Language of document : ECLI:EU:T:2016:40


SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

28 ta’ Jannar 2016 (*)

“Kuntratt pubbliċi ta’ servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Assistenza teknika operattiva bil-għan li jiġi stabbilit u ġestit mekkaniżmu ta’ netwerk għall-implimentazzjoni ta’ Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni ‘produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu’ – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Offerta anormalment baxxa – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑570/13,

Agriconsulting Europe SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn R. Sciaudone, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Cappelletti u L. Di Paolo, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-kumpens għall-preġudizzji allegatament subiti minħabba irregolaritajiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sejħa għal offerti “Stabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ netwerk għall-implementazzjoni ta’ sħubija Ewropea għall-innovazzjoni ‘produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu’” (AGRI-2012-PEI-01),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt pubbliku ppubblikat bħala suppliment fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Awwissu 2012 (ĠU 2012/S 61-150-249926), il-Kummissjoni Ewropea varat sejħa għal offerti bir-referenza AGRI-2012-PEI-01, maħsuba sabiex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ netwerk għall-implimentazzjoni tas-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni “produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu” (iktar 'il quddiem is-“sejħa għal offerti”).

2        Skont il-punt 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (iktar 'il quddiem l-“ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt”), il-persuna attributorja kellha l-missjoni li tikkontribwixxi għall-ħolqien u l-ġestjoni tan-netwerk ta’ sħubija, kompost minn u miftuħ għall-persuni responsabbli għall-innovazzjoni u għall-approċċi innovattivi fis-settur tal-agrikoltura, bħall-bdiewa, ir-riċerkaturi, il-konsulenti, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-konsumaturi u l-organi tas-settur pubbliku. Il-persuna attributorja kellha r-responsabbiltà li tistabbilixxi u li tiżgura l-funzjonament tal-mekkaniżmu tan-netwerk, kompost, minn naħa, mill-persunal assenjat mill-persuna attributorja għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet indikati fl-avviż tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, mill-post fiżiku fejn dan il-persunal kien jaħdem u kien jipprovdi s-servizzi tiegħu (iktar 'il quddiem il-“punt tal-informazzjoni”).

3        Il-missjonijiet tal-persuna attributorja tal-kuntratt kienu ddefiniti fil-punt 2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Dawn kienu diviżi f’disa’ missjonijiet prinċipali, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-ġestjoni tal-persunal assenjat għall-missjonijiet u l-ġestjoni tal-punt tal-informazzjoni, fit-tieni lok, it-tmexxija tan-netwerk ta’ sħubija, fit-tielet lok, l-attività tal-konnessjoni u l-iżvilupp ta’ strumenti ta’ komunikazzjoni, fir-raba’ lok, l-attwalizzazzjoni u ż-żamma ta’ bank ta’ data sħiħa, fil-ħames lok, iż-żamma ta’ lista ta’ esperti esterni, fis-sitt lok, it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ koordinazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni, fis-seba’ lok, l-inventarju tal-ħtiġijiet ta’ riċerka mill-ħaddiema tal-art, fit-tmien lok, l-iżvilupp ta’ programm annwali ta’ xogħol u, fid-disa’ lok, l-arkivjar, il-ġestjoni tal-inventarju u s-salvagwardja ta’ dokumenti u ta’ informazzjoni. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kien jindika n-numru minimu ta’ persunal neċessarju sabiex jitwettqu l-missjonijiet prinċipali, filwaqt li jipprevedi, għal dan l-għan, li l-persunal assenjat għall-missjonijiet kellu jkun kompost tal-inqas minn għaxar “persuni full-time”, li minnhom tal-inqas sitta permanenti.

4        Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu 27 missjoni addizzjonali li l-eżekuzzjoni tagħhom għandha ssir fuq it-talba annwali tal-Kummissjoni, sa fejn minn tliet missjonijiet addizzjonali tal-inqas sa massimu ta’ għaxar missjonijiet fis-sena, kien mifhum li, fir-rigward tal-missjonijiet addizzjonali Nru 24, Nru 26 u Nru 27, tal-inqas dawn tal-aħħar kienu ser jintalbu fl-ewwel sena. Il-missjonijiet addizzjonali kienu jinkludu l-organizzazzjoni ta’ gruppi ta’ riflessjoni, jiġifieri gruppi ta’ esperti li jistudjaw u jiddibattitu kwistjonijiet li jikkonċernaw speċifikament il-pjan Ewropew ta’ innovazzjoni (missjonijiet addizzjonali Nri 1 sa 6), l-organizzazzjoni ta’ gruppi ta’ ħidma addizzjonali (missjonijiet addizzjonali Nri 7 sa 9), l-organizzazzjoni ta’ jiem ”fuq il-post” (missjonijiet addizzjonali Nri 10 sa 13), l-organizzazzjoni ta’ seminars addizzjonali (missjonijiet addizzjonali Nri 14 sa 17), l-evalwazzjoni tax-xogħol tal-gruppi operattivi (missjonijiet addizzjonali Nri 18 sa 20), l-organizzazzjoni ta’ konferenzi (missjoni addizzjonali Nru 21), l-organizzazzjoni tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni tal-parteċipanti fi gruppi ta’ riflessjoni, fi grupp ta’ ħidma u f’seminars (missjoni addizzjonali Nru 22), it-twettiq ta’ missjonijiet fl-Istati Membri (missjoni addizzjonali Nru 23), il-ħolqien ta’ lista ta’ esperti (missjoni addizzjonali Nru 24), l-għeluq tal-punt tal-informazzjoni (missjoni addizzjonali Nru 25), il-ħolqien tal-punt tal-informazzjoni (missjoni addizzjonali Nru 26) u l-inventarju tal-proġetti rilevanti kollha għall-finijiet tal-ħolqien ta’ bank tad-data (missjoni addizzjonali Nru 27).

5        Skont id-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kunratt, il-persuna attributorja tal-kuntratt kellha tipprovdi għal numru ta’ persuni suffiċjenti sabiex, minbarra l-missjonijiet prinċipali, il-persunal assenjat għall-missjonijiet ikun jista’ jeżegwixxi l-kompiti previsti bħala missjonijiet addizzjonali Nru 24 u Nru 27, li twettiq tagħhom kien previst matul l-ewwel sena tal-kuntratt.

6        Skont il-punt 6 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-kuntratt ġie konkluż għal tul ta’ għaxar xhur, li jista’ jiġġedded sa massimu ta’ tnax-il xahar. Dan kien jipprevedi baġit totali massimu ta’ EUR 2 500 000 fis-sena għall-eżekuzzjoni konġunta tal-missjonijiet prinċipali u missjonijiet addizzjonali, il-baġit massimu fis-sena kien ta’ EUR 1 400 000 għall-missjonijiet prinċipali u ta’ EUR 1 500 000 għall-missjonijiet addizzjonali.

7        Skont il-punt 7.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-proċedura tas-suq kienet komposta, fl-ewwel lok, mill-fażi ta’ eżami tal-offerti abbażi tal-kriterji ta’ esklużjoni, segwita mill-eżami tal-offerti abbażi tal-kriterji ta’ selezzjoni, fit-tieni lok, mill-fażi ta’ evalwazzjoni tal-offerti abbażi tal-kriterji tal-għoti (evalwazzjoni kwalitattiva u evalwazzjoni tal-prezz) u, fit-tielet lok, mill-fażi tal-għoti tal-kuntratt abbażi tal-kriterju tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża. Il-kriterji ta’ esklużjoni, ta’ selezzjoni u tal-għoti applikati mill-Kummissjoni kienu msemmija fil-punt 9 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

8        Il-Kummissjoni rċeviet ħames offerti, fosthom dik tar-rikorrenti. L-offerenti kollha għaddew mill-ewwel fażi tal-proċedura tal-kuntratt, li tikkonsisti fl-eżami tal-offerta tagħhom abbażi tal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ selezzjoni, u waslu sat-tieni fażi tal-proċedura, li tikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-offerti abbażi tal-erba’ kriterji tal-għoti li ġejjin:

–        kriterju tal-għoti Nru 1: approċċ tar-rabta bejn xjenza u prattika;

–        kriterju tal-għoti Nru 2: approċċ li jikkonċerna l-eżekuzzjoni tal-missjonijiet prinċipali u addizzjonali;

–        kriterju tal-għoti Nru 3: organizzazzjoni prattika tal-kompiti;

–        kriterju tal-għoti Nru 4: proposti li jikkonċernaw il-ħolqien ta’ punt tal-informazzjoni bbażat fi Brussell (il-Belġju).

