Language of document : ECLI:EU:T:2013:571

Kawża T‑512/09

Rusal Armenal ZAO

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u miċ-Ċina — Adeżjoni tal-Armenja mad-WTO — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 — Kompatibbiltà mal-ftehim antidumping — Artikolu 277 TFUE”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal-5 ta’ Novembru 2013

1.      Ftehimiet internazzjonali — Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ — Gatt tal-1994 — Impossibbiltà li jiġu invokati l-ftehimiet tad-WTO sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ att tal-Unjoni — Eċċezzjonijiet — Att tal-Unjoni intiż sabiex jiżgura l-implementazzjoni tiegħu jew li jirreferi espressament u preċiżament għalih

(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994; Regolament tal-Kunsill Nru 384/96)

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Importazzjonijiet minn membru ieħor tad-WTO — Obbligu, għall-pajjiż ta’ importazzjoni, li japplika regoli kompatibbli mal-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping — Eċċezzjonijiet — Artikolu 2.7 ta’ dan il-ftehim u Artikolu VI(1) tal-GATT tal-1994 — Dispożizzjonijiet li jinsabu fl-istrumenti ta’ adeżjoni mad-WTO tal-pajjiż esportatur

(Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994, Artikolu VI.1; Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994, Artikoli 2.1, 2.2 u 2.7; Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(7))

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq — Lista tal-pajjiżi meqjusa bħala li ma humiex ekonomija tas-suq li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 384/96 — Pajjiż li aderixxa mad-WTO u li għandu jinsab fuq din il-lista — Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija tal-pajjiż terż b’ekonomija tas-suq

(Artikolu 277 TFUE; Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994, Artikolu VI.1; Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994, Artikoli 2.1 u 2.2; Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 36)

2.      Ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (ftehim antidumping) dwar il-valur normali, li jimplementaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu VI(1) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (GATT), huma applikabbli ħlief jekk eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli huma previsti fil-ftehim antidumping innifsu, fil-GATT, bħat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT, jew fl-istrumenti ta’ adeżjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ta’ membru ta’ din l-organizzazzjoni. Għaldaqstant, membru tad-WTO huwa, fid-dawl tal-Artikolu VI tal-GATT u tal-ftehim antidumping, intitolat japplika fir-rigward tal-importazzjonijiet minn membru ieħor tad-WTO metodu għall-kalkolu tal-valur normali differenti mill-metodi previsti fl-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping, biss billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 2.7 tal-istess ftehim u, għaldaqstant, fuq it-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT jew, skont il-każ, fuq dispożizzjoni partikolari għal dan il-għan li tinsab fl-istrumenti ta’ adeżjoni ta’ dan l-aħħar membru mad-WTO.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 2(7) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 ma jippermettix lill-istituzzjonijiet, mingħajr ma jiksru l-ftehim antidumping, ma japplikawx regoli għall-kalkolu tal-valur normali kompatibbli mal-Artikoli 2.1 u 2.2 ta’ dan il-ftehim anki meta t-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT ma hijiex applikabbli u meta l-istrumenti ta’ adeżjoni mad-WTO tal-pajjiż esportatur ma jipprevedux tali possibbiltà. L-obbligu li jirriżulta minn dawn il-ftehimiet jikkonsisti fl-applikazzjoni, fir-rigward ta’ membri oħra tad-WTO, ta’ regoli kompatibbli mal-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-ftehim antidumping bl-eċċezzjonijiet indikati iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, dawn l-artikoli jinkludu numru ta’ regoli ċari, preċiżi u ddettaljati li jistabbilixxu l-metodi għall-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili mingħajr ma jżidu magħhom kundizzjonijiet li jħallu l-applikazzjoni tagħhom għad-diskrezzjoni tal-membri tad-WTO. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ deroga minn dawn ir-regoli abbażi tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT, li għaliha jirreferi l-Artikolu 2.7 tal-ftehim antidumping, hija ddefinita b’mod preċiż. B’mod partikolari, il-pajjiżi li l-kummerċ tagħhom huwa s-suġġett ta’ monopolju totali jew kważi totali u fejn il-prezzijiet kollha huma ffissati mill-Istat jaqgħu taħt il-kamp ta applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni legali hija ċara f’dak li jikkonċerna l-estent tas-sitwazzjonijiet li hija tkopri, b’mod li tippermetti kemm lill-istituzzjonijiet jevalwaw jekk membru tad-WTO jissodisfax id-deskrizzjoni korrispondenti kif ukoll lill-qorti tal-Unjoni tistħarreġ din l-evalwazzjoni u tislet, fejn ikun rilevanti, il-konsegwenzi neċessarji skont il-ġurisprudenza.

F’dan il-kuntest, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta dispożizzjonijiet relatati ma’ pajjiżi li ma humiex ekonomija tas-suq applikabbli għal membru tad-WTO li jinsab fuq lista ta’ tali pajjiżi, bħal-lista li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna tal‑Artikolu 2(7)(a) tar-regolament antidumping bażiku, dan l-eżerċizzju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT u għalhekk jeħtieġ evalwazzjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk dan il-membru tad-WTO jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 48-50, 52)

3.      Wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Armenja mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-inklużjoni ta’ dan il-pajjiż fil-lista li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 ma hijiex iktar kompatibbli mas-sistema ta’ regoli stabbilita mill-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (ftehim antidumping) u mit-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 (GATT), sa fejn tali inklużjoni għandha bħala effett li tirrendi l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament dipendenti fuq l-aċċettazzjoni minn qabel ta’ talba għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq imressqa mill-impriża kkonċernata u, fil-każ ta’ ċaħda ta’ din it-talba, twassal għall-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ prova li l-Armenja tista’ titqies li hija tissodisfa l-kriterji stabbiliti mit-tieni dispożizzjoni addizzjonali għall-Artikolu VI(1) tal-GATT u fid-dawl tal-fatt li l-Armenja ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, ir-riferiment għall-Armenja fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkluża fl-Artikolu 2(7)(a) ta’ dan ir-regolament ma jikkostitwixxix bażi valida għall-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq skont l-Artikolu 2(7)(a) u (b) tal-istess regolament u għandu, għal dan il-għan, jiġi ddikjarat inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE.

(ara l-punti 59, 60)