludiet superfiċji ineliġibbli fil-kalkoli tal-infiq tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni u ta’ konverżjoni tas-settur tal-inbid.

8        Kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża u, b’mod partikolari, mir-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni u mill-ordnijiet interministerjali dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tas-settur tal-inbid għas-snin 2000/2001 u 2001/2002 (ara l-Journal officiel de la République française tal-24 ta’ Mejju 2001 u tal-5 ta’ April 2002, rispettivament), l-awtoritajiet Franċiżi ddeċidew favur il-ħlas ta’ ammonti b’rata fissa. L-għajnuna tħallset għal kull ettaru ta’ superfiċji tal-għalqa ristrutturata (euro għal kull ettaru).

9        Il-kalkolu tal-ispejjeż jieħu inkunsiderazzjoni s-superfiċji ta’ dwieli li jinkludu r-raded tal-moħriet, jiġifieri l-ispazji laterali u fit-tarf tal-filliera li huma neċessarji sabiex jgħaddu u jduru l-magni għall-koltivazzjoni tad-dwieli, bħat-trakters u l-magni tal-ħsad.

10      Dan il-kalkolu b’hekk sar abbażi ta’ deskrizzjoni ta’ għalqa tipika definita bħala qasam tad-dwieli ta’ ettaru wieħed, ta’ forma rettangolari u ċatta, li tinkludi r-raded tal-moħriet neċessarji sabiex jimmanuvraw il-magni agrikoli sa 10 % tas-superfiċji, jiġifieri 6 metri mit-tarf tal-filliera.

11      Sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-forom ta’ għelieqi differenti u t-topografiji partikolari, ġie stabbilit nomogramm, jiġifieri tabella ta’ marġnijiet, għall-proċedura ta’ kalkolu tas-superfiċji. Dan tal-aħħar jistabbilixxi perċentwali massima ammissibbli ta’ superfiċji mhux imħawla ta’ dwieli, li hija, per eżempju, ta’ 30 % għall-għelieqi li s-superfiċji tagħhom imħawla bid-dwieli hija inqas minn 3 500 metru kwadru u ta’ 5 % għall-għelieqi li s-superfiċji tagħhom imħawla bid-dwieli hija iktar minn 15-il ettaru.

12      Id-diversi spejjeż ta’ tħawwil ta’ dwieli ġew individwalizzati taħt intestaturi, bħax-xiri ta’ pjanti, it-trattamenti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-manodopera. Barra minn dan, l-ispejjeż sistematiċi biss, jiġifieri dawk li mhumiex okkażjonali, ittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont b’rata fissa. Id-data dwar l-ispejjeż intbagħtet mill-Kmamar tal-Agrikoltura u aġġornata skont il-bżonn.

13      Ir-rata ta’ kumpens ġiet adattata skont erba’ kriterji: l-affiljazzjoni ma’ grupp ta’ produtturi, l-istatus ta’ bidwi zagħżugħ, is-sottoskrizzjoni ta’ kuntratt territorjali għat-tħaddim tar-raba’ u l-oriġini tad-drittijiet ta’ tħawwil. Ir-rata massima tikkorrispondi għal tħawwil imwettaq, bi drittijiet li jirriżultaw minn tindif mill-għeruq tar-raba’ li seħħ wara l-31 ta’ Lulju 2000, minn bidwi żagħżugħ affiljat ma’ grupp ta’ bdiewa u li ffirma kuntratt territorjali għat-tħaddim tar-raba’.

14      Bl-għan li jiġi żgurat, b’konformità ma’ l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1493/1999, li l-għajnuna ma taqbiżx 50 % tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni, ġew stabbiliti ir-rati fissi b’mod li ġie żgurat li l-ogħla rata ta’ għajnuna stabbilita ma qabżitx 50 % tal-iktar spiża baxxa ta’ tħawwil.

 Il-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

15      Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu inkjesta fi Franza, mit-23 sas-27 ta’ Settembru 2002, li tirrigwarda s-sistema ta’ għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tas-settur tal-inbid.

16      Fl-10 ta’ Frar 2003, wara din l-inkjesta, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni lill-awtoritajiet Franċiżi skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

17      Fl-20 ta’ Mejju 2003, l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għal din il-komunikazzjoni.

18      Fit-30 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni organizzat laqgħa bilaterali ma’ l-awtoritajiet Franċiżi.

19      Fit-22 ta’ Lulju 2004, wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni formali lill-awtoritajiet Franċiżi skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95, li fiha hija kkonfermat il-pożizzjoni tagħha li skontha l-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tas-settur tal-inbid ma kienx twettaq b’konformità mar-regoli Komunitarji għas-snin 2001 u ta’ wara. Il-Kummissjoni għamlet referenza, b’mod partikolari, għar-riżultati tal-verifika mwettqa fuq talba tagħha fuq kampjun każwali ta’ 50 fajl li kienu s-suġġett ta’ ħlas għas-sena 2001, li wera li s-superfiċji li fuqha realment huma mħawla d-dwieli kienet tirrappreżenta biss medja ta’ 90 % tas-superfiċji rikonoxxuta bħala eliġibbli. Is-servizzi tal-Kummissjoni għalhekk ikkunsidraw li d-differenza fis-superfiċji ta’  10 % kienet tikkorrispondi għas-sehem mhux eliġibbli tal-infiq magħmul għar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-inbid. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li kellha tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % fir-rigward tal-infiq iddikjarat matul il-perijodu li kien is-suġġett tal-verifika Komunitarja.