9        Fil-kuntest tat-tieni fażi tal-proċedura, żewġ offerenti biss, f’dan il-każ ir-rikorrenti u Vlaamse Landmaatschappij (iktar 'il quddiem “VLM”), kisbu l-punteġġ minimu rikjest mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għall-kriterji tal-għoti. B’hekk, dawn iż-żewġ offerenti laħqu l-fażi ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet tagħhom, li kienu jammontaw għal EUR 1 320 112.63 fil-każ tar-rikorrenti u għal EUR 2 316 124.83 fil-każ ta’ VLM.

10      Mill-verbal tal-laqgħa tal-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2012 jirriżulta li r-rikorrenti ġiet ikklassifikata fl-ewwel post u li, peress li kellha dubji dwar in-natura anormalment baxxa tal-offerta tagħha, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkonkluda li kellha tintalab tipprovdi informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-missjonijiet addizzjonali.

11      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien qies li l-prezzijiet indikati għall-missjonijiet addizzjonali kienu anormalment baxxi. Hija talbet lir-rikorrenti spjegazzjonijiet iddettaljati fuq il-kalkolu tal-prezzijiet proposti għall-missjonijiet addizzjonali Nri 1 sa 21 u Nru 25, billi indikat li l-offerta tagħha setgħet tiġi miċħuda f’każ ta’ spjegazzjonijiet mhux konvinċenti.

12      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti rrispondiet għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, billi pprovditilha spjegazzjonijiet ġenerali u lista tal-ispejjeż neċessarji għall-formulazzjoni tal-proposti tagħha tal-prezzijiet li jikkonċernaw il-missjonijiet addizzjonali.

13      Mill-verbal finali tal-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti, tad-19 ta’ Diċembru 2012, jirriżulta li l-kumitat ta’ evalwazzjoni eżamina l-ispjegazzjonijiet ta’ din tal-aħħar u b’mod partikolari kkonstata l-eżistenza tal-użu sovrapożizzjonat tal-effettivi bejn il-missjonijiet prinċipali u l-missjonijiet addizzjonali, li ma kienx konformi mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għaldaqstant, huwa biddel il-punteġġ mogħti lill-offerta tar-rikorrenti għall-kriterju tal-għoti Nru 3, li tnaqqas minn 11.8 points għal 7 punti, meta l-punteġġ minimu rikjest kien ta’ 7.5 punti minn 15. Għaldaqstant, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkonkluda l-evalwazzjoni tiegħu billi, minn naħa kkonferma l-parir tiegħu dwar in-natura anormalment baxxa tal-offerta tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, ikkonstata li, abbażi tal-informazzjoni l-ġdida trażmessa minn din tal-aħħar, l-offerta tagħha ma kinitx tilħaq il-punteġġ minimu rikjest mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt abbażi tal-kriterju tal-għoti Nru 3. Għaldaqstant, il-kumitat irrakkomanda li l-kuntratt jingħata lil VLM.

14      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha ma kinitx intgħażlet peress li ma kinitx laħqet il-minimu rikjest għall-kriterju tal-għoti Nru 3 u ġiet ikkunsidrata bħala anormalment baxxa sa fejn din kienet tirrigwarda l-prezzijiet proposti sabiex jiġu eżegwiti ċerti missjonijiet addizzjonali. Fl-istess jum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tattribwixxi l-offerta lil VLM.

15      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti talbet l-isem tal-persuna li ngħatat il-kuntratt kif ukoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta tagħha. Il-Kummissjoni bagħtitilha din l-informazzjoni bl-ittra tas-27 ta’ Marzu 2013.

16      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni informazzjoni oħra li tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha. Il-Kummissjoni wieġbet b’ittra tal-10 ta’ April 2003.

17      Permezz tal-ittra tat-12 ta’ April 2013, ir-rikorrenti tallega li l-awtorità kontraenti naqset milli titlob dikjarazzjoni ta’ kjarifiki neċessarji dwar l-evalwazzjoni tal-ewwel u t-tieni kriterju, it-tibdil tal-evalwazzjoni teknika tiegħu wara l-ftuħ tal-offerta finanzjarja, l-evalwazzjoni skorretta tal-implikazzjoni tal-kap tal-grupp u l-assistent tiegħu fil-missjonijiet addizzjonali u n-natura żbaljata tal-konklużjonijiet li jikkonċernaw l-offerta ta’ VLM.

18      Permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet lil din tal-aħħar l-aċċess għall-verbal tal-kumitat u għall-offerta tal-persuna li ngħata l-kuntratt, waqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

19      Permezz tal-ewwel ittra tad-29 ta’ April 2013, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-verbal tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kien ser jiġi trażmess malajr. Permezz tat-tieni ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni wieġbet għat-talba għal aċċess tar-rikorrenti billi pprovdietlu kopja parzjali tal-verbal ta’ evalwazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2012, tal-proċess ta’ evalwazzjoni finali tal-offerta tad-19 ta’ Diċembru 2012 u tal-proċess globali ta’ evalwazzjoni tas-6 ta’ Frar 2013. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunikalu l-offerta tal-persuna li ngħatat il-kuntratt billi invokat il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriża kkonċernata, ibbażata fuq l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

20      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001. Permezz ta’ ittra tal-14 Mejju 2013, il-Kummissjoni ikkonfermat li rċevietha, billi ddikjarat risposta f’terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol.

21      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti kkontestat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni espressa fit-tieni ittra tad-29 ta’ April 2013, li hija qieset bħala insuffiċjenti. Permezz tal-ittra tal-31 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni wieġbet li r-rikorrenti kellha d-dokumentazzjoni kollha li tikkonċerna l-proċedura tas-suq li serviet bħala bażi għad-deċiżjoni tal-għoti, billi għamlet riferiment ukoll għall-ittra tagħha tad-29 ta’ April 2013.

22      Fir-rigward tal-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess, permezz tal-ittra tal-4 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li t-terminu għal tweġiba kien ġie estiż sas-26 ta’ Ġunju 2013. Fis-26 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija ma setgħetx twieġeb għall-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess fit-terminu ċċitat iktar 'il fuq. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti talbet tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess, u għal dan il-Kummissjoni wieġbet fid-9 ta’ Lulju 2013, billi informat lill-impriża li r-risposta kienet ser tiġi trażmessa lilha fil-jiem sussegwenti. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni wieġbet għall-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess tar-rikorrenti, billi kkonfermat id-deċiżjoni preċedenti tagħha li telimina ċerta informazzjoni inkluża fil-verbali ta’ evalwazzjoni u li ma takkordax l-aċċess għall-offerta tal-persuna li ngħatat il-kuntratt, skont l-Artikolu 4(1)(b) u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ressqet ippreżentat dan ir-rikors.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2013, din il-kawża ġiet assenjata lis-Sitt Awla u, permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Jannar 2015, din ġiet riassenjata lill Imħallef Relatur ġdid.

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, u fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni u proċedura msemmija fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, hija talbet lir-rikorrenti tipproduċi dokumenti. Din tal-aħħar ottemperat ruħha ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

26      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2015.

