Language of document : ECLI:EU:T:2011:634

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

26 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Deċiżjoni 2004/258/KE – Databases tal-BĊE li servew għat-tfassil tar-rapporti li jirrigwardaw ir-reklutaġġ u l-mobbiltà tal-persunal – Rifjut ta’ aċċess – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ dokument – Rikors għad-danni − Natura prematura”

Fil-Kawża T-436/09,

Julien Dufour, residenti f’Jolivet (Franza), irrappreżentat minn I. Schoenacker Rossi u H. Djeyaramane, avukati,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh u S. Juul Jørgensen, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, inizjalment irrappreżentata minn J. Heliskoski, H. Leppo u M. Pere, sussegwentement minn J. Heliskoski u H. Leppo, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, K. Petkovska u S. Johannesson, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inizjalment irrappreżentat minn K. Laurinavicius u S. Lambrinoc, sussegwentement minn S. Lambrinoc u P. Embley, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne u C. ten Dam, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-BĊE, ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra tal-President tal-BĊE, tat-2 ta’ Settembru 2009, li tiċħad applikazzjoni ppreżentata mir-rikorrent sabiex jinkiseb l-aċċess għad-databases li servew ta’ bażi għat-tfassil tar-rapporti tal-BĊE fir-rigward tar-reklutaġġ u l-mobbiltà tal-persunal tiegħu u, min-naħa l-oħra, talba għall-kundanna tal-BĊE sabiex jagħti aċċess lir-rikorrent għad-databases inkwistjoni u, fl-aħħar nett, talba għall-kumpens tad-danni allegatament subiti minnu minħabba ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal aċċess,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: V. Nagy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa rregolat mid-Deċiżjoni 2004/258/KE tiegħu, tal-4 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51). L-imsemmija deċiżjoni tipprovdi, fl-Artikoli 2, 3, 4, 6, 7, 8 u 9 tagħha hekk kif ġej:

“Artikolu 2

Benefiċjarji u skop

1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali li toqgħod jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat f’xi Stat Membru, għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-ECB, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

[…]

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni:

a)      ‘dokument’ u ‘dokument tal-ECB’ għandhom ifissru kull kontenut ikun xi jkun l-medju tagħhom (miktub fuq karta jew merfugħ f’forma elettronika jew bħala recording ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviżiv) mħejji jew miżmum mill-ECB u li għandu x’jaqsam mal-politika tiegħu, l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet, […]

Artikolu 4

Eċċezzjonijiet

1.      Il-ECB għandu jiċħad l-aċċess għal dokument meta l-pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni ta’:

a)      l-interess pubbliku dwar:

–        il-kunfidenzjalita’ tal-proċedimenti tal-korpi tal-ECB fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet,

–        il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunita’ jew ta’ xi Stat Membru,

–        il-finanzi interni tal-ECB jew ta[l-banek ċentrali nazzjonali],

–        il-protezzjoni ta’ l-integrita’ tal-karti tal-flus ewro,

–        is-sigurta’ pubblika,

–        ir-relazzjonijiet finanzjarji internazzjonali, monetarji jew ekonomiċi;

b)      il-privatezza u l-integrita’ ta’ l-individwu, partikolarment skond il-leġislazzjoni tal-Komunita’ dwar il-protezzjoni tad-data personali;

ċ)      il-kunfidenzjalita’ ta’ l-informazzjoni li hija protetta bil-liġi tal-Komunita’.

[2.]      Il-ECB għandu jiċħad l-aċċess għal xi dokument fejn il-pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni ta’:

–        l-interessi kummerċjali ta’ xi persuna naturali jew legali, inkluża l-propjeta’ intelletwali,

–        il-proċedimenti tal-Qorti u l-avviż legali,

–        l-iskop ta’ l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-audits,

sakemm ikun hemm interess pubbliku superjuri għall-pubblikazzjoni.

[3.]      L-aċċess għal dokument li jkollu opinjonijiet għal użu intern bħala parti mid-dibattiti u l-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-ECB jew man-NCB għandhom ikunu miċħuda anke wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, sakemm ikun hemm interess pubbliku superjuri li jkunu mikxufa.

[4.]      Fir-rigward tad-dokumenti ta’ terzi partijiet, il-ECB għandu jikkonsulta mat-terza parti interessata bil-għan li teżamina jekk eċċezjoni f’dan l-Artikolu hijiex applikabbli, sakemm ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi kkomunikat.

[5.]      Jekk xi partijiet biss tad-dokument mitlub ikunu koperti b’ xi waħda mill-eċċezzjonijiet, il-partijiet li jifdal tad-dokument għandhom jiġu kkomunikati.

[6.]      L-eċċezzjonijiet kif stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss għall-perjodu li matulu l-protezzjoni hija ġġustifikata abbażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu massimu ta’ 30 sena sakemm ipprovdut speċifikament mod ieħor mill-Kunsill Governattiv tal-ECB. Fil-każ ta’ dokumenti koperti bl-eċċezzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ interessi ta’ privatezza u kummerċjali, l-eċċezzjonijiet jistgħu jkomplu japplikaw wara dan il-perjodu.

[…]

Artikolu 6

Applikazzjonijiet

1.      Applikazzjoni għall-aċcess ta’ xi dokument għandha ssir lill-ECB f’kwalunkwe forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Unjoni u f’mod preċiż biżżejjed biex il-ECB jkun jista’ jidentifika d-dokument. L-applikant mhuwiex obbligat li jgħid ir-raġunijiet għall-applikazzjoni.

2.      Jekk xi applikazzjoni mhijiex preċiża biżżejjed, il-ECB għandu jsaqsi lill-applikant biex jikkjarifika l-applikazzjoni u għandu jassistih biex jagħmel dan.

3.      Fil-każ ta’ xi applikazzjoni għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ta’ dokumenti, il-ECB jista’ jikkonsulkta b’mod informali ma’ l-applikant, bil-għan li tinstab soluzzjoni ġusta.

Artikolu 7

L-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet tal-bidu

1.      Applikazzjoni għall-aċċess ta’ dokument għandha tiġi ttrattata minnufih. Konferma ta’ riċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Id-Direttur Ġenerali tas-Sekretarjat u s-Servizzi tal-Lingwa tal-ECB għandu jew jagħti aċċess għad-dokument mitlub u jipprovdi aċċess skond l-Artikolu 9 jew, jgħid f’risposta bil-miktub, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda totali jew parzjali u jinforma lill-applikant bid-dritt tiegħu biex jagħmel applikazzjoni ta’ konferma skond il-paragrafu 2, fi żmien għoxrin ġurnata ta’ xogħol mir-riċevuta ta’ l-applikazzjoni, jew tal-kjarifikazzjonijiet mitluba skond l-Artikolu 6(2).

2.      Fil-każ ta’ ċaħda totali jew parzjali, l-applikant jista’, f’għoxrin ġurnata ta’ xogħol li jirċievi r-risposta tal-ECB, jagħmel applikazzjoni ta’ konferma fejn isaqsi lill-Bord Eżekuttiv tal-ECB biex jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu. Barra dan, in-nuqqas tal-ECB biex iwieġeb fil-limitu ta’ żmien preskritt ta’ għoxrin ġurnata ta’ xogħol biex jipproċessa l-applikazzjoni tal-bidu għandha tintitola lill-applikant biex jagħmel applikazzjoni ta’ konferma.

3.      F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ xi applikazzjoni għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ħafna ta’ dokumenti, il-ECB jista’ jestendi l-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 b’għoxrin ġurnata ta’ xogħol, dejjem jekk l-applikant huwa nnotifikat minn qabel u jekk jingħataw raġunijiet dettaljati.

4.      Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika fil-każ ta’ applikazzjonijiet eċċessivi u mhux raġonevoli, partikolarment meta jkunu ta’ natura ripetittiva.

Artikolu 8

L-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet ta’ konferma

1.      Applikazzjoni ta’ konferma għandha tiġi ttrattata minnufih. Fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol mill-irċevuta ta’ din l-applikazzjoni, il-Bord Eżekuttiv għandu jew jagħti aċċess għad-dokument mitlub u jipprovdi aċċess skond l-Artikolu 9 jew, f’risposta bil-miktub, jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda totali jew parzjali. Fil-każ ta’ ċaħda totali jew parzjali, il-ECB għandu jinforma lill-applikant bir-rimedji disposti għalih skond l-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat.

2.      F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ xi applikazzjoni għal xi dokument twil ħafna jew għal numru kbir ħafna ta’ dokumenti, il-ECB jista’ jestendi l-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 b’15-il ġurnata ta’ xogħol, dejjem jekk l-applikant huwa nnotifikat minn qabel u jekk jingħataw raġunijiet dettaljati.

3.      In-nuqqas tal-ECB biex iwieġeb fil-limitu ta’ żmien preskritt għandu jiġi kkunsidrat bħala risposta negattiva u għandha tintitola lill-applikant biex jibda proċedimenti bil-qorti u/jew jippreżenta lment lill-Ombudsman Ewropew, skond l-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat, rispettivament.

Artikolu 9

Aċċess wara xi applikazzjoni

1.      L-applikanti jistgħu jikkonsultaw id-dokumenti li għalihom l-ECB jkun ta’ aċċess, jew fil-bini tiegħu jew billi jirċievu kopja, inkluża, meta disponibbli, kopja elettronika. L-ispejjeż biex tipproduċi u tibgħat il-kopji jistgħu jingħaddu lill-applikant. Dan il-ħlas m’għandux jaqbeż l-ispiża reali biex tipproduċi u tibgħat il-kopji. Il-konsultazzjoni fuq il-post, il-kopji ta’ anqas minn 20 paġna A4 u l-aċċess dirett f’forma elettronika għandhom ikunu bla ħlas.

2.      Jekk xi dokument ikun diġa’ ġie rilaxxat mill-ECB u jkun aċċessibbli faċilment, il-ECB jista’ jissodisfa l-obbligu tiegħu li jagħti aċċess għalih billi jinforma lill-applikant kif għandu jakkwista d-dokument mitlub.

3.      Id-dokumenti għandhom ikunu fornuti f’verżjoni u format eżistenti (inkluż elettronikament jew f’format alternattiv) kif mitlub mill-applikant.”

2        L-Artikolu 3(a), u l-Artikolu 11, tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jaqraw hekk:

“Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

a)      ‘dokument’ tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;

[…]

Artikolu 11

Reġistri

1.      Sabiex id-drittijiet taċ-ċittadin taħt dan ir-Regolament isiru effettivi, kull istituzzjoni għandha tagħti aċċess pubbliku lil reġistru ta’ dokumenti. Aċċess lir-reġistru għandu jingħata fil-forma elettronika. Referenzi għal dokumenti għandhom jiddaħħlu fir-reġistru mingħajr dewmien.

2.      Għal kull dokument, ir-reġistru għandhom jkollu numru ta’ referenza (inkluż, fejn japplika, ir-referenza interistituzzjonali), il-materja u/jew deskrizzjoni fil-qosor tal-kontentu tad-dokument u d-data meta ġie rċevut jew miktub u reġistrat fir-reġistru. Ir-referenzi għandhom isiru b’mod li ma jagħmlux ħsara ’l-ħarsien ta’ l-interessi fl-Artikolu 4.

3.      L-istituzzjonijiet għandhom mal-ewwel jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu reġistru li għandu jkun operazzjonali sat-3 Ġunju 2002.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

3        Ir-rikorrent, J. Dufour, huwa student tad-dottorat fis-Soċjoloġija u qed jipprepara teżi intitolata “Sociogenèse de l’autorité d’une institution financière: le cas de la [BCE]”.

4        Permezz ta’ e-mail tat-28 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrent talab lill-BĊE l-aċċess, minn naħa, għar-rapporti tal-BĊE li jirrigwardaw ir-reklutaġġ u l-mobbiltà tal-persunal tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapporti”) u, min-naħa l-oħra, għad-“databases li servew ta’ bażi għall-analiżi statistiċi tar-rapporti”.

5        Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, il-BĊE informa lir-rikorrent li huwa kien iddeċieda jagħtih aċċess parzjali għar-rapporti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-databases li servew ta’ bażi għat-tfassil tar-rapporti, il-BĊE ċaħad l-applikazzjoni għall-aċċesss tar-rikorrent, peress li d-databases “fihom infushom” ma kinux jaqgħu fid-definizzjoni tad-dokument li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 u li ma jeżisti l-ebda dokument awtonomu li jista’ jiġi fornut lir-rikorrent bħala risposta għall-applikazzjoni tiegħu.

6        Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Awwissu 2009, ir-rikorrent ippreżenta, b’mod konformi mal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, applikazzjoni ta’ konferma, fir-rigward tal-aċċess għad-databases previsti mill-applikazzjoni inizjali tiegħu. Fl-applikazzjoni ta’ konferma, huwa sostna essenzjalment li, kuntrarjament għat-teżi sostnuta fl-ittra tal-BĊE tat-23 ta’ Lulju 2009, database huwa dokument fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258. Skont dan, ma kien hemm “l-ebda dubju fuq il-fatt li d-data mitluba [kienu] effettivament kontenut, merfugħ fil-forma elettronika (il-‘bażijiet’ tad-data) u stabbilita mill-BĊE”. Min-naħa l-oħra, huwa ppreċiża li huwa ma talabx il-komunikazzjoni tad-data nominattiva u li l-applikazzjoni tiegħu kienet tittratta d-databases li servew ta’ bażi għat-tfassil tar-rapporti, “mingħajr il-kolonni li jagħtu l-ismijiet u l-kunjomijiet” tal-membri tal-persunal ikkonċernati.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tal-BĊE, ikkomunikata lir-rikorrent permezz ta’ ittra tal-President tal-BĊE tat-2 ta’ Settembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-applikazzjoni ta’ konferma tar-rikorrent ġiet miċħuda. Sabiex tkun iġġustifikata din iċ-ċaħda, ġie rrilevat dan li ġej:

“id-databases elettroniċi li jservu għat-tfassil tar-rapporti […] ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala dokument fis-sens tad-Deċiżjoni [2004/258] dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE sa fejn verżjonijiet stampati ta’ din id-database (li taqa’ taħt id-definizzjoni tad-‘dokument’) ma jeżistux bħala dokumenti awtonomi. Konsegwentement, l-applikazzjoni tiegħek ma tistax tiġi sodisfatta b’sempliċi estrazzjoni fil-forma stampata jew ta’ kopja elettronika. Sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni tiegħek, l-informazzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ sistematizzazzjoni u ta’ analiżi supplementari li fuq il-bażi tagħhom informazzjoni ġdida għandha tingħata f’dokument. Din il-proċedura timplika piż kbir ta’ xogħol. Madankollu, is-sistematizzazzjoni u l-analiżi supplementari joħorġu mill-qafas tas-sistema tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE msemmija fid-Deċiżjoni [2004/258,] peress li d-dokument ma jeżistix u għandu jinħoloq”.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

8        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.

9        Permezz ta’ tliet atti separati, ippreżentati fir-Reġistru fl-istess jum, ir-rikorrent ippreżenta, minn naħa, talba għal proċedura mħaffa, fuq il-bażi tal-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, żewġ talbiet għal għajnuna legali fis-sens tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura. Dawn it-talbiet ġew miċħuda, rispettivament, permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 u permezz ta’ digrieti tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2010, Dufour vs Il-BĊE (T‑436/09 AJ u T‑436/09 AJ II, mhux ippubblikati fil-Ġabra).

