Language of document : ECLI:EU:T:2014:631

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

11 ta’ Lulju 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Servizz pubbliku ta’ xandir — Għajnuna li Spanja qiegħda tippjana li timplementa favur RTVE — Bidla tas-sistema ta’ finanzjament — Sostituzzjoni tad-dħul mir-reklamar b’taxxi ġodda fuq l-operaturi ta’ televiżjoni u ta’ telekomunikazzjonijiet — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Drittijiet proċedurali — Għajnuna ġdida — Bidla tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti — Miżura fiskali li tikkostitwixxi l-mod ta’ finanzjament tal-għajnuna — Eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn it-taxxa u l-għajnuna — Influwenza diretta tad-dħul mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna — Proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑151/11,

Telefónica de España, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Telefónica Móviles España, SA, stabbilita f’Madrid,

irrappreżentati minn F. González Díaz u F. Salerno, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn M. Muñoz Pérez, sussegwentement minn S. Centeno Huerta u N. Díaz Abad, sussegwentement minn N. Díaz Abad u finalment minn M. Sampol Pucurull, abogados del Estado,

u minn

Corporación de Radio y Televisión Española, SA (RTVE), stabbilita f’Madrid, irrappreżentata minn A. Martínez Sánchez, A. Vázquez-Guillén Fernández de la Riva u J. Rodríguez Ordóñez, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/1/UE, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE) (ĠU 2011 L 1, p. 9),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors ineżami, ir-rikorrenti, Telefónica de España, SA, u Telefónica Móviles España, SA, qegħdin jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/1/UE, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE) (ĠU 2011 L 1, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li s-sistema ta’ finanzjament ta’ Corporación de Radio y Televisión Española, SA (RTVE), mibdula mir-Renju ta’ Spanja permezz tal-Ley 8/2009, de 28 de agosto, de financiación de la Corporación de Radio y Televisión Española (Liġi Nru 8/2009, tat-28 ta’ Awwissu 2009, dwar il-finanzjament ta’ RTVE, BOE Nru 210, tal-31 ta’ Awwissu 2009, p. 74003, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 8/2009”), li temenda l-Ley 17/2006, de 5 de junio, de la radio y la televisión de titularidad estatal (Liġi Nru 17/2006, tal-5 ta’ Ġunju 2006, dwar ir-radju u t-televiżjoni tal-Istat, BOE Nru 134, tas-6 ta’ Ġunju 2006, p. 21270, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 17/2006”), kienet kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2        Telefónica de España hija l-operatur storiku fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet fi Spanja, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi ta’ telefonija fissa, li jistgħu jinkludu l-provvista bil-kejbil ta’ televiżjoni bi ħlas, l-interkonnessjoni u l-linji mikrija. Telefónica Móviles España hija operatur ta’ telefonija mobbli fi Spanja. Dawn iż-żewġ kumpanniji huma miżmuma 100 % minn Telefónica de España, SA. Telefónica de España topera fis-suq tal-offerta ta’ kontenut awdjoviżiv permezz tan-network “Internet Protocol Television” tagħha, permezz tal-offerta tas-servizz tagħha “Imagenio”.

3        RTVE hija x-xandar pubbliku Spanjol tar-radju u tat-televiżjoni, li ġiet inkarigata b’funzjoni ta’ servizz pubbliku f’dawn l-oqsma permezz tal-Liġi Nru 17/2006.

4        Il-Liġi Nru 17/2006 kienet tipprevedi skema ta’ finanzjament imħallat għal RTVE. Skont din il-liġi, minn naħa, RTVE kellha dħul mill-attivitajiet kummerċjali tagħha, b’mod partikolari mill-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar. Min-naħa l-oħra, hija kienet tirċievi kumpens mill-Istat Spanjol għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku tagħha. Din is-sistema ta’ finanzjament (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE”) kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fid-deċiżjonijiet tagħha C (2005) 1163 finali, tal-20 ta’ April 2005, dwar għajnuna mill-Istat favur RTVE (E 8/05) (sunt fil-ĠU 2006, C 239, p. 17), u C (2007) 641 finali, tas-7 ta’ Marzu 2007, dwar il-finanzjament tal-miżuri għat-tnaqqis tal-ħaddiema ta’ RTVE (NN 8/07) (sunt fil-ĠU 2007, C 109, p. 2).

5        Fit-22 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-abbozz ta’ liġi li wassal għal-Liġi Nru 8/2009. Fil-5 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jagħtiha informazzjoni dwar dan l-abbozz ta’ liġi.

6        Il-Liġi Nru 8/2009, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2009, bidlet l-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE.

7        L-ewwel nett, il-Liġi Nru 8/2009 kienet tipprevedi li, b’effett mill-aħħar tal-2009, ir-reklamar, it-telebejgħ, l-isponsorships u s-servizzi ta’ aċċess bi ħlas ma kellhomx jibqgħu bħala sorsi ta’ finanzjament għal RTVE. Minn wara dik id-data, l-uniku dħul kummerċjali li RTVE baqgħalha għad-dispożizzjoni tagħha kien dak miksub mill-provvista ta’ servizzi lil terzi u mill-bejgħ tal-produzzjonijiet tagħha stess [Artikolu 2(1)(e) tal-Liġi Nru 8/2009]. Dan id-dħul kien limitat għal ammont ta’ madwar EUR 25 miljun (ara l-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        It-tieni nett, sabiex tpatti għat-telf tad-dħul kummerċjali l-ieħor, il-Liġi Nru 8/2009 introduċiet jew emendat, fl-Artikolu 2(1)(b) sa (d) u fl-Artikoli 4 sa 6 tagħha, it-tliet miżuri fiskali segwenti:

–        taxxa ġdida ta’ 3 % fuq id-dħul tal-operaturi ta’ televiżjoni bla ħlas u ta’ 1.5 % fuq id-dħul tal-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas stabbiliti fi Spanja; il-kontribuzzjoni ta’ din it-taxxa għall-baġit ta’ RTVE ma tistax taqbeż 15 % (fir-rigward tat-televiżjoni aċċessibbli mingħajr ħlas) u 20 % (fir-rigward tat-televiżjoni bi ħlas) tal-għajnuna totali mogħtija kull sena lil RTVE, u kull dħul fiskali li jaqbeż dawn il-perċentwali jmur fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol [Artikolu 2(1)(d) u Artikolu 6 tal-Liġi Nru 8/2009];

–        taxxa ġdida ta’ 0.9 % fuq id-dħul gross mill-operat (bl-esklużjoni tad-dħul miksub mis-suq bl-ingrossa inkwistjoni) tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni stabbiliti fi Spanja, li huma rreġistrati fir-reġistru tal-operaturi tal-kummissjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, li għandhom kopertura ġeografika li tikkorrispondi għat-territorju tal-Istat Spanjol jew li tkopri iktar mit-territorju ta’ komunità awtonoma waħda, u li jipprovdu servizzi awdjoviżivi jew kwalunkwe tip ieħor ta’ servizz li jinkludi r-reklamar, fir-rigward ta’ wieħed mis-servizzi segwenti: servizz ta’ telefonija fissa, servizz ta’ telefonija mobbli u provvista ta’ aċċess għall-internet; il-kontribuzzjoni għall-għajnuna totali mogħtija kull sena lil RTVE ma tistax taqbeż 25 % u kull dħul fiskali li jaqbeż din il-perċentwali jmur fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol [Artikolu 2(1)(c) u Artikolu 5 tal-Liġi Nru 8/2009];

–        perċentwali ta’ 80 %, sa ammont massimu ta’ EUR 330 miljun, tad-dħul mit-taxxa eżistenti fuq l-użu tal-ispettru tar-radju; il-bqija jmur fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol u din il-perċentwali tista’ tiġi emendata b’osservanza tal-liġijiet dwar il-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol [Artikolu 2(1)(b) u Artikolu 4 tal-Liġi Nru 8/2009].

9        Barra minn hekk, il-kumpens għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, previst mil-Liġi Nru 17/2006, inżamm fis-seħħ [Artikolu 2(1)(a) tal-Liġi Nru 8/2009]. B’hekk, jekk is-sorsi ta’ finanzjament imsemmija iktar ’il fuq [u xi sorsi oħra li ma humiex wisq importanti previsti fl-Artikolu 2(1)(f) sa (i) tal-Liġi Nru 8/2009] ma jkunux suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż kollha ta’ RTVE fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-Istat Spanjol kien obbligat, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, li jagħmel tajjeb għal din id-differenza. Għaldaqstant, is-sistema ta’ finanzjament imħallat ta’ RTVE ġiet ittrasformata f’sistema ta’ finanzjament kważi esklużivament pubbliku (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ finanzjament kważi esklużivament pubbliku”).

10      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 kien jipprevedi limitu massimu għad-dħul ta’ RTVE. Matul is-sentejn 2010 u 2011, it-total ta’ dan id-dħul ma setax jaqbeż EUR 1 200 miljun fis-sena, li kien jikkorrispondi wkoll għal-limitu massimu tal-ispejjeż tagħha għal kull sena finanzjarja. Matul it-tliet snin 2012 sa 2014, iż-żieda massima ta’ dan l-ammont kienet stabbilita bħala 1 % u, għas-snin segwenti, iż-żieda kienet iddeterminata mill-iżvilupp annwali fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum.

11      Il-Liġi Nru 8/2009 emendat ukoll id-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir li biha kienet inkarigata RTVE. B’mod partikolari, din il-liġi stabbilixxiet l-obbligi supplimentari għal RTVE dwar l-iskeda ta’ programmi għat-tfal. Barra minn hekk, l-istess liġi pprevediet limiti fir-rigward tal-akkwist ta’ drittijiet għat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi kif ukoll fir-rigward tax-xandir ta’ films prodotti minn produtturi ċinematografiċi internazzjonali kbar fil-ħin tal-ogħla domanda.

12      Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju ta’ Spanja d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE fir-rigward tal-bidla tal-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”) (sunt fil-ĠU 2010, C 8, p. 31). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni.

13      Fit-18 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE peress li kkunsidrat li t-taxxa imposta fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi kienet kuntrarja għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337). Fit-30 ta’ Settembru 2010, f’opinjoni motivata, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jneħħi din it-taxxa minħabba li kienet inkompatibbli mal-imsemmija direttiva.

14      Fl-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fejn iddikjarat li l-bidla tas-sistema ta’ finanzjament ta’ RTVE prevista mil-Liġi Nru 8/2009 kienet kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE. Hija bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-konstatazzjoni li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinux jagħmlu parti integrali mill-elementi ta’ għajnuna ġodda previsti minn din il-liġi u li, għaldaqstant, l-eventwali inkompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri fiskali mad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma kinitx ser taffettwa l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-iskema finanzjarja mibdula ta’ RTVE kienet konformi mal-Artikolu 106(2) TFUE peress li kienet proporzjonali.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors ineżami.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Mejju 2011, ir-Renju ta’ Spanja ressaq talba sabiex jintervjeni f’din il-proċedura.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2011, RTVE ressqet talba sabiex tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni.

