Language of document : ECLI:EU:T:2005:425

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

28 ta' Novembru 2005(*)

«Rikors għal annullament – Eċċezzjoni ta' inammissibbiltà – Direttiva 2003/112/KE – Kwalità biex jitressaq rikors»

Fil-kawża T-94/04,

European Environmental Bureau(EEB), stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

Pesticides Action Network Europe, stabbilita f'Londra (ir-Renju Unit),

International Union of Food, Agricultural, Hotel, Restaurant, Catering, Tobacco and Allied Workers’ Associations (IUF), stabbilita f'Ġinevra (l-Iżvizzera),

European Federation of Trade Unions in the Food, Agricultural and Tourism sectors and allied branches (EFFAT), stabbilita fi Brussell,

Stichting Natuur en Milieu, stabbilita f'Utrecht (l-Olanda),

Svenska Naturskyddföreningen, stabbilita fi Stokkolma (l-Iżvezja),

irrappreżentati minn P. van den Biesen, G. Vandersanden u B. Arentz, avocats,

rikorrenti,

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Doherty, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn

Syngenta Ltd, stabbilita f'Guildford (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn C. Simpson, solicitor, u D. Abrahams, barrister,

parti intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Direttiva 2003/112/KE tal-Kummissjoni ta' l-1 ta' Diċembru 2003, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex ikun inkluż il-parakwat bħala sustanza attiva (ĠU L 321, p. 32),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku

 Direttiva 91/414/KEE

1       L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Ġunju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p.1), jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura ta' dritt komuni applikabbli għall-konċessjoni, reviżjoni u rtirar ta' l-awtorizzazzjoni biex prodotti għall-ħarsien tal-pjanti jitqiegħdu fis-suq. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva jippreċiża li jistgħu jiġu awtorizzati biss dawk il-prodotti li s-sustanzi attivi tagħhom huma mniżżla fl-Anness I.

2       Il-kundizzjonijiet imposti sabiex sustanzi attivi jiġu inklużi fl-Anness I huma stipulati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414. Din l-inklużjoni tkun possibbli biss jekk, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, jista' jiġi mistenni li prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva kkonċernata jkunu jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet li jirrigwardaw in-nuqqas ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali u għall-ambjent.

3       L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jipprovdi li, b'deroga mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu, matul perijodu tranżitorju, jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq, fit-territorju tagħhom, ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux imniżżla fl-Anness I u li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika tad-Direttiva, jiġifieri s-26 ta' Lulju 1993.

4       Is-sustanzi attivi li jinsabu fil-prodotti li jgawdu mid-deroga prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva għandhom ikunu s-suġġett ta' eżami gradwali fil-kuntest ta' programm ta' xogħol tal-Kummissjoni.

 Regolament Nru 3600/92/KEE

5       L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta' Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-ewwel stadju tal-programm ta' xogħol tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 (ĠU L 366, p.10), jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-lista ta' sustanzi attivi li għandhom jiġu eżaminati u għandha taħtar Stat Membru bħala relatur għall-evalwazzjoni ta' kull sustanza attiva.

6       Mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 3600/92 jirriżulta li l-Istat Membru maħtur bħala relatur għandu jeżamina s-sustanza attiva kkonċernata u għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapport bl-evalwazzjoni tiegħu ta' l-inkartament li jkun jinkludi rakkomandazzjoni biex s-sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jew biex jiġu adottati miżura oħra bħall-irtirar tagħha mis-suq.

7       Il-Kummissjoni wara tafda l-eżaminazzjoni ta' l-inkartament u tar-rapport f'idejn il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali stabbilit permezz ta' l-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (ĠU L 31, p.1).

8       L-Artikolu 7(3A) tar-Regolament Nru 3600/92, miżjud permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1199/97 tas-27 ta' Ġunju 1997, li jemenda r-Regolament Nru 3600/92 (ĠU L 170, p.19), jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta quddiem il-Kumitat abbozz ta' test li jista' jkun f'diversi forom. Jekk jiġi propost li s-sustanza attiva titniżżel fl-Anness I tad-Direttiva, l-abbozz ikun f'forma ta' Direttiva. Jekk l-abbozz ikun intiż biex jiġu adottati miżuri negattivi kontra s-sustanza attiva, inkluż l-irtirar ta' l-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom din is-sustanza, il-Kummissjoni tista' tipproponi abbozz ta' deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9       Ir-rikorrenti huma sitta. L-ewwel rikorrenti hija l-European Environmental Bureau (EEB), assoċjazzjoni taħt id-dritt Belġjan li skond l-istatut tagħha għandha l-għan li, b'mod partikolari, tippromwovi l-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ambjent fil-kuntest tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea. L-EEB tipparteċipa f'diversi organi konsultattivi tal-Kummissjoni, b'mod partikolari fil-grupp permanenti "Saħħa tal-pjanti" u fil-kumitat konsultattiv "Agrikolutra u ambjent". Hija wkoll membru tal-European Habitats Forum u, għalhekk, tgawdi minn status ta' parti interessata u ta' osservatur fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p.7).

