Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Ottubru 2009 - Dufour vs BĊE

(Kawża T-436/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Julien Dufour (Jolivet, Franza) (rappreżentant: I. Schoenacker Rossi, avukat)

Konvenut: Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, ikkontestata minn J. Dufour, li permezz ta' ittra bid-data tat-2 ta' Settembru 2009, kienet ikkonfermat ir-rifjut f'dak li jirrigwarda l-bażi ta' data li permezz tagħhom ġew stabbiliti r-rapporti fuq ir-reklutaġġ u l-mobilità tal-persunal;

konsegwentement, tikkundanna l-Bank Ċentrali Ewropew iqiegħed għad-dispożizzjoni ta' J. Dufour il-bażi ta' data kollha li permezz tagħhom ġew stabbiliti r-rapporti fuq ir-reklutaġġ u l-mobilità tal-persunal;

tikkundanna l-Bank Ċentrali Ewropew għall-ħlas tal-ammont ta' EUR 5 000 bħala danni għad-dannu subit mir-rikorrent;

tikkundanna l-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tat-2 ta' Settembru 2009, li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent l-aċċess għall-bażi ta' data li permezz tagħhom ġew stabbiliti r-rapporti fuq ir-reklutaġġ u l-mobilità tal-persunal bejn l-1999 u l-2009, li huwa kien talab fil-kuntest tal-preparazzjoni għat-teżi tiegħu tad-dottorat, kif ukoll danni minħabba fid-dewmien fil-kitba tat-teżi tiegħu.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tar-rifjut li jingħatalu aċċess għad-dokumenti inkwistjoni huwa vvizzjat b'illegalità, billi dan jinvoka eċċezzjonijiet mhux sostanzjati u mhux previsti mid-Deċiżjoni ECB/2004/3 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tal-4 ta' Marzu 2004, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew 1, adottata sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjon 2, u billi huwa bbażat fuq ipoteżi żbaljata li tgħid li l-verżjoni elettronika mhux stampata tal-bażi ta' data tneħħilha n-natura tagħha ta' "dokument". Fl-aħħar nett, il-Bank Ċentrali Ewropew m'għandux dritt li jikkontestalu d-diffikultajiet sabiex jagħmel id-dokumenti disponibbli.

____________

1 - ĠU L 80, p. 42

2 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 1, Vol. 3, p. 331