20      Fl-4 ta’ Ottubru 2004, l-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-każ quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni, li ltaqa’ fit-2 ta’ Marzu 2005 u ta r-rapport tiegħu fil-21 ta’ Marzu 2005. Il-Korp ta’ Konċiljazzjoni kkonkluda li kien possibbli, speċjalment fil-każ ta’ produttori tal-inbid żgħar, li l-għajnuna kienet ġiet allokata għal superfiċji li għalihom ma kienx sar infiq ta’ ristrutturazzjoni. Barra minn dan, huwa kkonstata li, fiż-żmien li kien ġie allokat lilu, ma kienx possibbli li jiġu kkonċiljati l-pożizzjonijiet taż-żewġ partijiet.

21      Wara l-laqgħa tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni, iżda tard wisq sabiex il-Korp ta’ Konċiljazzjoni jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw l-informazzjoni addizzjonali dwar l-allegat riskju ta’ qbiż tal-limitu tal-finanzjament Komunitarju. Din l-informazzjoni kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-riżultati ta’ kalkoli li juru li, anki jekk wieħed jitlaq minn ipoteżi estrema skont is-sistema ta’ għajnuna Franċiża, l-ammont massimu ta’ qbiż tal-ispejjeż li jikkonċernaw it-territorju Franċiż kollu huwa ta’ EUR 2 294 u, għas-sena tal-inbid 2000/2001, ir-rata medja ta’ għajnuna hija ta’ EUR 4 751 għal kull ettaru, jiġifieri ammont inqas ferm minn EUR 7 716 għal kull ettaru, liema ċifra ta’ dan tal-aħħar tikkorrispondi għal 50 % tan-nefqa għal operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni. Għas-snin tal-inbid 2001 u 2002, iċ-ċifri huma ta’ EUR 6 197 għal kull ettaru u ta’ EUR 8 371 għal kull ettaru, rispettivament.

22      Fl-4 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-awtoritajiet Franċiżi, li fiha hija spjegat il-pożizzjoni finali tagħha.

23      Fl-20 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li timponi b’mod partikolari fuq ir-Repubblika Franċiża korrezzjoni speċifika ta’ 10 % għall-parti tas-superfiċji ristrutturata jew konvertita.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Settembru 2005, ir-Repubblika Franċiża ressqet dan ir-rikors.

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

26      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2008.

27      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija teskludi mill-finanzjament Komunitarju s-somma ta’ EUR 13 519 122,05, bħala korrezzjoni li tirrigwarda d-determinazzjoni tas-superfiċji eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tas-settur tal-inbid għas-sena 2001/2003;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

29      Ir-Repubblika Franċiża tinvoka żewġ motivi, l-ewwel waħda bbażata fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1258/1999 u t-tieni bbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

30      Fir-rigward tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1258/1999, ir-Repubblika Franċiża tallega li l-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament Komunitarju l-infiq li madankollu kien sar b’konformità mar-regoli Komunitarji u li, f’kull każ, dan l-infiq b’ebda mod ma kien irriżulta f’telf għall-baġit Komunitarju. B’dan il-mod, il-Kummissjoni interpretat ħażin id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999.

31      Matul is-seduta, u b’konformità ma’ dak li kien ġie kkonstatat mill-Korp ta’ Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni rrilevat li l-kwistjoni prinċipali f’dan il-każ kienet tikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu applikat mir-Repubblika Franċiża, billi r-riskji ta’ telf għall-baġit Komunitarju kien limitat għal każ speċifiku wieħed jew tnejn li setgħu jinvolvu l-qbiż tal-marġni ta’ finanzjament Komunitarju.

 Dwar l-allegazzjoni li skontha l-infiq sar b’konformità mar-regoli Komunitarji

32      Ir-Repubblika Franċiża tirrileva li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-clearance tal-kontijiet tal-Istati Membri dwar l-infiq iffinanzjat mit-Taqsima “Garanzija” tal-FAEGG, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji, meta dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni ħadet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu minn dan il-ksur. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji.

33      Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li d-definizzjoni tas-superfiċji eliġibbli, li fuqha tibbaża ruħha l-Kummissjoni u li skontha s-superfiċji li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finanzjament Komunitarju hija s-superfiċji li fuqha huma mħawla d-dwieli, ma tistax tiġi dedotta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-uniku obbligu li għandu l-Istat Membru huwa li jiżgura li l-kontribuzzjoni tal-Komunità lejn il-finanzjament tal-infiq għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni ma taqbiżx 50 % ta’ dan l-infiq.