10     It-tieni rikorrenti, Pesticides Action Network Europe, hija soċjeta taħt id-dritt Brittaniku li l-għan tagħha huwa li tippromwovi soluzzjonijiet bħala alternattivi sostenibbli minflok l-użu ta' pestiċidi. Hija pparteċipat fl-iStakeholders' Conference on the Development of a Thematic Strategy on the Sustainable Use of Pesticides (Konferenza tal-partijiet interessati dwar l-iżvilupp ta' strateġija tematika dwar l-użu sostenibbli ta' pestiċidi) organizzata mill-Kummissjoni fl-4 ta' Novembru 2002.

11     It-tielet rikorrenti, l-International Union of Food, Agricultural, Hotel, Restaurant, Catering, Tobacco and Allied Workers' Associations (IUF), hija federazzjoni internazzjonali ta' trade unions nazzjonali li jirrappreżentaw lill-ħaddiema impjegati f'diversi setturi, inkluż is-settur ta' l-agrikoltura u tal-pjantaġġuni. Skond l-istatuti tagħha, l-għan ta' l-IUF huwa, b'mod partikolari, li tħares l-interessi ġenerali u speċifiċi tal-ħaddiema fl-Istati kollha impjegati fis-setturi li hija tkopri. L-IUF hija parti mill-Konfederazzjoni Ewropea ta' trade unions, irrikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea bħala l-unika organizzazzjoni ta' trade unions li tirrappreżenta diversi professjonijiet fuq livell Ewropew.

12     Il-European Federation of Trade Unions in the Food, Agricultural and Tourism sectors and allied branches (EFFAT) hija assoċjazzoni taħt id-dritt Belġjan u hija waħda mill-fergħat reġjonali ta' l-IUF. L-EFFAT tipparteċipa f'diversi organi konsultattivi stabbiliti mill-Kummissjoni, fosthom il-grupp permanenti "Saħħa tal-pjanti" u l-kumitat konsultattiv "Agrikoltura u ambjent".

13     Il-ħames rikorrenti, Stichting Natuur en Milieu (iktar 'il quddiem "Natuur en Milieu"), hija fondazzjoni taħt id-dritt Olandiż li, skond l-istatuti tagħha, għandha l-għan li, b'mod partikolari, "toffri leħen lil min ma għandux" u li toffri natura ħajja u ambjent b'saħħtu lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Din il-fondazzjoni hija membru ta' l-EEB.

14     Is-sitt rikorrenti, Svenska Naturskyddföreningen (iktar 'il quddiem "Naturskyddföreningen"), hija assoċjazzjoni taħt id-dritt Żvediż li, skond l-istatut tagħha, għandha l-għan li, b'mod partikolari, tqanqal l-opinjoni pubblika u li tinfluwenza l-proċess li jwassal għat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tan-natura u ta' l-ambjent u li taħdem favur il-protezzjoni u ż-żamma ta' żoni li għandhom interess ekoloġiku. Barra minn hekk, Naturskyddföreningen hija proprjetarja ta' impriża agrikola, Osaby, fin-nofsinhar-lvant ta' l-Iżvezja, li l-attività agrikola tagħha hija ggarantita bħala kompletament organika. Skond ir-rikorrenti, l-art li fuqha tinsab Osaby u n-natura kompletament esklużiva ta' l-ispeċi li jinsabu ppreżervati hemmhekk jagħmlu dan il-post ħabitat perfettament vijabbli għal anfibji bħat-Triturius cristatus u r-Rana arvalis, protetti mid-Direttiva 92/43.

15     F'Lulju 1993, diversi intrapriżi, fosthom Syngenta Ltd, innotifikaw lill-Kummissjoni x-xewqa tagħhom li l-parakwat jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

16     Il-punt 83 ta' l-Anness I tar-Regolament Nru 3600/92 jinkludi l-parakwat bħala waħda mis-sustanzi koperti mill-ewwel stadju tal-programm ta' xogħol tal-Kummissjoni previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414.