27      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tordna l-komunikazzjoni tal-offerta tal-persuna li ngħatat il-kuntratt;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-interessi għall-preġudizzju subit minħabba t-telf tal-kuntratt inkwistjoni, minħabba t-telf tal-opportunità li tikkonkludi l-imsemmi kuntratt u minħabba l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti u għad-danni morali, l-ammonti għandhom jiżdiedu sabiex jittieħed kont tat-telf monetarju u tad-danni kumpensatorji;

–        tagħti trattament kunfidenzjali lil ċerti annessi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għal kumpens għad-danni bħala infondata;

–        tiċħad it-talba għal miżuri ta’ istruzzjoni bħala infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talba għad-danni

29      Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni illegalitajiet differenti marbuta mal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt li jivvizzjaw id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta tagħha u titlob il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tal-interessi, skont l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE, għad-danni subiti minħabba t-telf tal-kuntratt inkwistjoni, minħabba t-telf tal-opportunità li tikkonkludi l-imsemmi kuntratt u minħabba l-ispejjeż ta’ parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti u għad-danni morali.

30      B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti tallega tmien istanzi ta’ ksur li huma suffiċjentement ikkaratterizzati u ssostni li l-offerta tagħha ġiet miċħuda b’mod illegali. Hija ssostni, fl-ewwel lok, evalwazzjoni żbaljata tal-offerta u ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament b’mod relattiv għall-kriterju tal-għoti Nru 1, fit-tieni lok, applikazzjoni u evalwazzjoni żbaljati tal-offerta tagħha fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 2, fit-tielet lok, ksur tar-regoli tal-proċedura tas-suq fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3, fir-raba’ lok, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3, fil-ħames lok, ksur tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-fażijiet tal-proċedura, fis-sitt lok, evalwazzjoni żbaljata tal-offerta fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3, fis-seba’ lok, interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-kunċett ta’ offerta anormalment baxxa u, fit-tmien lok, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-offerta anormalment baxxa.

31      Għandu jitfakkar li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni Ewropea għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tad-dispożizzjoni suesposta, għal aġir illegali tal-organi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra, EU:C:1982:318, punt 16; tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra, EU:C:2008:476, punti 106 u 164 sa 166; tad-9 ta’ Settembru 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑300/07, Ġabra, EU:T:2010:372, punt 137, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑297/12, EU:T:2014:888, punt 28). Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-aġir illegali, il-ġurisprudenza titlob li għandu jiġi stabbilit ksur suffiċjentement ikkaratterizzat ta’ dispożizzjoni legali maħsuba li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi. Il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-ksur huwa suffiċjentement ikkaratterizzat jikkonsisti fil-ksur manifest u serju, minn istituzzjoni jew organu tal-Unjoni kkonċernat/a, tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu jew tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra, EU:C:2000:361, punti 42 sa 44; tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra, EU:C:2002:736, punt 54; tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra, EU:T:2005:107, punt 93, u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, EU:T:2014:888, punt 29).

33      Peress li waħda mit-tliet kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma hijiex issodisfatta, it-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra EU:C:1994:329, punt 81, u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, EU:T:2014:888, punt 33).

34      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali kbira fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-teħid ta’ deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku b’sejħa għal offerti (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra, EU:T:1998:302, punt 56, u tal-20 ta’ Settembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T‑461/08, Ġabra, EU:T:2011:494, punt 137). Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesa’ sabiex tiddetermina kemm il-kontenut kif ukoll l-implementazzjoni tar-regoli applikabbli għall-għoti, għaliha nnifisha, ta’ kuntratt pubbliku permezz ta’ sejħa għal offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2006, TEA-CEGOS et vs Il-Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, Ġabra, EU:T:2006:47, punti 50 u 51; Evropaïki Dynamiki vs BEI, iċċitata iktar 'il fuq, EU:T:2011:494, punt 137, u tal-25 ta’ Ottubru 2012, Astrim u Elyo Italia vs Il-Kummissjoni, T‑216/09, EU:T:2012:574, punt 17).

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tiġi eżaminata t-talba tar-rikorrenti sabiex tiġi kkumpensata għad-danni li hija sofriet minħabba ċ-ċaħda illegali tal-offerta tagħha. Din it-talba hija bbażata, fl-ewwel lok, fuq l-illegalitajiet marbuta mal-kriterji tal-għoti Nri 1 u 2, fit-tieni lok, fuq l-illegalitajiet marbuta mal-applikazzjoni tal-kunċett tal-“offerta anormalment baxxa” u, fit-tielet lok, fuq l-illegalitajiet marbuta mal-kriterju tal-għoti Nru 3.

 Fuq it-talba għal kumpens marbuta mal-ewwel żewġ illegalitajiet allegati, marbuta mal-kriterji tal-għoti Nri 1 u 2

36      Ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 1, li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma eżaminax bir-reqqa l-offerta tagħha u li r-raġunijiet taċ-ċaħda huma żbaljati, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien ġie miksur u, fir-replika, li l-motivazzjoni taċ-ċaħda tagħha hija nieqsa jew hija insuffiċjenti fir-rigward tal-aspett marbut mal-istrateġija ta’ komunikazzjoni. Fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 2, marbut mal-eżekuzzjoni tal-missjonijiet prinċipali u addizzjonali, hija ssostni essenzjalment li l-evalwazzjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni hija żbaljata u tinvoka, fir-replika, il-ksur tad-drittijiet tagħha u n-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni adottata abbażi tal-kriterju tal-għoti Nru 2.

37      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument, mingħajr ma tqajjem l-inammissibbiltà tiegħu, kif hija rrikonoxxietha waqt is-seduta.

38      Fir-rigward tal-illegalitajiet allegati dwar il-kriterji tal-għoti Nri 1 u 2, jeħtieġ f’dan il-każ li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet marbuta mad-danni allegati u mar-rabta kawżali bejn l-imsemmija danni u l-illegalitajiet invokati humiex issodisfatti jew le.

39      Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mar-realtà tad-danni, l-Unjoni tkun responsabbli biss fil-każ li r-rikorrenti jkun effettivament sofra danni “reali u ċerti”, fatti li għandhom jiġi pprovati minnu (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il-Kummissjoni, C‑611/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2282, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, EU:T:2014:888, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-allegat dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir allegat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, fatt li għandu jiġi pprovat mir-rikorrenti (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il-Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, Ġabra, EU:C:1992:44, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Evropaïki Dynamiki vs BEI, punt 34 iktar 'il fuq, EU:T:2011:494, punt 209 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, fir-rigward tal-illegalitajiet allegati fir-rigward tal-kriterji tal-għoti Nri 1 u 2, ir-rikorrenti speċifikat li hija tinvoka d-dannu marbut mat-telf tal-opportunità tal-kuntratt kif ukoll id-danni marbuta mal-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

42      Ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni marbuta mar-rabta kawżali hija ssodisfatta peress li l-offerta tagħha kienet ġiet ikklassifikata fl-ewwel post u li hija kellha tikseb l-għoti tal-kuntratt li kieku ma okkorriex il-ksur irrilevat.

43      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti hija bbażata biss fuq l-evalwazzjonijiet li jikkonċernaw il-kriterju tal-għoti Nru 3 u n-natura anormalment baxxa tal-offerta tagħha. Fil-fatt, l-offerta tar-rikorrenti kienet ġiet ikklassifikata fl-ewwel post wara t-tmiem ta’ operazzjonijiet ta’ eżami tal-offerta mill-perspettiva ekonomika. Issa, din il-klassifikazzjoni fl-ewwel post ġiet mibdula għal żewġ raġunijiet, jiġifieri t-tibdil tal-evalwazzjoni tal-offerta fid-dawl tal-kriterju tal-għoti Nru 3, li ġiet ikkunsidrata bħala insuffiċjenti, u l-klassifikazzjoni tal-offerta bħala anormalment baxxa. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssemmi fir-rikors li d-danni inkwistjoni huma l-konsegwenza diretta tad-deċiżjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jnaqqas il-punteġġ li jikkonċerna l-kriterju tal-għoti Nru 3 u li jikkunsidra l-offerta bħala anormalment baxxa.