34      Ir-Repubblika Franċiża tallega li l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 1227/2000 jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għall-ħlas ta’ ammonti b’rata fissa. Barra minn dan, il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tispeċifikax il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dawn l-ammonti, u lanqas ma tiddefinixxi l-kunċett ta’ superfiċji eliġibbli. Huma għalhekk l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu dawn id-definizzjonijiet, bl-unika kundizzjoni li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tas-settur tal-inbid ma taqbiżx 50 % ta’ dan l-infiq. Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li hija ddefinixxiet il-kunċett ta’ superfiċji eliġibbli b’mod koerenti mad-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid.

35      Ir-Repubblika Franċiża tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li skontha hija naqqset l-ammont ta’ għajnuna b’rata fissa u paċiet dan it-tnaqqis permezz ta’ għoti tal-għajnuna għal superfiċji mhux eliġibbli, billi ħadet illegalment inkunsiderazzjonii r-raded tal-moħriet meta huma biss is-superfiċji koperti bid-dwieli li huma eliġibbli. Hija ssostni wkoll li s-sistema ta’ finanzjament lanqas m’għandha l-għan li tistabbilixxi xi kumpens kwalunkwe bejn il-benefiċjarji. Għall-kuntrarju, hija kkalkulat ammont b’rata fissa fuq il-bażi ta’ nfiq reali, li hija applikat għal superfiċji li hija kkunsidrat bħala eliġibbli b’referenza għad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli għall-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid.

36      Rigward il-kunsiderazzjonijiet prattiċi, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li, fid-diversi intestaturi tal-infiq għal operazzjoni ta’ tħawwil, il-provvista ta’ pjanti tad-dwieli biss tiddependi esklużivament mis-superfiċji li fuqha huma mħawla d-dwieli. L-intestaturi l-oħra, bħall-preparazzjoni tal-art, li tinvolvi d-dranaġġ u t-twittija, jikkonċernaw ukoll ir-raded tal-moħriet.

37      Hija żżid li r-riżorsi tekniċi u umani użati, u għalhekk l-infiq globali, għal kull ettaru, jiżdiedu iktar ma tonqos is-superfiċji u li l-proporzjon ta’ raded tal-moħriet tikber iktar ma tkun żgħira s-superfiċji.

38      Ir-Repubblika Franċiża tirrileva wkoll li, għalkemm, għar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-inbid, is-superfiċji li fuqha huma mħawla d-dwieli biss ittieħdet inkunsiderazzjoni, il-produtturi tal-inbid ikunu mħajra jnaqqsu kemm jista’ jkun is-superfiċji mhux imħawla billi jżidu d-dwieli, ħaġa li tirriżulta f’żieda fil-potenzjal ta’ produzzjoni.

39      Barra minn dan, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-raded tal-moħriet għall-għoti tal-għajnuna ma jirriżultax neċessarjament fi tnaqqis tal-infiq. Fil-fatt, l-ammont b’rata fissa tal-għajnuna, li huwa kkalkulat b’referenza għall-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni ta’ għalqa ta’ ettaru, inklużi r-raded tal-moħriet, minn issa ’l quddiem ikun applikat għal superfiċji iżgħar. It-tnaqqis fis-superfiċji kkumpensata jkun għalhekk paċut biż-żieda fir-rata ta’ kumpens.

40      Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, minkejja li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tieħu l-forma ta’ kontribuzzjoni lejn l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni, huwa impossibbli li tiġi mifruda mill-kunċett ta’ “superfiċji ta’ dwieli bi drittijiet ta’ tħawwil”. Fil-fatt, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1493/1999 u tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1227/2000 li l-Istati Membri huma responsabbli sabiex jistabbilixxu d-dimensjonijiet ta’ superfiċji minima li tista’ tibbenefika minn għajnuna għar-rikostruzzjoni u għall-konverżjoni. L-Artikolu 15a tar-Regolament Nru 1227/2000 jiddefinixxi l-konsegwenzi finanzjarji tal-eżekuzzjoni parzjali tal-miżuri li jissemmew fl-applikazzjoni għal għajnuna u jistabbilixxi limitu ta’ xogħlijiet eżegwiti fuq iktar minn 80 % tat-territorju għall-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet.

41      Bl-istess mod, teżisti kjarament rabta bejn sistema ta’ għajnuna u r-Reġistru tas-Settur tal-inbid. Kemm fir-rigward tar-Reġistru u kif ukoll għall-għoti tal-għajnuna għall-konverżjoni u għar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-inbid, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-superfiċji mħawla. Fir-rigward tat-twaqqif tar-Reġistru, l-għalqa ta’ dwieli hija ddefinita fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 649/87 tat-3 Marzu 1987 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-ftuħ ta’ reġistru Komunitarju għall-oqsma tad-dwieli [Settur tal-inbid] (ĠU L 62, p. 10), bħala “raba kontinwa kif definita fir-reġistru ta’ l-artijiet”.

42      Skont ir-Repubblika Franċiża, jirriżulta minn dan kollu li ntqal iktar ’il fuq li l-Kummissjoni żbaljat meta eskludiet mill-finanzjament Komunitarju s-somma ta’ EUR 13 519 122,05, billi din is-somma tikkorrispondi għal infiq magħmul b’konformità mar-regoli Komunitarji.