17     Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 ta' April 1994 li jistabbilixxi l-lista tas-sustanzi attivi fi prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti u jawtorizza lill-Istati Membri relaturi għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 3600/92 (ĠU L 107, p.8), ħatar lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq bħala l-Istat Membru relatur fir-rigward tal-parakwat.

18     Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq ippreżenta lill-Kummissjoni, fil-31 ta' Ottubru 1996, ir-rapporti bl-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet korrispondenti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 3600/92. Dan ir-rapport bl-evalwazzjoni kien ġie eżaminat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali.

19     Fit-12 ta' Ġunju 2003, l-EEB, Pesticdes Action Network Europe u Naturskyddföreningen appellaw lill-Ministri Ewropej responsabbli għall-ambjent u lill-Kummissjoni biex ma jinkludux il-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk, fil-25 ta' Settembru 2003, l-EFFAT indirizzat l-istess appell lill-membri ta' l-istituzzjonijiet Ewropej.

 L-att ikkontestat

20     Fl-1 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Direttiva 2003/112/KE li emendat id-Direttiva 91/414 sabiex tinkludi fiha s-sustanza attiva parakwat (ĠU L 321 p.32, iktar 'il quddiem l-"att ikkontestat").

21     Mill-Artikolu 1 u mill-Anness ta' l-att ikkontestat jirriżulta li l-parakwat ġie miżjud ma' l-Anness I tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk, mill-Anness ta' l-att ikkontestat jirriżulta li l-parakwat jista' jintuża biss bħala erbiċida u li ċerti metodi ta' kif jitferrxu l-prodotti li jkun fihom din is-sustanza huma projbiti.

22     L-Artikolu 2 ta' l-att ikkontestat jipprovdi, b'mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mit-30 ta' April, jadottaw u jippubblikaw il-leġiżlazzjoni, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' l-att ikkontestat. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dawn lill-Kummissjoni mill-ewwel u għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Mejju 2005.

23     L-Artikolu 3 ta' l-att ikkontestat jorbot, b'mod partikolari, lill-Istati Membri biex jirrevedu kull awtorizzazzjoni mogħtija għal kull prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fih il-parakwat biex jiżguraw li jkunu mħarsa l-kundizzjonijiet applikabbli għal din is-sustanza attiva stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

24     Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4 ta' l-att ikkontestat, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-detenturi ta' awtorizzazzjonijiet jibagħtu, mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2008, rapport dwar l-effeti tal-miżuri, intiżi biex jitnaqqsu r-riskji, li għandhom jiġu applikati fil-kuntest ta' programm ta' xogħol u dwar l-implimentazzjoni ta' progress fil-qasam tal-formulazzjonijiet tal-parakwat. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-Istati Membri għandhom jibagħtu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni mill-ewwel. It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 4 ta' l-att ikkontestat jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali rapport dwar l-applikazzjoni ta' l-att ikkontestat li biha tindika jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inklużjoni fl-Anness I għadhomx sodisfatti u fejn tista' tipproponi kull emenda li jidhrilha li jkun hemm bżonn, inkluż, jekk ikun il-każ, l-irtirar ta' l-inklużjoni f'dan l-Anness.

25     L-Artikolu 5 ta' l-att ikkontestat jipprovdi li l-att jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2004.

26     Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 ta' l-att ikkontestat jindika li huwa indirizzat lill-Istati Membri.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

27     Permezz tar-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-27 ta' Frar 2004, ir-rikorrenti ressqu l-preżenti rikors.

28     Permezz ta' att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Mejju 2004, il-konvenuta qajmet eċċezzjoni ta' inammissibbilità skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-eċċezzjoni fit-30 ta' Lulju 2004.

29     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-9 ta' Ġunju 2004, Syngenta Ltd talbet li tintervjeni f'din il-proċedura in sostenn tal-konvenuta. Permezz tad-digriet ta' l-14 ta' Ottubru 2004, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' dan l-intervent. L-intervenjenti ma ppreżentatx is-sottomissjonijiet tagħha fit-terminu mogħti.

30     Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tannulla l-att ikkontestat;

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

31     Il-konvenuta talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

32     Skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk waħda mill-partijiet titlob hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tieħu deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skond l-Artikolu 114(3) il-proċedura għandha titkompla oralment sakemm il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tiddeċidix mod ieħor. Il-Qorti tal-Prim'Istanza jidhrilha li, fil-kawża preżenti, għandha informazzjoni suffiċjenti mid-dokumenti tal-proċess u li ma hemmx għalfejn tinfetaħ il-proċedura orali.

