Language of document : ECLI:EU:T:2009:30

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Frar 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Locus standi – Ammissibbiltà – Diffikultajiet serji”

Fil-Kawża T‑388/03,

Deutsche Post AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja),

DHL International, stabbilita f’Diegem (il-Belġju),

irrappreżentati minn J. Sedemund u T. Lübbig, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u M. Niejahr, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C(2003) 2508 finali, tat-23 ta’ Lulju 2003, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, wara l‑proċedura ta’ eżami preliminari prevista mill-Artikolu 88(3) KE, kontra diversi miżuri meħuda mill‑awtoritajiet Belġjani favur La Poste SA, l-impriża postali pubblika Belġjana,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        La Poste SA hija l-impriża pubblika reponsabbli mis-servizz postali universali fil‑Belġju. Meta seħħet il-liberalizzazzjoni tas-suq postali fl-1 ta’ Ottubru 1992, La Poste ħadet post ir-Régie des Postes, li kienet taqa’ direttament taħt il‑Ministeru tal-Posta Belġjan. La Poste issa hija impriża pubblika awtonoma u hija 100 % proprjetà tal-Istat Belġjan.

2        Id-dmirijiet ta’ servizz pubbliku ta’ La Poste, it-tariffi tagħha, ir-regoli ta’ kondotta fir-rigward tal-utenti u s-sussidji huma stabbiliti mil-liġi u ddettaljati f’kuntratt ta’ ġestjoni konkluż mal-Istat. Erba’ kuntratti ġew b’hekk konklużi bejn l-Istati u La Poste mill-1992.

3        Barra l-funzjoni tagħha ta’ operatur tas-servizzi postali universali, La Poste hija responsabbli minn diversi xogħlijiet oħra ta’ interess pubbliku, bħalma huma attivitajiet bankarji bażiċi ofruti lil kulħadd, it-tqassim ta’ materjal tal-istampa b’tariffi mnaqqsa, it-tqassim ta’ formoli elettorali, il-ħlas ta’ pensjonijiet fid-dar, il-bejgħ ta’ licenzi tas‑sajd u l-ġbir ta’ multi amministrattivi. Il-kuntratt ta’ ġestjoni jistabbilixxi b’mod partikolari r-regoli ta’ kumpens tal-ispiża addizzjonali netta tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEG”).

4        La Poste tagħmel 84 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha mill-qasam tas-servizzi postali universali. Il-qasam tal-pakketti espress jirrappreżenta 4 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, li jikkorrispondi għal sehem fis-suq ta’ 18 % f’dan il-qasam (Anness 1 għar-rikors, punt 27).

5        Ir-rikorrenti, Deutsche Post AG u s-sussidjarja Belġjana tagħha DHL International (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“grupp Deutsche Post”) joperaw fil-qasam tas-servizzi postali u b’mod partikolari fil‑qasam tas-servizzi tal-pakketti espress. Il-grupp Deutsche Post għandu sehem ta’ bejn 35 u 45 % tas-suq Belġjan tas‑servizzi tal-pakketti espress.

 Il-proċedura ta’ eżami preliminari

6        Fl-1999, l-Istat Belġjan iddeċieda, bħala prinċipju, li tingħata għajnuna finanzjarja lil La Poste, suġġett għall-istabbiliment ta’ pjan azjendali approvat mill‑istrutturi tiegħu ta’ ġestjoni u kkoordinat ma’ pjan soċjali. Dan il-pjan azjendali, adottat fit-28 ta’ Ġunju 2002, huwa intiż li jżid il‑produttività tal‑impriża u l-profitti tagħha, itejjeb il-kwalità tas‑servizz ofrut u li jiġu żviluppati attivitajiet ġodda, li jimplika investimenti kbar (Anness 1 għar-rikors, punti 32-33 u 37-39).

7        Fit-8 ta’ Ottubru 2002, il-gvern Belġjan ta l-kunsens tiegħu għal żieda fil-kapital ta’ La Poste b’ammont ta’ EUR 297.5 miljun. Din iż‑żieda fil-kapital kellha ssir fil-forma ta’ applikazzjoni għal żieda fil-kapital, ikkumpensata b’ishma li jirrapreżentaw il-kapital, li d-drittijiet tagħhom ikunu identiċi għal dawk tal-ishma li diġà nħarġu.

8        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2002, ir-Renju tal-Belġju nnotifika lill‑Kummissjoni bi proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ La Poste għal ammont ta’ EUR 297.5 miljun, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE. Saru tliet laqgħat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani fit-12 ta’ Diċembru 2002, fis-6 ta’ Frar u fit-3 ta’ April 2003 u ġew skambjati diversi ittri bejniethom.

9        Peress li saru jafu li hemm proċedura ta’ eżami minn stqarrija tal‑Ministru tat-Telekomunikazzjonijiet Belġjan tal-1 ta’ Lulju 2003, segwita fl-14 ta’ Lulju 2003 minn artikolu fil-gazzetta ta’ kuljum Belġjana Le Soir, ir-rikorrenti, permezz ta’ faks tat-22 ta’ Lulju 2003, irreġistrata fit-23 ta’ Lulju 2003, talbu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-istat tal-proċedura, sabiex eventwalment jieħdu sehem fiha, skont id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1).

10      Fit-23 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet wara l-proċedura ta’ eżami preliminari previst mill‑Artikolu 88(3) KE [Deċiżjoni C(2003) 2508 finali, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”], peress li l‑miżura kkontestata ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

 Id-deċiżjoni kkontestata

11      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega l-argumenti tal‑awtoritajiet Belġjani dwar il-proġett tagħhom ta’ żieda fil-kapital ta’ La Poste. L-awtoritajiet Belġjani sostnew b’hekk li kellhom jiġu kkunsidrati bħala investitur privat f’ekonomija ta’ suq. L-għajnuna taqa’ taħt programm ta’ miżuri ta’ żieda tal‑produttività tal-impriża fil‑kuntest tal‑ftuħ tas-swieq postali u hija intiża li ssaħħaħ il-fondi tagħha stess, filwaqt li tistenna qligħ mill-investiment. Huma jikkunsidraw li l‑prospetti ta’ żieda tal-impriża huma reali fl-attivitajiet ġodda tagħha.