18      Permezz ta’ digrieti tat-30 ta’ Ġunju u tat-22 ta’ Settembru 2011, rispettivament, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn it-talbiet għal intervent.

19      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta data u informazzjoni li jinsabu fl-annessi tar-rikors fil-konfront ta’ RTVE.

20      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2011, RTVE qajmet oġġezzjonijiet fir-rigward tat-talba kollha għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.

21      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Diċembru 2011, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba għal trattament kunfidenzjali.

22      L-intervenjenti ppreżentaw in-noti tagħhom u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-termini mogħtija.

23      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali, fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja u ta’ RTVE, ta’ ċerti elementi li jinsabu fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota tal-intervent ta’ RTVE.

24      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 u fil-11 ta’ April 2012, rispettivament, ir-Renju ta’ Spanja u RTVE kkontestaw it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.

25      Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Lulju 2013, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba għal trattament kunfidenzjali.

26      Permezz ta’ ittri tad-9 ta’ Lulju 2013, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu għal mistoqsijiet fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Il-partijiet wieġbu għal din it-talba fit-terminu mogħti.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2013.

28      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż kollha marbuta mal-intervent tiegħu, inklużi dawk sostnuti minnhom;

–        tikkundanna lil RTVE għall-ispejjeż kollha marbuta mal-intervent tagħha, inklużi dawk sostnuti minnhom.

29      Il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja u RTVE jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors parzjalment inammissibbli;

–        fi kwalunkwe każ, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

30      Ir-rikors huwa bbażat fuq ħames motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali ggarantiti permezz tal-Artikolu 108(2) TFUE, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 108 TFUE u tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), it-tielet nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, ir-raba’ nett, fuq żball fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u, il-ħames nett, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors u tal-motivi

31      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, targumenta li r-rikors huwa parzjalment inammissibbli. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti għandhom biss interess ġuridiku fit-talba għal annullament tagħhom sa fejn din tikkonċerna l-elementi tad-deċiżjoni kkontestata marbuta mal-kontribuzzjonijiet li għandhom jitwettqu minnhom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma għandhomx interess jitolbu l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn din tikkonċerna l-kontribuzzjonijiet li huma jkollhom iħallsu fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-allokazzjoni tal-ammonti, u sa fejn tikkonċerna l-kontribuzzjonijiet li r-rikorrenti ma humiex meħtieġa jħallsu. Kull waħda mill-kontribuzzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 sa 6 tal-Liġi Nru 8/2009 tista’ tiġi sseparata mill-kontribuzzjonijiet l-oħra. Għaldaqstant, l-annullament ta’ waħda minnhom ma huwiex ser ikollu impatt fuq il-kontribuzzjonijiet l-oħra.

32      Min-naħa tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-tieni sal-ħames motivi huma inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti. Skontu, dawn il-motivi jikkonċernaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ma huwiex biżżejjed li r-rikorrenti jitqiesu bħala li huma interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, iżda għandhom ikunu kkonċernati individwalment mill-imsemmija deċiżjoni. Madankollu, il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq ma hijiex milquta b’mod sostanzjali mil-Liġi Nru 8/2009.

33      Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

34      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il-mertu mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II-2123, punt 155).

35      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li, għal finijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, għandhom jiġu eżaminati qabel kollox it-talba għal annullament tar-rikorrenti u l-fondatezza tal-motivi invokati minnhom insostenn ta’ din it-talba, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tar-rikors kollu kemm hu jew dwar l-ammissibbiltà tat-tieni sal-ħames motivi, peress li r-rikors huwa, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondat.

2.     Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali ggarantiti permezz tal-Artikolu 108(2) TFUE

36      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali ggarantiti mill-Artikolu 108(2) TFUE. Huma jsostnu li, fil-premessa 29 tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonstatat li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE, meta skonthom kien hemm dubji f’dan ir-rigward. B’hekk, hija kienet illimitat is-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Skont ir-rikorrenti, din il-limitazzjoni kellha l-konsegwenza li tillimita d-drittijiet proċedurali tagħhom peress li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kummenti tat-terzi interessati fir-rigward tas-suġġett tal-proċedura. Għaldaqstant, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri fiskali kinux separabbli mill-elementi ta’ għajnuna, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma bbenefikawx minn protezzjoni paragunabbli għal dik li kienu jibbenefikaw minnha li kieku din il-kwistjoni kienet is-suġġett tal-proċedura. Għalhekk, is-sitwazzjoni hija ekwivalenti għal dik li fiha l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali dwar miżura mingħajr ma tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, minkejja l-fatt li jkun hemm dubji serji dwar il-miżura inkwistjoni.

37      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tikkontesta dawn l-argumenti.

38      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE hija maħsuba b’mod partikolari sabiex tipproteġi d-drittijiet ta’ terzi li jkunu potenzjalment interessati u li din il‑proċedura hija ta’ natura indispensabbli f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni jkollha diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk miżura hijiex kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, Ġabra p. I-10707, punt 70, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T‑388/03, Ġabra p. II-199, punt 87).

39      Għandu jiġi osservat ukoll li, fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti ma jikkritikawx lill-Kummissjoni talli ma fetħitx proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-Liġi Nru 8/2009. Huma jsostnu li, minkejja li ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ din il-liġi, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħhom iggarantiti mill-Artikolu 108(2) TFUE meta kkonstatat, fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE.

40      Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

41      Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet fir-rigward tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 li l-Kummissjoni għamlet fil-premessa 29 tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jistgħux jippreġudikaw id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti ggarantiti mill-Artikolu 108(2) TFUE.

42      Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, is-sitwazzjoni fil-kawża ineżami ma tistax titqabbel ma’ sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni tkun iddeċidiet li ma tiftaħx proċedura formali ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-Liġi Nru 8/2009.

43      Fil-fatt, li kieku l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tiftaħx proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-Liġi Nru 8/2009, ir-rikorrenti ma kinux ikunu jistgħu jużaw id-drittijiet proċedurali li jiggarantixxilhom l-Artikolu 108(2) TFUE bħala terzi interessati.

44      Barra minn hekk, fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-Liġi Nru 8/2009. Għalhekk, ir-rikorrenti setgħu jippreżentaw kummenti bħala terzi interessati u l-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kummenti.

45      L-ewwel nett, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni riprodotti fil-premessa 29 tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinux jipprekludu lir-rikorrenti milli jqajmu dubji fir-rigward tan-natura separabbli tal-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ miżura, hija tistieden lit-terzi interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom fir-rigward ta’ din il-miżura. Issa, ma hemm xejn xi jwaqqaf lit-terzi interessati milli jagħmlu kummenti mhux biss fir-rigward tad-dubji li l-Kummissjoni ssemmi fid‑deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, iżda wkoll fir-rigward ta’ elementi oħra tal-miżura li tkun qiegħda tiġi investigata.

46      It-tieni nett, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ma qajmitx dubji dwar in-natura separabbli tal-miżuri fiskali fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, dan ma kienx jipprekludiha milli tieħu inkunsiderazzjoni d-dubji mqajma minn terzi interessati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Ma hemm xejn xi jwaqqaf lill-Kummissjoni milli, sussegwentement għal dubji mqajma fil-kummenti ta’ terz interessat, twettaq investigazzjoni iktar fid-dettall, tiġbor informazzjoni supplimentari u, jekk ikun il-każ, tibdel il-pożizzjoni tagħha. Fil-fatt, mill-Artikolu 4(4) u mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li d-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tinkludi evalwazzjoni ta’ natura preliminari li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni inizjali dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri investigati għandhomx in-natura ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u ta’ jekk humiex kompatibbli mas-suq intern. Dan ifisser li tali deċiżjoni hija biss ta’ natura preparatorja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Novembru 2009, Andersen vs Il-Kummissjoni, T‑87/09, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 53). In-natura neċessarjament provviżorja tal-evalwazzjonijiet magħmula f’deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija kkonfermata mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi li, fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-miżura investigata ma hijiex għajnuna, li l-għajnuna nnotifikata hija kompatibbli mas-suq komuni, li l-għajnuna nnotifikata tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni jekk ikunu osservati ċerti kundizzjonijiet, jew li l-għajnuna nnotifikata hija inkompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra p. II-5015, punt 48).

47      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jargumentaw b’suċċess li d-drittijiet proċedurali tagħhom iggarantiti mill-Artikolu 108(2) TFUE kienu milquta mill-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 29 tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

48      Ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jirribatti din il-konklużjoni.

49      Minn naħa, ir-rikorrenti jargumentaw li mill-punti 90 sa 99 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, Ġabra p. I-7763), jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni d-dubji li jikkonċernaw elementi tal-miżura investigata mqajma minn terzi interessati, sa fejn ma tkunx qajmithom fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, din l-interpretazzjoni tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq hija żbaljata. Fil-fatt, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni dokumenti li, minn naħa, ma kinux ingħatawlha matul il-proċedura amministrattiva iżda iktar tard u, min-naħa l-oħra, kienu jinkludu biss affermazzjonijiet vagi.

50      Min-naħa l-oħra, meta jinvokaw il-punti 124 sa 137 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni (T‑25/04, Ġabra p. II-3121), ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi li setgħu nħolqu permezz tal-indikazzjonijiet mogħtija fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

51      Dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

52      Fil-fatt, is-sentenza msemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq tikkonċerna każ fejn il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk, fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kinitx tat indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex il-benefiċjarju tal-miżura jkun jista’ jifhem li l-Kummissjoni kellha dubju fir-rigward ta’ element tal-miżura investigata, sabiex dan il-benefiċjarju jkun jista’ jressaq l-argumenti tiegħu u sabiex jipprovdi l-elementi li seta’ jikkunsidra neċessarji dwar dan il-punt b’għarfien sħiħ tal-kawża. Issa, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet suffiċjenti, benefiċjarju ta’ miżura ma jistax jistenna li jkollu jelimina d-dubji li jkollha l-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-miżura. Għaldaqstant, dan il-benefiċjarju jista’ jinvoka l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dan id-dubju fid-deċiżjoni finali tagħha.

53      Dan ir-raġunament ma jistax jiġi ttraspost għall-kawża ineżami fejn, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, ir-rikorrenti setgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni magħmula fil-premessa 29 tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-sens li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE. Fid-dawl tan-natura neċessarjament provviżorja tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni f’tali deċiżjoni, ir-rikorrenti ma setgħux jistennew li, matul il-proċedura, sussegwentement, b’mod partikolari, għall-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ma kinitx ser tibdel l-opinjoni tagħha.