 Fuq l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq in-natura ta' l-att ikkontestat

33     Il-Kummissjoni tosserva li r-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE ma jsemmix il-possibbiltà li persuna fiżika jew legali tikkuntesta Direttiva. Għaldaqstant, meta jistiednu lill-Qorti tal-Prim'Istanza biex tannulla l-att ikkontestat, ir-rikorrenti jkunu qegħdin jitolbu lill-Imħallef Komunitarju biex jinjora l-kliem preċiż tar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE. Fi kwalunkwe każ, ir-rikors kontra l-att ikkontestat huwa inammissibbli minħabba n-natura normattiva tad-Direttivi.

34     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li r-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE ma jsemmix b'mod espress l-ammissibbiltà ta' rikors għal annullament imressaq minn individwi kontra Direttiva mhux biżżejjed biex rikors bħal dan jiġi ddikjarat inammissibbli (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Mejju 2003, Vannieuwenhuyze-Morin vs il-Parlament u l-Kunsill, T-321/02, Ġabra p. II-1997, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux, sempliċement permezz ta' l-għażla tal-forma ta' l-att in kwistjoni, jeskludu l-protezzjoni ġuridika li din id-dispożizzjoni tat-Trattat toffri lill-individwi (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Jannar 2002, Association contre l'heure d'été vs il-Parlament u l-Kunsill, T-84/01, Ġabra p. II-99, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35     Bl-istess mod, il-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li n-natura normattiva ta' l-att ikkontestat jipprekludi li dan l-att ikun is-suġġett ta' rikors għal annullament imressaq minn individwi. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f'ċerti ċirkustanzi, anki att normattiv li japplika għall-maġġoranza ta' l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jista' jirrigwarda xi wħud minnhom direttament u individwalment (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 1991, Extramet Industrie vs il-Kunsill, C-358/89, Ġabra p. I 2501, punt 13; tat-18 ta' Mejju 1994, Codorniu vs il-Kunsill, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 19 u tat-22 ta' Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs il-Kunsill, C-451/98, Ġabra p. I-8949, punt 46; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Diċembru 2001, Emesa Sugar vs il-Kunsill, T-43/98, Ġabra p. II-3519, punt 47).

36     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq in-nautra ta' l-att ikkontestat għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjoni ta' inamissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas tal-kwalità tar-rikorrenti biex jippreżentaw rikors

 Argumenti tal-partijiet

37     Il-Kummissjoni tikkontesta jekk ir-rikorrenti humiex ikkonċernati direttament u individwalment mill-att ikkontestat. Fir-rigward tal-kwistjoni jekk ir-rikorrenti humiex ikkonċernati individwalment mill-att ikkontestat, hija ssostni li persuna fiżika jew legali ma tistax tkun ikkonċernata individwalment minn att normattiv ħlief jekk dan l-att jolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwiha minn kull persuna oħra u, minħabba dan, li tindividwalizzaha b'mod analogu għal mod kif inhu individwalizzat id-destinatarju ta' l-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan izda mhux il-każ fil-każ in eżami.

38     Ir-rikorrenti jsostnu li huma kkonċernati direttament u individwalment mill-att ikkontestat.

39     Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar jekk humiex ikkonċernati individwalment, ir-ikorrenti jsostnu li, fl-ewwel lok, huma milquta b'mod speċjali mill-att ikkontestat minħabba li l-attività ta' kull waħda minnhom tinvolvi l-ħarsien ta' interessi aktar għolja li huma involuti f'dan il-każ, jiġifieri l-protezzjoni ta' l-ambjent u tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, l-EEB, Natuur en Milieu u Naturskyddföreningen huma attivi fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-ambjent u fil-preżervazzjoni tan-natura, inkluż in-natura selvaġġa, fil-kuntest tad-Direttiva 92/43. Min-naħa tagħhom, l-IUF u l-EFFAT huma attivi fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-interessi tal-ħaddiema, b'mod partikolari, dawk li jaħdmu fis-settur agrikolu, inkluża s-saħħa tagħhom. L-att ikkontestat jolqot b'mod speċjali dawn l-interessi minħabba li, bi ksur tad-dritt Komunitarju, jammonta għal "rigressjoni" fir-rigward tal-protezzjoni ta' dawn l-interessi. Huma jżidu li l-att ikkontestat jolqot b'mod partikolari lil Naturskyddföreningen minħabba li d-drittijiet tagħha bħala proprjetarja huma kkonċernati f'dan il-każ.