12      L-awtoritajiet Belġjani jqisu barra minn hekk li, mill-1992, La Poste kellha tbati spejjeż ta’ wħud mill-obbligi tagħha tas-SIEG (attivitajiet postali, attivitajiet bankarji għall-persuni li m’għandhomx kont bankarju) li kienu biss kkumpensati parzjalment mill-għotjiet tal-Istat. Is-sistema statutorja li tirregola erbgħa minn ħamsa tal-impjegati ta’ La Poste wkoll wasslet għal żidiet ta’ spiża kbar (ħlas ta’ pensjonijiet mill‑1992 sal-1997 minflok kontribuzzjonijiet), kif ukoll l‑implementazzjoni ta’ irtirar kmieni mix-xogħol.

13      Fl-evalwazzjoni legali tagħha tal-miżura nnotifikata, il-Kummissjoni bdiet mill‑kunsiderazzjoni li ħidmiet speċifiċi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jirriflettu l‑ħidmiet ta’ servizz pubbliku ta’ La Poste ngħataw lil din tal-aħħar mill‑Istat permezz ta’ kull wieħed mill-kuntratt ta’ ġestjoni. Hija rrilevat li, skont il‑ġurisprudenza, jekk il-kumpens tal-Istat li minnu tibbenefika La Poste ma jeċċedix l-ispiża netta addizzjonali tas-SIEG li hija tiggarantixxi, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, fl-ipoteżi fejn l‑imsemmi kumpens jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dan madankollu jkun kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 86(2) KE.

14      Qabel ma pproċediet għall-evalwazzjoni tal-miżura nnotifikata, il‑Kummissjoni żgurat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li La Poste ma kinitx ibbenefikat, wara li ttrasformat ruħha f’impriża pubblika awtonoma, minn mużuri li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill‑Istat inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal‑Artikolu 87 KE. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija identifikat sitt miżuri li jikkonsistu f’eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-kanċellazzjoni ta’ fond għall-pensjonijiet għal ammont ta’ EUR 100 miljun fl-1997, il‑possibbiltà li tibbenefika minn garanzija tal-Istat għas-self li sar, eżenzjoni mill‑ħlas minn qabel ta’ taxxa fuq il-proprjetà għall-proprjetà immobbli li qegħda tintuża għal servizz pubbliku, il-kumpens eċċessiv ta’ servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali fl-ewwel kuntratt ta’ ġestjoni (1992‑1997) u żewġ żidiet fil‑kapital li ma kinux notifikati li saru fl‑1997 għal ammont totali ta’ EUR 62 miljun. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni kkonstatat kumpens baxx tal-ispiża netta addizzjonali tas-SIEG.

15      Il-Kummissjoni qieset li hija kellha, l-ewwel, tevalwa dawn is‑sitt miżuri, peress li dawn jinfluwenzaw il-legalità taż-żieda tal‑kapital innotifikata.

 Miżura 1: eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji

16      Peress li l-Kummissjoni kkonstatat li La Poste kellha telf nett akkumulat ta’ EUR 238.4 miljun mill-1992 sal-2002, hija kkunsidrat li, għal dan il‑perijodu, din il‑miżura ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill‑Istat, peress li ma kienet tinvolvi ebda trasferiment ta’ riżorsi tal‑Istat.

 Miżura 2: kanċellazzjoni ta’ fond għall-pensjonijiet fl-1997

17      Il-Kummissjoni kkonstatat li fond ta’ EUR 100 miljun kien ġie stabbilit fl-1992 waqt trasformazzjoni ta’ La Poste f’impriża pubblika awtonoma, sabiex tiġi koperta parti mill-pensjonijiet fir-rigward tad-drittijiet miksuba mill-impjegati mill-1972 sal‑1992. Bħala korrispettiv, proprjetà immobbli meħtieġa għas-servizz pubbliku u li għalhekk ma setgħetx tiġi trasferita, ingħatat lil La Poste. Fl-1997, waqt l‑adattament tas-sistema ta’ pensjonijiet ta’ ħaddiema tal-posta rregolati mis-sistema ġenerali, dan il-fond, li qatt ma kien suġġett ta’ rtirar minn meta ġie stabbilit, ġie trasferit għar-riżerva tal-qliegħ kapitali. Il-Kummissjoni, peress li qieset li l-kanċellazzjoni tal-fond ma ġab ebda vantaġġ lil La Poste, ikkunsidrat li din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

 Miżura 3: benefiċċju tal-garanzija tal-Istat għas-self li sar

18      Il-Kummissjoni kkonstatat li La Poste kienet żammet il-possibbiltà, bħal La Régie des Postes, li titlob il-garanzija tal-Istat meta hija tagħmel dejn u li kellha, jekk tuża din il-possibbiltà, tħallas somma fis-sena lit-Teżor ta’ 0.25 %. Peress li La Poste qatt ma użat din il‑possibbiltà mill-1992, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma ngħatalha ebda vantaġġ u li din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

 Miżura 4: eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli għall-proprjetà immobbli użata għal servizz pubbliku

19      Il-Kummissjoni rrilevat li La Poste kienet eżenti mill-ħlas tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli li kienet proprjetà tagħha u li kienet użata għal servizz pubbliku. Hija kkunsidrat li din l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il‑proprjetà immobbli, li tagħtha a priori vantaġġ finanzjarju, setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis‑sens tal-Artikolu 87(1)KE.

 Miżura 5: kumpens eċċessiv ta’ servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali waqt l‑ewwel kuntratt ta’ ġestjoni (1992‑1997)

20      Il-Kummissjoni qieset li l-kontabbiltà separata għall-perijodu 1992‑1997 kienet turi kumpens eċċessiv imħallas mill-Istat lil La Poste għas‑servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali u li dan il‑kumpens eċċessiv jikkostitwixxi potenzjalment għajnuna mill-Istat fis-sens tal‑Artikolu 87(1) KE.

