Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2013 – Stichting Sona u Nao vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-505/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Stichting Sona (Curaçao, li qabel kienet l-Antilli Olandiżi) u Nao NV (Curaçao) (mandatarji ad litem: R. Martens, K. Beirnaert u A. Van Vaerenbergh, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2013, li r-rikorrenti ma kinux konxji dwarha sal-aħħar ta’ Lulju 2011, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li ma taħtarx lil Stichting Sona bħala entità ddelegata għall-implementazzjoni tad-Dokument ta’ Programmazzjoni għal dawk li qabel kienu l-Antilli Olandiżi taħt l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp u

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tafda l-kompitu tal-implementazzjoni ta’ dan id-Dokument uniku ta’ Programmazzjoni lil International Management Group (“IMG”).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tas-sigriet tal-investigazzjoni (motiv li jirriżulta mill-Artikoli 8 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mill-Artikoli 6 u 8 KEDB u mill-Artikolu 16 TFUE)

Ir-rikorrenti jilmentaw lill-Kummissjoni li kienet indirizzat lill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, fir-rigward ta’ investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-“OLAF”) li kienet għadha ma ngħalqitx u fejn din kienet għandha ma tat l-ebda rapport (finali), ittri li fihom hija b’mod partikolari tiċċita lir-rikorrenti u tindika, jew, għall-inqas, tissuġġerixxi b’insistenza, li r-rikorrenti kienu ħatja ta’ irregolaritajiet fil-kuntest tal-ġestjoni tad-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u li għalhekk hija ddeċidiet li ma tafdax lir-rikorrenti bil-ġestjoni tal-proġetti previsti għal dawk li qabel kienu l-Antilli Olandiżi fil-kuntest tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Hija ħadet din id-deċiżjoni minkejja li r-rikorrenti qatt ma kienu msemmija bħala “persuna kkonċernata” mill-OLAF u għalhekk qatt ma kienu jafu li kien ser ikollhom iwieġbu għall-azzjonijiet tagħhom f’dik il-kapaċità. Ir-rikorrenti għalhekk qatt ma kellhom l-opportunità sabiex jiddefendu ruħhom peress li, sal-lum, qatt ma ġew innotifikati b’akkużi konkreti fil-konfront tagħhom u li huma jridu jirribattu.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti assigurazzjonijiet tali li setgħu leġittimament jemmnu li huma kienu ser ikunu responsabbli għall-implementazzjoni tal-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp għal dawk li qabel kienu l-Antilli Olandiżi.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Kummissjoni eskludiet lir-rikorrenti biss fuq il-bażi ta’ “konklużjonijiet provviżorji” tal-investigazzjoni tal-OLAF li jissuġġerixxu l-eżistenza ta’ “problemi potenzjali”.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li tisma’ lill-partijiet

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 215/2008 1 u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2304/2002 2 u nuqqas ta’ osservanza tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni għall-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 215/2008. Il-kundizzjonijiet li jippermettu li IMG tiġi fdata bil-ġestjoni tal-finanzjament fil-kuntest ta’ ġestjoni komuni ma humiex sodisfatti. Għalhekk, it-tieni deċiżjoni meħuda hija bl-istess mod ukoll illegali.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008, tat-18 ta’ Frar 2008, dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 78, p. 10).

2 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2304/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, li jimplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2001/822/KE fuq l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi u territorji ta’ barra mal-Komunità’ Ewropea [extra-Ewropej] (Id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni ta’ Barra) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 45, p. 44).