40     Fit-tieni lok, huma jargumentaw li l-EEB u l-EFFAT, fis-setturi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, għandhom status speċjali bħala konsulenti mal-Kummissjoni u ma' l-istituzzjonijiet Ewropej oħra, li Natuur en Milieu, Naturskyddföreningen u l-IUF igawdu minn status identiku ma' awtoritajiet nazzjonali jew supranazzjonali oħra u li, skond l-għan tagħhom, kif stabbilit mill-istatuti tagħhom, uħud mir-rikorrenti talbu b'mod espress lill-Kummissjoni biex ma tinkludix il-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

41     Fit-tielet lok, huma jargumentaw, fis-sustanza, li taħt is-sistema legali Olandiża, Natuur en Milieu hija meqjusa bħala kkonċernata direttament u individwalment meta jkun hemm ksur ta' regoli tad-dritt li jipproteġu l-interessi ta' l-ambjent u tal-fawna selvaġġa u li dan japplika wkoll fir-rigward ta' Naturskyddföreningen taħt id-dritt Żvediż.

42     Fir-raba' lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom hija mitluba mill-ħtieġa ta' protezzjoni ġuridika effettiva, mir-rispett tal-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-partijiet u mill-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni fir-rigward ta' l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità Ewropea tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku u l-Aċċess għall-Ġustizzja fil-Qasam ta' l-Ambjent (COM/2003/0622 finali, iktar 'il quddiem il-"proposta għar-Regolament Århus").

43     L-ewwel nett, fir-rigward tal-ħtieġa li tkun assigurata protezzjoni ġuridika effettiva fir-rigward tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-annullament ta' l-att ikkontestat jevita li jitressqu diversi proċeduri għal awtorizzazzjoni li jkunu komplikati, twal u għoljin fi Stati Membri differenti. Skondhom, jekk ikollhom jindirizzaw lill-qrati nazzjonali, isibu ruħhom obbligati li jissorveljaw, fl-Istati Membri kollha, jekk tressqux talbiet għal awtorizzazzjoni, li jistudjaw is-sistema legali ta' l-Istati fejn tressqu talbiet għal awtorizzazzjoni biex jitqiegħed prodott fuq is-suq u li jressqu proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, minħabba l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/414, ir-rikorrenti, sabiex jopponu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-parakwat, ikollhom jintervjenu fil-proċeduri nazzjonali kollha. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, din mhix kwistjoni sempliċement ta' konvenjenza minħabba li jkun prattikament impossibbli għal qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar il-validità ta' l-att ikkontestat. Minn dan jirriżulta li, mil-lat ta' l-effikaċja tar-rimedji legali disponibbli għar-rikorrenti, skond l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem "ECHR"), li tapplika għall-Qorti tal-Prim'Istanza taħt l-Artikolu 6(2) UE, ir-rikorrenti huma ġġustifikati li jressqu r-rikors tagħhom quddiem din il-Qorti.

44     Peress illi dan jirrigwarda l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-partijiet, ir-rikorrenti jargumentaw, l-ewwel nett, li rikors kontra l-att ikkontestat imressaq minn produttur tal-parakwat, bħal ma hija Syngenta, jiġi ddikjarat ammissibbli abbażi tar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE kif jirriżulta mid-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Jannar 2001, Iberotam et vs il-Kummissjoni (T-112/00 u T-122/00, Ġabra p. II-97, punt 79). Issa, il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-partijiet, stabbilit fl-Aritkoli 6, 13 u 14 tal-ECHR, jitlob li partijiet milqutin b'modi opposti minn att adottat mill-Kummissjoni jkollhom l-istess opportunitajiet fir-rigward tar-rimedji legali disponibbli għalihom. F'dan ir-rigward, huma jżidu li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Diċembru 1969, Eridania et vs il-Kummissjoni (10/68 u 18/68, Ġabra p.459), li tgħid li l-kwalità biex individwi jippreżentaw rikors ma tiddependix biss mill-fatt li jinsabu f'relazzjoni ta' kompetizzjoni mad-destinatarji ta' l-att ikkontestat, mhix rilevanti għal dan il-każ minħabba li kienet tikkonċerna relazzjonijiet ta' kompetizzjoni li assolutament ma jeżistux f'dan il-każ.

45     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-rikors tagħhom huwa ammissibbli fid-dawl tan-nota ta' spjegazzjoni tal-proposta għar-Regolament Århus. F'din in-nota ta' spjegazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li m'hemmx bżonn li l-Artikolu 230 KE jiġi emendat sabiex tkun rikonoxxuta l-kwalità ta' organizzazzjonijiet Ewropej li jħarsu l-ambjent u li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi stabbiliti f'din il-proposta biex jippreżentaw rikors. Issa, ir-rikorrenti jissodisfaw dawn il-kriterji li, skond it-teżi tal-Kummissjoni, huma biżżejjed biex tiġi rikonoxxuta l-kwalità tagħhom biex jippreżentaw rikors għal annullament ta' l-att ikkontestat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

46     Skond ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE, "[k]ull persuna fiżika jew legali tista’ […] tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna".