 Miżura 6: żidiet fil-kapital mhux innotifkati magħmula fl-1997 għal ammont totali ta’ EUR 62 miljun

21      Il-Kummissjoni indikat li dawn iż-żewġ żidiet fil-kapital, li kien hemm f’Marzu u f’Diċembru 1997, u ddestinati sabiex jibbilanċjaw kumpens insuffiċjenti tas-SIEG jikkostitwixxu potenzjalment għajnuna mill‑Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

22      Il-Kummissjoni wara dan eżaminat il-miżuri li setgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (miżuri 4 sa 6), fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE. Wara li kkalkulat id‑differenza bejn il-kumpens eċċessiv korrispondenti għal dawn it-tliet miżuri u l-kumpens baxx tas-SIEG li hija stess innotat, il‑Kummissjoni kkonkludiet li kien għad baqa’ kumpens baxx tal-ispiża addizzjonali tas‑SIEG u li, b’hekk, it-tliet miżuri kkonċernati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

23      Bl-istess mod, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-kumpens baxx tal-ispiża netta addizzjonali tas-SIEG għall-perijodu 1992‑2002 kien ogħla mill‑ammont taż-żieda tal-kapital innotifikat, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix fiha nnifisha għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li ma tagħtix vantaġġ lil La Poste. Għalhekk il‑Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra din il‑miżura.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis‑27 ta’ Novembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

25      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Prim’Istanza.

26      Fl-14 ta’ April 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbilità.

27      Permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 2004, it-talba għal deċiżjoni fuq l-inammissibbiltà ġiet miżjuda mal-mertu.

28      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

30      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni hija bbażata fuq in‑nuqqas ta’ locus standi u ta’ interess ġuridiku tar‑rikorrenti.

 Fuq il-locus standi

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors mhuwiex ammissibbli, peress li r‑rikorrenti mhumiex ikkonċernati individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

32      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tesponi, fl-argumenti ppreżentati qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2005, fil‑kawża Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum (C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737), li l‑ġurisprudenza teżiġi, sabiex tiġi ammessa l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn kompetitur tal‑benefiċjarju kontra deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet adottata fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari prevista mill-Artikolu 88(3) KE, li l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ikkonċernat tkun affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punti 20 sa 26, u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 19).

33      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li anki jekk jiġi meqjus li d-deċiżjoni kkontestata b’xi mod tikkonċerna lir-rikorrenti, xorta jibqa l-fatt li din ma tikkonċernhomx individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 230 KE u l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197), fis-sens li huma huma biss ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata bħal kull impriża oħra li tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju fis-suq jew fis-swieq li fuqhom hija tinsab preżenti.

34      Il-Kummissjoni ssostni li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li, fil-paragrafi 27 u 28 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għar‑relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta li hemm bejn impriża tal-grupp Deutsche Post u La Poste mhijiex rilevanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija msemmija fil-parti deskrittiva tad-deċiżjoni kkontestata u li ebda effett ġuridiku ma jista’ jirriżulta minnha. Skont il-Kummisjoni, l‑għajnuna awtorizzata m’għandha ebda relazzjoni mal-oqsma ta’ attivitajiet iċċitati fil-paragrafu 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li mhuma kważi ta’ ebda importanza għal La Poste.

35      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni enfasizzat waqt is-seduta li, skont il‑ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, u tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni, C‑176/06 P, li ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), ir‑rikors mhux ammissibbli peress li r-rikorrenti jsemmu l‑ksur tal‑garanziji proċedurali tagħhom b’mod ġenerali wisq u li, fit‑talbiet tagħhom, huma jitlobu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u mhux il-ftuħ tal‑proċedura formali ta’ investigazzjoni. Hija tqis għalhekk li r-rikorrenti kellhom jistabbilixxu li huma kienu affettwata sostanzjalment mid-deċiżjoni kkontestata sabiex ir-rikors tagħhom ikun ammissibbli.

36      Ir-rikorrenti jirrilevaw, l-ewwel nett, li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill‑kompetituri tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna d-dritt li jikkontestaw id‑deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l‑kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas‑suq komuni wara l-proċedura ta’ eżami preliminari prevista mill-Artikolu 88(3) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 20 sa 24; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 15 sa 20, u tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 45). Din il-ġurisprudenza tistabbilixxi l-locus standi ta’ impriżi interessati mill-proċedura amministrattiva fil-każ fejn il‑Kummissjoni tagħlaq il-proċediment fl‑istadju tal-proċedura ta’ eżami preliminari mingħajr ma tiftaħ il‑proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista mill-Artikolu 88(2) KE, għar‑raġuni li, fin-nuqqas ta’ dan il-locus standi, l-imsemmija impriżi ma jistgħux jiksbu l‑osservanza tal‑garanziji proċedurali marbuta mal‑proċedura formali ta’ investigazzjoni (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 24, Matra vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 17, u Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

37      Ir-rikorrenti jfakkru li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huma kienu talbu lill-Kummissjoni, fit-22 ta’ Lulju 2003, li jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 1(h) u tal‑Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999 u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-talba tagħhom meta addottat id-deċiżjoni kkontestata fit-23 ta’ Lulju 2003, u b’hekk ċaħdithom mid‑drittijiet proċedurali tagħhom.

38      Ir-rikorrenti josservaw ukoll li l-miżuri ddikjarati kompatibbli mas‑suq komuni bid-deċiżjoni kkontestata jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni bi preġudizzju għalihom, peress li huma joperaw bħala kompetituri diretti ta’ La Poste fis-suq Belġjan, fuq kollox fil-qasam tar-routing espress tal‑pakketti. Insostenn ta’ dan l-argument, huma jsostnu li l-grupp Deutsche Post għamel fil-Belġju dħul mill-bejgħ totali kkonsolidat ta’ EUR 124.8 miljun waqt is-sena ta’ negozju li tippreċedi l-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi espressament għar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta li hemm bejn il‑grupp Deutsche Post u La Poste, li huma jirrapreżentaw bejn 35 u 45 % tas-suq Belġjan fil‑qasam tar-routing espress tal-pakketti u ta’ servizzi ta’ dokumenti [deċizjoni tal‑Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2002, li tiddikjara l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ konċentrazzjoni (Każ N IV/M.2908 – Deutsche Post/DHL (II), punt 23], filwaqt li f’dan il-qasam La Poste għandha biss sehem mis-suq ta’ 18 %, u li, fis‑swieq postali liberalizzati fil-Belġju jopera biss grupp tal-erba’ impriżi internazzjonali prinċipali, jiġifieri DHL/DPAG, UPS, TPG/TNT u FedEx (deċiżjoni Deutsche Post vs DHL, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

39      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persona oħra biss meta l‑imsemmija deċiżjoni tirrigwardha direttament u individwalment.

40      Skont ġurisprudenza kostanti, persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma konċernati individwalment, salv f’każ li d-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba dan, tindividwalizzahom b’mod analogu għal mod kif inhu individwalizzat id‑destinatarju ta’ deċiżjoni bħal din (sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, 223, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 33).