43      Il-Kummissjoni tirrispondi li d-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna tikkorrispondi għal kriterji awtonomi differenti mill-kriterji għall-eliġibbiltà tas-superfiċji għall-imsemmija għajnuna. Hija tqis li mhuwiex għaliex l-awtoritajiet Franċiżi naqqsu l-ammont tal-għajnuna b’rata fissa li huma setgħu jżidu fl-istess proporzjon is-superfiċji eliġibbli, billi dawn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura huma rregolati bi kriterji speċifiċi ħafna u b’“regoli differenti”. Sabiex tikkorrobora din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni tagħmel referenza, b’analoġija, għad-distinzjoni bejn il-kriterji ta’ għażla u l-kriterji ta’ għoti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT, C-315/01, Ġabra p. I-6351).

44      Fuq livell prattiku, il-Kummissjoni tfakkar li, f’ċerti każijiet, l-għajnuna ngħatat għat-totalità tas-superfiċji mitluba mill-produttur, meta s-superfiċji li effettivament kienet imħawla bid-dwieli kienet tirrappreżenta biss 70 % tal-imsemmija superfiċji. Din tikkonsisti kjarament f’“kumpens żejjed”, li jmur lil hinn sewwa minn dak li tħallas mill-awtoritajiet Franċiżi.

45      Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll l-assimilazzjoni tad-drittijiet ta’ tħawwil mas-sistema ta’ ristrutturazzjoni u ta’ konverżjoni u, għaldaqstant, il-kontabbilità skont l-istess metodu tas-superfiċji li jibbenefikaw mid-drittijiet ta’ tħawwil u tas-superfiċji li jibbenefikaw mill-għajnuna. F’dan ir-rigward, hija tagħmel referenza għall-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1493/1999, li jistabbilixxi li l-appoġġ għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni għandu jieħu l-forma ta’ kontribuzzjoni lejn l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni, filwaqt li l-għajnuna espressa fi drittijiet ta’ tħawwil tirreferi għal superfiċji.

46      L-istess japplika fir-rigward ta’ assimilazzjoni tar-Reġistru kompjuterizzat tal-Oqsma tad-Dwieli ma’ l-imsemmija sistema, iktar u iktar billi, skont l-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 649/87, għalqa hija ddefinita bħala raba’ kontinwa kif iddefinita fir-reġistru tal-artijiet, u għalhekk ir-raded tal-moħriet huma inklużi. Il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 2729/2000 tal-14 ta’ Diċembru 2000 li jistabbixxi regoli ddettaljati ta’ implimentazzoni għall-kontrolli fis-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 16), li jipprovdi, b’mod partikolari, li l-abbandun permanenti u r-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni li jirċievu kontribuzzjoni Komunitarja għandhom jiġu vverifikati b’mod sistematiku fuq il-post. Skont il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni introduċiet distinzjoni formali u espliċita bejn l-aspetti ġenerali tal-potenzjal ta’ produzzjoni u l-miżuri speċifiċi dwar l-abbandun u r-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni. Għal dawn tal-aħħar, li għalihom teżisti kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja, il-verifika sistematika fuq il-post hija obbligatorja. Issa din il-verifika tirrigwarda żewġ elementi sostanzjali tas-sistema, jiġifieri l-qisien tas-superfiċji u r-realtà tal-azzjonijiet li jibbenefikaw minn kontribuzzjoni finanzjarja.

47      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża dwar ir-riskji ta’ żieda fil-kwantitajiet effettivament maħsuda, il-Kummissjoni tindika li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li ma jkunx hemm żieda globali fil-potenzjal ta’ produzzjoni. Il-Kummissjoni teskludi wkoll l-argument tar-Repubblika Franċiża bbażat fuq riskju ta’ żieda fl-infiq, billi ssostni li kull sena hija tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjari indikattivi lill-Istati Membri u li din l-allokazzjoni inizjali tillimita r-rimbors mill-FAEGG.

 Dwar l-allegazzjoni li skontha l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-awtoritajiet Franċiżi ma jirriżultax f’telf għall-baġit Komunitarju

48      Ir-Repubblika Franċiża tqis li l-Kummissjoni ma ppreżentatx provi serji li jistabbilixxu li l-metodu applikat fi Franza seta’ jirriżulta f’telf għall-baġit Komunitarju. Ir-Repubblika Franċiża tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, kontenuta fin-nota tas-17 ta’ Frar 2005 ppreżentata lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni, li skontha, f’każ partikolari, l-għajnuna mħallsa laħqet 51.6 % u l-qbiż kien għalhekk ta’ 1.6 %.