47     F'dan il-każ, mill-Artikolu 6 ta' l-att ikkontestat joħroġ li dan l-att huwa indirizzat biss lill-Istati Membri. Għaldaqstant, huma r-rikorrenti li għandhom jistabbilixxu, b'mod partikolari, li huma kkonċernati individwalment minn dan l-att li mhumiex id-destinatarji tiegħu.

48     F'dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rikorrenti li, bħal f'dan il-każ, mhumiex id-destinatarji ta' att, ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment minn dan l-att ħlief jekk dan l-att jolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba dan, li tindividwalizzahom b'mod analogu għal mod kif inhu individwalizzat id-destinatarju ta' l-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49     Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f'dan il-każ, ir-rikorrenti humiex ikkonċernati mill-att ikkontestat minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwihom, fir-rigward ta' l-att ikkontestat, minn kull persuna oħra.

50     Sabiex jippruvaw li huma kkonċernati individwalment mill-att ikkontestat, ir-rikorrenti jargumentaw, l-ewwel nett, li huma milqutin b'mod speċjali minn dan l-att minħabba l-effetti negattivi serji li dan l-att għandu fuq il-ħarsien ta' l-ambjent u tas-saħħa tal-ħaddiema u li jammontaw għal rigressjoni fil-ħarsien ta' dawn l-interessi. Barra minn hekk, Naturskyddföreningen intlaqtet ukoll b'mod speċjali minħabba li l-att ikkontestat jolqot id-drittijiet tagħha bħala proprjetarja.

51     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti ma jippreċiżawx f'liema sens l-att ikkontestat jimplika rigressjoni fir-rigward tal-ħarsien ta' l-ambjent u tas-saħħa tal-ħaddiema u lanqas ma jipprovdu provi konkreti biex isostnu l-allegata theddida serja għad-drittijiet ta' Naturskyddföreningen bħala proprjetarja.

52     Għandu jiġi mfakkar imbagħad li fis-sustanza, f'dan il-każ, l-effett ta' l-att ikkontestat huwa li jemenda l-Anness I tad-Direttiva 91/414 billi jinkludi fih is-sustanza attiva parakwat u billi jippreċiża l-kundizzjonijiet kif għandu jintuża bħala sustanza attiva (Artikolu 1); li jorbot lill-Istati Membri biex, minn banda, jeżaminaw mill-ġdid kull awtorizzazzjoni mogħtija għal kull prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fih il-parakwat u, mill-banda l-oħra, li jevalwaw mill-ġdid prodotti awtorizzati għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-parakwat (Artikolu 3); li jorbot lill-Istati Membri biex jassiguraw li d-detenturi ta' awtorizzazzjonijiet jibagħtu, mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 2008, rapport dwar l-effetti tal-miżuri, intiżi biex jitnaqqsu r-riskji, li għandhom jiġu applikati fil-kuntest ta' programm ta' xogħol u dwar l-implimentazzjoni ta' progress fil-qasam tal-formulazzjonijiet tal-parakwat (l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 4), u li jorbot lill-Kummissjoni biex tibgħat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali rapport dwar l-applikazzjoni ta' l-att ikkontestat fejn tindika jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għadhomx sodisfatti u fejn tista' tipproponi kull emenda li jidhrilha li jkun hemm bżonn, inkluż, jekk ikun il-każ, l-irtirar ta' l-inklużjoni f'dan l-Anness (it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 4).

53     Indipendentement mill-kwistjoni ta' liema dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet jammontaw, skond ir-rikorrenti, għal theddida serja għall-interessi protetti minnhom fil-forma ta' rigressjoni fir-rigward tal-protezzjoni ta' dawn l-interessi u ta' theddida serja għad-drittijiet ta' waħda minnhom bħala proprjetarja, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jolqtuhom fil-kwalità oġġettiva tagħhom bħala entitajiet attivi fil-protezzjoni ta' l-ambjent jew tas-saħħa tal-ħaddiema jew anki bħala titolari ta' drittijiet fi proprjetà, u dan bl-istess mod bħal kull persuna oħra li tinsab fl-istess sitwazzjoni.