44      Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti qatt ma speċifikat kif l-għoti ta’ punteġġ ogħla fir-rigward tal-kriterji tal-għoti Nri 1 u 2 seta’ jinċidi favorevolment fuq il-probabbiltajiet li tirbaħ il-kuntratt.

45      Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tikkonferma li, fin-nuqqas ta’ ksur u żbalji li jikkonċernaw il-kriterji tal-għoti Nri 1 u 2, il-kuntratt kien jingħata lilha. Fil-fatt, anki jekk il-punteġġ kien ogħla għal dawn il-kriterji tal-għoti, din iċ-ċirkustanza ma kinitx ta’ natura li taffettwa l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3 u n-natura anormalment baxxa tagħha.

46      Minn dan jirriżulta li l-illegalitajiet allegati jikkonċernaw il-kriterji tal-għoti Nri 1 u 2, anki jekk jiġi preżunt li dawn huma stabbiliti, ma jippreżentawx rabta kawżali diretta mal-preġudizzji allegati, marbuta mat-telf tal-opportunità li tikkonkludi l-kuntratt u mal-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

47      Minn dan isegwi li t-talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda sa fejn din hija bbażata fuq l-illegalitajiet li jikkonċernaw il-kriterji tal-għoti Nri 1 u 2.

 Fuq it-talba għad-danni marbuta mal-illegalitajiet allegati fid-dawl tal-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa”

48      Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” f’dan il-każ huma żbaljati. Min-naħa l-oħra, hija tinvoka n-natura arbitrarja u irraġonevoli tal-parametri użati għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” kif ukoll il-ksur tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tal-imsemmi kunċett.

49      Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan l-argument.

–       Fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni allegatament żbaljati tal-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa”

50      Ir-rikorrenti tikkontesta l-approċċ segwit mill-kumitat ta’ evalwazzjoni sabiex jikklassifika l-offerta tagħha bħala anormalment baxxa. Fl-opinjoni tagħha, dan l-analiżi huwa bbażat unikament fuq l-evalwazzjoni tal-ispiża tal-missjonijiet addizzjonali u mhux fuq l-offerta fit-totalità tagħha. B’hekk hija ssostni li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ma analizzax l-effett ta’ dan l-aspett iżolat marbut mal-missjonijiet addizzjonali fuq l-offerta fit-totalità tagħha, fatt li jmur kontra l-prinċipji applikabbli f’dan il-qasam.

51      Jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 97(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat (iktar 'il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”), li kien applikabbli għal dan il-każ fir-rigward tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, il-kuntratt għandu jingħata bil-proċedura tal-għoti awtomatiku jew bil-proċedura tal-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża. F’dan il-każ, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu li l-kuntratt għandu jingħata abbażi tal-kriterju tal-offerta l-iktar ekonomikament vantaġġuża.

52      Barra minn hekk, l-Artikolu 139 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ implementazzjoni”), jipprovdi:

“1. Jekk, għal xi appalt, l-offerti jidhru abnormalment baxxi, l-awtorità tal-kuntratti, qabel ma tirrifjuta dawn l-offerti fuq dan l-argument biss, titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi li minnhom magħmula l-offerta, li hi tqis li għandhom x’jaqsmu u tivverifika dawk l-elementi kostitwenti, wara li tkun semgħet sew il-partijiet, u tqis l-ispjegazzjonijiet li tkun irċeviet. […]

L-awtorità ta’ l-appalti tista’, b’mod partikolari, tqis l-ispjegazzjonijiet dwar:

a)      l-ekonomika tal-proċess ta’ manifattura, tal-fornitura tas-servizz jew tal-metodu ta’ kostruzzjoni;

b)      is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew il-kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli għal min qed jitfa’ l-offerta;

c)      l-oriġinalita ta’ l-offerta.

[…]”

53      Bl-istess mod, l-Artikolu 146(4), tar-regoli ta’ implementazzjoni jipprovdi li, f’każ ta’ offerti anormalment baxxi, il-kumitat ta’ evalwazzjoni għandu jitlob l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti dwar il-kompożizzjoni tal-offerta.

54      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” ma jinkludix definizzjoni la fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament finanzjarju u lanqas f’dawk tar-regoli ta’ implementazzjoni tiegħu.

55      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-natura anormalment baxxa ta’ offerta għandha tiġi evalwata inkonnessjoni mal-kompożizzjoni tal-offerta u inkonnessjoni mas-servizz inkwistjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-awtorità kontraenti tista’, fil-kuntest tal-eżami tagħha tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta, bil-ħsieb li tiżgura kompetizzjoni sana, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss iċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 139(2) tar-regoli ta’ implementazzjoni iżda wkoll l-elementi kollha rilevanti fid-dawl tas-servizz inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Data Medical Service, C‑568/13, Ġabra, EU:C:2014:2466, punt 50).

56      F’dan il-każ, mill-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2013 u mir-rapport finali ta’ evalwazzjoni jirriżulta li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kkunsidra li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti, l-ispejjeż ma kinux koperti mill-prezz propost għal ċerti missjonijiet addizzjonali (Nri 1 sa 6 u Nri 18 sa 20, b’mod partikolari). Il-Kumitat ta’ evalwazzjoni wera wkoll inkoerenzi tal-ispejjeż għall-missjonijiet addizzjonali Nri 14 u 15. Fl-aħħar, huwa kkonstata l-eżistenza tal-użu sovrapost tal-persunal għall-missjonijiet prinċipali addizzjonali (Nri 6 sa 17, Nru 21 u Nru 25). Minn dan huwa ddeduċa n-natura anormalment baxxa tal-offerta fir-rigward tal-missjonijiet addizzjonali Nri 1 sa 16 u Nri 18 sa 20. Huwa speċifika li l-missjonijiet addizzjonali Nri 1 sa 6 u Nri 18 sa 20 kienu proposti b’telf abbażi biss tal-ispejjeż tax-xogħol u li l-missjonijiet addizzjonali Nri 1 sa 16 u Nri 18 sa 20 kienu proposti b’telf jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż addizzjonali. Huwa żied li l-użu sovrapost tal-persunal kien jirrendi l-offerta inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt dwar il-kundizzjoni minima ta’ għaxar “persuni full-time”.

57      Għaldaqstant huwa veru li l-anomaliji rrilevati li wasslu lill-kumitat ta’ evalwazzjoni sabiex jiddeduċi n-natura anormalment baxxa tal-offerta tar-rikorrenti kienu jikkonċernaw b’mod iktar partikolari ċerti missjonijiet addizzjonali.

58      Madankollu, l-importanza ekonomika u finanzjarja tal-missjonijiet addizzjonali meta mqabbla mal-missjonijiet prinċipali tirriżulta b’mod ċar mill-elementi tal-proċess. B’mod partikolari, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu total ta’ 36 missjoni, li minnhom 27 kienu jikkostitwixxu missjonijiet addizzjonali. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu għall-missjonijiet addizzjonali baġit massimu ftit ogħla (EUR 1 500 000) minn dak previst għall-missjonijiet prinċipali (EUR 1 400 000). Għalhekk ma hemm l-ebda dubju dwar l-importanza tal-missjonijiet addizzjonali fis-suq kollu inkwistjoni.

59      Issa, mis-27 missjoni addizzjonali previsti, 19 minnhom kienu kkonċernati minn anomaliji rrilevati mill-kumitat ta’ evalwazzjoni.