54      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 108 TFUE u tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999

55      It-tieni motiv jikkonċerna l-parti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata li hija intitolata “Valutazzjoni tan-natura ta’ għajnuna eżistenti tal-miżuri”, komposta mill-premessi 48 sa 55. Il-Kummissjoni wieġbet għall-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja fis-sens li l-Liġi Nru 8/2009 ma kinitx tikkostitwixxi bidla sostanzjali tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti, emendata inkonformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ E 8/05, u li għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna ġdida li teżiġi notifika ġdida (ara l-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-premessi 48 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret il-kunċett ta’ għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 108 TFUE u tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 meta kkonstatat li l-bidla tal-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE introdotta permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienet separabbli mill-iskema ta’ finanzjament eżistenti tagħha. Din il-liġi ma setgħetx titqies bħala sempliċi żieda mal-iskema eżistenti. Din il-liġi ma bidlitx sempliċement il-finanzjament ta’ RTVE iżda bidlet ukoll il-funzjoni ta’ servizz pubbliku fdata lil dan l-organu. Issa, skont ir-rikorrenti, hemm rabta bejn il-finanzjament u l-iżvilupp tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li l-bidla tal-finanzjament ta’ RTVE introdotta permezz tal-imsemmija liġi kienet separabbli mill-iskema eżistenti u ma kienx imissha ġiet investigata b’mod awtonomu.

57      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Id-distinzjoni li hija wettqet fid-deċiżjoni kkontestata bejn l-analiżi tal-bidla tal-finanzjament u dik tal-bidla tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku tmur kontra l-prassi deċiżjonali tagħha.

58      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tqis li dan il-motv għandu jiġi miċħud. Il-bidliet introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009 huma separabbli mill-iskema eżistenti. Huma biss il-bidliet li jolqtu s-sostanza, jiġifieri l-funzjonament intrinsiku ta’ skema eżistenti, li huma inseparabbli mill-iskema. Issa, il-bidliet introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kellhomx impatt fuq il-funzjonament tal-iskema ta’ finanzjament eżistenti. L-ewwel nett, it-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 la kellhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-elementi l-oħra tal-għajnuna mogħtija lil RTVE u lanqas fuq l-impatt li l-għajnuna mill-Istat seta’ jkollha fuq is-suq. It-tieni nett, il-fatt li l-miżuri fiskali saħħew l-indipendenza tas-servizz pubbliku la kellu effett fuq il-funzjonament intrinsiku tal-iskema eżistenti u lanqas fuq l-impatt li l-għajnuna mill-Istat seta’ jkollha fuq is-suq. Fl-aħħar nett, l-aġġustamenti tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku introduċew definizzjoni iktar restrittiva tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, sitwazzjoni din li ma kellhiex effett fuq l-eżami tal-kompatibbiltà tagħha u li ma bidlitx il-klassifikazzjoni tal-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE bħala għajnuna eżistenti.

59      Il-Kummissjoni żżid li l-argument ibbażat fuq il-prassi deċiżjonali tagħha huwa ineffettiv peress li l-eżistenza ta’ tali prassi ma jistax ikollha effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunke każ, il-prassi tagħha ma hijiex inkoerenti.

60      F’dan il-kuntest, għandhom jitfakkru, fl-ewwel lok, ir-regoli li jirregolaw il-bidliet ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti qabel ma tiġi eżaminata, fit-tieni lok, il-kwistjoni ta’ jekk, fil-premessi 48 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservatx dawn ir-regoli.

 Fuq ir-regoli li jirregolaw il-bidliet ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti

61      Fir-rigward tar-regoli li jirregolaw il-bidliet ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna ġdida tfisser kull skema ta’ għajnuna jew kull għajnuna individwali li ma tkunx għajnuna eżistenti, inkluża kull bidla ta’ għajnuna eżistenti.

62      Madankollu, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3), mhux kull bidla ta’ għajnuna eżistenti tikkostitwixxi neċessarjament għajnuna ġdida. Fil-fatt, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, il-bidliet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jkunux ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna ma humiex meqjusa bħala bidliet ta’ għajnuna eżistenti. Għaldaqstant, sabiex tikkostitwixxi għajnuna ġdida, il-bidla ta’ għajnuna ġdida għandha tkun sostanzjali.

63      Fil-każ li l-bidla ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti tikkostitwixxi għajnuna ġdida, il-Kummissjoni jkollha teżamina sa fejn din il-bidla taffettwa l-iskema ta’ għajnuna eżistenti. Bħala prinċipju, hija biss il-bidla bħala tali li tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Huwa biss fil-każ li l-bidla taffettwa s-sostanza stess tal-iskema ta’ għajnuna inizjali li din l-iskema ssir skema ta’ għajnuna ġdida. Issa, bidla ma taffettwax is-sostanza stess tal-iskema inizjali meta l-element il-ġdid ikun jista’ jiġi sseparat b’mod ċar mill-iskema inizjali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II-2309, punti 109 sa 111).

64      B’hekk, il-bidla ta’ skema ta’ għajnuna li tipprevedi l-estensjoni ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti għal kategorija ġdida ta’ benefiċjarji hija bidla li tista’ tiġi sseparata b’mod ċar mill-iskema inizjali peress li l-applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti għall-kategorija l-ġdida ta’ benefiċjarji ma taffettwax l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema inizjali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2009, ASM Brescia vs Il-Kummissjoni, T‑189/03, Ġabra p. II-1831, punt 106).

65      F’dan il-kuntest, għandu jiġi speċifikat ukoll li huwa biss sa fejn il-bidla ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti taffettwa s-sostanza ta’ din l-iskema li din tal-aħħar ikollha titqies bħala għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tevalwa biss l-elementi tal-iskema eżistenti li s-sostanza tagħhom kienu affettwati mill-bidla. Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, ma hemm xejn xi jwaqqaf lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq ir-riżultat tal-evalwazzjoni inizjali tagħha u milli teżamina sempliċement jekk din l-evalwazzjoni kinitx affettwata mill-bidla. Fir-rigward tal-obbligu ta’ notifika ta’ Stat Membru, minn dan jirriżulta li, anki fil-każ li miżura ta’ għajnuna ġdida tibdel is-sostanza ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti, l-Istat Membru ma huwiex neċessarjament obbligat jagħmel notifika ġdida tal-iskema ta’ għajnuna kollha iżda jista’ sempliċement jinnotifika biss il-bidla, bil-kundizzjoni li tali notifika tkun tinkludi l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-miżura ġdida ta’ għajnuna.

 Fuq l-approċċ tal-Kummissjoni fil-każ ineżami

66      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat jekk, fil-premessi 48 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservatx ir-regoli li jirregolaw il-bidliet ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti.

67      Fil-premessi 49 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004, hija kellha l-ewwel nett teżamina jekk il-bidla tal-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE introdotta permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kinitx sostanzjali. It-tieni nett, hija kkonstatat li l-bidla mill-iskema ta’ finanzjament imħallat għall-iskema ta’ finanzjament kważi unikament pubbliku ta’ RTVE, magħmula mir-Renju ta’ Spanja permezz tal-adozzjoni tal-imsemmija liġi, kienet bidla sostanzjali u għalhekk kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida. F’dan il-kuntest, hija kkonstatat li l-ammont tal-għajnuna kien żdied b’mod kunsiderevoli u li l-finanzjament marbut mar-reklamar, li ma kienx jikkostitwixxi għajnuna, kien ġie ssostitwit b’finanzjament ipprovdut mill-Istat Spanjol.

68      F’din il-parti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-partijiet, il-Kummissjoni għalhekk sempliċement ħadet pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-bidliet introdotti fl-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kinux jikkostitwixxu għajnuna ġdida (ara l-punt 62 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jikkonċernawx il-kwistjoni tan-natura separabbli tal-bidliet introdotti fl-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE permezz tal-Liġi Nru 8/2009.

69      Fil-premessi 51 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-metodu li hija kellha l-intenzjoni ssegwi fir-rigward tat-trattament ta’ bidla ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti. Wara li għamlet riferiment għall-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 u għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-ewwel sentenza tal-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-aġġustamenti li ma kinux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura lanqas ma kienu jaffettwaw is-sostanza tal-għajnuna u għalhekk ma kinux jibdlu l-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna eżistenti. Fit-tieni u fit-tielet sentenzi tal-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, meta bidla taffettwa s-sostanza ta’ skema, iżda b’mod li ma tkunx meħtieġa evalwazzjoni ġdida tal-elementi l-oħra ta’ din l-iskema, din il-bidla tista’ tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni indipendenti, mingħajr ma jsir riferiment għall-elementi l-oħra tal-iskema u li, f’tali każ, l-obbligu ta’ notifika min-naħa tal-Istat Membru u l-obbligu ta’ investigazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni japplikaw biss għall-bidla.

70      Dawn il-konklużjonijiet ma humiex ivvizzjati bi żball. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 63 u 64 iktar ’il fuq, bidla li ma tkunx ta’ natura li jista’ jkollha impatt fuq l‑evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti minħabba li ma taffettwax is-sostanza ta’ din l-iskema għandha titqies bħala li tista’ tiġi sseparata minn din l-iskema. Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punt 65 iktar ’il fuq, f’każ fejn miżura li għandha titqies bħala għajnuna ġdida tkun ta’ natura li jista’ jkollha impatt fuq l-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna inizjali, ikunu biss l-elementi ta’ din l-iskema li s-sostanza tagħhom tkun affettwata li jsiru għajnuna ġdida.

71      Fil-premessi 53 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat il-metodu msemmi fil-punt 69 iktar ’il fuq.

72      B’hekk, fil-premessi 54 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-bidliet introdotti fl-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kinux separabbli mill-iskema ta’ għajnuna eżistenti.

73      Fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat ir-relazzjoni bejn ir-riżorsi l-ġodda għal RTVE u l-elementi ta’ għajnuna previsti mill-iskema ta’ finanzjament eżistenti tagħha. Wara li kkonfermat li dawn ir-riżorsi l-ġodda kienu sostanzjali u kienu għaldaqstant jikkostitwixxu għajnuna ġdida, hija kkonstatat li dawn ir-riżorsi seta’ jkollhom impatt fuq “il-kompatibilità tal-għajnuna kollha”, u għalhekk anki fuq l-elementi ta’ għajnuna diġà previsti mill-iskema ta’ għajnuna eżistenti favur RTVE.

74      Fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-bidliet kien imisshom ġew formalment innotifikati lilha minħabba l-impatt tagħhom fuq il-kompatibbiltà tal-iskema kollha ta’ finanzjament ta’ RTVE. Hija speċifikat li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida kienet tirreferi biss għall-bidla bħala tali, b’tali mod li hija kienet obbligata tevalwa biss il-kwalità tal-bidliet u l-konsegwenzi tagħhom fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna.

