Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Marzu 2007 - Imelios vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-97/07)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Imelios SA (Vélizi Villacoublay, Franza) (rappreżentant: C. Curtil, Avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Prinċipalment, fuq il-proċedura, tikkonstata n-natura mhux kontradittorja tal-proċedura segwita minn OLAF u mill-Kummissjoni; tikkonstata li OLAF, fuq l-inizjattiva tiegħu, għamel użu minn sorsi anonimi; li OLAF u l-Kummissjoni rrifjutaw li jinnotifikaw lir-rikorrenti bir-rapport ta' investigazzjoni; li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni mhijiex immotivata; konsegwentement, tannulla n-nota ta' debitu.

Sussidjarjament, tikkonstata li d-dokumenti probatorji ppreżentati mir-rikorrenti ma ġewx meħuda in kunsiderazzjoni; li r-responsabbiltà tal-grupp [...] ma ġietx mistħarrġa; konsegwentement, tannulla n-nota ta' debitu fuq il-mertu.

Fi kwalunkwe każ, tikkonstata li l-aħħar parti tas-sussidju ma ġietx imħallsa lir-rikorrenti, meta r-rikorrenti bl-ebda mod ma rrinunzjat għalih; konsegwentement, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 34,368 bl-interessi li jibdew jiddekorru mid-data ta' dan ir-rikors; tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 50,000 għad-danni; tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti s-somma ta' EUR 50,000 għall-ispejjeż tal-proċedimenti mibdija; tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-21 ta' Diċembru 1999, ir-rikorrenti u l-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, iffirmaw kuntratt IST-1999-10934 - ASSIST, fir-rigward tal-proġett "Knowledge Management for Help Desk Operators", konkluż fil-kuntest tal-ħames programm għal azzjonijiet Komunitarji ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (1998-2002), fil-qasam tas-soċjetà ta' l-informatika konvivjali.

Wara l-investigazzjoni li saret minn OLAF u wara r-rapport ta' verifika tiegħu, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti nota ta' debitu li fiha talbet ir-rimbors ta' l-ammont diġà mħallas taħt is-sussidju Komunitarju, b'applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tal-kuntratt li jippermetti lill-Kummissjoni titlob dan ir-rimbors fil-każ ta' konstatazzjoni ta' frodi jew irregolaritajiet finanzjarji serji fl-implementazzjoni tal-proġett. Din hija d-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta' dan ir-rikors. Barra minn dan, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tħallas l-aħħar parti tas-sussidju kif ukoll tikkundannaha tagħmel tajjeb għad-dannu li sofriet, minn naħa, minħabba n-nuqqas ta' ħlas ta' l-aħħar parti tas-sussidju u, minn naħa l-oħra, minħabba proċedimenti mibdija minn OLAF, imbagħad mill-Kummissjoni.

In sostenn tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari, tad-dritt tad-difiża, matul l-investigazzjoni ta' verifika tal-proġett "ASSIST" li saret minn OLAF. Hija ssostni li ma setgħetx tagħmel osservazzjonijiet utli matul il-fażi investigattiva u li r-rapport finali ta' OLAF, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma nbagħtilhiex, u għalhekk ġiet prekluża milli tirrispondi għall-akkużi miġjuba kontriha.

Barra minn dan, ir-rikorrenti tinvoka n-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kif ukoll in-notifika tardiva ta' l-ilmenti.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti tinvoka diversi motivi relatati mal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-dokumenti probatorji pprovduti mir-rikorrenti fir-rigward ta' l-ispejjeż inkorsi. Barra minn dan, hija tallega li huwa l-grupp LA POSTE, benefiċjarju reali tas-sussidju, li għandu jinżamm responsabbli għall-irregolaritajiet imwettqa, u mhux hi.

____________