54     Issa, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza, din il-kwalità waħedha mhix biżżejjed biex jiġi stabbilit li r-rikorrenti huma kkonċernati individwalment mill-att ikkontestat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' April 1998, Greenpeace et vs il-Kummissjoni, C-321/95 P, Ġabra p. I-1651, punt 28, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' April 2003, Villiger Söhne vs il-Kunsill, T-154/02, Ġabra p. II-1921, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

55     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-allegati effetti negattivi serji li l-att ikkontestat għandu fuq l-interessi u d-drittijiet fi proprjetà tar-rikorrenti ma jippermettux li r-rikorrenti jitqiesu bħala kkonċernati individwalment mill-att ikkontestat.

56     Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-EEB u l-EFFAT għandhom status speċjali bħala konsulenti ma' l-istituzzjonijiet Komunitarji, li Natuur en Milieu, Naturskyddöreningen u l-IUF igawdu minn status simili ma' awtoritajiet nazzjonali jew supranazzjonali u li, skond l-għan tagħhom, kif stabbilit mill-istatuti tagħhom, uħud mir-rikorrenti talbu espressament lill-Kummissjoni biex ma tinkludix il-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

57     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-fatt li persuna tintervjeni, b'mod jew ieħor, fil-proċess li wassal għall-adozzjoni ta' att Komunitarju mhux ta' natura li jindividwalizzaha fir-rigward ta' l-att in kwistjoni ħlief meta ċerti garanziji proċedurali kienu ġew previsti għal din il-persuna mil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' April 2002, Bactria vs il-Kummissjoni, T-339/00, Ġabra p. II-2287, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f'dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli għall-adozzjoni ta' l-att ikkontestat ma tipprevedi l-ebda garanzija proċedurali favur ir-rikorrenti u lanqas xi tip ta' parteċipazzjoni mill-organi konsultattivi Komunitarji, nazzjonali jew supranazzjonali li r-rikorrenti jallegaw li jagħmlu parti minnhom. Għaldaqstant, la l-fatt li r-rikorrenti stiednu lill-awtoritajiet Komunitarji biex ma jinkludux il-parakwat fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u lanqas l-allegazzjoni li jipparteċipaw f'organi konsultattivi ma jippermettu li dawn jitqiesu bħala kkonċernati individwalment mill-att ikkontestat.

58     Fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-argument li d-dritt ta' l-Olanda u ta' l-Iżvezja jqisu lir-rikorrenti bħala kkonċernati direttament u individwalment fir-rigward ta' atti li jolqtu l-interessi li jiddefendu, għandu jiġi osservat li l-kwalità ta' dawn ir-rikorrenti biex jippreżentaw rikors, kif irrikonoxxuta f'uħud mis-sistemi legali ta' l-Istati Membri, mhix rilevanti meta tiġi kkunsidrata l-kwalità tagħhom biex jippreżentaw rikors għal annullament ta' att Komunitarju taħt ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Awissu 1995, Greenpeace et vs il-Kummissjoni, T-585/93, Ġabra, p. II-2205, punt 51).

59     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dritt Komunitarju, kif jinsab bħalissa, ma jipprovdix għall-fakultà li titressaq azzjoni quddiem l-Imħallef Komunitarju meta jkun hemm interess kollettiv, kif qegħdin jissuġġerixxu r-rikorrenti f'dan il-każ.

60     Fir-raba' lok, ir-rikorrenti jsostnu li protezzjoni ġuridika effettiva, kif mitluba mill-Artikoli 6 u 13 tal-ECHR, li tapplika għall-istituzzjonijiet Komunitarji taħt l-Artikolu 6(2) UE, titlob li dan ir-rikors jiġi ddikjarat ammissibbli minħabba li, minn banda, il-proċeduri ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali jkunu twal, komplikati u għoljin u, mill-banda l-oħra, minħabba li dawn il-qrati ma jkunux f'pożizzjoni li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest ta' dan ir-rikors.

61     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal protezzjoni ġuridika effettiva huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżultaw mill-prassi kostituzjonali komuni għall-Istati Membri u li, fil-fatt, dan id-dritt ġie rikonoxxut ukoll mill-Artikoli 6 u 13 tal-ECHR (sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, punt 48 iktar 'il fuq, punti 38 u 39).

62     F'din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li t-Trattat KE, permezz ta' l-Artikoli 230 KE u 241 KE minn banda, u ta' l-Artikolu 234 KE mill-banda l-oħra, stabbilixxa sistema kompleta ta' rimedji u ta' proċeduri maħsuba biex jiġi ggarantit il-kontroll tal-legalità ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet, li ġie fdat lill-Imħallef Komunitarju. Taħt din is-sistema, persuni fiżiċi jew legali li ma jkunux jistgħu, minħabba fil-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà msemmija fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE, jikkontestaw atti Komunitarji ta' impatt ġenerali direttament għandhom il-possibbiltà, skond il-każ, li jqajmu l-argument dwar l-invalidità ta' tali atti jew, b'mod inċidentali bis-saħħa ta' l-Artikolu 241KE, quddiem l-Imħallef Komunitarju, jew quddiem il-qrati nazzjonali, u b'hekk iwasslu lill-qrati nazzjonali, li ma jkunux kompetenti biex jikkonstataw l-invalidità ta' dawn l-atti huma stess, biex jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja f'dan ir-rigward permezz ta' domanda preliminari (sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, punt 48 iktar 'il fuq, punt 40).