49      Ir-Repubblika Franċiża tindika li, sabiex l-għajnuna f’ebda każ ma tkun tista’ taqbeż 50 % tal-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni u tal-konverżjoni, ir-rati fissi ġew stabbiliti b’mod li ġie żgurat li l-ogħla rata tal-għajnuna ma taqbiżx 50 % tal-iktar spiża baxxa ta’ tħawwil. Fil-fatt, għas-sena tal-inbid 2000/2001, billi l-iktar spiża baxxa kkonstatata tar-rikostruzzjoni u tal-konverżjoni kienet ta’ EUR 15 432, il-livell massimu li ma kellux jinqabeż kien jammonta għal EUR 7 716 u r-rata massima ta’ kumpens ġiet stabbilita għal EUR 7 170. Għas-sena 2001/2002, billi l-iktar spiża baxxa kkonstatata kienet ta’ EUR 16 743, il-livell massimu li ma kellux jinqabeż kien jammonta għal EUR 8 371 u l-ammont massimu ta’ kumpens massimu ġie stabbilit għal EUR 8 000. Għaldaqstant, minħabba n-natura fissa tal-għajnuna, il-maġġoranza l-kbira tal-produtturi tal-inbid li jwettqu operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni jew konverżjoni tal-qasam tad-dwieli tagħhom irċevew għajnuna li ma laħqitx 50 % tal-ispejjeż inkorsi.

50      Ir-Repubblika Franċiża żżid li, anki jekk wieħed jitlaq mill-ipoteżi estrema tar-rata massima ta’ EUR 7 170 għal kull ettaru, billi jqabbilha mal-ispiża ta’ tħawwil tal-Languedoc-Roussillon, li għandu l-iktar spiża ta’ tħawwil baxxa tar-reġjuni Franċiżi kollha, u għal għalqa ta’ inqas minn 8 000 metru kwadru li r-raded tal-moħriet tagħha huma ta’ 25 %, ir-riskju li jinqabeż il-livell massimu ta’ 50 % tal-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni jista’ jiġi stmat għal medja ta’ 3.2 % u jirrigwarda biss 10 ettari għat-territorju Franċiż kollu. Għaldaqstant, il-qbiż massimu tal-ispejjeż għal dan it-territorju kollu huwa r-riżultat tal-formola li ġejja: 10 ettari x 0,032 x EUR 7 170 għal kull ettaru = EUR 2 294.

51      Skont ir-Repubblika Franċiża, dan l-ammont baxx għandu jiġi relattivizzat meta mqabbel mal-għajnuna ta’ inqas minn 50 % li setgħet tiġi mħallsa f’sitwazzjonijiet differenti. Għaldaqstant, hija tqis li, anki jekk din l-ipoteżi estrema adottata mill-Kummissjoni kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, il-konsegwenzi finanzjarji fuq il-baġit tal-Komunità huma, f’kull każ, ineżistenti.

52      Il-Kummissjoni tirrispondi li huwa għalkollox irrilevanti li l-ammont ta’ kumpens massimu ġie stabbilit f’ammont iktar baxx mill-iktar spiża baxxa ta’ tħawwil. Skontha, il-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi mminimizzaw l-ammont tal-għajnuna b’rata fissa ma jagħtihomx id-dritt, konsegwentement, li jiffinanzjaw superfiċji mhux eliġibbli. B’sostenn għall-argumenti tagħha, hija tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Lulju 2006, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (T‑221/04, Ġabra p. II-57), billi ssostni li, f’dik is-sentenza, ġie deċiż li kull ħlas irregolari ta’ għajnuna kien jimplika ħlas żejjed, u għalhekk telf għall-FAEGG.

53      Il-Kummissjoni tirrileva li l-eżempju li hija tat, li jipprova li r-rata ta’ sussidju għal għalqa kienet ta’ 51.6 %, intuża biss bħala eżempju u li, f’ebda każ, l-awtoritajiet Franċiżi ma setgħu, fuq il-bażi ta’ dan l-eżempju, jiġġustifikaw il-fatt li ma kienx hemm telf għall-baġit Komunitarju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kalkolu tat-telf indikat fir-rikors, li huwa bbażat fuq qbiż ta’ 1.6 % ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni.

54      Il-Kummissjoni tispjega li, għall-kuntrarju, fuq il-bażi tal-kampjun ta’ 50 fajl li fihom kull għalqa ristrutturata ġiet imkejla għal darb’oħra mill-awtoritajiet Franċiżi fuq talba tagħha, ġie kkonstatat li madwar 10 % tas-superfiċji mhux eliġibbli bbenefikaw mill-għajnuna. Huwa inkontestabbli li dan ikkawża telf għall-baġit Komunitarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq il-kunċett ta’ superfiċji eliġibbli

55      Għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni Komunitarja, u, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1227/2000, jipprovdi espressament li huma l-Istati Membri li huma kompetenti sabiex jadottaw ir-regoli li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku u l-livelli ta’ għajnuna li għandhom jingħataw, b’mod partikolari dawk li jipprovdu għall-ħlas ta’ ammonti b’rata fissa, il-livelli massimi ta’ għajnuna għal kull ettaru u d-differenza ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi.