41      Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal‑għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, min-naħa, il-fażi tal-eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu li għandha biss l-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ tasal għal opinjoni preliminari dwar il‑kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna kkonċernata u, min‑naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami approfondit prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi, li hija intiża sabiex il‑Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompluta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jobbliga lill‑Kummissjoni li ssejjaħ lill‑partijiet interessati biex jissottomettu l‑kummenti tagħhom (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 22; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 16; Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 34).

42      Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista fl‑Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal‑paragrafu 3 tal-istess Artikolu, li għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu jiżguraw ir‑rispett ta’ din il-proċedura biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 23; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 17 ; Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punt 40, u Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 35). Għal dawn ir-raġunijiet, rikors intiż għall‑annullament ta’ tali deċiżjoni, imressaq minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, jiġi ddikjarat ammissibbli meta l-għan tal-awtur ta’ dan ir-rikors, permezz tal‑preżentata ta’ dan ir-rikors, ikun li jipproteġi d‑drittijiet proċedurali tiegħu taħt din l-aħħar dispożizzjoni (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, puint 32 iktar ’il fuq, punti 2 sa 26, Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 17 sa 20, u Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 35).

43      Issa, il-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE li, b’dan il‑mod, jistgħu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, iressqu rikors għal annullament, huma l-persuni, l-impriżi jew l‑assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati permezz tal-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punt 41, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 36).

44      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad‑deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna nfisha, is-sempliċi fatt li huwa jista’ jitqies bħala parti interessata fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE mhuwiex biżżejjed biex ir‑rikors jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. Din il-parti jkollha tipprova li qiegħdha f’pożizzjoni partikolari fis-sens tas-sentenza Plaumann, punt 33 iktar ’il fuq. B’hekk dan ikun il‑każ, b’mod partikolari, meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 37).

45      F’dan il-każ, ir-rikorrenti invokaw seba’ motivi insostenn tar-rikors tagħhom. L‑ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li l‑Kummissjoni qiegħdet biss għad-dispożizzjoni tagħhom verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-biċċa l-kbira tal‑figuri huma moħbija, f’isem l-osservanza tal-prinċipju tal‑kunfidenzjalità tal-kawżi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l‑interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 88(3) KE, peress li l‑Kummissjoni iddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE, għalkemm hija kellha diffikultajiet serji fl‑evalwazzjoni tagħha tal‑kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni. Bit-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, ir-rikorrenti jsostnu li l‑eżami mill-Kummissjoni tal-miżuri li jikkorrispondu għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, il‑kanċellazzjoni ta’ fond u l-possibbiltà ta’ benefiċċju minn garanzija tal-Istat għas-self kien insuffiċjenti jew inkomplet, u huma jikkontestaw in-nuqqas ta’ klassifika ta’ għajnuna mill-Istat ta’ dawn il‑miżuri. Insostenn tas-sitt motiv tagħhom, ir‑rikorrenti jikkontestaw il-metodu u l-kontenut tal-kalkolu magħmul mill‑Kummissjoni tad-differenza bejn il-kumpens żejjed u l-kumpens baxx tal‑ispiża addizzjonali tas-SIEG. Fl-aħħar nett, insostenn tas-seba’ motiv tagħhom, ir‑rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għall-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”), il-Kummissjoni ma vverifikatx li s‑SIEG ġew ipprovduti bl‑inqas spiża għall-kollettività.

46      Peress li r-rikorrenti b’hekk jikkontestaw kemm ir-rifjut tal‑Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni u l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi analizzat, fl-ewwel lok, il-locus standi tar-rikorrenti sabiex jikkontestaw il‑fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata u, fit-tieni lok, il-locus standi tar-rikorrenti sabiex jiksbu l‑osservanza tad‑drittijiet proċedurali tagħhom, sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex ammissibbli li jippreżentaw dan ir-rikors.

47      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma pproduċewx il-prova li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tista’ tkun sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċizjoni kkontestata.

48      Fil-fatt, ma tikkostitwixxix impatt sostanzjali s-sempliċi ċirkustanza li d-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jkollha ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li hemm fis-suq rilevanti u li l-impriżi kkonċernati jinsabu f’xi relazzjoni kwalunkwe ta’ kompetizzjoni mal‑benefiċjarju ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il‑Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7). B’hekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-fatt li hija kompetitur fir-rigward tal-impriża benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, iżda għandha turi wkoll li l‑preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha fis-suq huwa kbir (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C‑106/98 P, Ġabra p. I‑3659, punti 40 u 41).

49      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi l-partikolarità tas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni tagħhom fis-suq Belġjan, peress li dawn isostnu biss li huma jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi li joperaw fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li huma msemmija b’mod particolari fid‑deċiżjoni kkontestata mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r‑rikorrenti kienu affettwati sostanzjalment mill‑miżuri li minnhom ibbenefikat La Poste u li kienu ġew awtorizzati mid‑deċiżjoni kkontestata, peress li, fis-siltiet ikkonċernati, il‑Kummissjoni indikat biss li s-suq postali Belġjan kien relattivament iktar miftuħ minn dak ta’ Stati Membri oħra, peress li La Poste kellha biss 18 % tas-suq tar-routing espress tal-pakketti, u l-bqija kien f’idejn operaturi internazzjonali, u li l-marġni operazzjonali ta’ La Poste għas‑servizz postali tradizzjonali essenzjalment ta’ ittri kien ħafna inqas minn dak tal-operatur postali Olandiż TPG jew tad-Deutsche Post World Net (ara, f’dan is-sens, id‑digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni, T‑358/02, Ġabra p. II‑1565, punti 39 sa 41).

50      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti rriferew għall-provi ta’ statistika dwar il-parti tas-suq li huma għandhom fil-qasam tar-routing espress tal-pakketti fil‑Belġju.

51      Madankollu dawn il-provi, fihom infushom, mhumiex tali li juru li l‑pożizzjoni ta’ kompetizzjoni tagħhom, meta mqabbla ma’ dik ta’ kompetituri oħra ta’ La Poste, kienet sostanzjalment affettwata mid‑deċiżjoni kkontestata.

52      Min-naħa l-oħra, bħala kompetituri diretti ta’ La Poste fis-suq tar‑routing espress tal-pakketti, ir-rikorrenti għandhom il-kwalità ta’ partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE.

