Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Novembru 2012 - Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-507/12)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tas-Slovenja (rappreżentanti: V. Klemenc, državna pravobranilka, u A. Grum, pomočnica državne pravobranilke)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2012 dwar miżuri favur il-kumpannija ELAN d.o.o. SA. 26379 (C 13/2010) (ex NN 17/2010) li l-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja permezz ta' ittra Nru°SG-Greffe(2012) D/14375 tal-20 ta' Settembru 2012 u li fiha hija ddeċidiet, fost l-oħrajn, li s-Slovenja kienet implementat illegalment miżuri tal-għajnuna mill-Istat favur Elan taħt forma ta' rikapitalizzazzjoni għall-ammont ta' EUR 10 miljuni fl-2008, bi ksur tal-Artikolu 108(3), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant is-Slovenja hija obbligata titlob lill-benefiċjarju r-rimbors tal-għajnuna;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv: il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE u l-Artikolu 345 TFUE u kisret il-forom proċedurali sostanzjali peress li hija evalwat b'mod żbaljat il-fatti u mmotivat id-deċiżjoni kkontestata b'mod insuffiċjenti u/jew żbaljat għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna fil-forma ta' rikaptilizzazzjoni fl-2008 tistax tiġi imputata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kkonkludiet, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1), u tal-Artikolu 435 TFUE, li l-azzjonijiet tas-soċji ta' Elan fil-kuntest tar-rikapitalizzazzjoni tal-2008 setgħu jiġu imputati lir-Repubblika tas-Slovenja. Il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha fuq il-fatt li l-Istat bħala proprjetarju jaħtar bord tad-diretturi, u b'hekk jiddiskrimina, skont ir-rikorrenti, is-sistema duwalista ta' ġestjoni tal-impriżi pubbliċi.

Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti - mingħajr motivi rilevanti u suffiċjenti - u żbaljati peress li l-Kummissjoni ssostni li jeżistu indizzji b'saħħithom tal-implikazzjoni stretta tal-Istat fid-deċiżjoni tal-Kapitalska Družba (KAD) u Družba za svetovanje in upravljanje (DSU) u l-argument tagħha jistrieħ biss fuq provi dubjużi u provi ta' "hearsay". Id-deċiżjoni kkontestata hija qabel kollox mingħajr motivazzjoni għal dak li jirrigwarda anki lis-soċji l-oħra ta' Elan li lilhom il-Kummissjoni tilmentalhom biss dwar aġir parallel. Skont ir-rikorrenti, l-indizzji li l-Kummissjoni semmiet fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxu fl-ebda każ l-indikaturi li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jagħtu prova tal-implikazzjoni tas-setgħat pubbliċi fil-miżura adottata ta' rikapitalizzazzjoni ta' Elan fl-2008.

It-tieni motiv: il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE u kisret il-forom proċedurali sostanzjali peress li hija evalwat b'mod żbaljat il-fatti u mmotivat id-deċiżjoni kkontestata b'mod insuffiċċjenti u/jew żbaljat għal dak li jirrigwarda l-konklużjoni li l-miżura ta' rikapitalizzazzjoni lil Elan fl-2008 ma kinitx ġiet implementata skont il-prinċipju ta' investitur privat li jopera f'ekonomija tas-suq u għaldaqstant ġie mogħti lill-kumpannija Elan vantaġġ selettiv.

Ir-rikorrenti ssostni permezz tar-rikors tagħha li l-miżura ta' rikapitalizzazzjoni lil Elan fl-2008 kienet ġiet implementata skont il-prinċipju ta' investitur privat li jopera f'ekonomija tas-suq peress li s-soċji fil-waqt tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna fil-forma ta' rikapitalizzazzjoni straħu fuq l-evalwazzjoni tal-impriża billi ġustament ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attività ta' Elan kienet marret lura fil-parti l-kbira tax-xitwa 2007/2008 u għalhekk ukoll matul l-ewwel tliet xhur tal-2008. Id-deterjorament tal-attività fl-2008 ma kienx daqshekk drastiku li jinfluwenza l-kredibbiltà tal-valutazzjoni tal-valur tal-impriża. Is-soċji adottaw id-deċiżjoni tagħhom bħala azzjonisti fuq żmien twil ta' impriża li kienet ħabtet wiċċha ma' diffikultajiet temporanji, iżda li kienet kapaċi fuq tul ta' żmien mhux biss li tkompli tiffunzjona, iżda ukoll li terġa' tibda tagħmel profitt. Il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma ċċaratx b'mod suffiċċjenti għalfejn hija ħadet inkunsiderazzjoni b'mod selettiv il-valutazzjoni tal-valur ta' impriża, u b'dan il-mod kienet qed taġixxi b'manjiera arbitrija.

____________