63     Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ammissibbiltà ta' rikors għal annullament quddiem l-Imħallef Komunitarju ma tistax tiddependi fuq il-kwistjoni ta' jekk jeżistix rimedju quddiem qorti nazzjonali li jippermetti l-eżami tal-validità ta' l-att li fir-rigward tiegħu qiegħed jintalab l-annullament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs il-Kunsill, punt 48 iktar 'il fuq, punt 46).

64     Minn dan jirriżulta li, skond il-pożizzjonijiet meħuda fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-argument ibbażat fuq protezzjoni ġuridika effettiva mressaq mir-rikorrenti, fih innifsu, mhux biżżejjed biex jiġġustifika l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom.

65     Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-rikors tagħhom għandu jiġi ddikjarat ammissibbli minħabba l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-partijiet. F'dan ir-rigward ikun biżżejjed li jiġi osservat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi fatt li rikorrenti jintlaqat minn att b'mod oppost għal kif tintlaqat il-persuna li għandha l-kwalità biex tippreżenta rikors għal annullament ta' dan l-att, mhux biżżejjed biex jagħti lil din ir-rikorrenti l-kwalità biex tippreżenta rikors (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Eridania et vs il-Kummissjoni, punt 44 iktar 'il fuq, punt 7, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Mejju 2000, Comité d'entreprise de la société française de production et vs il-Kummissjoni, C-106/98 P, Ġabra p. I-3649, punt 41). F'dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk ikun aċċettat li l-parti intervenjenti kellha l-kwalità biex tressaq rikors għal annullament ta' l-att ikkontestat, kif isostnu r-rikorrenti, dan il-fatt biss ma jistabbilixxix li r-rikorrenti jissodisfaw ir-rekwiżit li jkunu kkonċernati individwalment mill-att ikkontestat u lanqas ma jeħlishom milli jistabbilixxu li jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

66     Fl-aħħar nett, fis-sitt lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-kwalità tagħhom biex jippreżentaw rikors toħroġ, minn banda, minn dak li l-Kummissjoni tindika fin-nota ta' spjegazzjoni tal-proposta għar-Regolament Århus, jiġifieri li l-assoċjazzjonijiet Ewropej li jħarsu l-ambjent u li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi għandhom il-kwalità biex jippreżentaw rikors fis-sens tar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE u, mill-banda l-oħra, f'dan il-każ, mill-fatt li r-rikorrenti jissodisfaw dawn il-kriterji oġġettivi.

67     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-prinċipji li jirregolaw il-ġerarkija tan-normi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta' Ottubru 1992, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, C-240/90, Ġabra p. I-5383, punt 42) jipprekludu li att ta' dritt sekondarju jikkonferixxi l-kwalità meħtieġa biex jippreżentaw rikors lil individwi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 230 KE. A fortiori, l-istess jista' jingħad għan-nota ta' spjegazzjoni ta' proposta għal att ta' dritt sekondarju.

68     Għaldaqstant, in-nota ta' spjegazzjoni invokata mir-rikorrenti ma teħlilshomx milli juru li huma kkonċernati individwalment mill-att ikkontestat. Barra minn hekk, anki jekk ikun aċċettat li r-rikorrenti huma entitajiet ikkwalifikati fis-sens tal-proposta għar-Regolament Århus, għandu jiġi kkonstatat li huma ma ressqu l-ebda raġuni għaliex din il-kwalità tippermetti li jitqiesu bħala kkonċernati individwalment mill-att ikkontestat.

69     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti mhumiex ikkonċernati individwalment mill-att ikkontestat. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti humiex ikkonċernati direttament minn dan l-att.

 Fuq l-ispejjeż

70     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jigu kkundannati jbatu l-ispejjez, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f'dan is-sens.

71     Skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha. F'dan il-każ, il-parti intervenjenti in sostenn tal-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tieni Awla)

tordna li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inamissibbli.

2)      Ir-rikorrenti, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, għandhom ibatu l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

3)      Il-parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-28 ta' Novembru 2005.

Reġistratur

 

       il-President

E. Coulon

 

      J. Pirrung


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.