53      Fit-tieni lok, għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, permezz tar-rikors tagħhom, ir‑rikorrenti kellhomx l-għan li effettivament jiddefendu d-drittijiet proċedurali li jirriżultaw mill-Artikolu 88(2) KE.

54      Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tinterpreta l-motivi ta’ rikorrent bis-sustanza tagħhom pjuttost milli mill-kwalifika tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L-Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, Ġabra p. 588). B’hekk, tista’ teżamina argumenti oħra mressqa minn rikorrent sabiex tivverifika jekk dawn jipprovdux ukoll elementi insostenn ta’ motiv, imressqa mir-rikorrent, li espressament isostnu li hemm dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni, T‑158/99, Ġabra p. II‑1, punti 141, 148, 155, 161 u 167, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il-Kummissjoni, T‑254/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48). Madankollu mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinterpreta r-rikors ta’ rikorrent li jikkontesta esklużivament il-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal‑għajnuna bħala li huwa fir-realtà intiż li għall-protezzjoni tad‑drittijiet proċedurali tar-rikorrent ibbażati fuq l-Artikolu 88(2) KE, meta r‑rikorrent espressament ma qajjimx motiv li jsegwi dan l-għan. F’din l‑ipoteżi, l‑interpretazzjoni tal-motiv iwassal għal kwalifika mill-ġdid tas-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punti 44 u 47, u Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 25). Għall-inqas il-Qorti tal‑Prim’Istanza għandha tibbaża ruħha għal dan il-għan fuq provi prodotti mir‑rikorrent u li jippermettu li jiġi konkluż li ir-rikorrent qiegħed essenzjalment jitlob il-ħarsien tad‑drittijiet proċedurali tiegħu.

55      Ir-rikorrenti espliċitament isostnu, permezz tat-tieni motiv tagħhom, li d-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 88(2) KE, inkisru bl‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

56      Barra minn hekk, mir-rikors jirriżulta li t-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi tar‑rikors jipprovdu elementi insostenn tat-tieni motiv, peress li r‑rikorrenti jsostnu fihom li, fuq ċerti aspetti speċifiċi, l-eżami tal‑Kummissjoni kien insuffiċjenti jew inkomplet u li l-proċedura formali ta’ investigazzjoni kellha tinfetaħ (punti 29, 37, 41 u 42 tar-rikors). Bl‑istess mod, is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ verifika ta’ jekk is-SIEG ġewx ipprovduti bl-inqas spiża għall-kollettività, jikkostitwixxi element li jista jippermetti li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni. Għalhekk, peress li r-rikorrenti riedu wkoll isostnu, permezz ta’ dawn il-motivi, li huma intiżi li jirrilevaw li l‑miżuri inkwistjoni ma setgħux ikunu eżaminati b’mod adattat fil‑kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari, li d‑drittijiet proċedurali mogħtija lilhom mill-Artikolu 88(2) KE inkisru waqt l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata.

57      Minn dak kollu li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti għandhom locus standi.

 Fuq l-interess ġuridiku

–       L-argumenti tal-partijiet

58      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti mhuwiex ammissibbli, peress li dawn tal-aħħar m’għandhom ebda interess fl‑eżitu tal‑kawża. Il-ġurisprudenza tirrikjedi fil-fatt li rikorrent dejjem juri li għandu interess ġuridku proprju. Il-kwistjoni ta’ jekk hemmx dan l-interess għandha tiġi evalwata skont is-suġġett tar-rikors.

59      F’din il-kawża, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hemm ir-riskju, għar-rikorrenti, li d‑deċiżjoni tagħha 2002/753/KE, tad-19 ta’ Ġunju 2002, dwar il‑miżuri meħuda mir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja favur id-Deutsche Post (ĠU L 247, p. 27), li tiddikjarhom inkompatibbli mas-suq komuni, tiġi kkonfermata.

60      Ir-rikorrenti josservaw li s-suġġett tar-rikors tagħhom huwa li jiġu protetti l‑interessi tagħhom bħala kompetituri diretti ta’ La Poste, benefiċjarja tal‑għajnuna inkwistjoni, u li r-rikors tagħhom ikun totalment indipendenti mill‑kontenzjużi l‑oħra li huma jista’ jkollhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

61      Rigward deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li huwa biss fil-kuntest tal-fażi ta’ ezami approfondit previst mill-Artikolu 88(2) KE, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompluta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t‑Trattat KE jobbliga lill-Kummissjoni ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 22; Matra vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 16; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 32 iktar ’il fuq, punt 34).

62      Fil-kwalità tagħhom ta’ partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE, ir‑rikorrenti għandhom interess li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, meħuda wara l-proċedura ta’ eżami preliminari, peress li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 KE, dan l‑annullament jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tiftaħ il‑proċedura formali ta’ investigazzjoni, u tippermettilhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u jeżerċitaw b’hekk influwenza fuq id-deċiżjoni l-ġdida tal‑Kummissjoni.

63      Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti għandhomx interess ġuridiku, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tqabbel il‑motivi mqajma fil-kuntest ta’ dan ir-rikors mal-argumenti ppreżentati fid-difiża mir-rikorrenti f’kawża distinta.

64      Minn dak li ngħad qabel jirriżulta li r-rikorrenti għandhom interess ġuridiku.

65      Għalhekk ir-rikors huwa ammissibbli u l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha, għalhekk, tinċaħad.

 Fuq l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq l‑ammissibbilità tal-motivi tar-rikors.

 Fuq l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza

66      Rigward l-għan tal-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-Qorti tal‑Prim’Istanza, għandu jiġi ppreċiżat li rikorrent, meta jfittex li jħares id-drittijiet proċedurali li jagħtih l-Artikolu 88(2) KE, jista’ jinvoka kwalunkwe motiv indikat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE, sakemm ikunu intiżi għall-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata u, b’mod definittiv, għall-ftuħ mill-Kummissjoni tal‑proċedura prevista mill‑Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il‑Kummissjoni, T‑157/01, Ġabra p. II‑917, punt 41). Min-naħa l-oħra, mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan l-istadju tal‑proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Kummissjoni, li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew fuq il‑kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 71).

