Language of document : ECLI:EU:T:2011:752

Kawża T-437/08

CDC Hydrogene Peroxide Cartel Damage Claims (CDC Hydrogene Peroxide)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Werrej tal-fajl amministrattiv ta’ proċedimenti fil-qasam tal-akkordji — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjonijiet, ta’ investigazzjonijiet u ta’ verifiki”

Sommarju tas-sentenza

1.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna partikolari — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

2.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Applikazzjoni ratione temporis

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

3.      Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

1.      Kull informazzjoni dwar kumpannija u r-relazzjonijiet tan-negozju tagħha ma tistax titqies bħala li taqa’ taħt il-protezzjoni li għandha tiġi ggarantita għall-interessi kummerċjali skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ħlief biex iżżomm taħt kontroll l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li jikkonsisti fl-għoti tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli, lill-pubbliku, għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet.

Issa, fil-kuntest ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar akkordju, il-werrej, li jinkludi biss referenzi għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, ma jistax jitqies fih innifsu bħala li jaqa’ taħt l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji msemmija fih, b’mod partikolari bħala awturi ta’ wħud minn dawn id-dokumenti. Fil-fatt, dan ikun biss fis-sitwazzjoni fejn waħda mill-kolonni tal-werrej tkun tinkludi, għal wieħed jew iktar mid-dokumenti msemmija, informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta’ negozju tal-kumpanniji kkonċernati, dwar il-prezzijiet tal-prodotti tagħhom, dwar l-istruttura tal-ispejjeż tagħhom, dwar il-partijiet tas-swieq jew dwar elementi simili, li l-iżvelar tal-werrej jista’ jitqies bħala li jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija kumpanniji.

Min-naħa l-oħra, il-werrej huwa sempliċement inventarju ta’ dokumenti li, fil-kuntest ta’ azzjoni għal danni mibdija kontra l-kumpanniji inkwistjoni, bħala tali, għandu biss valur probattiv relattiv. Għalkemm huwa minnu li dan l-inventarju jista’ jwassal lill-parti kkonċernata tidentifika d-dokumenti li jistgħu jkunu utli għaliha għall-finijiet ta’ din l-azzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni sabiex dawn id-dokumenti jiġu jew ma jiġux prodotti hija tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq din l-azzjoni. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li kawżi għad-danni kontra kumpannija jistgħu mingħajr dubju jwasslu għal spejjeż elevati, anki jekk dawn ikunu biss fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukati u anki fl-eventwalità fejn azzjonijiet bħal dawn jiġu miċħuda iktar tard bħala infondati, xorta jibqa’ l-fatt li l-interess ta’ kumpannija li tkun ipparteċipat f’akkordju, li tevita kawżi bħal dawn, ma jikkwalifikax bħala interess kummerċjali u, fi kwalunkwe każ, ma jikkostitwixxix interess li għandu jiġi protett, partikolarment fid-dawl tad-dritt li għandha kull persuna sabiex titlob kumpens għad-danni li jista’ jikkawżalha aġir li jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 44, 45, 48, 49)

2.      Mill-formulazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jirriżulta li din ma hijiex intiża li tipproteġi l-investigazzjonijiet bħala tali, iżda l-għan ta’ dawn l-investigazzjonijiet, liema għan jikkonsisti, fil-każ ta’ proċedura dwar il-kompetizzjoni, li jiġi vverifikat jekk twettaqx ksur tal-Artikolu 81 KE jew tal-Artikolu 82 KE u, jekk ikun il-każ, li jiġu ssanzjonati l-kumpanniji responsabbli. B’hekk, id-dokumenti tal-fajl li jirrigwardaw id-diversi atti ta’ investigazzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni inkwistjoni sakemm dan l-għan ikun għadu ma ntlaħaqx, anki jekk l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni partikolari li tkun tat lok għad-dokument li għalih intalab l-aċċess tkun ġiet fi tmiemha.

Madankollu, l-investigazzjonijiet f’kawża speċifika għandhom jitqiesu bħala mitmuma mal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, indipendentement minn annullament eventwali ulterjuri ta’ din id-deċiżjoni mill-qrati, peress li huwa f’dan il-mument li l-istituzzjoni inkwistjoni stess tkun qieset il-proċedura bħala mitmuma.

Fil-fatt, l-ammissjoni li d-diversi dokumenti relatati ma’ investigazzjonijiet huma koperti mill-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 sakemm l-iżviluppi kollha possibbli ta’ dawn il-proċeduri jkunu ġew deċiżi, anki fil-każ fejn jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li eventwalment iwassal għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti quddiem il-Kummissjoni, tissuġġetta l-aċċess għall-imsemmija dokumenti għal avvenimenti inċerti, jiġifieri għar-riżultat tal-imsemmi rikors u l-konsegwenzi li l-Kummissjoni tista’ tislet minnu. Fi kwalunkwe każ, dawn huma avvenimenti futuri u inċerti li jiddependu fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni li tissanzjona akkordju u tad-diversi awtoritajiet ikkonċernati.

Din is-soluzzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija lill-pubbliku tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, sabiex iċ-ċittadini jkollhom il-possibbiltà li jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.

(ara l-punti 59, 62, 64, 65)

3.      Il-kunċett tal-għan ta’ investigazzjonijiet ma għandux jiġi interpretat mill-Kummissjoni b’mod li jinkludi l-politika tagħha kemm dwar it-trażżin u dwar il-prevenzjoni tal-akkordji, u b’hekk ikun invokat b’mod ġenerali, indipendentement minn kull proċedura konkreta, sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar ta’ kwalunkwe dokument li jista’ jippreġudika l-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-akkordji u, b’mod partikolari, fuq il-programm tagħha ta’ klemenza, pereżempju fl-eventwalità fejn dawk li jitolbu l-klemenza jibdew jibżgħu li, wara l-iżvelar ta’ dokumenti li huma jkunu ppreżentaw għat-talba tagħhom, jiġu esposti iktar għal azzjonijiet għad-danni min-naħa tal-kumpanniji leżi minn akkordju, u b’hekk fil-futur, huma jistgħu jastjenu milli jikkooperaw mal-Kummissjoni.

Fil-fatt, interpretazzjoni bħal din tippermetti lill-Kummissjoni li teskludi mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, mingħajr limitu temporali, kull dokument li jinsab f’fajl dwar il-kompetizzjoni, minħabba s-sempliċi riferiment għall-possibbiltà ta’ imminar fil-futur għall-programm ta’ klemenza tagħha u huwa b’hekk inkompatibbli mal-prinċipju li skont dan, minħabba l-għan tar-regolament li għandu l-għan, b’konformità mal-premessa 4 tiegħu, “jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti”, l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett.

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li ma hemm xejn fir-Regolament Nru 1049/2001 li jippermetti li jitqies li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tibbenefika, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minn trattament differenti minn dak għal politiki oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jinterpreta l-kunċett ta’ għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni b’mod differenti fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni milli fil-politiki oħra tal-Unjoni.

(ara l-punti 68-72)