10      B’rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fid-9 ta’ Frar, fit-18 ta’ Frar u fit-8 ta’ Marzu 2010, Ir-Renju tad-Danimarka, Ir-Renju tal-Isvezja u Ir-Repubblika tal-Finlandja talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrent. Permezz tad-digrieti tal-24 ta’ Marzu u tal-21 ta’ April 2010, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi. Ir-Renju tal-Isvezja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tad-Danimarka ppreżentaw in-noti ta’ intervent, rispettivament, fit-12 ta’ Mejju, fit-3 ta’ Ġunju u fid-9 ta’ Ġunju 2010.

11      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE. Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Marzu 2010, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent. Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent fid-9 ta’ Ġunju 2010.

12      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali inbidlet, l-Imħallef Relatur inizjalment maħtur ġie assenjat lit-Tielet Awla, lil liema awla ġiet konsegwentement attribwita l-kawża preżenti. Minħabba tibdil parzjali tal-Qorti Ġenerali, il-kawża preżenti ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, li jifforma parti mill-istess awla.

13      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, Il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-qafas tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet, minn naħa, lill-BĊE u lill-Kummissjoni jirrispondu bil-miktub għal domanda u, min-naħa l-oħra, lill-BĊE u r-Renju tal-Isvezja sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn it-talbiet.

14      Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2011.

15      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE tagħtih aċċess għad-databases kollha li servew ta’ bażi għat-tfassil tar-rapporti;

–        tikkundanna lill-BĊE il-ħlas tas-somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-danni li huwa subixxa;

–        tikkundanna lill-BĊE ibati l-ispejjeż.

16      Ir-Renju tad-Danimarka, Ir-Repubblika tal-Finlandja u Ir-Renju tal-Isvezja jsostnu t-talbiet tar-rikorrent bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

17      Il-BĊE jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni ssostni t-talbiet tal-BĊE bil-għan taċ-ċaħda tar-rikors għal annullament bħala infondat.

 Fuq it-talba għal annullament

1.     Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

19      Il-BĊE jsostni, fl-ewwel lok, li l-kap tat-talbiet tar-rikorrent li għandhom bħala għan l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa inammissibbli, peress li huwa nieqes minn oġġett.

20      L-ewwel nett, il-BĊE josserva li huwa juża, għall-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-persunal tiegħu, sistema informatika operata minn fornitur estern tas-servizzi. L-imsemmija sistema informatika tippermetti lill-kandidati li jitfgħu l-kandidatura tagħhom permezz tal-internet u li jfornu l-informazzjoni neċessarja li tikkonċerna d-data personali tagħhom, l-istudji tagħhom kif ukoll l-esperjenza tagħhom. Din is-sistema informatika tippermetti wkoll li tinkiseb informazzjoni iktar ġenerali dwar il-proċedura ta’ reklutaġġ, kif ukoll in-numru tal-kandidati. Il-konfigurazzjoni teknika tas-sistema informatika inkwistjoni ma tippermettix madankollu l-estrazzjoni tal-informazzjoni li tittratta l-profili kollha. Barra minn hekk, jekk kandidat ma kienx ippreżenta l-kandidatura tiegħu għal postijiet ġodda vakanti, d-data tiegħu tkun ġiet awtomatikament eliminata mill-istess sistema informatika wara 24 xahar u tkun tista’ tiġi rkuprata biss minn fornitur estern tas-servizzi, permezz ta’ ħlas. L-istess sistema informatika ġiet użata sa minn Diċembru 2004. Qabel din id-data, il-proċeduri tar-reklutaġġ preċedenti kienu ġew organizzati fuq il-bażi ta’ atti ta’ kandidatura ppreżentati permezz ta’ karti. Ċerta data dwar dawn l-aħħar imsemmija kandidaturi kienu ġew sunti manwalment permezz ta’ software tal-ispread sheets.

21      It-tieni nett, il-BĊE jsostni li l-informazzjoni relattiva għall-mobbiltà tal-membri tal-persunal tiegħu fi ħdanu setgħu jiġu miksuba biss minn sistema oħra informatika tal-BĊE, jiġifieri dik li tirrigwarda l-ġestjoni tal-persunal u tas-salarji. Din l-aħħar sistema informatika tikkontjeni informazzjoni fuq il-membri kollha tal-persunal tiegħu, antiki u attwali, sa mill-1998, kif ukoll fuq l-istagiaires u l-persunal estern sa mill-2007. B’mod partikolari, id-data fuq il-mobbiltà tal-persunal kienet disponibbli sa mill-2004. L-informazzjoni li tikkonċerna l-mobbiltà tal-persunal tiegħu għall-perijodu preċedenti għall-2004 tkun kontenuta f’database distinta, li tkun aċċessibbli mingħajr ma tkun aġġornata. Min-naħa l-oħra, teżisti database, li tikkontjeni d-data li tirrigwarda l-membri tal-persunal estern u lill-istagiaires għall-perijodu mill-1999 sal-2007.

22      It-tielet nett, il-BĊE jindika li r-rapporti ġew redatti fuq il-bażi ta’ sistematizzazzjoni u ta’ analiżi tad-data mhux ipproċessata disponibbli fil-mument tal-preparazzjoni tagħha. Huwa jsostni li spjega lir-rikorrent li l-applikazzjoni tiegħu għall-aċċess ma setgħetx tiġi sodisfatta billi ssir sempliċi estrazzjoni tad-data tad-databases ikkonċernati. Kien ikun meħtieġ li tinġabar manwalment id-data neċessarja, billi jintużaw parametri ta’ riċerka stabbiliti, u li jitfasslu rapporti ġodda, fuq mezzi elettroniċi jew fuq il-karta.

23      Min-naħa l-oħra, il-BĊE jikkunsidra li, minħabba l-kanċellazzjoni awtomatika ta’ ċerta data wara 24 xahar u taż-żieda tad-data li tittratta l-proċeduri ġodda ta’ reklutaġġ tal-persunal organizzati mill-BĊE, id-data li serviet ta’ bażi għall-preparazzjoni tar-rapporti ma kinitx iktar disponibbli b’mod komplet fl-istat li kienet fih fil-preparazzjoni tal-imsemmija rapporti. Huma biss ftit estratti tad-databases, użati fis-sistematizzazzjoni tad-data għall-finijiet tal-elaborazzjoni tar-rapporti, li ġew ikkonservati, u dan b’mod arbitrarju.

24      Il-BĊE jikkonkludi li r-rikors għal annullament huwa nieqes minn oġġett, sa fejn ir-rikorrent jipprova jikseb l-aċċess għad-databases stess jew għal estratti tagħhom, li ma jeżistux u li għandhom jinħolqu sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni tiegħu.

25      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent, il-BĊE jsostni li huwa inammissibbli, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, meta tannulla deċiżjoni li tirrigwarda l-aċċess għad-dokumenti ta’ istituzzjoni jew ta’ korpi jew organizzazzjoni tal-Unjoni, tordna lill-awtur tad-deċiżjoni annullata jieħu l-miżuri li jimplikaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament.

26      Ir-rikorrent jikkontesta l-argumenti tal-BĊE u jsostni li r-rikors tiegħu huwa ammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

27      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-BĊE li skontha t-talba għal annullament hija nieqsa minn oġġett, din ma tistax tiġi interpretata fis-sens li r-rikorrent ma għandu l-ebda interess għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, anki fis-sitwazzjoni ta’ annullament bħal dan, ikun impossibbli li jingħata aċċess għad-databases previsti mill-applikazzjoni tiegħu, li jkunu ineżistenti.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn dik il-persuna jkollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2009, Antwerpse Bouwwerken vs Il-Kummissjoni, T‑195/08, Ġabra p. II‑4439, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu, mingħajr ma tikkontesta l-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt preċedenti, fil-kuntest tas-sentenza preżenti li tikkonċerna l-aċċess għad-dokumenti, hemm lok li jiġi wkoll ikkunsidrat il-fatt li, billi adotta d-Deċiżjoni 2004/258, il-leġiżlatur kien konxju mid-diffikultà ta’ identifikazzjoni tad-dokumenti li jkun hemm, l-ewwel nett u b’mod partikolari, għaċ-ċittadin li jkun qed ifittex informazzjoni, li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ma jkunx jaf id-dokumenti li jikkontjenu dawn tal-aħħar u jrid jindirizza lill-amministrazzjoni, li għandha d-dokumenti u b’hekk l-informazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il-Kummissjoni, T‑42/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 71).

30      B’hekk, il-kliem tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, bl-użu tal-verbi “jsaqsi” u “jassistih”, jidhru li jindikaw li l-unika konstatazzjoni tal-insuffiċjenza ta’ preċiżjoni tal-applikazzjoni għall-aċċess, ikunu xi jkunu r-raġunijiet, għandha twassal lill-istituzzjoni destinatarja tikkuntattja lill-applikant sabiex tidentifika kemm jista’ jkun id-dokumenti mitluba. B’hekk din hija dispożizzjoni li, fil-qasam tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, tammonta għat-traskrizzjoni formali tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba, li tidher fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi. L-obbligu ta’ assistenza huwa b’hekk fundamentali sabiex tiżgura l-effett utli tad-dritt ta’ aċċess definit mid-Deċiżjoni 2004/258 (ara, b’analoġija, is-sentenza Williams vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

31      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-BĊE ma jistax jiċħad immedjatament applikazzjoni għal aċċess għar-raġuni li d-dokument li ntalab ma jeżistix. Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni bħal din, huwa għandu, skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, jitlob lill-applikant jikkjarifika l-applikazzjoni tiegħu u li jassistih għal dan il-għan, b’mod partikolari billi jiġu indikati d-dokumenti li huwa għandu u li huma analogi għal dawk koperti mill-applikazzjoni għall-aċċess jew li jistgħu jikkontjenu parti jew l-informazzjoni kollha mfittxija mill-applikant. Huwa biss fil-każ fejn, minkejja dawn il-preċiżazzjonijiet, l-applikant ikompli jitlob l-aċċess għal dokument ineżistenti li l-BĊE huwa fondat li jiċħad l-applikazzjoni għal aċċess minħabba l-ineżistenza tas-suġġett tagħha.

32      Fil-każ preżenti, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni inizjali tar-rikorrent kienet tipprovdi, b’mod partikolari, l-aċċess għad-“databases li servew ta’ bażi għall-analiżi statistiċi tar-rapporti” (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

33      Kemm fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Lulju 2009 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) kif ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ċaħad din l-applikazzjoni essenzjalment peress li d-databases li għalihom ir-rikorrent talab l-aċċess ma kinux jammontaw għal dokumenti fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258. Huwa min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma poġġa fid-dubju l-eżistenza tal-imsemmija databases.

34      Ċertament, permezz tal-argumenti sunti fil-punti 20 sa 23 iktar ’il fuq, il-BĊE sfuma kunsiderevolment din il-pożizzjoni. Huwa essenzjalment spjega li ma kinux jeżistu databases speċifiċi, destinati li jservu ta’ bażi għat-tfassil tar-rapporti, iżda li d-data rilevanti f’dan ir-rigward kienet kontenuta f’sistema informatika ta’ ġestjoni tal-kandidaturi kif ukoll f’databases differenti li huwa juża għall-ġestjoni tal-persunal tiegħu. Din id-data kienet miġbura mill-imsemmija databases u kienet serviet ta’ bażi għat-tfassil tar-rapporti.

35      Madankollu, l-ispjegazzjonijiet supplementari tal-BĊE bl-ebda mod ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent ma għandux interess li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

36      Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq it-teżi, ikkontestata mir-rikorrent, li skontu, id-Deċiżjoni 2004/258 ma tapplikax, fir-rigward tal-aċċess għad-databases jew għad-data li jkun hemm fihom.

37      Jekk l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens kuntrarju kellhom jiġu ammessi u d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata għal din ir-raġuni, il-BĊE ċertament ma jkunx obbligat jagħti lir-rikorrent aċċess għad-databases ineżistenti. Madankollu, huwa għandu, f’din is-sitwazzjoni, jistieden lir-rikorrent, skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2004/258, jiċċara l-applikazzjoni tiegħu għal aċċess u li jassistih għal dan il-għan, billi jindikalu, hekk kif essenzjalment għamel permezz tal-argumenti tiegħu sunti fil-punti 20 sa 23 iktar ’il fuq, id-databases li huwa għandu li jistgħu jikkontjenu data tal-parti kkonċernata.

38      B’hekk jirriżulta li r-rikorrent għandu interess jaġixxi u li t-talba tiegħu għall-annullament hija ammissibbli.

39      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent, bil-għan tal-kundanna tal-BĊE sabiex “jipprovdih bid-databases kollha li wasslu għat-tfassil tar-rapporti”, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet jew tissostitwixxihom fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità li hija teżerċita. Din il-limitazzjoni tal-istħarriġ ta’ legalità tapplika fl-oqsma kontenzjużi li fihom il-Qorti Ġenerali hija kompetenti, inkluż dak tal-aċċess għal dokumenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Mattila vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑204/99, Ġabra p. II‑2265, punt 26).

40      Konsegwentement, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

2.     Fuq il-mertu

41      Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament, ir-rikorrent qajjem tliet motivi ibbażati, l-ewwel nett, fuq żball ta’ liġi sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq eċċezzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, mhux prevista mid-Deċiżjoni 2004/258, it-tieni nett, fuq żball ta’ liġi sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ikkunsidra, b’mod żbaljat, li d-databases ma jammontawx għal dokumenti fis-sens tal-Artikolu 3(a) tal-imsemmija deċiżjoni u, it-tielet nett, fuq żball ta’ liġi sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE invoka, b’mod żbaljat, sabiex jirrifjuta l-aċċess għad-databases inkwistjoni, il-piż tax-xogħol u d-diffikultajiet prattiċi li jimplika, għall-BĊE, aċċess bħal dan.

42      Min-naħa l-oħra, fin-noti ta’ intervent tagħhom, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u ir-Renju tal-Isvezja invokaw ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Billi l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jammonta għal motiv ta’ ordni pubblika li għandu, jekk ikun meħtieġ, jiġi eżaminat anki ex officio mill-qorti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 24, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punt 137), jeħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi eżaminata din id-domanda, qabel ma jiġu analizzati t-tliet motivi mqajma mir-rikorrent.

 Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

43      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja essenzjalment isostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tesponix, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-elementi li kienu l-bażi tal-konklużjoni li skontha l-applikazzjoni għall-aċċess tar-rikorrent ma tkoprix dokument fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258.

44      Il-BĊE u l-Kummissjoni ppreżentaw bil-miktub l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-argumenti msemmija iktar ’il fuq, bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. Huma essenzjalment isostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti skont il-liġi, b’mod li l-argumenti msemmija iktar ’il fuq tal-intervenjenti għandhom jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

45      L-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 jipprovdu li, bħala risposta għall-applikazzjoni għall-aċċess għal dokument tal-BĊE, dan jagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u jagħti lill-applikant, b’mod konformi mal-Artikolu 9, jew jgħid lil dan, f’risposta bil-miktub, il-motivi tar-rifjut totali jew parzjali.

