Language of document : ECLI:EU:T:2014:849

Kawża T‑177/12

Spraylat GmbH

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“REACH — Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza — Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju — Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża — Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-2 ta’ Ottubru 2014

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Fattura tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-ħlasijiet dovuti — Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata — Neċessità ta’ rabta ġuridika bejn l-att ikkontestat u l-att ġenerali kkontestat

(Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE)

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Ħlasijiet u spejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) — Regolament Nru 340/2008 — Talba għal reġistrazzjoni ta’ sustanza — Dikjarazzjoni falza — Impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva mill-Aġenzija — Ammont ta’ din l-ispiża iktar minn sbatax-il darba ogħla mill-ammont tal-ħlas dovut għar-reġistrazzjoni tas-sustanza — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 340/2008, premessa 11)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 21)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 24, 25)

3.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l‑miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu. Barra minn hekk, meta l-awtur tal-att ikkontestat għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata, meta mqabbla mal-għan imfittex, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ talba għar-reġistrazzjoni ta’ ċerta sustanza kimika mressqa quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), il-premessa 11 tar-Regolament Nru 340/2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament Nru 1907/2006, tippreċiża li t-tressiq ta’ informazzjoni falza għandu jiġi skoraġġut bl-impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva mill-ECHA u multa dissważiva mill-Istati Membri, jekk ikun xieraq. Minn din il-premessa jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva tikkontribwixxi għall-għan li l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jittrażmetti informazzjoni falza. Min-naħa l-oħra, minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-ispiża amministrattiva ma għandhiex tiġi ekwiparata għal multa.

Issa, ammont ta’ spiża amministrattiva li huwa iktar minn sbatax-il darba ogħla mill-ammont tal-ħlas li l-impriża kellha tħallas biex tirreġistra s-sustanza inkwistjoni u iktar minn tmienja u għoxrin darba ogħla mill-ammont tal-ħlas, li seta’ jiġi evitat minħabba d-dikjarazzjoni żbaljata magħmula minn din l-impriża, huwa manifestament sproporzjonat meta mqabbel mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni.

(ara l-punti 33, 34, 36, 38)