56      Jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-metodu applikat mill-awtoritajiet Franċiżi għall-kalkolu tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni (ara l-punti 8 sa 15 iktar ’il fuq) li dawn tal-aħħar implementaw sistema li tissodisfa kompletament il-kriterji leġiżlattivi msemmija iktar ’il fuq. Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “superfiċji eliġibbli”, ħaġa li l-Kummissjoni ma tikkontestax.

57      Għaldaqstant, ma teżistix bażi legali li tipprojbixxi lir-Repubblika Franċiża milli tinkludi r-raded tal-moħriet fis-superfiċji ta’ referenza sabiex tiddetermina l-ħlasijiet. Kuntrarjament għal dak li tallega essenzjalment il-Kummissjoni, l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1493/1999 b’ebda mod ma jirregola din il-kwistjoni.

58      Jibqa’ għalhekk li jiġi eżaminat jekk, b’dan il-mod, is-sistema Franċiża effettivament ħolqotx riskju ta’ telf għall-baġit Komunitarju.

–       Fuq ir-riskju li jinqabeż il-livell massimu tal-finanzjament Komunitarju

59      Preliminarjament, fir-rigward tar-referenza magħmula mill-Kummissjoni għas-sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 86), li fiha ġie deċiż li kull ħlas irregolari ta’ għajnuna kien jimplika ħlas żejjed, u għalhekk telf għall-FAEGG, għandu jiġi rrilevat li, peress li s-sistema ta’ għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tas-settur tal-inbid stabbilita fi Franza ma tmurx kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja kif ġie rrilevat fil-punti 56 u 57 iktar ’il fuq, is-soluzzjoni adottata f’dik is-sentenza ma tapplikax f’dan il-każ.

60      Bl-istess mod, fir-rigward tar-riżultati tal-verifika tal-kampjun każwali ta’ 50 fajl li kienu s-suġġett ta’ ħlas għas-sena finanzjarja 2001, li wrew li s-superfiċji eliġibbli li tinkludi l-wisa’ tat-tħawwil, jiġifieri wisa’ ekwivalenti għal nofs id-distanza bejn id-dwieli, tirrapreżenta biss medja ta’ 90 % tas-superfiċji eliġibbli, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tirrikjedix li l-Istati Membri jeskludu r-raded tal-moħriet tas-superfiċji ta’ referenza sabiex jiddeterminaw il-ħlasijiet. Għalhekk l-argument tal-Kummissjoni li jinvoka r-riżultati tal-verifika mwettqa bl-għan li tistabbilixxi li nqabeż il-livell massimu tal-finanzjament Komunitarju mhuwiex, fih innifsu, rilevanti.

61      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, peress li preżunzjoni awtomatika tal-illegalità tal-infiq magħmul fil-kuntest tas-sistema Franċiża tal-ħlas hija eskluża, għandu jiġi evalwat ir-riskju reali li jinqabeż il-livell massimu ta’ finanzjament Komunitarju mġarrab mill-FAEGG.

62      Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet, prinċipalment, li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprovdi għall-finanzjament tal-ispejjeż, b’mod li r-raded tal-moħriet, li ma joħolqux infiq ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni, mhumiex eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju.

63      Rigward dan l-argument, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mill-proċess tal-kawża li l-partijiet eżaminaw fid-dettall il-kwistjoni jekk ir-raded tal-moħriet setgħux effettivament jiġġeneraw ċerti spejjeż li jistgħu jiġu kkumpensati mill-fondi Komunitarji fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni.

64      Barra minn dan, fl-ittra tal-10 ta’ Frar 2003, mibgħuta skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 lill-awtoritajiet Franċiżi (ara l-punt 17 hawn iktar ’il fuq), il-Kummissjoni rrilevat li “[l]-analiżi tal-ispejjeż neċessarji għall-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni tas-settur tal-inbid turi li l-għajnuna b’rata fissa allokata hija prinċipalment relatata mas-superfiċji li fuqha effettivament huma mħawla d-dwieli”. L-istess konstatazzjoni hija magħmula fl-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2004, li tikkostitwixxi l-komunikazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 u tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni 94/442/KE tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 1994 li tistabbilixxi proċedura ta’ konċiljazzjoni fil-kuntest tal-kjariment [clearance] tal-kontijiet tal-FAEGG, Sezzjoni ta’ Garanzija (ĠU L 182, p. 45).

65      Jirriżulta għalhekk miż-żewġ ittri ċċitati iktar ’il fuq li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eskludietx li r-raded tal-moħriet jistgħu, fil-fatt, jiġġeneraw infiq fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni.

66      Għalkemm matul is-seduta l-Kummissjoni ddefendiet pożizzjoni differenti, billi ċaħdet li r-raded tal-moħriet jistgħu jiġġeneraw infiq eliġibbli għall-għajnuna inkwistjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-ispejjeż tal-preparazzjoni tal-art, inkluż id-dranaġġ u t-twittija, li għalihom tagħmel referenza r-Repubblika Franċiża, jirreferu wkoll għar-raded tal-moħriet. Dawn ix-xogħlijiet, u għaldaqstant l-ispejjeż li dawn jinvolvu, jistgħu jiġu marbuta mal-azzjonijiet koperti bis-sistema ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni tas-settur tal-inbid, fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1493/1999.