67      B’hekk, għandhom jinċaħdu bħala inammissibbli l-motivi invokati fir-rikors intiżi sabiex jiksbu deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-eżistenza ta’ għajnuna jew il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Dan jgħodd, f’din il-kawża, minn naħa, għas-sitt motiv, ibbażat fuq il-metodu allegatament żbaljat użat mill‑Kummissjoni sabiex tiġi kkalkulata l-differenza bejn il-kumpens żejjed u l‑kumpens baxx tal-ispiża addizzjonali tas-SIEG, u, min‑naħa l-oħra, għat-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, sa fejn huma intiżi li juru li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-miżuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

68      Bl-istess mod, l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li r-rikorrenti ma pproduċewx il‑prova, lanqas allegaw, li ċ-ċifri moħbija fil‑verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata kienu meħtieġa għalihom sabiex jiksbu l-ftuħ mill-Kummissjoni tal‑proċedura intiża mill-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt mir-rikors jirriżulta li huma riedu biss jużaw din l-informazzjoni sabiex jivverfikaw li l‑Kummissjoni ma kinitx ikkommettiet żball meta qieset li l-miżuri eżaminati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

69      Min-naħa l-oħra, it-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, u t-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-seba’ motiv, sa fejn huma intiżi li jistabbilixxu li l-eżami li sar mill‑Kummissjoni waqt il-fażi ta’ eżami preliminari kien insuffiċjenti jew inkomplet, jistgħu jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark

70      Inkwantu l-Kummissjoni issostni li hemm motiv ġdid, għandha tiġi eżaminata l‑ammissibbiltà tas-seba’ motiv, sa fejn dan huwa intiż li jistabbilixxi n-natura insuffiċjenti tal-eżami magħmul mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 48(2) tar‑Regoli tal-Proċedura, “ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkux ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura”. Min-naħa l‑oħra, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu huwa ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il‑Kummissjoni, T‑212/97, Ġabra SP p. I‑A‑41 u II‑185, punt 87, u d‑digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Lulju 2000, RJB Mining vs Il-Kummissjoni, T‑110/98, Ġabra p. II‑2971, punt 24).

72      F’dan il-każ, fir-replika tagħhom, taħt it-titlu “Ksur tal-kriterji stabbiliti mis‑sentenza [Altmark]”, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni adottat interpretat ineżatta tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat u ppreżentaw argument sabiex juru li l-Kummissjoni naqset, fid-deċiżjoni kkontestata, li teżamina jekk l-ispejjeż tas‑SIEG ikkumpensati mill-Istat Belġjan kinux ekwivalenti jew inqas minn dawk ta’ impriża medja ġestita tajjeb, kif tipprevedi s-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq. Huma jfittxu b’hekk li jsostnu li l-eżami magħmul mill‑Kummissjoni fil‑kuntest tal‑proċedura prevista mill-Artikolu 88(3) KE ma ppermettix lill‑Kummissjoni li tegħleb, fl-eżami preliminari tagħha, id-diffikultajiet marbuta mal-evalwazzjoni tan-natura adattata tal-livell ta’ kumpens mogħti mill-Istat Belġjan lil La Poste.

73      Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv għandu rabta mill-qrib mat-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE u fuq il-ħtieġa li tinfetaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni tal-għajnuna prevista mill‑Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, meta jsostnu li l-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk is-servizzi pubbliċi ġewx provduti bi spiża adattata, ir-rikorrenti qed ifittxu li juru li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il‑proċedura formali ta’ investigazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, dan il‑motiv, li jikkostitwixxi impliċitament parti mit-tieni motiv tar-rikors, għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ħtieġa li tinfetaħ il-proċedura prevista mill‑Artikolu 88(2) KE

74      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat id‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 88(3) KE, meta ddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura prevista mill‑Artikolu 88(2) KE. Mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l-ftuħ tal‑proċedura formali ta’ investigazzjoni huwa indispensabbli meta l‑Kummissjoni jkollha diffikultajiet serji fl‑evalwazzjoni tagħha tal‑kompatibbilità ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni u ma tkunx tista’ tegħleb id‑diffikultajiet kollha mqajma minn din l‑evalwazzjoni waqt l-ewwel eżami (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2001, Il‑Portugal vs Il-Kummissjoni, C‑204/97, Ġabra p. I-3175, punti 33 sa 35). F’din il‑kawża, it-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ eżami preliminari, il-firxa tal‑kwistjonijiet li kellhom jiġu trattati fil‑kuntest ta’ din il-proċedura kif ukoll il‑kontenut tad-dokumenti relatati ma’ din il‑proċedura ppreżentati mill‑Kummissjoni fuq it-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza juru li proċedura formali ta’ investigazzjoni kellha tinfetaħ.

75      Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-punt 35 tas-sentenza Il‑Protugall vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, li jipprovdi li l‑Kummissjoni hija obbligata teżamina l-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jinġiebu għall-għarfien tagħha minn terzi, u b’mod partikolari mill-impriżi li l‑interessi tagħhom jiġu affettwati mill-għoti tal‑għajnuna.

76      Ir-rikorrenti jenfasizzaw fl-aħħar nett, li t-talbiet għal informazzjoni indirizzati mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari jistgħu jservu biss sabiex jikkompletaw in-notifika u huwa biss matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni li l-informazzjoni kompleta tista’ tinġabar. Issa, f’din il-kawża, kemm il‑volum ta’ dokumenti ppreżentati kif ukoll il-kamp ta’ investigazzjoni tal‑Kummissjoni kienu estremament kbar.

77      Il-Kummissjoni tqis li huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu l-prova li hija ltaqgħet ma’ diffikultajiet gravi fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal‑miżura nnotifikata mas‑suq komuni. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari ma kienx eċċessiv u li kien iġġustifikat mill-ħafna informazzjoni li hija kellha tiġbor, waqt li tat, kull darba, terminu lill-gvern Balġjan.

–       Fuq it-tielet motiv, sa fejn huwa bbażat fuq il-karattru inkomplet tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il‑kumpanniji

78      Ir-rikorrenti jikkonstataw li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkwalifika din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat għar-raġuni biss li La Poste kellha telf nett fil-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-2002. Issa, huma jqisu li l-eżami ta’ miżura li tista’ potenzjalment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għandu jssir ukoll billi jiġu evalwati l-effetti futuri tagħha (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, 57/86, Ġabra p. 2855, punt 10).

79      Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata m’għandhiex l-għan li tipproċedi għall-eżami tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda li tistabbilixxi biss jekk din l‑eżenzjoni tatx lil La Poste vantaġġ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kumpens bejn l-ispejjeż netti addizzjonali u l-ispejjeż pubbliċi kollha.

