Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ottubru 2013 – Agriconsulting Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-570/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Agriconsulting Europe SA (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: R. Sciaudone, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tagħti l-miżura struttorja mitluba;

tikkundanna lill-Kummissjoni għad-danni kwantifikati fir-rikors, bl-interessi konsegwenti;

tittratta b’mod kunfidenzjali l-informazzjoni pprovduta fl-annessi A.23 u A.24;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż sabiex jinkiseb il-kumpens tad-danni sostnuti minħabba l-irregolaritajiet li allegatament twettqu mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sejħa għal offerti “It-twaqqif ta’ faċilità ta’ netwerk għall-implimentazzjoni tas-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni (EIP) ‘Il-produttività u s-sostenibbiltà agrikola’” (AGRI-2012-EIP-01).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-offerta u ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ewwel kriterju għall-għoti ta’ kuntratt.

F’dan ir-rigward jingħad li:

il-kumitat ta’ evalwazzjoni żbalja meta qies li Agriconsulting ma elaboratx dwar l-aspett li jirrigwarda l-istrateġija ta’ komunikazzjoni, peress li l-offerta teknika tar-rikorrenti tinkludi mhux inqas minn sitt paġni li fihom dan l-aspett ġie elaborat b’mod kunsiderevoli;

il-kumitat ta’ evalwazzjoni kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta qies li l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel kriterju, filwaqt li hija qieset tali aspett fil-kuntest tat-tieni kriterju għall-offerta tal-kumpannija li rebħet il-kuntratt.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-offerta u interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tat-tieni kriterju għall-għoti tal-kuntratt.

F’dan ir-rigward jingħad li:

il-kumitat ta’ evalwazzjoni żbalja meta qies li kien hemm obbligu li tiġi żgurata preżenza numeruża tal-persunal permanenti u li, b’hekk, fin-nuqqas ta’ dan, għandha tingħata deċiżjoni negattiva għall-offerta tar-rikorrenti;

il-kumitat ta’ evalwazzjoni naqas milli jevalwa l-kontribut tal-esperti esterni.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-offerta, ksur tar-regoli fuq l-għoti ta’ kuntratti ffinanzjati b’riżorsi Ewropej u ksur tar-regoli tas-sejħa għall-offerti fir-rigward tat-tielet kriterju għall-għoti tal-kuntratt.

F’dan ir-rigward jingħad li l-kumitat ta’ evalwazzjoni wettaq evalwazzjoni ġdida tal-elementi li kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni fil-fażi preċedenti tal-għażla, u b’dan il-mod inkisru l-limiti u r-regoli marbuta mal-istadju tal-għażla u tal-għoti ta’ kuntratt.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur, fir-rigward tat-tielet kriterju għall-għoti tal-kuntratt, tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-obbligu li jintużaw kriterji għall-għoti ta’ kuntratt li ma jitfixklux mal-kriterji għall-għażla tal-offerti.

F’dan ir-rigward jingħad li, jekk jiġi ammess li t-tielet kriterju għall-għoti ta’ kuntratt jagħmel possibbli evalwazzjoni bbażata sempliċement fuq in-numru tal-impjegati, dan il-kriterju jkun sproporzjonat u mhux adegwat fid-dawl tal-għan intiż sabiex tintgħażel l-offerta li hija ekonomikament l-iktar vantaġġuża, u jikser l-obbligu li jintużaw, għall-finijiet tal-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti, kriterji għall-għoti ta’ kuntratt li ma jitfixklux mal-kriterji għall-għażla amministrattiva tal-offerta.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur, fir-rigward tat-tielet kriterju għall-għoti tal-kuntratt, tal-prinċipju tas-separazzjoni tad-diversi fażijiet ta’ sejħa pubblika għall-offerti li tipprovdi għall-għoti ta’ kuntratt għall-offerta li hija ekonomikament l-iktar vantaġġuża.

F’dan ir-rigward hija ssostni li, peress li uża informazzjoni miġbura fil-fażi tal-evalwazzjoni tal-offerta finanzjarja sabiex jibdel id-deċiżjoni kkomunikata fil-fażi preċedenti ta’ evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerta tar-rikorrenti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kiser il-prinċipju tas-separazzjoni tad-diversi stadji tas-sejħa pubblika għall-offerti li tadotta l-metodu tal-għoti tal-offerta li hija ekonomikament l-iktar vantaġġuża.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-offerta fir-rigward tat-tielet kriterju għall-għoti ta’ kuntratt għal dak li jirrigwarda l-kapaċità li jitwettqu l-inkarigi prinċipali.

F’dan ir-rigward jingħad li, bil-kontra ta’ dak li huwa previst fl-ispeċifikazzjonijiet, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ddeċieda li l-involviment, li għall-bqija huwa limitat, tat-team Leader u tal-assistent tiegħu fis-superviżjoni u fil-kontroll tal-inkarigi addizzjonali kien jagħmel impossibbli t-twettiq tal-inkarigi prinċipali.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ offerta baxxa b’mod mhux normali.

F’dan ir-rigward jingħad li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kkonstata anomalija fir-rigward ta’ parti biss mill-inkarigi (dawk addizzjonali), mingħajr madankollu ma evalwa jekk tali “anomalija” irrendietx, fil-fatt, l-offerta sħiħa tar-rikorrenti inaffidabbli jew inkongruwenti fir-rigward tat-twettiq tal-għan tal-kuntratt.

It-tmien motiv ibbażat fuq in-natura arbitrarja u irraġonevoli tal-kriterji wżati għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ offerta baxxa b’mod mhux normali, kif ukoll ksur tal-prinċipji tal-kontradittorju u tal-ugwaljanza fit-trattament.

F’dan ir-rigward jingħad li l-kumitat ta’ evalwazzjoni adotta kriterji arbitrarji u mhux ġustifikati sabiex jikkalkola l-livell ta’ nuqqas ta’ normalità tal-offerta tar-rikorrenti, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-kapaċità organizzattiva u kummerċjali tagħha.