67      Peress li huwa biss fl-istadju tas-seduta li l-Kummissjoni kkontestat l-eżistenza ta’ nfiq marbut mar-raded tal-moħriet, ir-Repubbika Franċiża ma tistax tiġi kkritikata talli ma ppreżentatx provi ddettaljati li jippermettu li juru l-kuntrarju. Fid-dawl tal-fatt li ma jistax jiġi eskluż li r-raded tal-moħriet jistgħu jiġġeneraw infiq eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni, dan l-argument tal-Kummissjoni għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

68      Barra minn dan, fuq livell prattiku, mhuwiex probabbli li l-produttur tal-inbid individwali jmexxi l-qasam tad-dwieli tiegħu skont id-diversi funzjonijiet tad-diversi għelieqi. Huwa ferm iktar probabbli li l-ammont gross tal-ispejjeż inkorsi mill-produttur jiġi diviż bin-numru ta’ ettari li tagħhom huwa l-proprjetarju. Għalhekk ir-Repubblika Franċiża ġustament tirrileva li l-esklużjoni tar-raded tal-moħriet għall-għoti tal-għajnuna ma timplikax neċessarjament tnaqqis tal-infiq. Fil-fatt, l-ammont b’rata fissa tal-għajnuna, li huwa kkalkulat b’referenza għall-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni ta’ għalqa ta’ ettaru, inklużi r-raded tal-moħriet, minn issa ’l quddiem ikun applikat għal superfiċji iżgħar. It-tnaqqis fis-superfiċji kkumpensata jkun għalhekk paċut biż-żieda fir-rata ta’ kumpens.

69      Għaldaqstant, bil-fatt li tagħmel distinzjoni stretta bejn id-diversi superfiċji tal-qasam tad-dwieli, il-Kummissjoni tfittex li toħloq kunċett artifiċjali u inutli, li, barra minn dan, ma jirriżultax mil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli.

70      Barra minn dan, rigward il-kwistjoni jekk is-sistema Franċiża tal-ħlas tagħtix il-garanziji meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-limitu massimu tal-finanzjament Komunitarju ma jinqabiżx, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

71      L-ewwel nett, jirriżulta mill-proċess tal-kawża li l-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni mir-Repubblika Franċiża bil-għan li jiġu stabbiliti l-ammonti li għandhom jitħallsu lill-produtturi tal-inbid huma tabilħaqq reali, billi d-data rispettiva nġabret minn organizzazzjonijiet reġjonali agrikoli.

72      It-tieni nett, ir-Repubblika Franċiża adottat żewġ miżuri sabiex tiżgura li l-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-finanzjament tal-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni u tal-konverżjoni ma taqbiżx 50 % ta’ dawn l-ispejjeż, jiġifieri li l-ispejjeż sistematiċi biss jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont b’rata fissa, b’mod li jiġu esklużi l-ispejjeż okkażjonali kollha inkorsi mill-produtturi tal-inbid, u li r-rati fissi huma stabbiliti billi jiġi żgurat li l-ogħla rata ta’ għajnuna adottata ma taqbiżx 50 % tal-iktar spiża baxxa ta’ tħawwil.

73      Għandu jiġi rrilevat li, bl-adozzjoni tal-metodu tal-ħlas b’rata fissa, l-eżistenza ta’ ċerta differenza bejn l-ispejjeż reali u l-għajnuna allokata hija inevitabbli. Ir-raded tal-moħriet ma jiddependux mid-daqs tal-għalqa, iżda mill-forma tagħha u mir-restrizzjonijiet għall-koltivazzjoni u għall-passaġġ tal-magni agrikoli. Minn dan jirriżulta li iktar mal-għalqa tkun żgħira, iktar tkun għolja l-perċentwali ta’ superfiċji mhux imħawla bid-dwieli. Huwa possibbli li l-proprjetarju ta’ qasam tad-dwieli żgħir ta’ forma irregolari jirċievi ammont proporzjonalment ikbar minn proprjetarju ta’ qasam tad-dwieli kbir ta’ forma rettangolari u ċatta, li jinkludi raded tal-moħriet li jirrappreżentaw 5 % jew inqas tas-superfiċji tiegħu. Madankollu, ir-Regolament Nru 1493/1999 jirrikonoxxi espressament il-leġittimità tal-ħlasijiet b’rata fissa, li jimplikaw neċessarjament ċerta approssimazzjoni tal-ammonti ta’ kumpens imħallsa lid-diversi produtturi tal-inbid li kull wieħed minnhom jinsab f’sitwazzjoni differenti. Din l-impreċiżjoni, li hija inevitabbli fil-kuntest ta’ kalkoli ta’ ammonti b’rata fissa, ma tistax, fiha nfisha, tiġi interpretata bħala li tikkawża telf għall-baġit Komunitarju.

74      Fir-rigward tar-riskju li jinqabeż il-limitu massimu ta’ finanzjament Komunitarju, ir-Repubblika Franċiża ssottomettiet informazzjoni eżawrjenti li tirrigwarda żewġ aspetti rilevanti għal din il-kawża.

