Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' April 2012 - Syrian Lebanese Commercial Bank vs Il-Kunsill

(Kawża T-174/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Syrian Lebanese Commercial Bank S.A. L. (Bejrut, il-Libanu) (rappreżentanti: P. Vanderveeren, L. Defalque u T. Bontinck, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 55/2012, tat-23 ta' Jannar 2012, u l-punt 27 tal-anness ta' dan ir-regolament sa fejn ir-rikorrenti hija miżjuda fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill 36/2012, tat-18 ta' Jannar 2012;

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/37/PESK u l-punt 27 tal-anness ta' din id-deċiżjoni sa fejn ir-rikorrenti hija miżjuda fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/273;

tannulla, sa fejn huwa neċessarju, id-deċiżjoni tal-Kunsill f'forma ta' ittra tal-24 ta' Jannar 2012;

tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-implikazzjoni tar-rikorrenti fil-finanzjament tar-reġim Sirjan, peress li l-Kunsill ma pproduċiex, la qabel u lanqas wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-finanzjament tal-imsemmi reġim.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba n-nuqqas ta' kontradittorju matul il-proċedura tal-adozzjoni tal-atti kkontestati u minħabba r-rifjut impliċitu tal-Kunsill li jipproduċi l-provi li jiġġustifikaw n-natura u l-portata tas-sanzjoni.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni suffiċjenti u preċiża, peress li l-Kunsill espona biss kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali mingħajr ma indika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom huwa jikkunsidra li r-rikorrenti għandha tkun suġġetta għal miżuri restrittivi.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq insuffiċjenzi marbuta mal-adozzjoni tal-atti kkontestati sa fejn il-Kunsill naqas li jsemmi fihom id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li d-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi lid-destinatarji ta' dawn l-atti u sa fejn dawn l-atti ġew adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, li r-rikorrenti tqis li huwa nieqes mill-garanziji demokratiċi kollha.

____________