60      Għaldaqstant, l-anomaliji rrilevati, anki jekk dawn ma jikkonċernawx il-missjonijiet addizzjonali, bl-ebda mod ma jikkonċernaw aspett minuri jew iżolat tal-offerta u b’hekk kienu jistgħu jivvizzjaw il-koerenza tal-prezz globali propost u, għaldaqstant, l-offerta fl-intier tagħha.

61      Barra minn hekk, il-fatt li l-anomaliji rrilevati jikkonċernaw biss missjonijiet addizzjonali ma jfissirx li l-offerta ma ġietx evalwata fl-intier tagħha. F’dan ir-rigward, huwa l-prezz totali tal-offerta tar-rikorrenti li ġiet ikkunsidrata bħala anormalment baxxa, inkluż inkonnessjoni mal-baġit previst mill-Kummissjoni għall-kuntratt kollu u inkonnessjoni mal-prezz totali propost mill-persuna li ngħatat il-kuntratt.

62      Minn dan isegwi li l-kumitat ta’ evalwazzjoni wettaq l-evalwazzjoni tiegħu inkonnessjoni mal-kompożizzjoni tal-offerta u mas-servizz inkwistjoni, billi ħa inkunsiderazzjoni elementi rilevanti fir-rigward tal-imsemmi servizz. Għalhekk jeħtieġ li jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ddeduċa n-natura anormalment baxxa tal-offerta bi ksur tal-prinċipji applikabbli fil-qasam.

–       Fuq in-natura arbitrarja u irraġonevoli tal-parametri użati għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa” u fuq l-inosservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

63      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka n-natura mhux adatta, arbitrarja u inġustifikata tal-parametri użati għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura anormalment baxxa jew le tal-offerta tagħha. B’mod partikolari, l-unità tal-ispiża użata għal-kalkolu tal-ispiża tal-esperti hija suġġettiva u ma tiħux inkunsiderazzjoni la tal-fatt li r-rikorrenti setgħet tinnegozja tariffi iktar baxxi mal-esperti, u lanqas tal-kapaċitajiet organizzazzjonali u kummerċjali.

64      Hemm lok li jiġi rrilevat li, kif din tirriżulta mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fl-anness tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2012, l-offerta tar-rikorrenti kienet tinkludi prezz globali li kien ta’ inqas minn EUR 850 000 mill-prezz li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien jikkunsidra bħala prezz minimu għall-missjonijiet addizzjonali, anki meta l-prezz propost għall-missjonijiet prinċipali kien qrib il-prezz massimu previst fis-sejħa għal offerti. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni b’hekk talbet lir-rikorrenti spjegazzjonijiet iddettaljati dwar il-kalkolu tal-prezzijiet proposti għal ċerti missjonijiet addizzjonali u speċifikat li l-offerta setgħet tiġi miċħuda f’każ ta’ spjegazzjonijiet mhux konvinċenti.

65      Fir-risposta tagħha tad-29 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti fformulat kunsiderazzjonijiet ġenerali u spjegazzjonijiet speċifiċi dwar il-missjonijiet addizzjonali inkwistjoni. Hija semmiet b’mod partikolari, fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali, il-fatt li hija wettqet servizzi simili għal dawk ikkonċernati mill-missjonijiet addizzjonali fil-kuntest ta’ diversi proġetti u li hija kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tinnegozja prezzijiet kompetittivi mal-fornituri.

66      Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex sostnuti u li hija ma tat l-ebda informazzjoni speċifika li tikkonċerna b’mod partikolari tnaqqis li hija bbenefikat minnu fil-kuntest tal-missjonijiet inkwistjoni. Għalkemm il-kapaċitajiet organizzazzjonali u kummerċjali tagħha jikkostitwixxu elementi importanti f’termini ta’ inċidenza fuq l-ispejjeż tas-servizzi tagħha, dawn l-elementi kellhom jintwerew fil-kuntest tal-offerta inizjali tagħha jew, tal-inqas, fil-kuntest tar-risposta tagħha tad-29 ta’ Novembru 2012, b’mod preċiż u sostnut. Issa għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ.

67      Barra minn hekk, fl-ittra tagħha tat-12 ta’ April 2013, ir-rikorrenti kkontestat l-unità tal-ispiża użata sabiex jiġu kkalkulati l-onorarji tal-esperti, peress li hija nnegozjat onorarji inferjuri. Hija żiedet li l-ftehimiet ma’ dawn l-esperti setgħu jiġu pprovduti. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li hija ma pproduċiethomx u li hija wisq anqas ma sostniet id-dikjarazzjonijiet tagħha. Bl-istess mod, ir-rikorrenti semmiet il-kapaċitajiet organizzazzjonali u kummerċjali tagħha, iżda ma pprovdietx provi konkreti f’dan ir-rigward.

68      Fl-aħħar, l-argument tar-rikorrenti li l-unità tal-ispiża użata għall-kalkolu tal-ispiża tal-esperti hija parametru suġġettiv għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, hija ma tikkomunika l-ebda ċifri f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-fatt li hija tinvoka ċerti ċirkustanzi, u b’mod partikolari negozjati tat-tariffi mal-esperti tal-istess kategorija bħall-esperti tal-missjonijiet prinċipali, jikkonfronta l-fatt li dawn l-ispejjeż kienu, kif ikkonstatat il-Kummissjoni, iktar baxxi min-normal, mingħajr madankollu ma ġew prodotti ġustifikazzjonijiet speċifiċi.

69      Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li bih hija tikkontesta l-parametri użati għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura anormalment baxxa jew le tal-offerta tagħha għandu jiġi miċħud.

70      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tagħtiha l-possibbiltà li tiġġustifika ulterjorment l-ispejjeż u t-tariffi kkunsidrati bħala eċċessivament baxxi, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ kontradittorju. Hija tispeċifika li l-ittra tat-22 ta’ Novembru 2012 kienet limitata li titlob il-metodu tal-kalkolu tal-prezz inkluż fl-offerta u mhux il-valur tal-elementi kkunsidrati.

71      Mill-Artikolu 139(1) u l-Artikolu 146(4) tar-regoli ta’ implementazzjoni jirriżulta li l-awtorità tal-ħatra hija suġġetta, waqt l-eżami tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta, għall-obbligu li titlob lill-offerent li jipproduċi l-ġustifikazzjonijiet neċessarji sabiex jipprova li l-offerta tiegħu kienet serja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, Ġabra, EU:C:2001:640, punti 46 u 51; tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, Ġabra, EU:C:2012:191, punt 28, u Data Medical Service, punt 55 iktar 'il fuq, EU:C:2014:2466, punt 47). L-eżistenza ta’ dibattitu kontradittorju effettiv, f’mument utli fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-offerti, bejn l-awtorità kontraenti u l-offerent, sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jipprova li l-offerta tiegħu hija serja, tikkostitwixxi rekwiżit fundamentali fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, bil-għan li tiġi evitata l-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti u li tiġi żgurata kompetizzjoni b’saħħitha bejn l-impriżi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Lombardini u Mantovani, iċċitata iktar 'il fuq, EU:C:2001:640, punt 57; Data Medical Service, punt 55 iktar 'il fuq, EU:C:2014:2466, punt 48, u tal-21 ta’ Mejju 2008, Belfass vs Il-Kunsill, T‑495/04, Ġabra, EU:T:2008:160, punti 97 u 98).

72      F’dan il-każ, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien ikkunsidra l-prezzijiet indikati fl-offerta għal ċerti missjonijiet addizzjonali bħala anormalment baxxi. Il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti spjegazzjonijiet iddettaljati dwar il-kalkolu tal-prezzijiet proposti għall-missjonijiet addizzjonali Nri 1 sa 21 u Nru 25 u indikatilha li l-offerta tagħha setgħet tiġi miċħuda f’każ ta’ spjegazzjonijiet mhux konvinċenti.

73      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti wieġbet għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, billi pprovdiet spjegazzjonijiet ġenerali u lista tal-ispejjeż kkunsidrati għall-formulazzjoni tal-proposti tagħha tal-prezz li jikkonċerna l-missjonijiet addizzjonali kollha.