75      L-ewwel nett, l-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni li, għas-sena tal-inbid 2000/2001, ir-rati ta’ għajnuna għall-operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni u ta’ konverżjoni varjaw bejn EUR 1 680 għal kull ettaru u EUR 7 170 għal kull ettaru, skont il-kriterji li japplikaw għall-applikant u li minnhom joriġinaw id-drittijiet ta’ tħawwil li ntużaw. Ir-rata medja kienet ta’ EUR 4 751 għal kull ettaru, jiġifieri ammont konsiderevolment inqas minn EUR 7 716 għal kull ettaru (ammont li jikkorrispondi għal 50 % tal-ispiża ta’ operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni stmata fl-ammont ta’ EUR 15 432 għal kull ettaru). Fir-rigward tas-sena tal-inbid 2001/2002, ir-rati ta’ għajnuna varjaw bejn EUR 2 170 u 8 000 għal kull ettaru u r-rata medja ammontat għal EUR 6 197 għal kull ettaru, jiġifieri ammont inqas minn EUR 8 371 għal kull ettaru (ammont li jikkorrispondi għal   50 % tal-ispiża ta’ operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni stmata fl-ammont ta’ EUR 16 743 għal kull ettaru). Għaldaqstant, skont id-data ppreżentata mir-Repubblika Franċiża, l-ammont medju tal-għajnuna mogħtija huwa ferm inqas mir-rata massima ta’ 50 % prevista mir-Regolament Nru 1493/1999.

76      It-tieni nett, l-awtoritajiet Franċiżi wrew li, f’każ teoretiku ta’ applikazzjoni ta’ parametri kważi estremi, jiġifieri tar-rata massima ta’ għajnuna mogħtija għas-sena 2000/2001, imqabbla mal-iktar spiża baxxa ta’ tħawwil tar-reġjun Franċiż tal-Languedoc-Rousssillon u għal għalqa ta’ inqas minn 8 000 metru kwadru li fiha r-raded tal-moħriet jirrappreżentaw 25 % tas-superfiċji tagħha, ir-riskju ta’ qbiż massimu tal-ispejjeż huwa eċċessivament baxx, u jikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 2 294 għat-territorju Franċiż kollu.

77      Għal dak li jirrigwarda l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża bagħtet l-informazzjoni kkonċernata b’risposta għal kalkolu ppreżentat bħala eżempju mill-Kummissjoni f’nota indirizzata lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni. Barra minn dan, fid-dawl tal-fatt li l-parametri kważi estremi li jikkaratterizzaw is-sistema Franċiża tal-ħlas ġew użati sabiex jitwettaq dan il-kalkolu, l-eżempju b’hekk ipprovdut mill-partijiet iservi ta’ indikazzjoni suffiċjenti sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni.

78      Għall-kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm din l-informazzjoni ġiet ikkomunikata tard lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni kellha din l-informazzjoni fil-pussess tagħha meta adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’kull każ, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 94/442, “il-pożizzjoni tal-Korp ser tkun mingħajr preġudizzju lid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tieħu din l-informazzjoni inkunsiderazzjoni.

79      Għandu jiġi kkonstatat, barra minn dan, li l-Kummissjoni nfisha tirrikonoxxi li l-qbiż tal-limitu massimu tal-finanzjament Komunitarju, jekk dan kien il-każ, kien jirrigwarda biss każ speċifiku wieħed jew tnejn.

80      Fl-aħħar nett, peress li diġà ġie pprovat suffiċjentement skont il-liġi li s-sistema Franċiża hija konformi mal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1493/1999 u mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1227/2000, l-argumenti mqajma mill-partijiet dwar l-allegata assimilazzjoni tad-drittijiet ta’ tħawwil mas-sistema ta’ ristrutturazzjoni u ta’ konverżjoni mhumiex rilevanti għall-eżitu ta’ din il-kawża.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li s-sistema Franċiża ta’ għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tas-settur tal-inbid hija konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u li ma jeżistix riskju reali li jinqabeż il-limitu massimu tal-finanzjament Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1493/1999.

82      Għaldaqstant, billi eskludiet mill-finanzjament Komunitarju l-infiq magħmul skont ir-regoli Komunitarji, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999.

83      Dan il-motiv għandu għalhekk jintlqa’.

84      Minn dan jirriżulta li, mingħajr mhuwa neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Franċiża.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/579/KE, tal-20 ta’ Lulju 2005, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq magħmul mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) hija annullata sa fejn hija teskludi mill-finanzjament Komunitarju s-somma ta’ EUR 13 519 122,05, bħala korrezzjoni imposta fuq ir-Repubblika Franċiża li tirrigwarda d-determinazzjoni tas-superfiċji eliġibbli għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u għall-konverżjoni tas-settur tal-inbid għas-sena 2001/2003.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Czúcz

Cooke

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Settembru 2008.

E. Coulon

 

       O. Czúcz

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.