75      Għaldaqstant, fil-premessi 54 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonstatatx li l-elementi l-ġodda ta’ għajnuna introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema ta’ għajnuna eżistenti. Għall-kuntrarju, mill-imsemmija punti jirriżulta b’mod ċar li hija kkunsidrat li l-imsemmija liġi kienet bidlet is-sostanza ta’ wħud mill-elementi tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti.

76      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-Kummissjoni eżaminat l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE kif mibdula permezz tal-Liġi Nru 8/2009, u għalhekk eżaminat l-iskema ta’ għajnuna favur RTVE li ma kinitx tikkonsisti biss fl-elementi l-ġodda ta’ għajnuna introdotti permezz tal-imsemmija liġi iżda wkoll fl-elementi tal-iskema eżistenti li s-sostanza tagħhom kienet inbidlet. B’hekk, minn naħa, fil-premessi 56 sa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni analizzat id-definizzjoni mibdula tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE. Min-naħa l-oħra, fil-premessi 67 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, hija vverifikat jekk, fid-dawl ta’ din il-funzjoni u tal-elementi ta’ għajnuna kollha li minnhom ibbenefikat RTVE, jiġifieri r-riżorsi pubbliċi introdotti permezz ta’ din il-liġi u dawk li kienu diġà previsti mill-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE, kienx hemm riskju ta’ kumpens eċċessiv.

77      Għaldaqstant, mill-premessi 54 u 55 kif ukoll mill-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li l-elementi ta’ għajnuna previsti mil-Liġi Nru 8/2009 kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida li kienet separabbli mill-iskema ta’ għajnuna eżistenti ta’ RTVE.

78      Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa minnu li l-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema attwali ta’ finanzjament ta’ RTVE. F’dan il-kuntest, hija kkonstatat li s-sorsi l-ġodda ta’ finanzjament setgħu jaffettwaw il-legalità tal-iskema bħala tali, iżda li dawn is-sorsi ma kinux jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-elementi l-oħra tal-għajnuna mogħtija lil RTVE u lanqas ma kienu jaffettwaw l-impatt li din l-għajnuna seta’ jkollha fuq is-suq.

79      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, mill-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-elementi ta’ għajnuna previsti mil-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema ta’ għajnuna eżistenti favur RTVE.

80      L-ewwel nett, tali interpretazzjoni ma hijiex evidenti. Fil-fatt, huwa daqstant ieħor possibbli li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu biss għall-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009, u għalhekk għall-aspett fiskali tal-imsemmija liġi. F’dan il-każ, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-imsemmija premessa jkunu jikkonċernaw biss elementi ta’ din il-liġi li, fil-fehma tagħha, ma kinux jagħmlu parti integrali mill-għajnuna u għalhekk ma setax ikollhom impatt fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni (ara l-premessi 61 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestat, li l-fondatezza tagħhom ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv). Huwa daqstant ieħor possibbli wkoll li, f’din il-premessa, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li sempliċement tikkonstata li r-Renju ta’ Spanja kien obbligat jinnotifikalha l-liġi inkwistjoni iżda mhux li jinnotifikalha mill-ġdid l-elementi kollha tal-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 65 iktar ’il fuq).

81      It-tieni nett, għalkemm għandu jingħad li l-portata preċiża tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex kompletament ċara, fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni ta’ din il-premessa magħmula mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda peress li hija kompletament opposta għall-bqija tar-raġunijiet u għall-istruttura ta’ din id-deċiżjoni (ara l-punti 72 sa 77 iktar ’il fuq).

82      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonstatatx li l-bidliet introdotti fl-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida kompletament separabbli minn din l-iskema u setgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami awtonomu. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108 TFUE u l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999.

83      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura separabbli tal-bidla tal-iskema eżistenti

84      Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li, fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni. Skonthom, il-Kummissjoni ma mmotivatx kif waslet għall-konklużjoni li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema attwali ta’ finanzjament ta’ RTVE.

85      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti.

86      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2009, KG Holding et vs Il‑Kummissjoni, T‑81/07 sa T‑83/07, Ġabra p. II‑2411, punti 61 u 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fl-ewwel lok, il-motiv ineżami għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna konstatazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li r-riżorsi pubbliċi l-ġodda introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009 u l-bidla tad-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku kienu separabbli mill-iskema ta’ għajnuna eżistenti. Kif espost fil-punti 71 sa 83 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata ma fihiex tali konstatazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni.

88      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dubju dwar il-portata preċiża tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l‑punti 80 u 81 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li kontradizzjoni li jista’ jkun hemm fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni biss jekk jiġi stabbilit li, minħabba din il-kontradizzjoni, id-destinatarju tal-att ma jkunx jista’ jifhem ir-raġunijiet reali tad-deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, u jekk, minħabba dan il-fatt, id-dispożittiv tal-att ikun, kompletament jew parzjalment, nieqes minn kull sostenn legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2013, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑347/09, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Issa, din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta fil-kawża ineżami. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 72 sa 76 iktar ’il fuq, l-ewwel nett, mill-premessi 54 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-istruttura tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-bidliet introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema ta’ għajnuna eżistenti. F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE, kif mibdula permezz tal-Liġi Nru 8/2009, kienet kompatibbli mas-suq komuni jirriżultaw mill-premessi 56 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni ma eżaminatx biss il-kompatibbiltà tal-elementi l-ġodda ta’ għajnuna introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009 iżda wkoll il-kompatibbiltà tal-elementi ta’ għajnuna mibdula tal-Liġi Nru 17/2006.

90      Fit-tielet lok, anki jekk jitqies li, fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkontradixxiet ruħha fil-konfront tal-bqija tal-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, sitwazzjoni li ma hijiex stabbilita, tali kontradizzjoni ma tistax taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-approċċ u r-raġunijiet reali tal-Kummissjoni jirriżultaw mill-premessi 54 u 55 tal-imsemmija deċiżjoni u mill-istruttura tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinux jagħmlu parti integrali mill-għajnuna

92      Ir-raba’ motiv jirrigwarda r-raġunijiet li jinsabu fil-premessi 61 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni kkonstatat li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinux jagħmlu parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna introdotta permezz ta’ din il-liġi.

93      Ir-rikorrenti jargumentaw li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Kummissjoni, it-tliet miżuri fiskali ġodda introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu jagħmlu parti integrali mill-elementi l-ġodda ta’ għajnuna introdotti permezz ta’ din il-liġi. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat ukoll il-kompatibbiltà tat-tliet miżuri fiskali l-ġodda mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

94      Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma osservatx il-kriterji li jirregolaw ir-relazzjoni bejn miżura ta’ għajnuna u l-finanzjament tagħha. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, b’applikazzjoni tal-kriterji korretti, il-Kummissjoni kien imissha kkonstatat li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu jagħmlu parti integrali mill-elementi ta’ għajnuna introdotti permezz ta’ din il-liġi.

 Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom il-mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna għandu jitqies bħala li jagħmel parti integrali minnha

95      L-ewwel parti tirrigwarda l-premessi 61 sa 63 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-premessa 61, il-Kummissjoni kkonstatat li, skont il-Liġi Nru 8/2009, il-bidla minn skema ta’ finanzjament imħallat ta’ RTVE għal skema ta’ finanzjament kważi esklużivament pubbliku kienet akkumpanjata mill-introduzzjoni jew mill-emenda ta’ tliet miżuri fiskali, li l-għan tagħhom kien li jiġġeneraw id-dħul meħtieġ. Fil-premessa 62, hija fakkret li, fil-każ li taxxa tkun tagħmel parti integrali mill-għajnuna, hija jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-mod ta’ finanzjament tal-għajnuna u tkun tista’ tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern biss jekk l-iskema ta’ għajnuna tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-premessa 63, il-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, huwa meħtieġ li jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna kkonċernati, fis-sens li d-dħul mit-taxxa jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jkollu impatt dirett fuq il-portata tagħha.

96      Ir-rikorrenti jsostnu li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex miżuri fiskali li l-għan tagħhom ikun li tiġi ffinanzjata miżura ta’ għajnuna jkunu jagħmlu parti integrali minn din tal-aħħar, huwa biżżejjed li dawn il-miżuri jkunu allokati lill-benefiċjarju tal-għajnuna. Għall-kuntrarju, ma huwiex neċessarju li miżura fiskali jkollha influwenza diretta fuq il-portata tal-ammont tal-għajnuna. Dan huwa biss indizju wieħed fost diversi indizji oħra.

97      Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tqis li l-kriterji msemmija fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex żbaljati. Skontha, taxxa tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna biss meta jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, li d-dħul mit-taxxa jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u, it-tieni nett, li d-dħul mit-taxxa jinfluwenza direttament il-portata tal-għajnuna.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-Trattat FUE jistabbilixxi delimitazzjoni preċiża bejn, minn naħa, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li huma previsti fl‑Artikoli 107 TFUE sa 109 TFUE, u, min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar id-distorsjonijiet li jirriżultaw minn differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fiskali tagħhom, li huma previsti fl-Artikoli 116 TFUE u 117 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest, C‑174/02, Ġabra p. I-85, punt 24).

99      Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, il-miżuri fiskali li jservu sabiex jiffinanzjaw miżura ta’ għajnuna ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2005, Pape, C‑175/02, Ġabra p. I-127, punt 14, u Streekgewest, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, punt 25).

100    Madankollu, meta l-miżuri fiskali jikkostitwixxu l-mod ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna b’tali mod li jkunu jagħmlu parti integrali minn din il-miżura, il-Kummissjoni ma tistax tissepara l-eżami ta’ għajnuna mill-effetti tal-mod ta’ finanzjament tagħha peress li, f’tali sitwazzjoni, l-inkompatibbiltà tal-mod ta’ finanzjament mad-dritt tal-Unjoni tista’ taffettwa l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna mas-suq komuni (sentenzi Pape, iċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq, punt 14, u Streekgewest, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, punt 25).

101    Fir-rigward tal-kriterji li jirregolaw il-kwistjoni ta’ jekk il-mod ta’ finanzjament tal-għajnuna jagħmilx parti integrali minnha, mill-ġurisprudenza jirriżulta li għandu jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna kkonċernati bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa għandu jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u għandu jkollu impatt dirett fuq il-portata tagħha u, konsegwentement, fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I-5293, punt 46, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Regie Networks, C‑333/07, Ġabra p. I-10807, punt 99).

102    Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li, sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu neċessarjament ikun hemm dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali li timponi l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, taxxa ma tkunx tista’ titqies bħala li hija allokata għal miżura ta’ għajnuna u għaldaqstant ma tikkostitwixxix waħda mill-modalitajiet tagħha. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li jkun hemm tali dispożizzjoni ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li taxxa tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna. Meta jkun hemm tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat, barra minn hekk, jekk id-dħul mit-taxxa jinfluwenzax direttament il-portata tal-għajnuna.