46      B’hekk jirriżulta li kemm id-deċiżjoni tal-BĊE li tiċħad applikazzjoni tal-bidu ta’ aċċess għad-dokumenti kif ukoll dik li tiċħad applikazzjoni ta’ konferma għandhom ikunu motivati.

47      Skont ġurisprudenza stabbilita, ukoll applikabbli fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti tal-Unjoni li teżerċità l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jidher li jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra, ikkonċernati direttament u individwalment mill-att, jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tagħha, iżda wkoll mill-kuntest tagħha kif ukoll mir-regoli kollha ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Williams vs Il-Kummissjoni, punt 29 iċċitata iktar ’il fuq, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fil-każ preżenti, għandu jingħad li l-BĊE kkonforma ruħu mal-obbligu tiegħu li jgħid lir-rikorrent il-motivi tar-rifjut tiegħu li jingħata l-aċċess totali jew parzjali għad-databases previsti mill-applikazzjoni tiegħu.

49      Kemm l-ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, li tiċħad l-applikazzjoni tal-bidu ta’ aċċess tar-rikorrent, kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, jindikaw, essenzjalement, li l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent hija miċħuda peress li hija ma tipprovdix għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

50      B’mod iktar partikolari, jirriżulta li, skont il-BĊE, id-databases li ġew mitluba fl-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent ma jammontawx għal dokumenti fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. Il-BĊE jsostni f’dan ir-rigward li verżjonijiet stampati tal-kontenut tad-databases inkwistjoni kienu jammontaw għal dokumenti u setgħu jkunu s-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess, iżda indika li verżjonijiet bħal dawn ma kinux jeżistu. L-istabbiliment tagħhom kien jeħtieġ, wara sforz ta’ sistematizzazzjoni u ta’ analiżi supplementari tad-data, il-ħolqien ta’ dokument ġdid. Din il-proċedura, li timplika piż tax-xogħol kbir, ma kinitx prevista mid-Deċiżjoni 2004/258 (ara l-punti 5 u 7 iktar ’il fuq).

51      Din il-motivazzjoni ppermettiet lir-rikorrent li jifhem il-ġustifikazzjoni tar-rifjut tal-BĊE għall-applikazzjoni tiegħu għal aċċess u li jikkontesta dan ir-rifjut quddiem il-qorti tal-Unjoni, hekk kif huwa min-naħa l-oħra għamel, u jeħtieġ li jiġi eżaminat il-karattru korrett jew żbaljat tal-motivi invokati mill-BĊE sabiex jiċħad l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent fil-kuntest tal-analiżi tal-motivi invokati mir-rikorrent insostenn tar-rikors tiegħu.

52      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali, li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni hijiex fondata, peress li din tal-aħħar tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑239/04 u T‑323/04, Ġabra p. II‑3265, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-karattru eventwalment żbaljat ta’ motivazzjoni ma tagħmilx motivazzjoni ineżistenti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2010, Sevenier vs Il-Kummissjoni, T‑368/09 P, Ġabra p. I‑0000, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      B’hekk jeħtieġ li jiġi konkluż, li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti skont il-liġi, mingħajr preġudizzju tal-eżami tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, li sseħħ iktar ’il quddiem. F’dan ir-rigward, huwa opportun li nibdew permezz tal-eżami tat-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE kien ikkunsidra, b’mod żbaljat, li d-databases ma jammontawx għal dokumenti fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ikkunsidra, b’mod żbaljat, li d-databases ma jammontawx għal dokumenti fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258

 L-argumenti tal-partijiet

54      Ir-rikorrent kif ukoll ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jsostnu, preliminarjament, li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ dokument, għall-finijiet tad-Deċiżjoni 2004/258, għandha tikkunsidra l-prinċipji li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tagħha f’dan ir-rigward, u dan iktar u iktar peress li dan ir-regolament ġie msemmi fil-premessa 2 tal-imsemmija deċiżjoni.

55      L-intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti jikkunsidraw, barra minn hekk, li t-terminu “dokument”, definit fl-istess termini kemm tad-Deċiżjoni 2004/258 kif ukoll tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi interpretat, fiż-żewġ każijiet, b’mod uniformi u jkun s-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa, li tikkunsidra l-evoluzzjoni teknoloġika. Ir-Repubblika tal-Finlandja żżid li interpretazzjoni restrittiva wisq ta’ dan it-terminu jwassal, indirettament, għat-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet differenti għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, kuntrarjament għall-ġurisprudenza, li tagħti interpretazzjoni u applikazzjoni stretta ta’ dawn l-eċċezzjonijiet.

56      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn il-BĊE ikkunsidra li database ma kinitx dokument li jista’ jkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2004/258. Skont dan, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE, b’mod żbaljat, għamel li l-kwalità ta’ dokument ta’ database tkun tiddependi, fis-sens tal-imsemmija deċiżjoni, fuq l-eżistenza ta’ verżjoni stampata ta’ din id-database. Issa, fir-rigward tat-termini użati fl-Artikolu 3(a) ta’ din id-deċiżjoni, database tkun, fiha nnfisha, dokument. Ir-rikorrent jinvoka f’dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing (C‑444/02, Ġabra p. I‑10549, punt 30), li ssostni wkoll it-teżi tiegħu, u jippreċiża li l-applikazzjoni tiegħu għal aċċess kienet tipprovdi għad-data “mhux ipproċessata”, jiġifieri mhux sottomessa għal ebda proċess, ta’ databases rilevanti tal-BĊE.

57      Ir-rikorrent iżid li, li tintlaqa’ l-applikazzjoni tiegħu bl-ebda mod ma jimplika l-ħolqien ta’ dokument ġdid. Ikun biss neċessarju li jintgħażlu ċerti varjabbli u li jiġu kkupjati, eżerċizzju li jappartjeni għall-fotokopja selettiva ta’ dokument. Min-naħa l-oħra, bħala risposta għall-argument li skontu dokument fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258 kellu jkollu livell ta’ stabbiltà, ir-rikorrent isostni li dan huwa każ ta’ kriterju addizzjonali, mhux previst mid-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 3(a) tal-imsemmija deċiżjoni.

58      Filwaqt li jappoġġaw it-talbiet tar-rikorrenti bil-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kull wieħed mit-tliet intervenjenti insostenn tar-rikorrent adotta pożizzjonijiet kemxejn differenti, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-database u d-data li hija tikkontjeni tammontax għal dokumenti fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258.

59      Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li database, fiha nnifisha, ma hijiex dokument, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-aċċess għad-dokumenti, li jkopru biss dokumenti individwali, eżistenti u definiti sew. Madankollu, kulma jista’ jiġi estratt minn database permezz ta’ riċerka normali jew ta’ rutina, u li ma jimplika ebda piż tax-xogħol mhux raġonevoli, għandu jiġi kkunsidrat bħala dokument, li jista’ jkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess. Ir-Renju tad-Danimarka jikkunsidra, b’hekk, li l-BĊE kellu jeżamina jekk l-informazzjoni mitluba mir-rikorrent setgħetx tiġi estratta mid-databases tiegħu wara riċerka normali u, fl-affermattiv, jilqa’ l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent.

60      Ir-Renju tal-Isvezja ċaħad it-teżi kontenuta fid-deċiżjoni kkontestata li skont din, l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent ma kinitx tkopri dokumenti. Skont dan, il-BĊE kien marbut, skont id-Deċiżjoni 2004/258, jippermetti l-aċċess għad-data merfugħa elettronikament f’database, sakemm waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni ma kinitx topponi dan. Il-fatt li d-data merfugħa elettronikament ma kinitx fiżikament irranġata f’ordni partikolari, peress li kienet disponibbli b’mod esklużivament loġiku, ma jwassalx għal konklużjoni differenti. Il-post tal-ħżin tad-data kkonċernat ikun ukoll irrilevanti.

61      Madankollu, skont ir-Renju tal-Isvezja, id-data mħassra mid-database ma tistax tkun koperta minn applikazzjoni għal aċċess. Bl-istess mod, ma jkunx meħtieġ minn istituzzjoni li tiġi miksuba data mhux miżmuma minnha, sabiex tingħata risposta għal applikazzjoni għal aċċess.

62      Min-naħa l-oħra, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ilment 1693/2005/PB quddiem l-Ombudsman Ewropew, il-Kummissjoni stess interpretat it-terminu “dokument” li jidher fir-Regolament Nru 1049/2001 fis-sens li l-imsemmi terminu jirreferi wkoll għar-riżultat tar-riċerki normali f’database.

63      Ir-Repubblika tal-Finlandja tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq definizzjoni restrittiva wisq tat-terminu “dokument” li jidher fid-Deċiżjoni 2004/258. Skont din, dan it-terminu jkopri wkoll kull kumbinazzjoni tad-data ta’ database li tista’ tiġi prodotta billi jiġu użati l-funzjonijiet ta’ din id-database. Il-fatt li, għalkemm possibbli, riċerka bħal din ma hijiex użata mill-istituzzjoni kkonċernata fl-attività tagħha ta’ kuljum ikun, f’dan ir-rigward, indifferenti. Hija żżid, sussidjarjament, li, anki meta d-data kontenuta f’database ma tammontax għal dokumenti fis-sens tal-imsemmija deċiżjoni, il-BĊE kellha tikkomunika lir-rikorrent kull dokument awtonomu li jista’ jiġi stampat u li jista’ jwieġeb għall-applikazzjoni tiegħu għal aċċess.

64      Ir-rikorrent kif ukoll ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja invokaw ukoll l-Artikoli 6 u 9 tad-Deċiżjoni 2004/258. Fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, la l-eventwali diffikultajiet tal-identifikazzjoni tad-dokument previsti minn applikazzjoni għal aċċess u lanqas id-diffikultajiet prattiċi, inkluż fosthom piż tax-xogħol eċċessiv, li tista’ timplika, għall-BĊE, risposta pożittiva għal applikazzjoni bħal din, ma jammontaw għal motivi validi għaċ-ċaħda ta’ din id-domanda. Dan ikun iktar il-każ sa fejn l-BĊE ikun jista’ jindirizza lill-awtur ta’ applikazzjoni għal aċċess sabiex jikseb id-dettalji eventwalment neċessarji sabiex jinstab ftehim amikevoli miegħu. Huwa jkun jista’ wkoll, f’każ ta’ bżonn, jagħti aċċess għal dokument voluminuż fl-uffiċċji tiegħu.

65      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkontesta wkoll l-argument tal-BĊE ibbażat fuq l-allegata impossibbiltà li jelenka database f’reġistru, hekk kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001. Huwa jinvoka, f’dan ir-rigward, il-prassi tal-Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea), li jipproponi l-aċċess fuq l-internet għal serje diversi ta’ statistika.

66      Fl-ewwel lok, il-BĊE jfakkar li huwa ma huwa suġġett la għall-Artikolu 255 KE u lanqas għar-Regolament Nru 1049/2001. Id-Deċiżjoni 2004/258 tagħmel, ċertament, referenza għall-Artikolu 1 UE u għad-dikjarazzjoni komuni li tirrigwarda l-imsemmi regolament. Madankollu, l-imsemmija deċiżjoni tammonta għal miżura adottata fuq il-bażi tal-istatuti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-BĊE kif ukoll tal-Artikolu 23 tar-regolament intern tiegħu. B’hekk, anki meta jkunu użati termini simili fir-Regolament Nru 1049/2001 u fid-Deċiżjoni 2004/258, l-għan tal-imsemmija deċiżjoni ma jkunx li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament għad-dokumenti tiegħu. Skont il-BĊE, it-termini ta’ din id-deċiżjoni għandhom, b’hekk, jagħtu tifsira kompatibbli mal-għanijiet tas-sistema partikolari ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tiegħu.

67      Min-naħa l-oħra, il-BĊE u l-Kummissjoni josservaw li s-sentenza Fixtures Marketing, punt 56 iċċitata iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrent, tittratta l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459). Din is-sentenza b’hekk hija irrilevanti għall-kawża preżenti, li tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni 2004/258. Il-BĊE jfakkar minbarra dan, li r-rikorrent ma invokax eċċezzjoni ta’ illegalità tal-imsemmija deċiżjoni, li tgawdi, fi kwalunkwe każ, minn preżunzjoni ta’ legalità.

68      Kuntrarjament għall-BĊE, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fir-rigward tar-referenza għar-Regolament Nru 1049/2001 li tidher fid-Deċiżjoni 2004/258 u tal-identità tad-definizzjonijiet tat-terminu “dokument” li jidher fl-imsemmija testi, l-interpretazzjoni tad-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni għandha tkun konċiljabbli mat-test u s-sistema tal-imsemmi regolament.

69      Fit-tieni lok, il-BĊE jesponi ċerti kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-karatteristiċi ta’ dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. Peress li d-definizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tkopri “kull kontenut”, l-għan tiegħu jkun li jinkludi kemm jista’ jkun elementi tad-dinja reali. Min-naħa l-oħra, il-forma ta’ ħżin tal-kontenut inkwistjoni, elettronika jew oħra, ma jkollha l-ebda importanza. Fl-aħħar nett, “element” għandu jiġi kkunsidrat bħala dokument fis-sens ta’ din id-definizzjoni, jekk ġie ppreparat jew inħoloq mill-BĊE jew jekk kien sempliċement miżmum minnu.

70      Skont il-BĊE u l-Kummissjoni, id-definizzjoni tat-terminu “dokument” li tidher fid-Deċiżjoni 2004/258 għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari tal-Artikoli 6 u 9 tiegħu, u jkun is-suġġett ta’ “interpretazzjoni sistematika”. Minn dawn l-aħħar żewġ artikoli jirriżulta li d-dokumenti previsti minn din id-deċiżjoni għandhom ikunu jistgħu jiġu trażmessi lill-applikant kif inhuma, mingħajr intervent fir-rigward tal-kontenut jew il-forma tagħhom, u jkunu jeżistu bħala dokumenti awtonomi u konkreti mingħajr ma jkunu nħolqu u jiġu ppreżentati f’forma suffiċjentement stabbli sabiex ikollhom “kontenut”. Dan ikun, b’mod partikolari l-każ ta’ test kontenut f’biċċa karta jew f’dokument elettroniku.

71      Barra minn hekk, il-BĊE jsostni li l-interpretazzjoni tat-terminu “dokument” li jidher fid-Deċiżjoni 2004/258 għandu jkun konformi mal-għan tal-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri li tippermetti lill-BĊE li jagħmel analiżi tad-dannu potenzjali tal-komunikazzjoni ta’ dokument lil membru tal-pubbliku u li jiddetermina, b’hekk, jekk waħda jew l-oħra tal-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni jostakolawx komunikazzjoni bħal din. Dan l-għan jikkonferma wkoll it-teżi li skontha t-terminu “dokument” jippresupponi ċerta stabbiltà u karattru konkret tal-element ikkonċernat, bl-esklużjoni ta’ element li l-kontenut tiegħu jkun suġġett għal modifiki kostanti jew ad hoc.

72      Fl-aħħar nett, il-BĊE jsostni li la d-Deċiżjoni 2004/258 u lanqas, b’mod iktar ġenerali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdu għal dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni. It-terminu “dokument” li jidher fl-imsemmija deċiżjoni ma jkunx, konsegwentement, interpretat f’sens li jwassal għar-rikonoxximent, de facto, ta’ dritt bħal dan.