–       Fuq ir-raba’ motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura inkompleta tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq il-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet

80      Ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċessjoni ta’ proprjetà immobbli mill-Istat Belġjan tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku kunsiderevoli, anki jekk din il-proprjetà immobbli ma tistax tiġi trasferita, u dan il-punt ma kienx ġie eżaminat biżżejjed mill-Kummissjoni. Huma jqisu li La Poste b’hekk kisbet proprjetà immobbli bla ħlas, li ħelsuha minn spejjeż konsiderevoli ta’ xiri jew ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli.

81      Il-Kummissjoni tqis li La Poste qatt ma kienet ibbenefikat minn sussidju effettiv ddestinat sabiex jgħinha tiffinanzja l-pensjonijiet tal-impjegati tagħha, iżda minn sempliċi operazzjoni ta’ kontabbiltà biex jiġu akkumulati fondi li kellha bħala korrispettiv proprjetà immobbli li ma tistax tiġi ttrasferita, ċeduta mill-Istat. Skontha, il-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet ma ġabet ebda vantaġġ għal La Poste. Għall‑kuntrarju, it-tneħħija tal‑obbligu li tbati l‑ispejjeż tal-pensjonijiet tal‑impjegati tagħha sa mill‑1997 kienet tikkostitwixxi vantaġġ li madankollu ġie kkumpensat mill‑obbligu li La Poste li tassumi l-ispiża relatata mal‑kontribuzzjonijiet dovuti minn min iħaddem.

–       Fuq il-ħames motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura inkompleta tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq il-possibbiltà li tibbenefika mill-garanzija tal‑Istat għad-dejn li sar

82      Ir-rikorrenti jqisu li l-eżistenza biss tal-possibbiltà li La Poste tibbenefika minn garanzija tal-Istat għas-self tagħha toffrilha kundizzjonijiet għall‑finanzjament li għalihom l-impriżi l-oħra m’għandhomx aċċess u li l‑Kummissjoni barra minn hekk segwiet raġunament simili fil-kawżi dwar il‑garanziji mogħtija mir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-banek pubbliċi tagħha jew minn Franza għall‑obbligi ta’ Électricité de France. Ir‑rikorrenti jikkunsidraw li l‑Kummissjoni ma stabilixxitx, fid-deċiżjoni kkontestata, kif il‑mekkniżmu li minnu bbenefikat La Poste kien nieqes minn natura awtomatika. Fl‑aħħar nett, huma jqisu li l-Kummissjoni kellha tqabbel l‑ammont tal‑ewwel ħlas annwali li La Poste hija obbligata li tħallas lill‑Istat ma’ dak li hija kellha tħallas f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

83      Skont il-Kummissjoni, din il-possibbiltà li tibbenefika mill-garanzija tal‑Istat ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, peress li La Poste tista’ tirrinunzja għal din il‑garanzija. Hija tiddikjara barra minn hekk li l‑possibbiltà biss li tista’ tibbenefika minn garanzija ma tistax titiqies bħala garanzija effettiva fl‑evalwazzjoni tal‑kompatibbltà ta’ din il‑miżura mas-suq komuni.

–       Fuq is-seba’ motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark

84      Ir-rikorrenti jsostnu fir-replika tagħhom li l-Kummissjoni intepretat b’mod żbaljat is-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq, li fiha l‑Qorti tal‑Ġustizzja ppreċiżat li l-kumpens tal-ispejjeż tas-SIEG jikkostitwixxi wieħed biss mill-kriterji li għandhom ikunu preżenti sabiex vantaġġ finanzjarju ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis‑sens tal-Artikolu 87 KE. Huma jsostnu li l‑Kummissjoni kellha b’mod partikolari tivverifika li s‑servizzi ta’ interess ġenerali ngħataw bl-inqas spiża għall-kollettività (sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq, punt 95), u ma jidhirx li dan kien il‑każ f’dan il-każ.

85      Il-Kummissjoni tillimita ruħha li tenfasizza li dan il-motiv ma tqajjimx mir‑rikorrenti fir-rikors tagħhom u huwa, għalhekk, inammissibili.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Regoli ġenerali dwar il-proċedura prevista mill-Artikolu 88 KE

86      L-ewwel nett għandhom jitfakkru r-regoli ġenerali dwar is-sistema ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mogħtija mill-Istat, stabbilita mit-Trattat, hekk kif jirriżultaw mill‑ġurisprudenza (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 36 iktar ’il fuq, punti 33 sa 39; is-sentenzi tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il‑Kummissjoni, T‑95/96, Ġabra p. II‑3407, punti 49 sa 53; BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑11/95, Ġabra p. II‑3235, punti 164 sa 166, u tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra p. II‑867, punti 39 sa 49).

87      Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni tipproċedi għal eżami tal-għajnuna mill-Istat ippjanata, li għandu l-għan li jippermettilha tifforma l-ewwel opinjoni dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Il‑proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista mill‑Artikolu 88(2) hija intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet ta’ terzi potenzjalment interessati (ara l‑punti 42 u 43 iktar ’il fuq) u barra minn hekk għandha tippermetti lill‑Kummissjoni li tkun infurmata b’mod sħiħ bil-fatti kollha tal-kawża qabel ma tieħu d‑deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari meta tirċievi l‑osservazzjonijiet ta’ terzi interessati u tal-Istati Membri (sentenza tal‑Qorti tal-Ġutizzja tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13). Għalkemm is-setgħa tagħha hija limitata f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura formali ta’ investigazzjoni, hija għandha, madankollu, ċerta diskrezzjoni fl‑identifikazzjoni u l‑evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabilixxi jekk dawn iqajmux diffikultajiet serji. Skont l-għan tal-Artikolu 93(3) tat-Trattat u skont l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, il‑Kummissjoni tista’, b’mod partikolari, tiftaħ diskussjoni mal-Istat li nnotifika l‑għajnuna u ma’ terzi sabiex tegħleb, matul il-proċedura ta’ eżami preliminari, id‑diffikultajiet li setgħet iltaqgħet magħhom (sentenza Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 45).

88      Skont ġurisprudenza kostanti, il-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE hija indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni (is‑sentenzi Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 13; Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 29, u Matra vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 33; ara, wkoll, is-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il‑Kummissjoni, T‑49/93, Ġabra p. II‑2501, punt 58).