103    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, ma huwiex suffiċjenti, għaldaqstant, li d-dħul minn din it-taxxa jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ din il-miżura ta’ għajnuna.

104    Fir-rigward tal-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti insostenn tal-argumenti tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mis-sentenzi msemmija minnhom ma tista’ tissostanzja t-teżi tagħhom fis-sens li, sabiex jintwera li l-mod ta’ finanzjament jagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna, huwa biżżejjed li jintwera li l-ammont miġbur fuq il-bażi tal-miżura fiskali jiġi allokat lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

105    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li, f’ċerti sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li għandu jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn il-miżuri fiskali u l-miżura ta’ għajnuna u li, meta jkun hemm tali rabta, id-dħul mill-miżura fiskali għandu jinfluwenza direttament il-portata tal-għajnuna.

106    Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mis-sentenzi invokati minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Streekgewest, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, punt 26; Pape, iċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq, punt 15; tal-14 ta’ April 2005, AEM u AEM Torino, C‑128/03 u C‑129/03, Ġabra p. I‑2861, punti 46 u 47, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, Ġabra p. I‑9481, punt 40) ma jistax jiġi dedott li l-influwenza diretta tal-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna ma hijiex kundizzjoni neċessarja iżda biss indizju wieħed fost indizji oħra. Għall-kuntrarju, fis-sentenza Streekgewest, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq (punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx biss jekk kienx hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn il-miżuri fiskali u l-miżura ta’ għajnuna, iżda eżaminat ukoll jekk id-dħul mill-imsemmija miżura fiskali kienx jinfluwenza direttament l-ammont tal-imsemmija miżura ta’ għajnuna.

107    Għandu jitfakkar ukoll li, fis-sentenzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat rabta inseparabbli bejn il-miżura ta’ għajnuna u l-finanzjament tagħha mingħajr ma semmiet b’mod espliċitu r-rekwiżit ta’ influwenza diretta mill-miżura fiskali fuq l-ammont tal-għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C‑261/01 u C‑262/01, Ġabra p. I‑12249, punt 55, u tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse, C‑34/01 sa C‑38/01, Ġabra p. I‑14243, punt 47), dawn kienu jikkonċernaw każijiet fejn din il-kundizzjoni kienet issodisfatta.

108    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li, sabiex il-mod ta’ finanzjament ikun jista’ jitqies bħala li jagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, kellu jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna kkonċernata, fis-sens li d-dħul mit-taxxa kellu jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jinfluwenza direttament il-portata tagħha.

109    Għaldaqstant l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet

110    It-tieni parti tikkonċerna l-premessi 64 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi kkonstatat li l-mod ta’ finanzjament kien jagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna ma kinux issodisfatti fil-każ ineżami.

111    Fil-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE kien iffissat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ RTVE u l-ispejjeż netti stmati tal-provvista tas-servizz pubbliku ta’ xandir. Fil-prattika u skont il-liġi, il-finanzjament li tirċievi RTVE huwa indipendenti mid-dħul mit-taxxi peress li jiddependi biss mill-ispejjeż netti tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Il-finanzjament globali previst għall-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE ma jiddependix mill-ammont tad-dħul fiskali speċifiku, iżda joħroġ, fi kwalunkwe każ, mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li d-dħul mit-taxxi li jkun allokat għall-finanzjament ta’ RTVE ma setax jaqbeż l-ispejjeż netti tal-obbligu ta’ servizz pubbliku, filwaqt li d-dħul li jaqbeż dawn l-ispejjeż kellu jiġi allokat lura lill-baġit ġenerali. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li, fil-każ li l-ispejjeż netti tal-obbligu ta’ servizz pubbliku jkunu superjuri għad-dħul mit-taxxi, id-differenza kellha tiġi koperta permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn dan il-baġit ġenerali. L-ammont ogħla jew inqas ta’ dan id-dħul ma jwassalx għal bidliet fir-rigward tal-ammonti previsti. Fil-każ li d-dħul mill-bażijiet ġodda ta’ taxxa jirriżulta insuffiċjenti sabiex jagħmel tajjeb għad-defiċit fil-finanzjament ikkawżat minħabba t-tneħħija tar-reklamar, l-istess baġit ġenerali għandu jipprovdi r-riżorsi neċessarji, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006.

112    Barra minn hekk, fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li r-rabta bejn it-taxxi u l-għan tal-introduzzjoni tagħhom tissemma fid-dikjarazzjoni tal-motivi u fil-Liġi Nru 8/2009 stess ma għandu ebda impatt fuq din il-konklużjoni. In-natura tar-rabta bejn it-taxxi u l-għajnuna ma hijiex iddefinita fit-test tal-imsemmija liġi.

113    Fl-aħħar nett, fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinux jagħmlu parti integrali mill-għajnuna u li, għalhekk, in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma kien ser ikollu ebda impatt fuq id-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern.

114    Ir-rikorrenti jqisu li dawn il-konstatazzjonijiet huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni kien imissha kkonstatat li t-taxxa imposta permezz tal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 8/2009 kienet tagħmel parti integrali mill-elementi ta’ għajnuna introdotti permezz tal-imsemmija liġi.

115    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li mill-Artikolu 5(1) u (7) tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li d-dħul miskub minn din il-kontribuzzjoni għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ RTVE u għalhekk ma huwiex, essenzjalment, maħsub għal finalitajiet oħra. Il-perċentwali applikabbli għall-persuni suġġetti għat-tliet miżuri fiskali ġodda introdotti jew emendati permezz tal-imsemmija liġi kienu barra minn hekk iddeterminati b’tali mod li l-Istat Spanjol ikun jista’ jiġbor ammont li jippermettilu jkopri d-defiċit li jirriżulta mit-tneħħija tar-reklamar.

116    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Kummissjoni, ir-rabta bejn il-miżuri fiskali l-ġodda u l-miżura ta’ għajnuna ddestinata għal RTVE ma hijiex miksura. Fl-ewwel lok, mill-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 ma jistax jiġi dedott li jeżisti obbligu għall-Istat Spanjol li jipprovdi r-riżorsi neċessarji għal RTVE. Fit-tieni lok, garanzija mill-Istat Spanjol hija biss supplimentari u ipotetika, kif huwa kkonfermat, minn naħa, mill-ilmenti ta’ RTVE, fis-sens li n-nuqqasijiet ta’ ħlas mill-operaturi privati u l-kalkolu żbaljat tal-kontribuzzjonijiet tagħhom jikkawżawlha problema ta’ likwidità, u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li, fil-prattika, l-Istat Spanjol ma huwiex lest li jissodisfa tali garanzija. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka b’mod effettiv il-fatt li l-ammonti eċċessivi ser jerġgħu jiġu allokati lill-baġit tal-Istat Spanjol. Minn naħa, l-ammont totali tad-dħul mit-taxxi huwa allokat obbligatorjament għall-finanzjament ta’ RTVE sal-ammont massimu previst. Min-naħa l-oħra, allokazzjoni lill-baġit tal-Istat Spanjol hija biss possibbiltà pjuttost teoretika u fi kwalunkwe każ reżidwali peress li l-Liġi Nru 8/2009 tipprevedi l-ħolqien ta’ fondi ta’ riżerva kkostitwit minn dħul li jaqbeż l-ispejjeż netti reali tal-obbligu ta’ servizz pubbliku.

117    Fi kwalunkwe każ, sabiex turi li l-miżura fiskali prevista fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinitx tagħmel parti integrali mill-għajnuna, il-Kummissjoni kien imissha wriet li, anki fl-ipoteżi li t-taxxa tkun illegali, kien hemm impenn mill-Istat Spanjol li jiffinanzja l-baġit kollu ta’ RTVE. Issa, mill-imsemmija liġi jirriżulta li l-operaturi privati kellhom ibatu l-oneru ekonomiku tal-finanzjament ta’ RTVE.

118    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tikkontesta dawn l-argumenti.

119    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sabiex juru li t-taxxa imposta permezz tal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 8/2009 kienet tagħmel parti integrali mill-elementi ta’ għajnuna introdotti permezz tal-imsemmija liġi, ir-rikorrenti jressqu l-ewwel nett argumenti maħsuba sabiex juru li kien hemm rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn din il-miżura fiskali u l-finanzjament ta’ RTVE.

120    Issa, kif ġie espost fil-punti 101 sa 108 iktar ’il fuq, sabiex miżura fiskali tkun tagħmel parti integrali mill-għajnuna, ma huwiex biżżejjed li jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn il-miżura fiskali u l-miżura ta’ għajnuna. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi stabbilita influwenza diretta mill-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna.

121    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li wħud mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti jistgħu jinftiehmu bħala li ma jikkonċernawx biss il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn il-miżura fiskali u l-finanzjament ta’ RTVE, iżda wkoll dik marbuta mal-prova tal-influwenza diretta mill-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna.

122    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fis-sens li d-dħul mit-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma jinfluwenzax direttament il-portata tal-għajnuna mogħtija lil RTVE.

123    F’dan ir-rigward għandu jingħad li, skont il-Liġi Nru 8/2009, l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE huwa ffissat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż netti tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir li kienet fdata lilha. Għaldaqstant, l-ammont tal-għajnuna li RTVE tirċievi ma jiddependix mill-ammont miġbur fuq il-bażi tal-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-imsemmija liġi.

124    Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009, fl-eventwalità li d-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE jkun iktar mill-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, dan l-eċċess għandu jiġi allokat lura. Sa fejn ma jaqbiżx l-10 % tal-ispejjeż annwali stmati ta’ RTVE, dan l-eċċess għandu jitqiegħed f’fondi ta’ riżerva, u, sa fejn jaqbeż dan il-limitu, dan l-eċċess għandu jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku.

125    Fir-rigward tal-kapital imqiegħed fil-fondi ta’ riżerva, mill-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li dan il-kapital jista’ jintuża biss bl-awtorizzazzjoni espliċita tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Spanjol u li, jekk ma jintużax matul erba’ snin, dan il-kapital għandu jintuża sabiex jitnaqqas il-kumpens li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol. Għaldaqstant, il-kapital imqiegħed fil-fondi ta’ riżerva ma jistax jitqies bħala li jinfluwenza direttament il-portata tal-għajnuna mogħtija lil RTVE.

126    Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jipprevedi limitu assolut għad-dħul ta’ RTVE, li huwa ta’ EUR 1 200 miljun għas-snin 2010 u 2011. Kull ammont li jaqbeż dan il-limitu għandu jiġi allokat direttament lura lill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol.