73      Fit-tielet lok, il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li d-databases previsti mill-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent ma jammontawx għal dokumenti fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258. L-ewwel nett, l-affermazzjoni tar-rikorrent li skontha, fid-deċiżjoni kkontestata, kien ġie konkluż li l-verżjonijiet stampati biss tad-database jammontaw għal dokumenti, kienet ibbażata fuq il-qari sempliċi wisq tal-imsemmija deċiżjoni. Id-databases previsti mill-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent ma kienu la reġistru u lanqas kompilazzjoni ta’ dokumenti u jippreżentaw karattru mhux dokumentarju, bid-differenza ta’ database dokumentarja, bħad-database EUR‑Lex. Id-data kontenuta f’dawn id-databases tista’ tiġi użata biss sabiex jipproduċu dokumenti “internament” b’għan preċiż, għall-għajnuna tal-għodda ta’ ġbir u ta’ sistematizzazzjoni disponibbli għad-databases stess. Il-BĊE jikkunsidra konsegwentement, li l-informazzjoni kontenuta fid-databases tiegħu ma jistgħux jiġu, fihom infushom, fornuti lir-rikorrent. Il-ħolqien ta’ dokument ġdid ikun neċessarju sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni tiegħu. Issa, dan imur lil hinn mill-kuntest tad-Deċiżjoni 2004/258. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma kienx spjega r-raġunijiet li għalihom id-databases previsti mill-applikazzjoni tiegħu jammontaw għal dokumenti.

74      Il-Kummissjoni ssostni, fl-istess kuntest, li r-rikorrent kellu l-intenzjoni jikseb, permezz tal-applikazzjoni tiegħu, l-aċċess għad-databases fihom infushom. Issa, barra informazzjoni, dawn id-databases jikkontjenu, b’mod partikolari, is-software neċessarju għall-funzjonament tagħhom, ta’ għodda ta’ tfittxija kif ukoll links loġiċi u sistematiċi. L-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent b’hekk ikollha portata iktar wiesgħa mill-aċċess għal dokument. Fir-realtà, ir-rikorrent jixtieq jikseb l-aċċess għal għodda li tippermettilu jelabora d-dokumenti tiegħu, skont il-kriterji ta’ riċerka tal-għażla tiegħu.

75      It-tieni nett, il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu li d-databases previsti mill-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent ma jippreżentawx l-istabbiltà tal-kontenut neċessarju sabiex ikunu kklassifikati bħala dokumenti. Fil-fatt, il-kontenut tagħhom jevolvi kostantement, biż-żieda jew it-tneħħija ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni tirrimarka wkoll, fl-istess kuntest, li t-termini “mħejji jew miżmum” u “mħejjija”, użati, rispettivament, fl-Artikolu 3(a) u fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2004/258, jikkonfermaw din it-teżi. L-istess japplika għal referenzi għal “dokument twil ħafna” jew “numru kbir ta’ dokumenti”, fl-Artikolu 6(3), fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija deċiżjoni. Indikazzjonijiet kwantitattivi bħal dawn jissupponu kontenut stabbli, li jista’ jiġi individwalizzat.

76      It-tielet nett, il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu illi, li jiġi rikonoxxut li d-databases inkwistjoni fil-każ preżenti jammontaw għal dokumenti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess, jimplika numru ta’ diffikultajiet prattiċi. L-ewwel nett, l-eżami konkret u individwali ta’ kull dokument previst minn applikazzjoni għal aċċess, meħtieġ mill-ġurisprudenza, jeħtieġ dokument stabbli u identifikabbli u jkun, b’hekk, impossibbli, fil-każ tad-database fejn il-kontenut jevolvi b’mod permanenti.

77      Imbagħad, ikun impossibbli li jiġi eżaminat jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258 tostakolax l-aċċess mitlub, b’mod partikolari fis-sitwazzjoni ta’ database li tinkludi numru kbir ta’ data personali.

78      Fl-aħħar nett, il-miżuri previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 u li għandhom bħala għan li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess, bħar-reġistri ta’ dokumenti jew il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jikkonfermaw li l-leġiżlatur ipprovda speċifikament għal dokumenti individwali bl-esklużjoni tad-databases, bħal dawk fil-każ preżenti. Il-fatt li d-Deċiżjoni 2004/258 ma tipprovdix għall-ħolqien ta’ reġistru ta’ dokumenti, simili għal dak previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jwassalx għal konklużjoni kuntrarja.

79      Fir-raba’ lok, il-BĊE u l-Kummissjoni jinvokaw ir-rapport tal-Ombudsman fuq l-aċċess tal-pubbliku għad-databases tal-Unjoni Ewropea, tal-10 ta’ Diċembru 2008, il-ktieb aħdar tal-Kummissjoni, intitolat “L-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea – Ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni” [COM (2007) 185 finali], il-proposta tar-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [COM (2008) 229 – finali COD 2008/0090] kif ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni tal-prinċipji tar-Regolament Nru 1049/2001 [COM (2004) 45 finali], li jikkorroboraw it-teżi kollha li skontha d-databases ma humiex dokumenti, għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-aċċess għad-dokumenti.

80      Il-Kummissjoni ssostni li l-oriġini tar-Regolament Nru 1049/2001 tikkonferma ukoll it-teżi li skontha d-database ma tkunx ikkunsidrata bħala dokument fis-sens ta’ dan ir-regolament u fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258. Din tirreferi, insostenn tal-affermazzjoni, għal serje ta’ dokumenti qabel l-adozzjoni tal-imsemmi regolament.

81      Il-BĊE barra minn hekk isostni li huwa preċiżament għaliex id-data kontenuta fid-databases tiegħu ma tammontax għal dokumenti li huwa fassal ir-rapporti, sabiex jikkonforma mal-obbligu tiegħu, rikonoxxut mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, T‑264/04, Ġabra p. II‑911, punt 61), li jistabbilixxi u jikkonserva dokumentazzjoni li tirrigwarda l-attivitajiet tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Il-kunċett ta’ database

82      Għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet kollha jsemmu, fl-argumenti tagħhom, il-kunċett ta’ database, mingħajr ma jfornu definizzjoni. B’hekk, huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-motiv preżenti permezz tal-analiżi ta’ dan il-kunċett.

83      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, anki jekk, hekk kif ġustament isostni l-BĊE (ara l-punt 67 iktar ’il fuq), id-definizzjoni, li tidher fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, tal-kunċett ta’ database, tkun rilevanti biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-direttiva inkwistjoni, hija tista’ sservi bħala sors ta’ ispirazzjoni. Dan huwa iktar il-każ fejn, fis-seduta, il-BĊE, filwaqt li sostna t-teżi tiegħu li skontha d-Direttiva 96/9 ma hijiex applikabbli fil-kawża preżenti, ikkonferma, bħala risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, li, “mill-perspettiva informatika”, id-databases tiegħu inkwistjoni fil-każ preżenti jaqgħu fid-definizzjoni msemmija iktar ’il fuq, li ġiet kkunsidrata fil-minuti tas-seduta.

84      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 jiddefinixxi d-database bħala “kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra”.

85      Hekk kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Fixtures Marketing, punt 56 iċċitata iktar ’il fuq (punti 29 u 30), il-kwalifikazzjoni bħala database hija suġġetta, l-ewwel nett, għall-eżistenza ta’ kollezzjoni ta’ “materjali indipendenti”, jiġifieri materjali li jistgħu jkunu separati minn xulxin mingħajr ma jkun affetwat il-kontenut informattiv, litterarju, artistiku, mużikali jew kontenut ieħor tagħhom. Sussegwentement, hija tissupponi li l-elementi indipendenti li jiffurmaw tali ġabra jkunu disponibbli b’mod sistematiku jew metodiku u jkunu individwalment aċċessibbli b’mod jew ieħor. Mingħajr ma teżiġi li din id-dispożizzjoni sistematika jew metodika tkun fiżikament viżibbli, din il-kundizzjoni timplika li l-ġabra tinstab fuq medju fiss, ta’ kwalunkwe tip, u tinkludi mezz tekniku bħal proċess elettroniku, elettromanjetiku jew elettro-ottiku, jew mezz ieħor, bħal indiċi, werrej, pjan jew metodu ta’ klassifikazzjoni partikolari, li tippermetti li jinstab kwalunkwe element indipendenti kontenut fi ħdanha.

86      Din it-tieni kundizzjoni tippermetti li ssir distinzjoni bejn database fis-sens tad-Direttiva 96/9, ikkaratterizzata minn metodu li jippermetti l-irkupru minn ġewwa fiha ta’ kull materjal li jikkostitwixxiha, u kollezzjoni ta’ materjal li tipprovdi informazzjoni iżda li ma jkollha l-ebda metodu għall-ipproċessar tal-materjali individwali li jikkostitwixxuha (sentenza Fixtures Marketing, punt 56 iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

87      Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kunċett ta’ database fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 jkopri kull kollezzjoni li tkun tinkludi xogħlijiet, data jew materjal ieħor, li jkunu jistgħu jiġu separati minn xulxin mingħajr ma’ jkun affettwat il-valur tal-kontenut tagħhom, u li tinkludi metodu jew sistema, ta’ kwalunkwe xorta, li jippermettu l-irkupru ta’ kull wieħed mill-materjali li jikkostitwixxuha (sentenza Fixtures Marketing, punt 56 iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

–       Analiżi tad-definizzjoni tat-terminu “dokument”, li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258

88      Għandhom jiġu analizzati l-elementi differenti tad-definizzjoni tat-terminu “dokument”, li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. F’dan ir-rigward, għandu jingħad, l-ewwel nett, li jirriżulta impliċitament, iżda b’mod ċar, mit-termini “medju”, “merfugħ”, “recording”, “mħejji” u “miżmum”, użati f’din id-definizzjoni, li ġie kkunsidrat kontenut ikkonservat, li jista’ jiġi riprodott jew ikkonsultat wara l-produzzjoni tiegħu. Elementi mhux ikkonservati b’hekk ma jammontawx għal dokumenti, anki meta jkunu magħrufa mill-BĊE.

89      B’hekk, jekk il-proposti li saru fil-laqgħa tal-membri tal-persunal tal-BĊE ma jkunu la rreġistrati permezz ta’ dispożittiv ta’ recording tal-ħoss jew awdjoviżiv, u lanqas mogħtija f’minuti, ma tkunx kwistjoni ta’ xi dokument, li jista’ jkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess, anki jekk il-parteċipanti tal-laqgħa inkwistjoni jkunu jiftakru bi preċiżjoni l-kontenut tad-diskussjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, punt 81 iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 sa 78).

90      It-tieni nett, mid-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 jidher li n-natura tal-medju ta’ ħżin ta’ kontenut huwa irrilevanti, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kontenut jammontax jew le għal dokument. B’hekk, dan jista’ jkun kemm każ ta’ tip ta’ medju tradizzjonali, bħall-karta, kif ukoll tipi ta’ medja iktar sofistikati, bħad-dispożittivi differenti ta’ ħżin elettroniku (ħard disk, ċippa ta’ memorja elettronika, eċċ) jew il-medja differenti użati għal recordings tal-ħoss, viżivi jew awdjoviżivi (CD, DVD, vidjow kassetts, eċċ). Kull mezz ġdid ta’ ħżin jew ta’ recording li jkun eventwalment żviluppat fil-futur ikun, bħala prinċipju, diġà kopert mid-definizzjoni inkwistjoni.

91      It-tielet nett, il-kliem tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 ikopri “kull kontenut”. Fi kliem ieħor, it-tip u n-natura tal-kontenut merfugħ huma wkoll irrilevanti. Fil-fatt, li jiġi aċċettat kull tip ta’ medju neċessarjament jimplika l-ammissjoni tal-kontenut kollu li jista’ jiġi merfugħ fuq il-medja differenti ammessi. B’hekk, dokument fis-sens tad-definizzjoni li tidher fl-imsemmija deċiżjoni jista’ jinkludi l-kliem, iċ-ċifri jew kull tip ieħor ta’ simbolu, iżda wkoll xbihat u recordings ta’ ħsejjes, bħad-diskors ta’ kelliem, jew viżivi, bħal film.

92      L-unika limitazzjoni li tirrigwarda kontenut li tista’ taqa’ taħt id-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 hija l-kundizzjoni li skontha, l-imsemmi kontenut għandu jkun dwar il-politika, l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet tal-BĊE.

93      Fir-raba’ lok, għall-istess motivi, jista’ jkun dedott mid-definizzjoni tat-terminu “dokument” li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 li d-daqs, it-tul, l-importanza jew il-preżentazzjoni ta’ kontenut huma irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dan il-kontenut huwiex, jew le, kopert mill-imsemmija definizzjoni.

94      B’hekk, għandu jiġi konkluż li dokument fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258 jista’ jkun ktieb ta’ mijiet ta’ paġni jew “biċċa karta” (skont it-termini użati mill-BĊE f’argument sunt fil-punt 70 iktar ’il fuq) li tikkontjeni biss kelma jew ċifra, pereżempju isem jew numru tat-telefown. Bl-istess mod, dokument jista’ wkoll jikkonsisti mhux biss f’test, bħal ittra jew nota, iżda wkoll f’tabella, katalogu jew lista, bħal direttorju telefoniku, lista ta’ prezzijiet jew lista ta’ spare parts.

–       Suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent

95      Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 82 sa 87 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ database ma jkoprix biss id-data kollha kontenuta f’database bħal din iżda wkoll il-mezz tekniku li hija mgħammra bih, li jippermetti d-dispożizzjoni sistematika jew metodika tal-imsemmija data kif ukoll l-irkupru tagħha b’mod immirat u individwali.

96      Għandu madankollu jiġi kkonstatat li, la fit-talbiet tiegħu għall-aċċess inizjali u konfermattivi u lanqas fil-kitbiet tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ma għamel l-ebda distinzjoni bejn id-data kontenuta fid-database u d-database nnifisha, li tikkostitwixxi, hekk kif ġie muri, kunċett li għandu portata ikbar.

97      Fil-fatt, filwaqt li, fl-applikazzjoni tiegħu tal-bidu (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), ir-rikorrent jirreferi għad-“databases li servew ta’ bażi għall-analiżi statistiċi tar-rapporti”, fl-applikazzjoni tiegħu ta’ konferma (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), huwa indika li “d-data mitluba [kienet] effettivament tal-kontenut, merfugħ fil-forma elettronika (il-‘bażi’ tad-data) u mħejjija mill-BĊE”. Huwa b’hekk ta l-impressjoni li l-applikazzjoni tiegħu għal aċċess kienet tkopri biss data kontenuta f’database tal-BĊE. Huwa jidher ukoll li uża l-espressjoni “database” bħala nom kollettiv sabiex jindika d-data li din tikkontjeni, filwaqt li injora totalment l-elementi strutturali tagħha.

98      Barra minn hekk, filwaqt li, fit-titolu tal-motiv preżenti fir-rikors, ir-rikorrent jirreferi għall-“karattru tad-‘dokument’ tad-database”, fir-replika, huwa jafferma, minn naħa, li database hija “kemm ‘kontenut’ u ‘jikkontjeni’” u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tiegħu għal aċċess jkopri biss “data mhux ipproċessata”.