74      Fid-19 ta’ Diċembru 2012, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni l-ġdida pprovduta mir-rikorrenti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ddeduċa b’mod partikolari n-natura anormalment baxxa tal-offerta tagħha u rrakkomanda li l-kuntratt jingħata lil VLM.

75      Permezz tal-ittra tal-25 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha ma ġietx magħżula peress li ma kinitx laħqet il-minimu rikjest għall-kriterju tal-għoti Nru 3 u li hija kienet ġiet ikkunsidrata bħala anormalment baxxa fir-rigward tal-prezzijiet sabiex jiġu eżegwiti ċerti missjonijiet addizzjonali.

76      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-proċedura kontradittorja ġiet osservata f’dan il-każ u li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tiġġustifika l-ispejjeż tagħha u t-tariffi li kienu ġew ikkunsidrati bħala eċċessivament baxxi.

77      L-argument tar-rikorrenti li l-ittra tat-22 ta’ Novembru 2012 sempliċiment titlob il-metodu tal-kalkolu tal-prezz inkluż fl-offerta u mhux il-valur tal-elementi kkunsidrati għandu jiġu eliminat. Fil-fatt, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti spjegazzjonijiet iddettaljati fuq il-kalkolu tal-prezz propost għal missjonijiet addizzjonali Nri 1 sa 21 u Nru 25 u indikatilha li l-offerta tagħha setgħet tinċaħad f’każ ta’ spjegazzjonijiet mhux konvinċenti. L-elementi tal-kalkolu tal-prezzijiet b’hekk jinkludu neċessarjament l-elementi kollha li jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-prezzijiet proposti fl-offerta, inkluż mhux biss il-metodu tal-kalkolu, iżda wkoll il-valur tal-elementi kkunsidrati. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma staqsithiex biss dwar il-metodu tal-kalkolu tal-prezz inkluż fl-offerta.

78      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-argument tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju għandu jiġi miċħud.

79      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tivverifika n-natura anormalment baxxa tal-offerta ta’ VLM abbażi tal-istess parametri, fatt li kien iwassalha għal konklużjonijiet analogi fir-rigward tal-missjonijiet prinċipali. B’hekk, hija tallega ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija tipproduċi simulazzjoni li minnha jirriżulta li l-valuri applikati mill-kumitat ta’ evalwazzjoni għall-offerta tagħha kienu għoljin wisq u li t-tnaqqis ta’ dan tal-aħħar kienu konsegwentement żbaljati, fatt li huwa kkonfermat mid-differenza fit-trattament allegata.

80      Jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti, li għandu l-iskop li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni f’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-formulazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li dawn għandhom jiġu ppreżentati taħt l-istess kundizzjonijiet għall-kompetituri kollha (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra, EU:C:2004:236, punt 110). B’hekk, l-offerenti għandhom ikunu f’pożizzjoni ta’ ugwaljanza kemm fil-mument meta dawn jippreparaw l-offerti tagħhom kif ukoll fil-mument meta dawn jiġu evalwati mill-awtorità kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2011, Il-Kummissjoni vs Ċipru, C‑251/09, EU:C:2011:84, punt 39, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑402/06, Ġabra, EU:T:2013:445, punt 66).

81      F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li l-baġit totali massimu previst għall-kuntratt inkwistjoni kien ta’ EUR 2 500 000. Ir-rikorrenti tipproponi offerta għal prezz totali ta’ EUR 1 320 112.63, filwaqt li VLM, bħala persuna li ngħatat il-kuntratt, kienet tipproponi offerta globali li tammonta għal EUR 2 316 124.83.

82      Għaldaqstant, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-offerta finanzjarja ta’ VLM, ikkalkulata abbażi tal-formula prevista fil-punt 9.3.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, marbut mal-kriterju tal-prezz, kienet ftit inqas mil-limitu tal-baġit previst mill-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ogħla, bi kważi miljun euro, minn dik tar-rikorrenti. Minn dan jirriżulta li, b’mod kuntrarju għar-rikorrenti, VLM ma kinitx tidher f’sitwazzjoni ta’ offerta anormalment baxxa fid-dawl tal-baġit globali tagħha previst għall-kuntratt inkwistjoni.

83      Peress li huma ma kinux fl-istess sitwazzjoni, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tiddeċiedi li tivverifika n-natura anormalment baxxa tal-offerta tar-rikorrenti, mingħajr ma tapplika l-istess trattament għal VLM.

84      F’dawk iċ-ċirkustanzi, is-simulazzjoni prodotta mir-rikorrenti ma hijiex rilevanti.

85      Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

86      Minn dan li ntqal jirriżulta li hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti kollha tar-rikorrenti maħsuba sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ illegalità li tikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura anormalment baxxa tal-offerta tagħha. It-talba tagħha għad-danni f’dan ir-rigward għandha għalhekk tiġi miċħuda, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet marbuta mal-eżistenza ta’ preġudizzju u ta’ rabta kawżali.

 Fuq it-talba għad-danni marbuta mal-illegalitajiet allegati fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3

87      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-kriterju tal-għoti Nru 3, ir-rikorrenti ssostni essenzjalment li, f’dan il-każ, issir konfużjoni bejn il-kriterji ta’ selezzjoni u l-kriterji tal-għoti u hija tallega f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ksur tar-regoli tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt, fit-tieni lok, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, fit-tielet lok, ksur tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-fażijiet tal-proċedura. Fl-aħħar, hija ssostni n-natura żbaljata tal-evalwazzjoni tal-offerta tagħha.

88      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ tipi ta’ danni, jiġifieri d-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni u, sussidjarjament, id-dannu marbut mat-telf tal-opportunità li tikkonkludi tali kuntratt. Hija tinvoka wkoll id-dannu marbut mal-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti u dannu morali.

89      F’dan il-każ, jeħtieġ li l-analiżi tibda minn eżaminazzjoni dwar jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet marbuta mal-eżistenza tad-danni invokati u mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali invokat u l-imsemmija danni.

90      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni, allegat prinċipalment, ir-rikorrenti ssostni li dan jikkorrispondi mal-profitt nett li minnu hija ġiet imċaħħda inġustament. Dan id-dannu b’hekk jikkorrispondi, essenzjalment, għal nuqqas ta’ qligħ.

91      Jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, rikors li insostenn tiegħu jiġi invokat dannu li jirriżulta minn nuqqas ta’ qligħ għandu jiġi miċħud, peress li ma huwiex dannu li sar u huwa attwali, iżda futur u ipotetiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1998, TEAM vs Il-Kummissjoni, T‑13/96, Ġabra, EU:T:1998:254, punt 76 ;AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, EU:T:2005:107, punti 113 u 114, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑39/08, EU:T:2011:721, punt 47).

92      Fil-fatt, il-kundizzjoni marbuta mad-dannu tirrikjedi li d-dannu li għalih jintalab kumpens ikun reali u ċert, fatt li għandu jiġi pprovat mir-rikorrenti (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar 'il fuq, EU:T:2011:721, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Issa, skont l-Artikolu 101 tar-regolament finanzjarju, l-awtorità kontraenti tista’, sal-iffirmar tal-kuntratt, tirrinunzja għall-kuntratt jew tannulla l-proċedura tal-għoti tal-kuntratt, u l-kandidati jew l-offerenti ma jkollhom l-ebda dritt għal kumpens.

94      B’hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-kumitat ta’ evalwazzjoni ppropona li l-kuntratt għandu jingħata lir-rikorrenti, l-awtorità kontraenti ma kinitx marbuta mill-proposta tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, iżda kellha setgħa diskrezzjonali kbira dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bil-ħsieb li tittieħed deċiżjoni għall-għoti ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi TEAM vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar 'il fuq, EU:T:1998:254, punt 76; AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, EU:T:2005:107, punti 113 u 114, u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar 'il fuq, EU:T:2011:721, punt 47).