127    Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009, fl-eventwalità li d-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE ma jkunx biżżejjed sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, id-differenza għandha tiġi koperta permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol.

128    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-ammont miġbur fuq il-bażi tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma setax jinfluwenza direttament l-ammont tal-għajnuna li tirċievi RTVE, li kien iddeterminat fuq il-bażi tal-ispejjeż netti tal-provvista tas-servizz pubbliku ta’ xandir.

129    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ jirribatti din il-konstatazzjoni.

130    L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu maħsuba b’mod li jpattu għat-telf tad-dħul kummerċjali ta’ RTVE (ara l-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata) ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li l-mod ta’ finanzjament jagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dan il-fatt ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jitnwera li hemm rabta vinkolanti bejn it-taxxa u l-vantaġġ fiskali (sentenza Streekgewest, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, punti 26 u 27).

131    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti fis-sens li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat, fil-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li mill-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 seta’ jiġi dedott li kien hemm obbligu għall-Istat Spanjol li jagħmel tajjeb għad-differenza bejn l-ispejjeż sostnuti għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, minn naħa, u l-mezzi finanzjarji għad-dispożizzjoni ta’ RTVE, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jipprevedi espliċitament tali obbligu u li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 33(1) tal-Liġi Nru 17/2006, li wkoll jipprevedi tali obbligu.

132    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk tali obbligu jeżisti teoretikament, fil-prattika l-Istat Spanjol ma huwiex lest li jikkompleta l-baġit ta’ RTVE permezz ta’ fondi provenjenti mill-baġit ġenerali tiegħu.

133    Dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

134    Fil-fatt, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att. Għaldaqstant, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati unikament fid-dawl ta’ dawk l-elementi biss li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta għamlithom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7).

135    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqu ebda element li jista’ juri li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha informazzjoni li turi li l-Istat Spanjol ma kienx lest jikkompleta l-baġit ta’ RTVE skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009. Fil-fatt, id-dokumenti li huma ppreżentaw f’dan ir-rigward huma kollha sussegwenti għall-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri wara l-20 ta’ Lulju 2010.

136    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li miżura fiskali maħsuba sabiex tiġi ffinanzjata miżura ta’ għajnuna tista’ titqies bħala li ma tagħmilx parti integrali minn din il-miżura biss fil-każ li l-Kummissjoni turi li, fl-eventwalità li l-miżura fiskali tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat jimpenja ruħu li jiffinanzja t-totalità tal-miżura ta’ għajnuna.

137    Dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

138    Huwa minnu li, f’każ li, skont iż-żewġ kriterji msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri l-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn il-miżura fiskali u l-finanzjament ta’ RTVE u l-kundizzjoni marbuta mal-prova tal-influwenza diretta mill-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna, il-miżura fiskali jkollha titqies bħala li tagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna — bħal fil-każ ta’ miżura parafiskali, fejn l-ammont kollu tad-dħul miġbur mit-taxxa, jew parti determinanti minnu, jiġi allokat lill-benefiċjarju tal-għajnuna b’mod dirett u inkundizzjonat — l-inkompatibbiltà tal-aspett fiskali jkollha impatt dirett fuq il-miżura ta’ għajnuna. Fil-fatt, f’tali każ, l-inkompatibbiltà totali jew parzjali tal-aspett fiskali tal-miżura parafiskali jkollha l-konsegwenza li twaqqaf il-miżura ta’ għajnuna jew li tnaqqas l-ammont tagħha.

139    Madankollu, fil-każ ineżami, l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 kienu jipprovdu li, jekk is-sorsi finanzjarji ma jkunux suffiċjenti sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha ta’ RTVE previsti fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha, l-Istat Spanjol kien obbligat jagħmel tajjeb għal din id-differenza. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-ammont tal-għajnuna ma kienx jiddependi direttament mill-miżura fiskali.

140    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat ġustament li l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE ma kienx jiddependi direttament mill-ammont miġbur fuq il-bażi tal-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009.

141    Kif ġie espost fil-punt 120 iktar ’il fuq, sabiex it-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 jkunu jistgħu jitqiesu bħala li jagħmlu parti integrali mill-element ta’ għajnuna introdott permezz tal-imsemmija liġi, il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn il-miżura fiskali u l-miżura ta’ għajnuna u l-kundizzjoni marbuta mal-prova tal-influwenza diretta mill-imsemmija miżura fiskali fuq il-portata tal-imsemmija miżura ta’ għajnuna huma kundizzjonijiet kumulattivi.

142    Peress li t-tieni kundizzjoni ma hijiex issodisfatta, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex juru li hemm rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn il-miżura fiskali prevista fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 8/2009 u l-finanzjament ta’ RTVE, peress li dawn l-argumenti huma ineffettivi.

143    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

144    Il-ħames motiv jikkonċerna r-raġunijiet li jinsabu fil-premessi 67 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx jeżisti riskju ta’ kumpens eċċessiv u kkonkludiet li ma kien hemm xejn x’jindika li l-kumpens annwali stmat għall-obbligu ta’ servizz pubbliku li bih kienet inkarigata RTVE ser jaqbeż l-ispejjeż raġonevolment prevedibbli ta’ dan is-servizz jew ser jaqbeż fl-aħħar mill-aħħar l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku. Fil-premessa 71, il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“[...] Spanja uriet li l-ippjanar baġitarju jibqa’ konformi mal-ispejjeż ibbaġitjati kull sena ta’ RTVE fis-snin preċedenti u li mhemmx raġuni biex wieħed jassumi li issa, jew fil-ġejjieni qrib, jista’ jsir xi tfaddil konsiderevoli mill-ispejjeż sempliċiment minħabba t-tneħħija tar-reklamar. RTVE sejra tkompli tkun meħtieġa tattira udjenza kbira, u t-tneħħija tar-reklami sejra toħloq il-ħtieġa ta’ produzzjonijiet addizzjonali li jridu jiġu ffinanzjati. Imqabbla maċ-ċifri tas-snin preċedenti (EUR 1 177 miljun fl-2007, EUR 1 222 miljun fl-2008 u EUR 1 146 miljun fl-2009) u meta titqies l-ispiża addizzjonali tal-produzzjonijiet (EUR 104 miljun) meħtieġa għas-sostituzzjoni għall-ħin għall-wiri tar-reklami, id-dħul kummerċjali li jibqa’ (stmat li huwa EUR 25 miljun biss), il-limitu ta’ EUR 1 200 miljun għall-ippjanar tal-ispejjeż baġitarji jidher ammont kawt u raġonevoli għall-ispejjeż annwali bbaġitjati tal-kumpens ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kumpens għall-ispejjeż netti effettivi ta’ xandar pubbliku jeħtieġ bilfors li dan ikun protett mill-varjazzjonijiet fid-dħul mis-suq tar-reklamar.”

145    Il-ħames motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet ibbażati, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

146    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 106(2) TFUE meta awtorizzat l-iskema finanzjarja ta’ RTVE mingħajr ma żgurat li din l-iskema ma kinitx timplika riskju ta’ kumpens eċċessiv.

147    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx kontroll ex ante suffiċjentement iddettaljat, iżda bbażat ruħha fuq sempliċi indizji. Fit-tieni lok, huma jargumentaw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kriżi ekonomika kienet ikkawżat tnaqqis fid-dħul kummerċjali fl-2010 u għalhekk tnaqqis fid-dħul globali ta’ RTVE.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ kontroll suffiċjentement iddettaljat

148    Ir-rikorrenti jargumentaw li, sabiex tiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ kumpens eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tikseb informazzjoni ddettaljata u għandha tesponi b’mod ċar ir-raġunament tagħha dwar l-assenza ta’ kumpens eċċessiv. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq sempliċi indizji. Issa, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni sempliċemenet qabblet il-baġit li kellha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE taħt l-iskema ta’ finanzjament imħallat mal-baġit li għandha għad-dispożizzjoni tagħha taħt l-iskema ta’ finanzjament kważi unikament pubbliku introdotta permezz tal-Liġi Nru 8/2009. Skont ir-rikorrenti, dan l-approċċ huwa żbaljat peress li l-ispejjeż reali sostnuti minn RTVE sabiex tipprovdi s-servizz pubbliku skont il-Liġi Nru 8/2009 kienu naqsu. Peress li RTVE saret operatur li ma kinitx għadha suġġetta għall-pressjoni kummerċjali marbuta mal-parteċipazzjoni fis-suq tar-reklamar, hija tista’ tipproponi skema ta’ programmi differenti u mhux ser ikollha tinvesti tant riżorsi għall-akkwist ta’ drittijiet. Għaldaqstant, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata sempliċement li RTVE kienet ser tibqa’ obbligata tattira numru kbir ta’ telespettaturi u li RTVE kienet ser issostni spejjeż ta’ produzzjoni supplimentari ta’ EUR 104 miljuni sabiex jimtela l-ħin ta’ xandir li nħeles bit-tneħħija tar-reklamar. Barra minn hekk, is-sempliċi eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll ex post ma hijiex suffiċjenti sabiex teskludi riskju ta’ kumpens eċċessiv.

149    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tikkontesta dawn l-argumenti.

150    F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jitfakkar il-kontenut tal-Artikolu 106(2) TFUE, kif ukoll il-kuntest legali tiegħu.

151    Skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-impriżi responsabbli sabiex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali għandhom ikunu suġġetti għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjoni speċifika mogħtija lilhom. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-kummerċ ma għandux jiġi żviluppat b’mod li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni.

152    Sabiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE, il-kundizzjonijiet segwenti għandhom ikunu ssodisfatti: minn naħa, l-operatur ikkonċernat għandu jkun inkarigat b’funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali permezz ta’ att tal-awtorità pubblika li jiddefinixxi b’mod ċar l-obbligi ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali inkwistjoni; min-naħa l-oħra, l-imsemmi operatur ma għandux jirċievi kumpens eċċessiv u l-finanzjament mill-Istat ma għandux jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq estern b’mod sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punti 181 u 222).

153    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma humiex qegħdin jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sens li RTVE hija inkarigata b’funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali permezz ta’ att tal-awtorità pubblika u li dan l-att jiddefinixxi b’mod ċar l-obbligi ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali.

154    Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jqisu li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li ma hemm xejn li jindika li l-kumpens annwali stmat għall-obbligu ta’ servizz pubbliku li bih hija inkarigata RTVE ser jaqbeż l-ispejjeż raġonevolment prevedibbli ta’ dan is-servizz jew ser jaqbeż fl-aħħar mill-aħħar l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku, hija vvizzjata bi żball minħabba li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti r-riskju ta’ kumpens eċċessiv.

155    Qabel jiġi eżaminat dan l-ilment, għandhom jitfakkru l-prinċipji li jirregolaw l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi u, b’mod iktar speċifiku, fil-qasam tas-servizzi ta’ xandir.