99      L-ispjegazzjonijiet fornuti mir-rikorrent bħala risposta għad-domanda tal-Qorti Ġenerali fis-seduta lanqas setgħu jiċċaraw il-konfużjoni li tirriżulta minn dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni terminoloġika. Mistoqsi fuq il-punt dwar jekk l-applikazzjoni tiegħu għal aċċess kinetx tkopri biss id-data kontenuta fid-database tal-BĊE jew jekk din kellhiex tiġi interpretata li tkopri wkoll elementi oħra ta’ bażi bħal din, li huwa kellu jispeċifika, ir-rikorrent indika li kien effettivament talab “database” fejn ipprova jikseb “pereżempju tabella li setgħet tikkontjeni indikazzjonijiet fuq ir-reklutaġġ u l-mobbiltà tal-persunal”. Huwa sostna li kieku din id-database kienet teżisti, huwa xtaq jirċievi “fotokopja” u żied li kien qed jistenna li jirċievi “din id-database, din il-kumpilazzjoni”. Huwa kompla billi indika li, jekk il-BĊE ma kellux “tabella bħal din, kumpilazzjoni bħal din”, ċertament kellhom jeżistu fajls tal-persunal, li huwa seta’ juża. Interrogat fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet tiegħu, kienx korrett li jikkonkludi li fotokopja kienet sodisfaċenti u li konsegwentement ma kienx qed isaqsi għall-għodda ta’ database, huwa wieġeb li, “inizjalment”, fotokopja kienet effettivament suffiċjenti, iżda li, sussegwentement, kien ikollu bżonn għodda disponibbli għad-database. Huwa kkunsidra dawn id-dikjarazzjonijiet kollha fil-minuti tas-seduta.

100    Fir-rigward tal-partijiet l-oħra fil-proċedura preżenti, huma jirreferu fl-argumenti tagħhom xi kultant għad-data kontenuta fid-database kultant għad-database “fiha innifisha”.

101    Billi jiġu kkunsidrati wkoll l-ispjegazzjonijiet imressqa mir-rikorrent fis-seduta, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent kellha l-għan, għall-inqas, tal-aċċess għad-data kollha kontenuta f’database waħda jew iktar tal-BĊE, mingħajr ma jkun neċessarjament eskluż li hija kienet tkopri elementi oħra ta’ dawn id-databases. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk din il-ġabra ta’ data tammontax għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk elementi oħra ta’ database bħal din setgħux ukoll jiġu koperti minn applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti għandha tiġi ttrattata, jekk meħtieġ, iktar ’il quddiem.

–       Il-klassifikazzjoni tad-data kollha kontenuta fid-database bħala dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258

102    Għandu jingħad li, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 82 sa 87 iktar ’il fuq, fost il-karatteristiċi ta’ database jidhru, minn naħa, l-eżistenza ta’ kontenut ta’ kull tip (informattiv, litterarju, artistiku, musikali jew ieħor) u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ medju fiss, ta’ kull tip, li fuqu l-imsemmi kontenut huwa merfugħ.

103    B’hekk għandu jingħad li d-data kollha kontenuta fid-database fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 għandha ż-żewġ karatteristiċi essenzjali ta’ dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, peress li hija tammonta għal kontenut merfugħ fuq medju. Din il-konklużjoni hija wkoll valida għal data kontenuta fid-databases tal-BĊE li huma inkwistjoni fil-kawża preżenti, li, sa fejn huma jirrigwardaw l-attivitajiet tal-BĊE, jaqgħu, hekk kif ġie msemmi, fid-definizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

104    Mandankollu, permezz tal-argumenti tagħhom sunti fil-punt 73 iktar ’il fuq, il-BĊE u l-Kummissjoni jsostnu, essenzjalment, li d-database ma hijiex dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 u li, konsegwentement, id-data li hija tikkontjeni ma tkunx, minħabba l-fatt biss tal-inklużjoni fid-database inkwistjoni, ikkunsidrata bħala dokument.

105    La l-BĊE u lanqas il-Kummissjoni ma spjegaw f’xiex jikkonsisti, fl-opinjoni tagħhom, dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 u r-raġunijiet li għalihom id-data kontenuta fid-database ma tkunx tista’ taqa’ taħt applikazzjoni għal aċċess. Id-distinzjoni li l-Kummissjoni tipprova tistabbilixxi bejn id-databases ta’ natura dokumentarja, bħad-database EUR‑Lex, u d-databases li ma jippreżentawx karattru bħal dan tqajjem l-istess mistoqsijiet.

106    Għalkemm dan ma huwiex imsemmi mill-BĊE u l-Kummissjoni, l-argument tagħhom, imsemmi fil-punt 105 iktar ’il fuq, jidher li huwa impliċitament ibbażat fuq il-premessa li skontha, data, meħuda fiha nnfisha, ma hijiex “kontenut” ta’ daqs jew ta’ natura suffiċjenti sabiex tammonta għal dokument fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258 jew fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001.

107    Jekk din il-premessa kellha tkun ammessa, fid-dawl tal-karatteristiċi tad-databases imsemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq, ikun possibbli li jingħad li database tista’, l-iktar, tikkontjeni dokumenti li jmorru lil hinn minn sempliċi data. Fil-fatt, l-elementi li jiffurmaw database bħal din, jiġifieri d-data, huma indipendenti wieħed mill-ieħor. Bħala regola ġenerali, huma ma jkunux f’konfigurazzjoni fissa u invarjabbli, iżda, bl-użu tal-mezzi tekniċi jew oħrajn disponibbli, jistgħu jkunu ppreżentati f’kumbinazzjonijiet multipli differenti. Jekk ikun ammess li kull wieħed minn dawn l-elementi ma huwiex neċessarjament dokument u, barra minn hekk, jekk ma teżisti ebda kumbinazzjoni fissa ta’ ħafna minnhom, li tkun tista’ tammonta għal dokument, ikun loġiku li jiġi konkluż li l-massa ta’ data kontenuta fid-database meħuda fl-intier tagħha, ma hijiex “dokument”.

108    Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-premessa msemmija fil-punt 106 iktar ’il fuq ma għandha l-ebda sostenn fil-kliem tad-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, li skontha “kull kontenut” jista’ jammonta għal dokument. Hekk kif diġà intqal (ara l-punti 93 u 94 iktar ’il fuq), it-termini użati f’din id-definizzjoni jimplikaw neċessarjament li anki kontenut ta’ daqs żgħir, pereżempju kelma waħidha jew ċifra, jekk huwa merfugħ (pereżempju jekk huwa miktub fuq biċċa karta), huwa suffiċjenti sabiex jammonta għal dokument.

109    Minbarra dan, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li jekk tiġi ammessa din il-premessa, din twassal għall-mistoqsija dwar x’daqs ta’ kontenut ikun neċessarju sabiex jammonta għal dokument fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258. Fi kliem ieħor, jekk kellu jiġi ammess, pereżempju, li ċifra jew kelma waħda ma hijiex suffiċjenti għal dan il-għan, għandu jiġi ddeterminat jekk jeħtieġx frażi, paragrafu sħiħ jew test ta’ daqs ikbar. Peress li l-awtur tal-imsemmija deċiżjoni ddeċieda li ma jiffissax, fid-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 3(a) ta’ din id-deċiżjoni, limitu minimu tad-daqs tal-kontenut meħtieġ, dan il-kompitu ma jaqax fuq il-qorti tal-Unjoni.

110    Min-naħa l-oħra, l-ammissjoni tal-premessa msemmija fil-punt 106 iktar ’il fuq timplika l-esklużjoni, mid-definizzjoni tat-terminu “dokument” li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, ta’ kull kumpilazzjoni ta’ elementi ta’ daqs żgħir, meta dawn l-elementi huma indipendenti, jiġifieri separabbli wieħed mill-ieħor mingħajr ma l-valur tagħhom ikun affettwat. B’hekk, lista ta’ prezzijiet, lista’ ta’ spare parts jew anki direttorju tat-telefown ma għandhomx jiġu kkunsidrati iktar bħala “dokumenti”, sa fejn huma ma jammontawx għal test li jista’ jkun moqri fl-intier tiegħu, iżda pjuttost iservi sabiex jiġi kkonsultat b’mod speċifiku, sabiex tinstab informazzjoni preċiża ta’ daqs żgħir, bħall-prezz ta’ prodott speċifiku jew in-numru tat-telefown ta’ persuna. Madankollu, la l-BĊE u lanqas il-Kummissjoni ma jidhru li jsostnu li l-listi jew id-direttorji ma jammontawx għal dokumenti fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258.

111    Fl-aħħar nett, fil-premessa msemmija fil-punt 106 iktar ’il fuq, ma huwiex ikkunsidrat il-fatt li t-tifsira ta’ data kontenuta f’database ma tinstabx biss fid-daqs tagħha, eventwalment żgħir, iżda wkoll fir-relazzjonijiet multipli, diretti jew indiretti, mad-data l-oħra kontenuta fl-istess database. Fil-fatt, huma preċiżament dawn ir-relazzjonijiet li jippermettu l-kontenut ta’ database li tkun “disponibbli b’mod sistematiku jew metodiku”, skont it-termini użati fis-sentenza Fixtures Marketing, punt 56 iċċitata iktar ’il fuq (punt 30). B’hekk anki numru żgħir ta’ data estratta minn database tista’ twassal għal informazzjoni utli, filwaqt li, bħala regola ġenerali, parti żgħira minn test meħuda barra mill-kuntest titlef it-tifsira tagħha.

112    Il-kunsiderazzjoni preċedenti tippermetti wkoll li jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-karattru allegatament inkomprensibbli ta’ ġabra ta’ data estratta minn database, imsemmija mill-BĊE u mill-Kummissjoni fis-seduta.

113    Mistoqsi fuq il-punt dwar jekk dan l-argument kellux jiġi interpretat fis-sens li sabiex jammonta għal dokument fis-sens tad-Deċiżjoni 2004/258, kontenut merfugħ fuq medju għandu jkun komprensibbli, il-BĊE rrisponda li ma huwiex każ ta’ “kriterju waħdu”, iżda “ta’ xi ħaġa li għandha tinftiehem fil-kuntest tad-dokument”. Huwa żied li, anki jekk kontenut ma għandux ikun komprensibbli fih innifsu, għandu jkun kontenut f’dokument komprensibbli għall-applikant għal aċċess, peress li l-leġiżlatur ma setax kellu l-intenzjoni li jipprovdi sistema li tippermetti li jintalbu dokumenti inkomprensibbli.

114    Bħala risposta għall-istess domanda, il-Kummissjoni sostniet li l-karattru komprensibbli tad-dokument li għalih intalab aċċess huwa xi ftit “sottostanti” fl-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, iżda li, ġuridikament, ma huwiex l-element importanti. L-element importanti jikkonsisti, skont din, fil-fatt li l-kontenut ta’ database mhux dokumentarju, ma jikkorrispondix mar-riżultat ta’ riċerka, peress li dan huwa każ ta’ żewġ kontenuti differenti. Il-kunċett ta’ kontenut jew dak ta’ data mhux ipproċessata ma jkollux sens għal database mhux dokumentarja. Ikun neċessarju xogħol ta’ estrazzjoni, sabiex d-data tikkorrispondi ma’ ċerta klassifikazzjoni, li jkollu bħala riżultat li wieħed ikollu jgħaddi minn kontenut għal ieħor. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, jekk il-kontenut mhux ipproċessat huwa inkomprensibbli, huwa t-tibdil tal-kontenut u, b’hekk, il-ħolqien ta’ dokument ġdid li jwasslu għal domanda bħal dik inkwistjoni fil-każ preżenti tal-kuntest ta’ applikazzjoni għall-aċċess għal dokument preeżistenti identifikabbli. Ġew innutati d-dikjarazzjonijiet tal-BĊE u tal-Kummissjoni fil-minuti tas-seduta.

115    Dawn l-argumenti tal-BĊE u tal-Kummissjoni madankollu ma jistgħux jirnexxu. L-ewwel nett, għandu jingħad li, hekk kif irrikonoxxew impliċitament dawn iż-żewġ partijiet, il-kliem tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma jipprovdi ebda kriterju fondat fuq il-karattru komprensibbli tal-kontenut merfugħ. Min-naħa l-oħra, li jiġi istitwit kriterju bħal dan jeħtieġ li jiġi ppreċiżat minn liema perspettiva għandu jiġi evalwat il-karattru komprensibbli ta’ kontenut. Fil-fatt, kontenut jista’ jkollu tifsira għal ċerti persuni, b’mod li, għal oħrajn, ikun inkomprensibbli.

116    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni msemmija fil-punt 111 iktar ’il fuq, il-BĊE u l-Kummissjoni kienu żbaljati meta sostnew, impliċitament, iżda b’mod ċar, li d-data kollha kontenuta fid-database kienet tammonta għal massa li ma kinitx tagħmel sens. Fil-fatt, l-imsemmija data ma hijiex merfugħa b’mod perikoluż u kif ġie ġie, iżda skont skema ta’ klassifikazzjoni preċiża, li, minħabba l-kumplessità tagħha, tippermetti l-ħolqien tar-relazzjonijiet multipli bejn dawn l-elementi ta’ din id-data.

117    B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex fil-ħin tal-estrazzjoni tagħhom mid-database li l-elementi tad-data huma mqiegħda skont ċerta klassifikazzjoni. Dan it-tqegħid jeżisti wara l-ħolqien tal-imsemmija database u l-inserzjoni ta’ kull parti tad-data f’din id-database. L-estrazzjoni tad-data kollha kontenuta fid-database u l-preżentazzjoni tagħha b’mod komprensibbli hija dejjem possibbli. L-iskema ta’ klassifikazzjoni tad-database, jekk hija suffiċjentement kumplessa, tista’ anki tippermetti preżentazzjonijiet differenti tad-data kollha kontenuta fl-imsemmija database, li jvarjaw skont il-kriterju tal-klassifikazzjoni li ssir (klassifikazzjoni alfabetika, f’ordni li jiżdied jew jonqos, eċċ). Ċertament, preżentazzjoni tad-data kollha kontenuta fid-database li tikkontjeni ammont kunsiderevoli ta’ data tista’, minħabba d-daqs tagħha, tikkrea diffikultajiet sabiex tinsab informazzjoni speċifika, moħbija fost ħafna informazzjoni simili. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jfisser li preżentazzjoni bħal din hija “inkomprensibbli”.

118    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti b’hekk kollha huma favur il-konklużjoni li skontha d-data kollha kontenuta fid-database tal-BĊE tammonta għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 u, konsegwentement, tista’ tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess ibbażata fuq din id-deċiżjoni.

–       Id-diffikultajiet prattiċi allegati ta’ dritt għal aċċess għad-databases ta’ istituzzjoni

119    Għandu jiġi eżaminat jekk id-difikultajiet eventwali prattiċi ta’ dritt għal aċċess għad-databases ta’ istituzzjoni, invokati mill-BĊE u mill-Kummissjoni, jistgħux jiġġustifikaw interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 li jsekludi mill-kunċett ta’ “dokument” id-data kontenuta fid-database tal-BĊE. Ikunu, f’dan ir-rigward, suċċessivament eżaminati l-argumenti dwar l-allegat piż tax-xogħol eċċessiv li jirriżulta mir-rikonoxximent ta’ dritt bħal dan, l-allegat nuqqas ta’ stabbiltà tal-kontenut ta’ database, il-karattru eventwalment sensittiv jew kunfidenzjali tad-data kontenuta f’database bħal din u l-allegati diffikultajiet biex ikun jidher database f’reġistru tad-dokumenti, bħal dak previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001.