95      Anki jekk jiġi ammess li l-offerta tar-rikorrenti kellha tiġi kklassifikata l-ewwel u li għalhekk ir-rikorrenti kellha tingħata l-kuntratt, dan ma kienx jobbliga lill-Kummissjoni li tiffirma l-kuntratt ma’ din tal-aħħar. Fil-fatt, l-ebda prinċipju u l-ebda regola applikabbli għall-proċeduri ta’ sejħa għal offerti tal-Kummissjoni ma j/timponi fuq din tal-aħħar l-obbligu li din tiffirma l-kuntratt mal-persuna indikata bħala dik li rebħet il-kuntratt fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs BEI, punt 34 iktar 'il fuq, EU:T:2011:494, punt 211).

96      Għaldaqstant, id-dannu li jikkorrispondi għat-telf ta’ qligħ tar-rikorrenti u marbut mat-telf tal-kuntratt inkwistjoni ma huwiex reali u ċert, iżda ipotetiku. Għaldaqstant dan id-dannu ma jistax jiġu kkumpensat.

97      L-argumenti tar-rikorrenti maħsuba li jmorru kontra l-ġurisprudenza, li l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata li tiffirma l-kuntratt mal-offerent kklassifikat fl-ewwel post fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, ma jinċidux fuq din il-konklużjoni.

98      Fil-fatt, hija ssostni li, għalkemm l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li tiffinalizza l-kuntratt, din ma hijiex libera li tagħti l-kuntratt lil offerenti oħra li ma jkunux wasslu l-offerta tagħhom b’mod regolari fis-sejħa għal offerti. Madankollu, tali dikjarazzjoni ma hijiex f’kontradizzjoni mal-fatt li l-awtorità kontraenti tibqa’ libera li tiffinalizza jew le l-kuntratt u għalhekk li tirrinunzja għalih, b’tali mod li d-dannu mislut min-nuqqas ta’ qligħ ma huwa qatt ċert. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma tiddistingwixxix skont jekk il-kuntratt ingħatax jew le. Fil-fatt, il-preġudizzju marbut man-nuqqas ta’ qligħ, jiġifieri d-dannu ekwivalenti għall-profitt li ma jkunx ġie mislut mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jippreżupponi ċ-ċertezza tal-kisba tal-kuntratt. Issa, fid-dawl tal-marġni diskrezzjonali tal-awtorità kontraenti li tirriżulta mill-Artikolu 101 tar-regolament finanzjarju, tali dannu ma huwa qatt ċert.

99      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, din il-ġurisprudenza ma tippermettix lill-awtorità kontraenti li tikseb profitt mill-ksur tar-regoli li għalih hija tkun irrendiet ruħha responsabbli mingħajr ma jkollha tagħmel tajjeb għad-dannu li jirriżulta minnu, peress li danni oħra huma kumpensabbli jekk dawn ikunu reali u ċerti. Dan huwa l-każ b’mod partikolari fil-każ tad-dannu marbut mat-telf ta’ opportunità jew ta’ dannu marbut mal-imposti u l-ispejjeż sostnuti minn offerent sabiex jipparteċipa f’sejħa għal offerti fil-każ fejn ksur tad-dritt tal-Unjoni jkun inċida fuq il-probabbiltà tiegħu li jikseb il-kuntratt. Il-punti 80 sa 82 tas-sentenza tat-30 ta’ April 2009, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni (C‑497/06 P, EU:C:2009:273), ċċitata mir-rikorrenti, tikkonċerna preċiżament id-danni marbuta mat-telf ta’ opportunità jew mal-imposti u spejjeż sostnuti minn offerent sabiex jipparteċipa f’sejħa għal offerti, u mhux it-telf ta’ qligħ.

100    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, permezz ta’ din il-ġurisprudenza, l-offerent eskluż, imċaħħad minn protezzjoni fuq il-livell tal-miżuri kawtelatorji minħabba l-ġurisprudenza stretta ħafna fil-qasam tal-miżuri provviżorji, huwa wkoll imċaħħad minn protezzjoni fil-livell tad-dritt għal kumpens. Madankollu, anki hawnhekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, minħabba r-redazzjoni tal-Artikolu 101 tar-regolament finanzjarju, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, din tal-aħħar ma tilfitx il-kuntratt, iżda opportunità li tikseb il-kuntratt li huwa suġġett għal sejħa għal offerti Komunitarja (Digriet tal-20 ta’ Lulju 2006, Globe vs Il-Kummissjoni, T‑114/06 R, Ġabra, EU:T:2006:221, punt 116).

101    B’hekk, peress li l-argumenti tar-rikorrenti maħsuba sabiex jikkontestaw il-ġurisprudenza applikabbli, li d-dannu li jikkorrispondi għat-telf ta’ qligħ tar-rikorrenti ma jistax jiġi invokat, għandhom jiġu miċħuda.

102    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mar-rabta kawżali, hemm lok li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ittra tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2013, l-offerta tar-rikorrenti ġiet miċħuda, minn naħa, peress li l-punteġġ mogħti fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3 kien inqas mill-minimu rikjest u, min-naħa l-oħra, peress li din kienet anormalment baxxa. Barra minn hekk kien mingħajr ma wettqet ebda ksur illegalità li l-awtorità kontraenti kkunsidrat li l-offerta tar-rikorrenti kienet anormalment baxxa (ara l-punti 50 sa 86 iktar 'il fuq). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kellha l-ebda opportunità li tikseb il-kuntratt minħabba din in-natura anormalment baxxa.

103    Issa, id-dannu bbażat fuq it-telf tal-kuntratt, jekk dan jiġi preżunt bħala reali u ċert, huwa r-riżultat taċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti.

104    Minn dan isegwi li, peress li din iċ-ċaħda kienet iġġustifikata, anki jekk iċ-ċaħda tal-offerta tagħha abbażi tal-evalwazzjoni tal-kriterju tal-għoti Nru 3 hija vvizzjata b’illegalità, l-offerta tar-rikorrenti xorta tibqa’ anormalment baxxa u b’hekk ġiet miċħuda b’mod ġust.

105    Konsegwentement, l-eżistenza ta’ rabta kawżali ma tistax tiġi stabbilita bejn illegalità possibbli mwettqa abbażi tal-evalwazzjoni tal-offerta fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3 u d-dannu korrispondenti mat-telf tal-kuntratt invokati mir-rikorrenti.

106    Għaldaqstant, it-talba għad-danni maħsuba sabiex jingħata kumpens għad-dannu invokat mir-rikorrenti u li jikkorrispondi mal-profitt nett li minnu hija ġiet inġustament imċaħħda wara t-telf tal-kuntratt għandha tiġi miċħuda.

107    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti bħala annessi mar-rikors bil-għan li jiġi evalwat id-dannu marbut mat-telf tal-kuntratt.

108    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dannu marbut mat-telf tal-opportunità li tikseb il-kuntratt inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrenti ma tistax tintlaqa’.

109    Fil-fatt, fid-dawl tar-raġunament espost fil-punti 102 sa 105 iktar 'il fuq, jidher li d-dannu bbażat fuq it-telf tal-opportunità li tikseb il-kuntratt huwa wkoll ir-riżultat taċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti minħabba n-natura anormalment baxxa tagħha.

110    Isegwi li, minkejja li ċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-kriterju tal-għoti Nru 3 hija vvizzjata b’illegalità, xorta jibqa’ l-fatt li din l-offerta kienet anormalment baxxa u li r-rikorrenti ma setgħetx fi kwalunkwe każ tipprevalixxi ruħha minn dannu marbut mat-telf tal-opportunità li tikseb il-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2011, bpost vs Il-Kummissjoni, T‑514/09, EU:T:2011:689, punt 171 in fine).