156    Skont l-Artikolu 14 TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jiffunzjonaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u f’kundizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li dawn il-prinċipji u dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li, b’osservanza tat-Trattati, jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi.

157    Mill-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, jirriżulta li wieħed mill-valuri komuni tal-Unjoni dwar dawn is-servizzi huwa r-rwol essenzjali u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali.

158    Skont il-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku tal-Istati Membri, li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, is-servizz pubbliku ta’ xandir fl-Istati Membri huwa marbut direttament mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jitħares il-pluraliżmu tal-mezzi tax-xandir. Minn dan il-protokoll jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE għandhom ikunu bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament tas-servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament jingħata lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, iddefinita u organizzata minn kull Stat Membru u sa fejn dan il-finanzjament ma jaffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni b’mod li jmur kontra l-interess komuni, bil-kundizzjoni li jittieħed inkunsiderazzjoni t-twettiq tal-mandat ta’ dan is-servizz pubbliku.

159    Minn dan isegwi li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kumpens għat-twettiq ta’ servizz pubbliku ta’ xandir (ara, b’analoġija, is-sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 152 iktar ’il fuq, punt 220).

160    Għaldaqstant, il-kontroll mill-Kummissjoni fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-kumpens huwa limitat (ara, b’analoġija, is-sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 152 iktar ’il fuq, punt 220).

161    Fir-rigward tal-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tkopri fatti ekonomiċi kumplessi. Għaldaqstant, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa saħansitra iktar limitat mill-kontroll tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżura tal-Istat Membru kkonċernat. L-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali huwa limitat għal verifika ta’ jekk il-kumpens previst huwiex neċessarju sabiex il-funzjoni ta’ servizz ta’ interess ġenerali inkwistjoni tkun tista’ twettaq f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli jew, mill-banda l-oħra, jekk il-miżura inkwistjoni hijiex manifestament inadegwata meta kkunsidrata fid-dawl tal-għan segwit (ara, b’analoġija, is-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 152 iktar ’il fuq, punti 221 u 222).

162    Fir-rigward tal-ilment imressaq mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li dawn sempliċement jinvokaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx ir-riskju ta’ kumpens eċċessiv b’mod adegwat minħabba li ma eżaminatx b’mod suffiċjentement iddettaljat jekk l-ammont ta’ EUR 1 200 miljun previst fl-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 kienx jikkorrispondi għall-ispejjeż sostnuti minn RTVE għat-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku tagħha.

163    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti qegħdin jikkontestaw biss wieħed mill-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti mill-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE, filwaqt li din l-iskema tipprevedi sensiela sħiħa ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll maħsuba sabiex jiżguraw li RTVE tirċievi biss il-mezzi li huma neċessarji sabiex twettaq il-funzjoni tagħha.

164    F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li d-dimensjoni ekonomika tal-attività ta’ RTVE hija ddeterminata fid-dawl tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma fdati lilha. B’hekk, mill-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li l-attività ta’ RTVE hija ddeterminata minn funzjoni qafas, approvata mill-awtorità leġiżlattiva għal perijodu ta’ disa’ snin [ara l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 17/2006], u minn programmi kuntrattwali, li jikkonkretizzaw il-funzjoni qafas, approvati mill-Gvern għal perijodu ta’ tliet snin [ara l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 17/2006]. Dawn l-atti għandhom jinkludu indikazzjonijiet dwar id-dimensjoni ekonomika tal-attività ta’ RTVE kif ukoll dwar il-limiti ta’ kemm tista’ tikber din id-dimensjoni kull sena, liema dimensjoni ekonomika għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi ta’ servizz pubbliku li ġew fdati lilha.

165    It-tieni nett, għandu jitfakkar li s-sorsi ta’ finanzjament ta’ RTVE huma maħsuba b’mod li jeskludu kumpens eċċessiv. Kif ġie espost fil-punti 6 sa 9 iktar ’il fuq, RTVE hija ffinanzjata minn sorsi differenti, li huma elenkati fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 8/2009. Is-sorsi prinċipali huma, minn naħa, id-dħul mit-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Artikoli 4 sa 6 tal-imsemmija liġi u, min-naħa l-oħra, il-kumpens annwali mogħti mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol, li jissemma fl-Artikolu 2(1)(a) tal-istess liġi. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens annwali tippermetti għalhekk li jiġi aġġustat l-ammont stmat tad-dħul li RTVE ser ikollha għad-dispożizzjoni tagħha għal sena finanzjarja partikolari. Issa, fir-rigward tal-ammont tal-kumpens annwali, l-Artikolu 33(1) tal-Liġi Nru 17/2006 jipprovdi li dan il-kumpens għandu jiġi ddeterminat b’tali mod li s-somma ta’ dan il-kumpens flimkien mad-dħul l-ieħor li għandha RTVE ma tkunx superjuri għall-ispejjeż tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li hija għandha twettaq matul is-sena baġitarja inkwistjoni.

166    Barra minn hekk, l-Artikolu 33(2) tal-Liġi Nru 17/2006, kif emendat bil-Liġi Nru 8/2009, jipprovdi li, jekk, mal-għeluq ta’ sena finanzjarja, jiġi kkonstatat li l-kumpens li RTVE tkun irċeviet ikun superjuri għall-ispejjeż netti sostnuti fir-rigward tat-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ xandir matul is-sena finanzjarja inkwistjoni, l-eċċess li ma jitqegħidx fil-fondi ta’ riżerva jitnaqqas mis-somom assenjati fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol għas-sena finanzjarja segwenti.

167    Fl-aħħar nett, l-iskema finanzjarja ta’ RTVE tipprevedi wkoll elementi ta’ kontroll ex post. Kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE tipprevedi, l-ewwel nett, mekkaniżmi ta’ kontroll baġitarju li jikkonsistu f’verifika interna, f’eżami mwettaq mill-kontroll ġenerali tal-amministrazzjoni tal-Istat Spanjol u minn verifika esterna mwettqa minn impriża privata speċjalizzata, it-tieni nett, kontroll tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku u tal-kontijiet annwali ta’ RTVE mill-Parlament Spanjol u mill-awtorità awdjoviżiva Spanjola u, it-tielet nett, kontroll mill-Qorti tal-awdituri Spanjola.

168    Huwa minnu li l-mekkaniżmi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 164 sa 167 iktar ’il fuq għandhom natura astratta. Madankollu, għandu jitfakar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkontrollat il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna. Għaldaqstant, hija setgħet tillimita l-kontroll tagħha biss għal jekk kienx hemm mekkaniżmi ta’ kontroll suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-ammont totali tal-għajnuna li RTVE tirċievi għal sena finanzjarja partikolari skont din l-iskema ma jaqbiżx l-ispejjeż netti tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz ta’ xandir li biha kienet inkarigata.

169    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jressqux argumenti li jikkontestaw speċifikament in-natura effettiva tal-mekkaniżmi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 164 sa 167 iktar ’il fuq. Sa fejn jargumentaw li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx tirreferi għad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha fir-rigward tal-finanzjament ta’ RTVE, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kienet obbligata biss teżamina l-kompatibbiltà tal-elementi tal-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE sa fejn dawn kienu affetwati mil-Liġi Nru 8/2009 (ara l-punt 65 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, sa fejn in-natura effettiva tal-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti fl-iskema ta’ finanzjament preċedenti ta’ RTVE ma kinitx mittiefsa mill-emendi introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009, ma kien hemm xejn xi jwaqqaf lill-Kummissjoni milli tirreferi għall-analiżi preċedenti tagħha ta’ dawn il-mekkaniżmi.

170    Fit-tieni lok, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-ilmenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi eżaminata, qabel jiġi analizzat jekk il-kontroll eżerċitat mill-Kummissjoni kienx insuffiċjenti, il-funzjoni tal-ammont ta’ EUR 1 200 miljun previst fl-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009.

171    Fir-rigward tal-funzjoni tal-ammont ta’ EUR 1 200 miljun, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma approvatx skema ta’ finanzjament li permezz tagħha, għal sena finanzjarja partikolari, RTVE jkollha għad-dispożizzjoni tagħha baġit b’dan l-ammont. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 164 sa 167 iktar ’il fuq, il-Liġi Nru 8/2009 tipprevedi mekkaniżmi maħsuba sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna favur RTVE tikkorrispondi għall-ispejjeż netti tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha. B’hekk, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jipprevedi limitu assolut ta’ EUR 1 200 miljun għall-baġit ta’ RTVE, u għalhekk limitu li ma jistax jinqabeż minkejja li l-baġit ta’ RTVE seta’ jkun ogħla li kieku l-uniku kriterju rilevanti kien dak tal-ispejjeż tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha. Skont dan il-limitu, il-baġit ta’ RTVE ma jistax jaqbeż l-ammont massimu ta’ EUR 1 200 miljun, iżda jista’ jkun inqas meta l-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku għal sena finanzjarja partikolari jkunu inqas.

172    Minn dan isegwi, l-ewwel nett, li għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-argumenti li l-ispejjeż ta’ RTVE għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu eventwalment ikunu inqas mill-ammont ta’ EUR 1 200 miljun. Fil-fatt, il-mekkaniżmi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 164 sa 167 iktar ’il fuq jiżguraw li, f’tali każ, l-ammont tal-għajnuna għal sena finanzjarja partikolari ser ikun limitat għall-ispejjeż netti sostnuti fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ xandir.

173    It-tieni nett, fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-intensità insuffiċjenti tal-kontroll tal-Kummissjoni fir-rigward tal-limitu massimu ta’ EUR 1 200 miljun, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kumpens għat-twettiq ta’ servizz pubbliku ta’ xandir u li, fir-rigward tal-kontroll tan-natura proporzjonata tal-kumpens għal obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, il-kontroll mill-Kummissjoni huwa limitat u l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa saħansitra iktar limitat (ara l-punti 159 sa 161 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali huwa limitat għal eżami ta’ jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

174    Issa, fil-kawża ineżami, ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ juri li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li limitu massimu ta’ EUR 1 200 miljun kien jidher li huwa kawt u raġonevoli, kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

175    L-ewwel nett, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont ta’ EUR 1 200 miljun kien jikkorrispondi għall-baġit medju li kellha RTVE taħt l-iskema ta’ finanzjament imħallat.

176    It-tieni nett, mill-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, minn naħa, ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ spejjeż supplimentari ta’ EUR 104 miljuni sabiex jimtela l-ħin ta’ xandir li qabel kien irriżervat għar-reklamar u l-ispejjeż iġġenerati mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku supplimentari fil-qasam ta’ programmi imposti fuq RTVE permezz tal-Liġi Nru 8/2009 u, min-naħa l-oħra, ikkonstatat li ma kien hemm xejn li seta’ jagħti x’jifhem li t-tneħħija tar-reklamar seta’ kellha bħala konsegwenza tnaqqis kunsiderevoli fl-ispejjeż effettivi ta’ RTVE.