120    F’dan ir-rigward, għandu jingħad l-ewwel nett li xejn ma jindika li l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 għad-data kontenuta fid-database tista’ tkun ta’ problema ta’ daqs sinjifikattiv. Bħala prinċipju, l-konsultazzjoni, mill-parti kkonċernata, ta’ database tal-BĊE fil-binjiet tiegħu u, jekk meħtieġ, permezz tal-intermedjazzjoni jew taħt il-kontroll ta’ membru tal-persunal tiegħu, għandu dejjem ikun possibbli. Min-naħa l-oħra, ma jkunx a priori eskluż li l-kontenut sħiħ tad-database jista’ jkun trażmess lill-parti kkonċernata fil-forma ta’ kopja elettronika, b’mod partikolari fir-rigward ta’ database ta’ daqs pjuttost modest.

121    Madankollu, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001, li għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li applikant jippreżenta, fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, applikazzjoni li teżiġi piż tax-xogħol li jkun jista’ jipparalizza b’mod sostanzjali ħafna l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni destinatarja ta’ kull applikazzjoni. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, f’sitwazzjoni bħal din, id-dritt għall-istituzzjoni li tfittex “soluzzjoni imparzjali” mal-applikant, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, jirrifletti l-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni, anki jekk dan ikun b’mod partikolarment limitat, in-neċessità li jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-applikant u dawk ta’ amministrazzjoni tajba. Il-Qorti Ġenerali, minn hekk ikkonkludiet li istituzzjoni kellha b’hekk tiżgura l-possibbiltà li tibbilanċja, minn naħa, l-interess tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti u, min-naħa l-oħra, il-piż tax-xogħol li jirriżulta, sabiex jiġi ppreżervat, f’dawn il-każi partikolari, l-interess ta’ amministrazzjoni tajba (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, puti 101 u 102, u Williams vs Il-Kummissjoni, punt 29 iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

122    Il-Qorti Ġenerali madankollu ppreċiżat li din il-possibbiltà tibqa’ applikabbli eċċezzjonalment, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-kunsiderazzjoni tal-piż tax-xogħol meħtieġa mill-eżerċizzju tad-dritt għal aċċess u tal-interess tal-applikant ma hijiex bħala prinċipju rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt. Barra minn hekk, sa fejn id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet jikkostitwixxi soluzzjoni li għandha tkun applikata bħala prinċipju, l-oneru tal-prova dwar id-diffikultà tal-kompitu li jirriżulta mill-applikazzjoni jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tibbaża ruħha fuq eċċezzjoni marbuta man-natura irraġonevoli ta’ dan il-kompitu (sentenzi Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 121 iċċitata iktar ’il fuq, punti 103, 108 u 113, u Williams vs Il-Kummissjoni, punt 29 iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

123    Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma trasponibbli, b’analoġija, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2004/258. Minn naħa, l-Artikolu 6(3) ta’ din id-deċiżjoni huwa identiku għall-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(4) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li l-paragrafu 1 tal-istess artikolu, dwar it-trattament tad-domandi inizjali, ma huwiex applikabbli f’każ ta’ applikazzjoni “eċċessiva jew abbużiva”.

124    B’hekk għandu jiġi konkluż li d-daqs eventwalment kunsiderevoli tad-data kollha kontenuta fid-database ma jammontax għal argument effettiv sabiex jiġu rrifjutati l-kwalità tad-dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, peress li l-ġurisprudenza diġà ħasbet għall-possibbiltà li applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti tista’, minħabba d-daqs tal-għan tagħha, timplika piż tax-xogħol kunsiderevoli għad-destinatarju tagħha, kif ukoll għas-soluzzjoni li għandha tiġi adottata f’każ eċċezzjonali bħal dan.

125    It-tieni nett, l-allegat nuqqas ta’ stabbiltà ta’ database, invokat mill-BĊE u mill-Kummissjoni fl-argumenti tagħhom, ma jippermettix li jiġi konkluż li l-kontenut ta’ database bħal dan ma jistax jammonta għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

126    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, ċertament, sabiex ikun merfugħ fuq medju, kontenut għandu jkollu livell minimu ta’ stabbiltà. Kontenut li għandu preżenza biss instantanja fuq dispożittiv tekniku ma jissodisfax din il-kundizzjoni. B’hekk, il-kliem skambjat minn żewġ kelliema permezz ta’ linja tat-telefown jew ix-xbihat maqbuda minn kamera tas-sorveljanza u pproġettati fuq skrin ma jammontawx għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258. Il-preżenza tagħhom fuq id-dispożittiv tekniku kkonċernat (rispettivament, il-linja telefonika jew l-iskrin tal-projezzjoni) iddum biss mument u, konsegwentement, ma tkunx kwistjoni ta’ kontenut merfugħ fuq medju.

127    Madankollu, sa mill-mument meta kontenut huwa merfugħ mill-BĊE fuq medju xieraq, jammonta għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, li jista’ jkun previst minn applikazzjoni għal aċċess. Il-fatt li dan il-kontenut jista’ jkun immodifikat sussegwentement huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti. Sabiex nerġgħu niġu għas-sitwazzjoni ta’ kamera tas-sorveljanza li tittrażmetti immaġini, jekk din hija mqabbda ma’ tagħmir li jirreġistra awtomatikament l-immaġini trażmessi fl-aħħar 30 jum, dan ir-recording jammonta, inkontestabbilment, għal dokument li jista’ jkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess. Il-fatt li, kuljum, l-immaġini li huma datati iktar minn 30 jum huma mħassra mis-sistema sabiex jiġu ssostitwiti minn immaġini iktar riċenti, ma huwiex suffiċjenti sabiex iwassal għal konklużjoni kuntrarja.

128    Ovvjament, applikazzjoni għal aċċess ma tistax tkopri la kontenut futur u, b’hekk, li għadu ma ġiex irreġistrat, peress li dan jittratta dokument li ma jeżistix fil-mument tal-applikazzjoni, u lanqas kontenut li, għalkemm irreġistrat fil-passat, ġie mħassar qabel l-introduzzjoni tal-applikazzjoni.

129    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kontenut imħassar, għandu jiġi konkluż li dan ma huwiex miżmum mill-BĊE fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, jekk dan ma jistax ikollu aċċess għal dan il-kontenut fil-kuntest tal-użu normali tad-dispożittiv ta’ recording li fuqu dan il-kontenut kien merfugħ. Il-fatt li speċjalista jista’, permezz tal-mezzi tekniċi li joħorġu fil-kuntest ta’ użu normali, jerġa’ jpoġġi fuq medju ta’ ħżin fil-pussess tal-BĊE, kontenut imħassar ta’ dan il-medju ma huwiex suffiċjent sabiex jiġi konkluż li dan għandu dan il-kontenut.

130    Fi kliem ieħor, jista’ jiġi meħtieġ mill-BĊE, meta dan huwa kkonfrontat b’applikazzjoni għal aċċess introdotta fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2004/258, li jagħmel riċerka fost il-kontenut attwali tal-medja differenti ta’ ħżin li huwa għandu, sabiex isib is-suġġett ta’ din id-domanda, iżda min-naħa l-oħra ma jkunx meħtieġ minnu, għall-bżonnijiet ta’ riċerka bħal din, li jirrestawra kontenut preċedentement imħassar.

131    Min-naħa l-oħra, hekk kif ġustament isostni r-Renju tal-Isvezja, għandu jiġi kkunsidrat li kontenut merfugħ għand fornitur estern tas-servizzi għan-nom tal-BĊE u b’mod li, fi kwalunkwe mument, ikun għad-dispożizzjoni ta’ dan, huwa miżmum mill-BĊE fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

132    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jistgħu jiġu applikati mingħajr problemi partikolari għad-data kontenuta fid-databases. F’dan ir-rigward, għandu jingħad mill-bidu li database ta’ kontenut stabbli, mhux suxxettibbli għall-ebda modifika, huwa parfettament possibbli. Pereżempju, id-database li tirrigwarda spedizzjonijiet ta’ karbonat tal-kalċju ppreċipitat u ta’ karbonat tal-kalċju mitħun li saru bejn l-2002 u l-2004 mill-fornituri prinċipali taż-Żona Ekonomika Ewropea, inkwistjoni fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2009, Omya vs Il-Kummissjoni (T‑145/06, Ġabra p. II‑145, punt 2), ladarba kompletata, ma tkunx, bħala prinċipju, tista’ ssofri ebda modifika.

133    Din il-kunsiderazzjoni ċċaħħad diġà l-argument tal-BĊE u tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ stabbilità tal-kontenut tad-databases inkwistjoni fil-każ preżenti, minn parti kbira mill-forza tagħha ta’ konvinzjoni. Fil-fatt, jekk id-data kontenuta fid-database perfettament stabbli tista’ tammonta għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, huwa diffiċli li tasal għall-konklużjoni differenti fir-rigward tad-data ta’ database li l-kontenut tagħha jista’ jvarja fiż-żmien.

134    Minbarra dan, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 128 sa 130 iktar ’il fuq jistgħu jfornu soluzzjoni xierqa għal kull problema li tirriżulta mill-karattru eventwalment instabbli tal-kontenut ta’ database li huwa s-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess ippreżentata fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2004/258.

135    B’hekk, huwa naturali li applikazzjoni bħal din tista’ tkopri biss il-kontenut tad-database fil-mument tal-introduzzjoni tagħha u, konsegwentement, ma tistax tkopri la d-data diġà mħassra ta’ din id-database u lanqas dik li ma kinitx iddaħħlet fl-istess mument.

136    Huwa ċertament veru li l-introduzzjoni ta’ applikazzjoni għal aċċess għal database ta’ kontenut li jista’ jvarja jista’ jobbliga lill-BĊE jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li ebda data kontenuta fl-imsemmija database fil-mument tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni ma tkun imħassra qabel ma tingħata risposta.

137    Madankollu, dan l-obbligu huwa inerenti għall-eżerċizzju tad-dritt għal aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, previst fid-Deċiżjoni 2004/258, u l-konsultazzjoni bejn il-BĊE u l-awtur ta’ applikazzjoni bħal din, previst fl-Artikolu 6(3), tal-istess deċiżjoni, tippermetti li tiġi solvuta kull diffikultà eventwali b’mod xieraq u ekwu.

138    It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti tal-BĊE u tal-Kummissjoni, dwar, essenzjalment, il-karattru potenzjalment sensittiv jew kunfidenzjali ta’ ċerta data kontenuta fid-database tal-BĊE, għandu jingħad li din l-eventwalità, f’ebda każ, ma tkun tammonta għal motiv adegwat sabiex jiġi rrifjutat li jiġi rrikonoxxut il-kontenut ta’ tali database bħala dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

139    Fil-fatt, l-eċċezzjonijiet differenti għad-dritt ta’ aċċess, previsti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258, jippermettu, bħala prinċipju, lill-BĊE jirrifjuta l-komunikazzjoni ta’ kull data ta’ natura bħal din, mingħajr ma jikkontesta l-klassifikazzjoni tad-data kollha kontenuta fid-database bħala dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tal-imsemmija deċiżjoni.

140    Lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument tal-Kummissjoni li skontu jkun impossibbli li jsir eżami konkret u individwali tad-data kollha kontenuta fid-database, sabiex jiġi ddeterminat jekk hija taqax taħt waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fil-leġiżlazzjoni rilevanti, fil-każ preżenti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258.

141    Indipendentement mill-fatt li, hekk kif tfakkar il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, Ġabra p. I‑5885, punt 54), f’ċerti każijiet, huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali, eżami konkret ta’ database bil-għan li jiġi vverifikat li hija ma tikkontjeni ebda data li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet inkwistjoni, ma jistax jiġi eskluż.

142    Peress li database, minħabba n-natura stess tagħha, tippermetti l-aċċess individwali għal kull data li tikkontjeni (ara l-punti 85 sa 87 iktar ’il fuq), huwa ċar li huwa suffiċjenti li jiġi identifikat, f’dan l-eżami, element ta’ data wieħed li jaqa’ taħt eċċezzjoni waħda jew iktar għad-dritt ta’ aċċess, sabiex jiġi konkluz li l-aċċess għad-data kollha kontenuta fid-database ma jkunx mogħti.

143    Sussegwentement, f’sitwazzjoni bħal din huwa l-BĊE, li għandu jeżamina jekk aċċess parzjali fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni 2004/258 jistax jingħata.

144    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li mit-termini stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-BĊE huwa marbut jeżamina jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti previsti minn applikazzjoni għal aċċess, billi jiġi llimitat rifjut eventwali għad-data biss mogħtija koperta mill-eċċezzjonijiet previsti. Il-BĊE għandu jagħti aċċess parzjali bħal dan jekk l-għan imfittex minn din l-istituzzjoni, meta hija tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, jista’ jintlaħaq fis-sitwazzjoni fejn huwa jillimita ruħu li joskura l-partijiet jew id-data li tista’ tippreġudika l-interess pubbliku protett (ara, b’analoġija, is-sentenza WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, punt 81 iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

145    Huwa preċiżament f’sitwazzjoni bħal din li l-għodda differenti ta’ riċerka li hija mgħammra bih id-database elettroniku u, b’mod definittiv, is-software ta’ funzjonament tagħha, għandhom importanza partikolari. Fil-fatt, dawn l-għodda huma l-istess sabiex jippermettu lill-BĊE, jekk ikun il-każ wara konsultazzjoni informali, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, mal-applikant, l-identifikazzjoni u l-komunikazzjoni lil dan tad-data li tinteressah, bl-esklużjoni ta’ kull data li taqa’ fl-ambitu tal-applikazzjonijiet ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni.

146    Applikazzjoni bil-għan li tikseb mill-BĊE riċerka fid-databases tiegħu u komunikazzjoni tar-riżultat ta’ din ir-riċerka taqa’ fl-istess kuntest, peress li din tikkostitwixxi, essenzjalment, applikazzjoni għal aċċess parzjali għal dokument (jiġifieri d-data kollha kontenuta fid-database).

147    Huwa ċertament veru, li l-aċċess parzjali previst fl-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni 2004/258, huwa soluzzjoni li għandha tiġi adottata meta huwa impossibbli li tintlaqa’ totalment applikazzjoni għal aċċess. Madankollu, peress li l-persuni previsti fl-Artikolu 2 (1) tal-istess deċiżjoni għandhom, bħala prinċipju, dritt ta’ aċċess għall-intier ta’ kull dokument tal-BĊE, huma jistgħu, a fortiori, jitolbu biss aċċess parzjali għal dokument bħal dan.

148    Applikazzjoni bħal din għal aċċess parzjali għandha tkun konformi mar-regoli msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, bl-adattamenti neċessarji li jirriżultaw mill-fatt li hija tirrigwarda parti biss minn dokument. B’hekk, l-applikazzjoni għandha tidentifika b’mod suffiċjenti speċifikament mhux biss id-dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tal-imsemmija deċiżjoni li jammonta għas-suġġett, iżda wkoll il-parti tiegħu li għaliha l-aċċess huwa mitlub. Madankollu, l-applikazzjoni tad-dispożizzonijiet tal-Artikolu 6(2) u (3), ta’ din id-deċiżjoni, tippermetti li jingħelbu d-diffikultajiet eventwali li jiltaqa’ magħhom l-applikant.