111    Għaldaqstant, iktar u iktar ma hijiex possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn, minn naħa, illegalità possibbli mwettqa abbażi tal-evalwazzjoni tal-offerta fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3 u, min-naħa l-oħra, id-dannu invokat mir-rikorrenti naxxenti mit-telf tal-opportunità li tikseb il-kuntratt.

112    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dannu allegat abbażi tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, jeħtieġ li jitfakkar li l-operaturi ekonomiċi għandhom isostnu r-riskji inerenti fl-attivitajiet tagħhom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull każ. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ aġġudikazzjoni, dawn ir-riskji ekonomiċi jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż marbuta mas-sottomissjoni ta’ offerta. L-ispejjeż b’hekk sostnuti jibqgħu a karigu tal-impriża li għażlet li tipparteċipa fil-proċedura, peress li l-fakultà li persuna tikkompeti fl-għoti ta’ kuntratt ma timplikax iċ-ċertezza tar-rebħ tal-aġġudikazzjoni riżultanti (sentenza CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar 'il fuq, EU:C:2009:273, punt 79). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 101 tar-regolament finanzjarju jipprevedi li l-Kummissjoni hija libera li tiddeċiedi li ma tagħtix il-kuntratt. Għalhekk, lanqas l-offerent li ppreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ma kellu ċertezza li ser jikseb il-kuntratt.

113    Konsegwentement, fil-prinċipju, l-imposti u l-ispejjeż sostnuti mill offerent għall-parteċipazzjoni tiegħu f’sejħa għal offerti ma jistgħux jikkostitwixxu dannu li jista’ jiġi kkumpensat bil-ħlas tad-danni (sentenzi CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar 'il fuq, EU:C:2009:273, punt 81; TEAM vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar 'il fuq, EU:T:1998:254, punt 71, u Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, punt 34 iktar 'il fuq, EU:T:1998:302, punt 97).

114    Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li dan il-prinċipju ma jistax, mingħajr riskju ta’ preġudizzju għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, japplika f’każ li fih ksur tad-dritt tal-Unjoni fit-twettiq tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti tkun inċidiet fuq il-probabbiltajiet tal-offerent li jikseb il-kuntratt (sentenzi CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, punt 99 iktar 'il fuq, EU:C:2009:273, punt 82; TEAM vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar 'il fuq, EU:T:1998:254, punt 72, u AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, EU:T:2005:107, punt 98).

115    Madankollu, din ma hijiex is-sitwazzjoni fil-kawża odjerna. Fil-fatt, sa fejn l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li kkunsidrat l-offerta tar-rikorrenti bħala anormalment baxxa, ma hijiex ivvizzjata b’illegalità (ara l-punt 86 iktar 'il fuq), hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma għandhiex raġun tallega t-telf tal-opportunità li tingħata l-kuntratt, u dan mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati iktar 'il quddiem l-ilmenti tagħha mqajma dwar l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3 (ara l-punti 109 sa 111 iktar 'il fuq).

116    Għaldaqstant, peress li f’dan il-każ, it-tmexxija tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti ma inċidietx fuq il-probabbiltajiet tar-rikorrenti li tingħata l-kuntratt inkwistjoni, huwa applikabbli l-prinċipju li l-imposti u l-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni tagħha fis-sejħa għal offerti ma jistgħux jikkostitwixxu dannu li jista’ jiġi kkumpensat bil-ħlas tad-danni.

117    Barra minn hekk, minn dan jeħtieġ li jiġi dedott li ma huwiex possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn illegalità eventwali mwettqa abbażi tal-evalwazzjoni tal-offerta fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3 u d-dannu, invokata mir-rikorrenti, naxxenti mill-imposti u l-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni tagħha fis-sejħa għal offerti.

118    Isegwi li t-talba tar-rikorrenti maħsuba għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti għandha tiġi miċħuda.

119    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti bħala annessi mar-rikors għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu marbut mal-ispejjeż sostnuti għall-parteċipazzjoni tagħha fis-sejħa għal offerti.

120    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tinvoka pressjoni inġusta fuq l-impriża u l-persunal involut fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti u titlob il-kumpens għad-danni morali tagħha, li hija vvalutat fl-ammont ta’ EUR 5 000.

121    Madankollu, ir-rikorrenti sempliċiment tinvoka pressjoni inġusta, marbuta mal-frustrazzjoni ta’ esklużjoni inġusta, mingħajr ma turi li hija effettivament sofriet dannu reali u ċert u mingħajr ma pproduċiet xi element għall-finijiet tal-istabbiliment tal-prova dwar l-eżistenza ta’ tali dannu, fis-sens tal-ġurisprudenza applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il-Kummissjoni, C‑611/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2282, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar 'il fuq, EU:T:2014:888, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza ta’ neċessità li tiġi stabbilita l-prova ta’ dannu morali subit, ibbażat b’mod partikolari fuq is-sentenza Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, punt 34 iktar 'il fuq (EU:T:1998:302), għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li kien jirriżulta mill-proċess li l-awtorità kontraenti kienet poġġiet il-kumpannija rikorrenti f’sitwazzjoni ta’ inċertezza u kienet ġiegħlitha tagħti l-kunsens tagħha għall-isforzi inutli sabiex tirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza sabiex teżegwixxi l-kuntratt. Dan bl-ebda mod ma huwa l-każ fil-kawża odjerna. Għall-kuntrarju, l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2012 kienet twissi b’mod ċar lir-rikorrenti li l-offerta tagħha setgħet tiġi miċħuda jekk l-ispjegazzjonijiet ipprovduti dwar l-imsemmija offerta ma jkunux konvinċenti.

123    Isegwi li l-prova tar-realtà tad-dannu morali ma ġietx prodotta f’dan il-każ u li t-talba bbażata fuq dan id-dannu għandha għalhekk tiġi miċħuda.

124    Barra minn hekk, id-dannu morali allegat huwa f’dan il-każ marbut maċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti, li fir-rigward tagħha ġie stabbilit li kienet iġġustifikata fid-dawl tan-natura anormalment baxxa tagħha (ara l-punt 86 iktar 'il fuq). Isegwi li l-eżistenza ta’ rabta kawżali ma setgħetx tiġi stabbilita bejn illegalità eventwali mwettqa abbażi tal-evalwazzjoni tal-offerta fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3 u l-preġudizzju morali invokat mir-rikorrenti.

125    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza tal-illegalitajiet invokati mir-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3 hijiex issodifatta, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, marbuta, minn naħa, mal-eżistenza ta’ preġudizzju u, min-naħa l-oħra, mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali eventwali tal-Kummissjoni u d-danni invokati mir-rikorrenti, ma humiex issodisfatti.

126    Għaldaqstant, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda sa fejn din hija bbażata fuq l-illegalitajiet li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti fir-rigward tal-kriterju tal-għoti Nru 3 u, għaldaqstant, it-talba għad-danni fl-intier tagħha.

 Fuq it-talba għal miżuri ta’ istruzzjoni

127    Ir-rikorrenti titlob li l-Kummissjoni tiġi ordnata tikkomunika l-offerta ta’ VLM, li ngħatat il-kuntratt, bil-għan li tivverifika l-fondatezza tal-ilment marbut mad-differenza fit-trattament fid-dawl tan-natura anormalment baxxa tal-offerta tagħha. Hija żżid li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni mogħtija abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tippreġudika s-setgħat ta’ istruzzjoni tal-Qorti Ġenerali.

128    Il-Kummissjoni topponi din it-talba.

129    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm lok li tintlaqa’ t-talba għal miżuri ta’ istruzzjoni mressqa mir-rikorrenti u maħsuba sabiex tikseb kopja tal-offerta ta’ VLM.

 Fuq l-ispejjeż

130    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

131    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Agriconsulting Europe SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Jannar 2016

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.