177    Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex manifestament żbaljati. Fil-fatt, ma huwiex stabbilit li l-ispejjeż għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku sostnuti minn RTVE kienu ser ikunu sostanzjalment inqas mill-ispejjeż li hija kienet sostniet taħt l-iskema prevista mil-Liġi Nru 17/2006. Huwa minnu li, fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-fatt li RTVE rtirat mis-suq tar-reklamar seta’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, billi tagħmel l-iskeda tal-programmi inqas dipendenti fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali u fuq varjazzjonijiet fid-dħul kummerċjali. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li RTVE saret operatur li ma kinitx għadha suġġetta għall-pressjoni kummerċjali marbuta mal-parteċipazzjoni fis-suq tar-reklamar ma jippermettix li tinstilet il-konklużjoni li RTVE kienet ser tkun tista’ tipproponi skeda ta’ programmi differenti li tippermettilha topera bi spejjeż sostanzjalment inqas. Fil-fatt, l-Artikolu 106(2) TFUE ma jipprekludix li Stat jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir li jippermetti lix-xandar pubbliku jipprovdi skeda ta’ programmi bbilanċjata u varjata filwaqt li jżomm ċertu rata ta’ telespettaturi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra p. II-1161, punt 201).

178    It-tielet nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manfiest ta’ evalwazzjoni minħabba li lanqas ma eżaminat jekk il-bidla għal sistema ta’ finanzjament kważi esklużivament pubbliku u l-emenda tal-obbligi ta’ servizz pubbliku setgħux ikollhom effetti fuq l-ispejjeż sostnuti minn RTVE. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-ammont ta’ EUR 1 200 miljun previst fl-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jikkostitwixxi biss limitu massimu għall-baġit ta’ RTVE u fid-dawl tal-fatt li l-mekkaniżmi esposti fil-punti 164 sa 167 iktar ’il fuq jiżguraw li l-ammont tal-għajnuna għal RTVE ma jaqbiżx l-ispejjeż netti tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq eżami iktar iddettaljat.

179    Ir-raba’ nett, sa fejn ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kien imissha rreaġixxiet għall-osservazzjonijiet ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess qajmet dubji dwar il-proporzjonalità tal-miżura iżda kkonkludiet, wara l-eżami tagħha, li ma kienx hemm riskju ta’ kumpens eċċessiv. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li ma eżaminatx fid-dettall l-osservazzjonijiet kollha ta’ natura kritika magħmula mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali dwar abbozz ta’ liġi ma jistax, fih innifsu, juri żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, b’mod partikolari meta jkun involut qasam li fih l-Istati Membri jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-kontroll tal-Kummissjoni jkun limitat.

180    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrewx li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li limitu massimu ta’ EUR 1 200 miljun kien jidher li huwa kawt u raġonevoli, kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

181    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ kontroll ex ante suffiċjentement iddettaljat għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fid-dħul kummerċjali

182    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kriżi ekonomika kkawżat tnaqqis fid-dħul kummerċjali fl-2010 u għalhekk tnaqqis fid-dħul globali ta’ RTVE.

183    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tikkontesta dan l-argument.

184    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki taħt l-iskema ta’ finanzjament imħallat stabbilita permezz tal-Liġi Nru 17/2006, il-kriterju għad-determinazzjoni tal-baġit ta’ RTVE ma kienx l-ammont tad-dħul kummerċjali iżda l-ispejjeż fir-rigward tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt l-iskema ta’ finanzjament imħallat, il-kumpens baġitarju mill-Istat Spanjol għas-sena 2009 kien diġà żdied minħabba l-fatt li t-tnaqqis tad-dħul mir-reklamar ta’ RTVE kien beda jinħass matul dik is-sena.

185    Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, taħt l-iskema ta’ finanzjament imħallas, id-dħul kummerċjali ta’ RTVE mill-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar kien naqas, ma jistax juri li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

186    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll u, għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

187    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE. Minn naħa, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-konstatazzjoni fis-sens li ma kienx hemm riskju ta’ kumpens eċċessiv. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ddeċidietx b’mod suffiċjenti fir-rigward tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li skonthom irriżultaw mill-obbligi li jsiru l-kontribuzzjonijiet introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-assenza ta’ riskju ta’ kumpens eċċessiv

188    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-raġunijiet tal-assenza ta’ riskju ta’ kumpens eċċessiv. L-ewwel nett, hija kien imissha rreaġixxiet iktar għall-osservazzjonijiet ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali dwar dubji ta’ kumpens eċċessiv. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda informazzjoni speċifika dwar il-pjan kummerċjali ta’ RTVE għas-snin li ġejjin, u lanqas dwar l-ispejjeż netti għall-provvista tas-servizz pubbliku. Minbarra r-raġunament qasir ħafna tal-Kummissjoni riprodott fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemm ebda preċiżazzjoni oħra li tippermetti li jiġu ddeterminati l-elementi li fuqhom kien ibbażat ir-raġunament tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li għalihom huwa imposibbli li jippreżentaw, fuq il-bażi tad-deċiżjoni, osservazzjonijiet oħra għajr dawk li huma fformulaw fir-rikors. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tirreferi għall-motivazzjoni mogħtija f’deċiżjoni preċedenti dwar RTVE.

189    Il-Kummissjoni, sostnuta minn RTVE, tqis li, fil-premessi 67 sa 69 u 71 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, hija mmotivat suffiċjentement il-konklużjoni tagħha fis-sens li ma kienx hemm indizji ta’ kumpens eċċessiv.

190    Fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni mfakkra fil-punt 86 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti.

191    Fil-fatt, l-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li fuqha l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li ma kienx hemm riskji ta’ kumpens eċċessiv ma kinitx limitata għall-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-premessi 67 sa 73 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet ukoll riferiment għall-mekkaniżmi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 164 sa 167 iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li, fil-premessi 14, 16 u 17 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet ukoll riferiment għal dawn il-mekkaniżmi.

192    It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura astratta ta’ wħud minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa biżżejjed li jitfakkar li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni sempliċement approvat skema ta’ għajnuna li tippermetti li RTVE tibbenefika minn għajnuna li tikkorrispondi għall-ispejjeż netti tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha u li l-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna b’ammont ta’ EUR 1 200 miljun.

193    Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kien imissha rreaġixxiet għall-osservazzjonijiet ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tkun immotivat suffiċjentement deċiżjoni jekk din turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, iżda li ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha. Wara li semmiet, fil-premessi 67 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn il-miżura kienet proporzjonali, il-Kummissjoni ma kinitx għalhekk meħtieġa twieġeb speċifikament għall-osservazzjonijiet kollha ta’ natura kritika magħmula mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali dwar abbozz ta’ liġi. Dan jgħodd iktar u iktar f’qasam li fih l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa u li fih, għalhekk, il-kontroll mill-Kummissjoni huwa limitat.

194    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma hemm xejn xi jwaqqaf lill-Kummissjoni milli tirreferi għad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha li kienu jikkonċernaw il-finanzjament ta’ RTVE u li għalhekk kienu jagħmlu parti mill-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq. Fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni kellha iktar u iktar raġun li tagħmel riferiment għad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha peress li parti kbira mill-mekkaniżmi ta’ kontroll kienu diġà ġew introdotti permezz tal-Liġi Nru 17/2006 u peress li b’hekk hija setgħet sempliċement teżamina jekk l-evalwazzjoni inizjali tagħha ta’ dawn il-mekkaniżmi kinitx affettwata mill-bidliet introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009 (ara l-punt 65 iktar ’il fuq).

195    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fis-sens li huma ma setgħux jippreżentaw, fuq il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, osservazzjonijiet oħra għajr dawk li huma ressqu fir-rikors, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma kien hemm xejn xi jwaqqafhom milli jressqu argumenti intiżi sabiex jikkontestaw l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ kontroll permezz tal-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE. Madankollu, huma ma ressqu ebda argument f’dan ir-rigward.

196    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni ilment, li jikkonċerna d-distorsjonijiet introdotti permezz tal-obbligi li titħallas kontribuzzjoni

197    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba li ma ddeċidietx suffiċjentement dwar id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li skonthom ġew introdotti mill-obbligi li titħallas kontribuzzjoni, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-kapaċità kompetittiva tagħhom fil-konfront ta’ RTVE. Il-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Artikoli 4 sa 6 tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema attwali ta’ finanzjament ta’ RTVE ma hijiex suffiċjenti. Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Liġi Nru 8/2009 tinkludi element diskriminatorju minħabba l-fatt li huma biss dawk l-operaturi li l-kamp ta’ azzjoni ġeografiku tagħhom jikkorrispondi għat-territorju tal-Istat Spanjol jew huwa ikbar minn komunità awtonoma li huma suġġetti għat-taxxa, filwaqt li l-operaturi l-oħra huma eżentati min-nefqa tal-finanzjament ta’ RTVE.

198    Il-Kummissjoni u RTVE jikkontestaw dawn l-argumenti, filwaqt li RTVE tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argument tar-rikorrenti mressaq fl-istadju tar-replika.

199    It-tieni lment tat-tieni parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud ukoll, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-argument tar-rikorrenti mressaq fl-istadju tar-replika. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-premessi 61 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għaliex it-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinux jagħmlu parti integrali mill-elementi ta’ għajnuna introdotti permezz ta’ din il-liġi u li għalhekk ma kienx meħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata.

200    Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha u, għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

201    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

202    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu fir-rigward tat-talbiet kollha tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll, in solidum, l-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ RTVE, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

203    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-istess Regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Telefónica de España, SA u Telefónica Móviles España, SA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u għandhom ibatu, in solidum, l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ Corporación de Radio y Televisión Española, SA (RTVE).

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

Id-dritt

1. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors u tal-motivi

2. Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali ggarantiti permezz tal-Artikolu 108(2) TFUE

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 108 TFUE u tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999

Fuq ir-regoli li jirregolaw il-bidliet ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti

Fuq l-approċċ tal-Kummissjoni fil-każ ineżami

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tan-natura separabbli tal-bidla tal-iskema eżistenti

Fuq ir-raba’ motiv, li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinux jagħmlu parti integrali mill-għajnuna

Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom il-mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna għandu jitqies bħala li jagħmel parti integrali minnha

Fuq it-tieni parti, dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ kontroll suffiċjentement iddettaljat

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fid-dħul kummerċjali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

–  Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-assenza ta’ riskju ta’ kumpens eċċessiv

–  Fuq it-tieni ilment, li jikkonċerna d-distorsjonijiet introdotti permezz tal-obbligi li titħallas kontribuzzjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.