149    Barra minn hekk, għandu jingħad li jekk id-database, permezz tan-natura tagħha, toffri possibbiltajiet kbar ta’ aċċess parzjali mmirati għad-data biss li tista’ tkun ta’ interess għall-applikant, għandu jittieħed kont ukoll tal-kunsiderazzjoni, imsemmija fil-punt 128 iktar ’il fuq, li skontha, applikazzjoni għal aċċess tista’ tkopri biss dokument eżistenti u, konsegwentement, ma tistax twassal għall-ħolqien ta’ dokument ġdid (ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, punt 81 iċċitata iktar ’il fuq, punt 76). Applikazzjoni għal aċċess li twassal lill-BĊE jikkrea dokument ġdid, anki fuq il-bażi ta’ elementi li jidhru diġà f’dokumenti eżistenti u miżmuma minnu, ma jammontawx għal applikazzjoni għal aċċess parzjali u ma jaqgħux fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2004/258.

150    Trasposta fil-każ tad-databases, din l-aħħar kunsiderazzjoni tfisser li, fis-sitwazzjoni ta’ applikazzjoni għal aċċess bil-għan li l-BĊE jwettaq riċerka f’waħda mid-databases tiegħu skont parametri definiti mill-applikant, il-BĊE huwa marbut, suġġett għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2004/258, jagħti risposta pożittiva għal din l-applikazzjoni, jekk ir-riċerka mitluba tista’ ssir billi jintużaw l-għodda tar-riċerka disponibbli għal din id-database.

151    Fil-fatt, hekk kif intqal (ara l-punt 117 iktar ’il fuq), minħabba r-relazzjonijiet kumplessi li, fi ħdan id-database, jorbtu kull data ma’ ħafna data oħra, preżentazzjonijiet differenti tad-data kollha kontenuta f’database bħal din huma possibbli. Huwa wkoll possibbli li tiġi magħżula biss parti mid-data inkluża fi preżentazzjoni bħal din u l-oħrajn jiġu oskurati.

152    Min-naħa l-oħra ma jkunx meħtieġ mill-BĊE, permezz ta’ applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti ppreżentati fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2004/258, li jikkomunika lill-applikant parti jew id-data kollha kontenuta f’wieħed mid-databases tiegħu, ikklassifikati skont skema mhux prevista mill-imsemmija database. Applikazzjoni bħal din effettivament, twassal għall-ħolqien ta’ “dokument” ġdid u, konsegwentement, ma taqax fil-qafas tal-applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, dak li huwa meħtieġ minn applikazzjoni bħal din ma huwiex aċċess parzjali għall-klassifikazzjoni li tista’ ssir permezz tal-għodda li l-BĊE għandu għad-dispożizzjoni tiegħu għad-database inkwistjoni (u, f’dan is-sens, klassifikazzjoni diġà eżistenti), iżda l-ħolqien ta’ klassifkazzjoni ġdida u, b’hekk, ta’ dokument ġdid fis-sens tal-Artikolu 3(a) ta’ din id-deċiżjoni.

153    B’hekk għandu jiġi kkonstatat, fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal aċċess parzjali għal dokument, it-teżi sostnuta mir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja (rispettivament, punti 59 u 62 iktar ’il fuq), li skontha, dak kollu li jista’ jiġi estratt mid-database billi ssir riċerka normali jew ta’ rutina jista’ jammonta għas-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess introdott fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2004/258, hija korretta.

154    Ir-raba’ nett, l-argument tal-BĊE u tal-Kummissjoni, ibbażat fuq l-allegata impossibbiltà li telenka database f’reġistru ta’ dokumenti, bħal dak previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jistax jirnexxi.

155    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, bid-differenza tar-Regolament Nru 1049/2001, id-Deċiżjoni 2004/258 ma tipprovdix għall-ħolqien, mill-BĊE, ta’ reġistru bħal dan. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu li jinħoloq reġistru, previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu bħala għan li jippermetti liċ-ċittadini li jgawdu b’mod konkret id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Williams vs Il‑Kummissjoni, punt 29 iċċitata iktar ’il fuq, punt 72). B’hekk, hemm dubju li d-diffikultà, anki l-impossibbiltà, li jkun jidher element f’dan ir-reġistru tista’ tammonta għal argument suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li huwa ma huwiex dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tal-imsemmija deċiżjoni.

156    Fi kwalunkwe każ, l-inklużjoni ta’ database f’reġistru bħal dan, b’referenza għall-informazzjoni prevista fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma tidhirx li tikkawża diffikultajiet partikolari. Din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma teżiġi l-adattament ta’ din l-iskrizzjoni kull darba li data hija miżjuda ma’ din id-database jew li hija titneħħa. Adattament bħal dan huwa l-iktar l-iktar neċessarju f’każ ta’ modifika kbira tal-kontenut tad-database. L-inklużjoni ta’ database fir-reġistru tista’, min-naħa l-oħra, tkun is-suġġett ta’ aġġornament għal intervalli raġonevoli, sabiex jiġi rifless bl-aħjar mod il-kontenut attwali ta’ din id-database.

157    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-klassifikazzjoni tad-data kollha kontenuta fid-database ta’ dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma twassal għall-ebda diffikultà prattika li ma tistax tingħeleb u li jeħtieġ, bħala konsegwenza, li jiġi miċħud l-argument fis-sens kuntrarju tal-BĊE u tal-Kummissjoni.

–       L-argumenti bbażati fuq xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1049/2001 u ta’ dokumenti oħra invokati mill-partijiet

158    Għandhom jiġu eżaminati l-argumenti bbażati fuq xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1049/2001 u ta’ dokumenti oħra invokati mill-partijiet.

159    L-ewwel nett, l-ebda tagħlim utli ma joħroġ mill-elementi li jirrigwardaw l-oriġini tar-Regolament Nru 1049/2001, invokati u prodotti mill-Kummissjoni. Fil-fatt, mhux biss dawn id-dokumenti ma jevokawx speċifikament id-databases, iżda huma jirreferu għal definizzjonijiet tat-terminu “dokument” differenti minn dik finalment użata u li tidher fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

160    It-tieni nett, il-proposta tal-Kummissjoni, kontenuta fid-dokument tagħha COM (2008) 229 final − COD 2008/0090, li żżid mal-imsemmija definizzjoni preċiżazzjoni li skontha, “data merfugħa f’sistemi ta’ trattament u ta’ estrazzjoni elettroniċi huma dokumenti peress li huma jistgħu jiġu estratti fil-forma stampata jew fil-forma ta’ kopja elettronika billi jintużaw l-għodda disponibbli għas-sistema operattiva” twassal, jekk hija tiġi adottata, essenzjalment għall-istess riżultat tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 146 sa 153 iktar ’il fuq. Hija konsegwentement, ma tikkontestax dawn il-kunsiderazzjonijiet, sa fejn jista’ raġonevolment jiġi sostnut li hija kellha biss l-għan li tippreċiża dak li kien diġà jirriżulta, impliċitament iżda neċessarjament, mill-kliem attwali tad-definizzjoni tat-terminu “dokument” li tidher fir-Regolament Nru 1049/2001 u fid-Deċiżjoni 2004/258. L-istess japplika għall-ktieb l-aħdar tal-Kummissjoni invokat mill-BĊE (ara l-punt 79 iktar ’il fuq), li fih ġie kkonstatat li l-istatus tal-informazzjoni kontenuta fid-databases għandu jiġi ppreċiżat u ġiet proposta soluzzjoni li tmur fl-istess direzzjoni bħall-proposta tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq.

161    It-tielet nett, ir-rapport tal-Kummissjoni fuq l-implementazzjoni tal-prinċipji tal-imsemmi regolament, imsemmi mill-BĊE, kulma jagħmel huwa jirrepeti, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk database tammontax għal “dokument” fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001, it-teżi li skont dan, database ma hijiex “dokument” sa fejn din ma tikkontjenix “dokumenti”. Din it-teżi diġà ġiet eżaminata u miċħuda (ara l-punti 105 sa 118 iktar ’il fuq).

162    Ir-raba’ nett, fir-rigward tar-rapport tal-Ombudsman imsemmi mill-BĊE (ara l-punt 79 iktar ’il fuq), għandu jingħad li huwa żbaljat li l-BĊE jsostni li dan kien speċifikament ammetta li d-definizzjoni tat-terminu “dokument” li tidher fir-Regolament Nru 1049/2001 ma tinkludix id-data kontenuta fid-databases. Fir-rapport inkwistjoni, l-Ombudsman jikkonstata biss li d-data kontenuta fid-database “ma taqax b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni” tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-dritt tal-pubbliku għall-aċċess għad-dokumenti. Min-naħa l-oħra, huwa sostna li ma huwiex neċessarju għalih, fil-kuntest tal-ilment 1693/2005/PB, imsemmi mir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja (ara l-punt 62 iktar ’il fuq), li din il-kwistjoni tiġi solvuta.

163    Għandu konsegwentement jiġi kkonstatat li ebda argument kontra l-klassifikazzjoni tad-data kollha kontenuta f’database bħala dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma jista’ jkun ibbażat fuq elementi previsti fil-punti 159 sa 162 iktar ’il fuq.

–       Konklużjonijiet

164    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li interpretazzjoni litterali tad-definizzjoni tat-terminu “dokument”, li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, twassal għall-konklużjoni li skont din, id-data kollha kontenuta f’database tammonta għal dokument fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li l-ebda kunsiderazzjoni prattika u ebda wieħed mid-dokumenti differenti mressqa mill-partijiet ma jikkontestaw din il-konklużjoni.

165    Barra minn hekk, il-konklużjoni li skontha d-data kollha kontenuta fid-database tammonta għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258 hija wkoll konformi mal-għan ta’ aċċess ikbar għad-dokumenti tal-BĊE, imressqa fil-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni, li skontha “[g]ħandu jingħata aċċess aktar wiesa’ għad-dokumenti tal-[BĊE]”.

166    Kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE (ara l-punt 66 iktar ’il fuq), la l-fatt li l-Artikolu 255 KE u r-Regolament Nru 1049/2001 ma japplikawx għall-BĊE, u lanqas “l-għanijiet tas-sistema partikolari ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE”, ma jipprekludu din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(a), tad-Deċiżjoni 2004/258. Huwa veru li l-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni, imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq, issemmi wkoll in-neċessità li tiġi mħarsa “l-protezzjoni tal-indipendenza tal-BĊE u tal-Banek Ċentrali Nazzjonali […] kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ ċerti domandi li jirrigwardaw it-twettiq tal-missjonijiet tal-BĊE”. Madankollu, jekk din in-neċessità tista’ tiġġustifika l-adozzjoni ta’ eċċezzjonijiet speċifiċi għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, fosthom, b’mod partikolari, dawk previsti fl-Artikolu 4(1)(a), l-ewwel sar-raba’ inċiżi, ta’ din id-deċiżjoni, hija bl-ebda mod ma tawtorizza interpretazzjoni tal-Artikolu 3(a) tal-istess deċiżjoni li tmur kontra l-kliem tagħha. Fir-rigward tal-argument tal-BĊE bbażat fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 255 KE u tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jingħad li, minn naħa, l-konklużjoni dedotta fil-punt 164 iktar ’il fuq hija bbażata fuq termini użati fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, mingħajr ebda referenza għall-Artikolu 255 KE jew għar-Regolament Nru 1049/2001, u li, min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, il-BĊE stess invoka, fil-premessa 2 tal-imsemmija deċiżjoni, id-dikjarazzjoni komuni fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, li fiha ġie mitlub “lill-istituzzjonijiet u korpi l-oħra tal-Unjoni jadottaw regoli interni li jirrigwardaw l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti li jikkunsidraw prinċipji u limiti definiti mir-regolament”, sabiex tikkonkludi li “[s]-sistema li tiddetermina l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-BĊE […] għandha konsegwentement tiġi riveduta”.

167    Il-konklużjoni li skontha d-data kollha kontenuta fid-database tammonta għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a), tad-Deċiżjoni 2004/258 tippermetti, waħidha, li jiġi kkonstat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u għandha tiġi annullata.

168    Fil-fatt, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata huma bbażati biss fuq il-premessa li skontha d-data kollha kontenuta fid-database ma tammontax għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258.

169    Huwa biss kieku din il-premessa tista’ tiġi ammessa li l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent tista’ tiġi miċħuda għar-raġuni li “verżjonijiet stampati” tad-databases tal-BĊE previsti fl-applikazzjoni ma jeżistux “bħala dokumenti awtonomi”. Hekk kif ġustament isostnu l-BĊE u l-Kummissjoni (ara l-punt 73 iktar ’il fuq), din il-kunsiderazzjoni li tidher fid-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, għall-BĊE, id-dokumenti biss f’verżjoni fuq il-karta jaqgħu fid-definizzjoni tat-terminu “dokument” li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258, li jikkontradixxi b’mod evidenti l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Hija għandha pjuttost tiġi interpretata fis-sens li elementi ta’ data ma jammontawx għal “dokumenti” sakemm dawn ikunu kontenuti f’database u li dawn jakkwistaw din il-kwalità biss meta huma estratti mid-database, sabiex jiġu konsenjati f’dokument ieħor, stampat jew li jista’ jiġi stampat.

170    Din l-istess premessa hija wkoll il-bażi tal-affermazzjoni tal-BĊE, li tidher fid-deċiżjoni kkontestata, li skontha, l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent ma tistax tiġi sodisfatta permezz ta’ “sempliċi estrazzjoni”, iżda teħtieġ “sistematizzazzjoni” u “analiżi supplementari”, li jirriżultaw mill-qafas tas-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 2004/258. Il-fatt li din il-parti tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata hija introdotta bit-termini “[k]onsegwentement” tikkonferma din il-konklużjoni.

171    Interpretazzjoni differenti ta’ din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun ammessa. Ċertament, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 145 sa 153 iktar ’il fuq jirriżulta li l-BĊE huwa ġġustifikat li jiċħad applikazzjoni għal aċċess għad-data kontenuta f’waħda mid-databases tiegħu, meta huwa impossibbli, minħabba insuffiċjenza jew l-inadegwatezza tal-għodda ta’ tfittxija disponibbli għal din id-database, li testraixxi u li tforni lill-applikant id-data prevista mill-applikazzjoni tiegħu għal aċċess.

172    Madankollu, mill-istess kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, qabel ma tiġi miċħuda applikazzjoni għal aċċess għal motiv bħal dan, il-BĊE għandu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2004/258, jikkonsulta l-applikant. F’dan il-kuntest, huwa għandu jispjega fil-qosor il-possibbiltajiet differenti ta’ riċerka fid-database inkwisjtoni u jippermettilu, jekk ikun meħtieġ, jikkjarifika jew jimmodifika l-applikazzjoni tiegħu sabiex tiġi identifikata d-data li tista’ tinteressah li tista’ tiġi estratta mid-database inkwistjoni permezz tal-għodda ta’ riċerka disponibbli għal din id-database.

173    Min-naħa l-oħra, anki jekk, wara konsultazzjoni bħal din, jirriżulta impossibbli li tiġi lokalizzata, permezz tal-għodda ta’ riċerka disponibbli, id-data prevista mill-applikazzjoni għal aċċess, il-BĊE għandu jesponi fil-qosor, fid-deċiżjoni tiegħu li tiċħad l-applikazzjoni, ir-raġunijiet, marbutin mal-konfigurazzjoni teknika tad-database inkwistjoni, li ma jippermettulux jagħti risposta pożittiva għall-imsemmija applikazzjoni. Għandu jingħad li spjegazzjoni bħal din hija totalment nieqsa fid-deċiżjoni kkontestata.

174    Konsegwentement, l-affermazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li skontha l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent ma setgħetx tiġi ssodisfatta permezz ta’ “sempliċi estrazzjoni” ma għandhiex tinftiehem fis-sens li d-data prevista minn din l-applikazzjoni ma setgħetx tiġi estratta mill-bażi tad-data kkonċernata sussegwentement għal riċerka normali, effettwata permezz ta’ għodda disponibbli għal dan il-għan.

175    Fl-aħħar nett, rigward l-affermazzjoni tal-BĊE li tidher fid-deċiżjoni kkontestata li skontha, “[d]in il-proċedura[, jiġifieri s-sistematizzazzjoni u l-analiżi supplementari tad-data,] timplika piż tax-xogħol kbir”, għandu jingħad li dan ma jammontax għal motiv awtonomu ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent, iżda sempliċi rimarka inċidentali, mingħajr rabta diretta mal-imsemmija ċaħda.

176    Dan huwa iktar il-każ billi, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 121 sa 124 iktar ’il fuq u tal-ġurisprudenza msemmija hemmhekk, l-unika referenza tal-“piż tax-xogħol kbir” neċessarja sabiex tintlaqa’ applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti, ibbażata fuq id-Deċiżjoni 2004/258, hija manifestament insuffiċjenti sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tagħha.

177    Skont dawn l-istess kunsiderazzjonijiet, ċaħda bħal din, li hija applikabbli eċċezzjonalment, timplika, għall-istituzzjoni kkonċernata, l-obbligu li tressaq il-prova tad-daqs tax-xogħol neċessarju, li d-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma għamlet dan, u għandha tiġi ppreċeduta minn sforz sabiex tinstab “soluzzjoni ġusta” mal-applikant, skont l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni 2004/258, li ma kienx il-każ fil-każ preżenti.

178    B’hekk jirriżulta li ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent hija, pjuttost, ibbażata fuq it-teżi li skontha s-sistematizzazzjoni u l-analiżi supplementari tad-data kontenuta fid-database ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2004/258, teżi li, min-naħa tagħha, hija bbażata fuq il-premessa li skontha din l-imsemmija data, sa fejn hija kontenuta f’database, ma tammontax għal dokument fis-sens tal-imsemmija deċiżjoni. Issa, din il-premessa hija kuntrarja għall-konklużjoni bbażata fuq il-punt 164 iktar ’il fuq u konsegwentement żbaljata, b’mod li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

179    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-database “fiha nfisha” tammontax għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a), tad-Deċiżjoni 2004/258, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent kienet ivvizzjata b’ċerta ambigwità, peress li l-kontenut tad-databases, jiġifieri d-data, ma kinitx ċarament distinta mid-databases stess (ara l-punti 96 sa 99 iktar ’il fuq). B’hekk, bl-ebda mod ma huwa ċert li r-rikorrent kellu l-intenzjoni jikseb l-aċċess għad-databases “fihom infushom”, hekk kif issostni l-Kummissjoni (ara l-punt 74 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, jirriżulta kemm mill-affermazzjoni tar-rikorrent, fir-replika, li skontha, l-applikazzjoni għal aċċess kienet tirrigwarda “data mhux ipproċessata”, kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet orali fornuti fis-seduta (ara, rispettivament, il-punti 98 u 99 iktar ’il fuq) li, anki jekk l-aċċess għad-data kontenuta fid-databases tal-BĊE ma kienx l-unika għan tal-applikazzjoni tiegħu għal aċċess, kien ċertament wieħed mill-għanijiet tiegħu, saħansitra l-għan prinċipali tiegħu.

180    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, fl-applikazzjoni tiegħu għal aċċess, ir-rikorrent manifestament telaq mill-premessa li kienu jeżistu databases speċifiċi tal-BĊE, iddestinati sabiex iservu ta’ bażi għat-tnaqqis tar-rapporti. Kien biss quddiem il-Qorti Ġenerali li l-BĊE wera, permezz tal-ispjegazzjonijiet tiegħu li bl-ebda mod ma ġew ikkontestati mir-rikorrent, li din il-premessa kienet żbaljata (ara l-punti 32 sa 34 iktar ’il fuq).

181    Jekk l-ispjegazzjonijiet supplementari tal-BĊE bl-ebda mod ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent ma kellux interess jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 35 iktar ’il fuq), huma xorta jridu jiġu kkunsidrati sabiex jiddeterminaw x’segwitu seta’ jingħata għall-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent.

182    Fil-fatt, huma x’inhuma t-termini eżatti użati mir-rikorrent fl-applikazzjoni għal aċċess, huwa ċar, fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet supplementari tal-BĊE, li ma kienet teżisti ebda database awtonoma li setgħet tkun prevista “fiha nfisha” minn din l-applikazzjoni. Mill-imsemmija spjegazzjonijiet jirriżulta pjuttost li d-data li tinteressa lir-rikorrent hija kontenuta f’numru ta’ databases tal-BĊE, li jikkontjenu wkoll data oħra li ma tippreżenta l-ebda interess għar-rikorrent. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, fir-replika, ir-rikorrent ippreċiża li l-informazzjoni biss li tirrigwarda l-persuni li effettivament daħlu jaħdmu fil-BĊE kienet tinteressah, bl-esklużjoni ta’ kull informazzjoni li tirrigwarda kandidat mhux reklutat.

183    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li bl-edba mod ma huwa meħtieġ, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li jiġi stabbilit jekk database tal-BĊE jistax “fiha innifisha” tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni għal aċċess imressqa fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2004/258. Peress li ma teżisti l-ebda database unika tal-BĊE li r-rikorrent jista’ jikseb “fiha innifisha” permezz tal-applikazzjoni tiegħu, il-kunsiderazzjoni li skontha, id-data kollha kontenuta fid-database tammonta għal dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tal-imsemmija deċiżjoni, hija suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrent jikseb, bħala risposta għall-applikazzjoni tiegħu għal aċċess u suġġett għall-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fl-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni, kemm id-data speċifika li tinteressah u l-użu, fil-kundizzjonijiet esposti fil-punti 146 sa 153 iktar ’il fuq, ta’ għodda disponibbli għad-databases differenti tal-BĊE li jikkontjenu din id-data. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-imsemmija għodda, ir-rikorrent jista’ jikseb l-użu tagħha fis-sens li jista’ jitlob lill-BĊE li jużaha sabiex iwettaq, fuq il-bażi ta’ kriterji li r-rikorrent stess ikun iddefinixxa, riċerki fid-databases tiegħu li tagħhom il-BĊE jikkomunikalu r-riżultati (ara l-punt 150 iktar ’il fuq).

184    Konsegwentement, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-mezzi l-oħra invokati mir-rikorrent insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv u tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

3.     Fuq it-talba għad-danni

 L-argumenti tal-partijiet

185    Ir-rikorrent isostni li r-rifjut tal-BĊE li jiġi mogħti aċċess għad-databases previsti permezz tal-applikazzjoni tiegħu għal aċċess jikkawża dewmien fit-twettiq tat-tfassil tat-teżi tiegħu tad-dottorat, li kellu jlesti qabel l-1 ta’ Frar 2011. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-argumenti tal-BĊE, li skont dawn, it-talba għad-danni hija inammissibbli.

186    Il-BĊE jsostni li t-talba għad-danni ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ), tar-Regoli tal-Proċedura u għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. Ir-rikors ma jsemmi l-ebda rabta kawżali bejn l-imġiba allegatament żbaljata tal-BĊE u d-dannu subit mir-rikorrent. Barra minn hekk, dan ir-rikors ma huwa sostnut minn ebda dokument u r-rikorrent illimita ruħu għall-affermazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata twaqqfu milli javvanza fil-preparazzjoni tat-teżi dottorali tiegħi.

187    Il-BĊE iżid li huwa laqa’ ħafna applikazzjonijiet oħra għall-aċċess għal dokumenti ppreżentati mir-rikorrent. Ir-rikorrent b’hekk għandu elementi suffiċjenti għall-preparazzjoni tat-teżi tiegħu u ma kinitx kwistjoni ta’ rifjut sistematiku għall-applikazzjonijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma kienx spjega b’liema mod l-impossibbiltà li jaċċessa d-databases inkwistjoni kienet qed twaqqfu milli jipprogressa fil-preparazzjoni tat-teżi tiegħu tad-dottorat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

188    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, applikabbli għall-fatti kontenzjużi, li huma preċedenti għad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-trattat ta’ Lisbona, il-Komunità Ewropea għandha tagħmel tajjeb, b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, id-danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom. It-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu jispeċifika li t-tieni paragrafu japplika skont l-istess kundizzjonijiet għad-danni kkaġunati mill-BĊE jew mill-impjegati tiegħu fit-twettiq ta’ dmirijiethom. B’hekk, minkejja l-fatt li, skont l-Artikolu 107(2) KE, il-BĊE għandu personalità ġuridika, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 288 jipprovdu li hija l-Komunità (u, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Unjoni Ewropea, li, skont it-tielet sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1 TUE, ssostitwiet u ħadet post il-Komunità) li għandha tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-BĊE (Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Settembru 2007, Dokument Security Systems vs Il-BĊE, T‑295/05, Ġabra p. II‑2835, punt 76).

189    Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għal aġir illegali tal-korpi tagħha hija suġġetta li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2007, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u l-BĊE, T‑3/00 u T‑337/04, Ġabra p. II‑4779, punt 290, u l-ġurisprudenza ċċitata).

190    Fir-rigward tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 42). Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt huwa dak tan-nuqqas ta’ osservanza manifesta u gravi, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenza Pitsiorlas vs Il-Kunsill u l-BĊE, punt 189 iċċitata iktar ’il fuq, punt 291, u l-ġurisprudenza ċċitata).

191    F’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar rabta kawżali, l-Unjoni tista’ tiġi miżmuma responsabbli biss tad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata (ara s-sentenza Pitsiorlas vs Il‑Kunsill u l-BĊE, punt 189 iċċitata iktar ’il fuq, punt 292, u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    Fir-rigward tad-dannu, għandu jingħad li dan tal-aħħar għandu jkun reali u ċert kif ukoll li jista’ jiġi evalwat. Min-naħa l-oħra, dannu purament ipotetiku u indeterminat ma jagħtix dritt għal kumpens. Huwa r-rikorrent li għandu jressaq provi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza u l-portata tad-dannu tiegħu (ara s-sentenza Pitsiorlas vs Il-Kunsill u l-BĊE, punt 189 iċċitata iktar ’il fuq, punti 293 u 294, u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza Pitsiorlas vs Il-Kunsill u l-BĊE, punt 189 iċċitata iktar ’il fuq, punt 295, u l-ġurisprudenza ċċitata).

194    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 44(1)(ċ), tar-Regoli tal-Proċedura, rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Sabiex dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfatti, rikors bil-għan tal-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jikkontjeni elementi li jippermettu li jiġi identifikat, b’mod partikolari, id-dannu li r-rikorrent jallega li jkun bata kif ukoll il-karattru u l-portata ta’ dan id-dannu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1999, Apostolidis et vs Il-Kummissjoni, C‑327/97 P, Ġabra p. I‑6709, punt 37).

195    Fil-każ preżenti, insostenn tat-talba tiegħu għad-danni, ir-rikorrent isostni li, minħabba l-fatt tar-rifjut tal-BĊE milli jagħtih aċċess għad-databases previsti mill-applikazzjoni tiegħu għal aċċess, it-tlestija tat-teżi tiegħu tad-dottorat ser tiġi ttardjata u, minbarra dan, ladarba din it-teżi titlesta, il-kwalità xjentifika tagħha sejra tkun affettwata b’mod negattiv.

196    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, permezz tat-talba tiegħu għad-danni, ir-rikorrent jixtieq jikseb il-kumpens għal danni morali, allegatament riżultanti mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u li huwa identifika, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-karattru u l-portata ta’ dan id-dannu fir-rikors. B’hekk jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE, din id-domanda hija ammissibli.

197    Madankollu, fuq il-mertu, hija prematura u għandha tkun miċħuda għal din ir-raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Mejju 1995, Wafer Zoo vs Il-Kummissjoni, T‑478/93, Ġabra p. II‑1479, punti 49 u 50, u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il-Kummissjoni, T‑300/97, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1263, punti 95 u 101). Fil-fatt, fis-seduta, ir-rikorrent iddikjara, bħala risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, li d-difiża tat-teżi tiegħu tad-dottorat kienet ġiet posposta u kienet prevista għal Settembru 2012. Huwa żied li dan id-dewmien kien dovut mhux biss għan-nuqqas ta’ informazzjoni li huwa seta’ jkollu, iżda wkoll għal fatturi oħra. Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu tniżżlu fil-minuti tas-seduta.

198    Peress li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata (ara l-punt 184 iktar ’il fuq), il-BĊE ikun marbut jerġa’ jeżamina l-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent. Ma jkunx a priori eskluż li sussegwentement għar-rieżami huwa jagħtih l-aċċess għad-data kontenuta fid-databases tiegħu, li huwa allegatament jeħtieġ għat-tfassil tat-teżi tiegħu, u dan fi żmien xieraq sabiex ikun jista’ jiddefendi t-teżi tiegħu f’Settembru 2012. Ma jistax jiġi eskluż li huwa jirrifjutalu, għal raġuni leġittima, dan l-aċċess, kollu kemm hu jew in parti. B’hekk jirriżulta li, fil-preżent, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li teżamina la jekk ir-rikorrent huwiex sejjer isofri dannu minħabba l-fatt taċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal aċċess għad-dokumenti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas jekk dannu ipotetiku bħal dan jistax jiġi attribwit għal imġiba llegali tal-BĊE.

199    Konsegwentement, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

200    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BĊE tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, b’mod konformi mat-talbiet tar-rikorrent.

201    Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, b’mod konformi mal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tad-direttur tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), ikkomunikata lil J. Dufour permezz ta’ ittra tal-President tal-BĊE tat-2 ta’ Settembru 2009, hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-BĊE għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż ta’ J. Dufour.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ottubru 2011.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq it-talba għal annullament

1.  Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-mertu

Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ikkunsidra, b’mod żbaljat, li d-databases ma jammontawx għal dokumenti fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Il-kunċett ta’ database

–  Analiżi tad-definizzjoni tat-terminu “dokument”, li tidher fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258

–  Suġġett tal-applikazzjoni għal aċċess tar-rikorrent

–  Il-klassifikazzjoni tad-data kollha kontenuta fid-database bħala dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni 2004/258

–  Id-diffikultajiet prattiċi allegati ta’ dritt għal aċċess għad-databases ta’ istituzzjoni

–  L-argumenti bbażati fuq xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1049/2001 u ta’ dokumenti oħra invokati mill-partijiet

–  Konklużjonijiet

3.  Fuq it-talba għad-danni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


*Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.