89      Hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt speċifiċi tal-kawża, jekk id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom waqt l-eżami tal‑kompatibbiltà tal-għajnuna jeħtiġux il-ftuħ ta’ din il‑proċedura (sentenza Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 30). Din l-evalwazzjoni għandha tosserva tliet rekwiżiti.

90      L-ewwel nett, l-Artikolu 93 tat-Trattat jillimita s-setgħa tal‑Kummissjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas‑suq komuni, wara l-proċedura ta’ eżami preliminari, għal dawk il‑miżuri biss li ma jqajmu l-ebda diffikultà serja, b’tali mod li dan il‑kriterju għandu natura esklużiva. B’ hekk, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tibda l-proċedura formali ta’ investigazzjoni billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interessi ta’ terzi, kunsiderazzjonijiet tal‑ekonomija tal‑proċedura u kull raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva jew politika (sentenza Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 44).

91      It-tieni nett, meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji, hija għandha tiftaħ il‑proċedura formali u, f’dan ir-rigward, m’għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali.

92      It-tielet nett, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ‑ċirkustanzi li wasslu għall‑adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil‑kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r‑raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata mas-suq komuni (ara s‑sentenza SIDE vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60). Konsegwentement, jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti tal‑Prim’Istanza fir-rigward tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, imur, minn natura tiegħu stess, lil hinn mill-verifika ta’ jekk kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punti 31 sa 38, u Matra vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’l fuq, punti 34 sa 39; is-sentenzi SIDE vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 60 sa 75; BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 164 sa 200, u Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 47).

93      Ir-rikorrenti għandhom l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ diffikultaijiet serji, prova li jistgħu jipproduċu permezz ta’ numru ta’ indizji konkordanti, fir-rigward, minn naħa, taċ‑ċirkustanzi u t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

94      Skont il-ġurisprudenza, l-iskadenza ta’ terminu li jeċċedi b’mod sinjifikattiv t-terminu li normalment jieħu l-eżami preliminari magħmul fil‑kuntest tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE tista’, flimkien ma’ elementi oħra, twassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni ltaqgħat ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li jeżiġu li tinfetaħ il‑proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE (sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 15 u 17; is-sentenzi tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il‑Kummissjoni, T‑46/97, Ġabra p. II‑2125, punt 102, u Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 93).

95      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 37, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ’il fuq, punti 46 sa 49; is-sentenzi SIDE vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punti 61, 67 u 68, u Prayon‑Rupel vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 108).

–       Fuq l-indizji ta’ diffikultajiet serji li jirriżultaw mit-tul u miċ‑ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari

96      L-ewwel nett hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina jekk it-tul u ċ-ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari jikkostitwixxux indizji li hemm diffikultajiet serji, billi tivverifika jekk il-proċedura magħmula mill‑Kummmissjoni eċċedietx b’mod sinjifikattiv dak li normalment jinvolvi eżami preliminari magħmul fil-kuntest tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE.

97      Rigward, l-ewwel nett, il-perijodu ta’ bejn in-notifika tal-proġett ta’ għajnuna u d‑deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni wara l-proċedura ta’ eżami preliminari, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedu terminu ta’ xahrejn għal-imsemmija proċedura, li jista’ jiġi estiż bi ftehim jew meta l-Kummissjoni għandha bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali.

98      F’din il-kawża, l-għajnuna ġiet innotifikata mill-Istat Belġjan lill‑Kummissjoni fil‑5 ta’ Diċembru 2002, u d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-23 ta’ Lulju 2003, jiġifieri ftit iktar minn seba’ xhur tard. Waqt dan il-perijodu, saru tliet laqgħat fit-12 ta’ Diċembru 2002, fis-6 ta’ Frar u fit-3 ta’ April 2003 bejn il‑Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani, u l-Kummissjoni bagħtet tliet talbiet ta’ informazzjoni addizzjonali lir‑Renju tal-Belġju fit-23 ta’ Diċembru 2002, fit-3 ta’ Marzu u fil-5 ta’ Mejju 2003. Dan il-perijodu ta’ seba’ xhur eċċeda manifestament dak li l‑Kummissjoni hija, bħala prinċipju, obbligata li tosserva sabiex tlesti l‑eżami preliminari tagħha.

99      Rigward, it-tieni nett, iċ-ċirkustanzi li fihom tiżvolġi l-proċedura, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-għan tal-Artikolu 88(3) KE u l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni tista’, fil-kuntest tal‑proċedura ta’ eżami preliminari, tasal li titlob informazzjoni addizzjonali lill-Istat innotifikat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Matra vs Il-Kummissjoni, put 32 iktar ’il fuq, punt 38). Għalkemm dawn il‑kuntatti mhumiex prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, huma jistgħu, flimkien mat-tul tal-eżami preliminari, jikkostitwixxu indizju.

100    Skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal‑Prim’Istanza talbet lill-Kummissjoni tippreżenta t-talbiet għal informazzjoni li bagħtet lill‑awtoritajiet Belġjani fit-23 ta’ Diċembru 2002, fit-3 ta’ Marzu u fil-5 ta’ Mejju 2003, ir-risposti mogħtija mill-Istat Belġjan fit‑28 ta’ Jannar, fit-3 ta’ April u fit-13 ta’ Ġunju 2003 kif ukoll il-minuti tal‑laqgħat li saru mal-awtoritajiet Belġjani fit‑12 ta’ Diċembru 2002, fis-6 ta’ Frar u fit-3 ta’ April 2003.

101    Diversi elementi li hemm fid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni jistħoqqilhom li jiġu rilevati. L-ewwel nett, jirriżulta minn dawn id‑dokumenti li l‑kamp ta’ investigazzjoni kopert mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari huwa vast ħafna. Fil-fatt, il-laqgħat kif ukoll l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l‑awtoritajiet Belġjani ma kinux jirrigwardaw biss il‑miżura notifikata, iżda wkoll iż-żidiet fil-kapital li saru fl-1997 u mhux notifikati lill‑Kummissjoni, il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ sussidji interkonnessi bejn l‑attivatijiet ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet ta’ kompetizzjoni u s‑sistema fiskali speċifika ta’ La Poste, anki jekk uħud minn dawn l‑attivtajiet ma jissemmewx fid-deċiżjoni kkontestata.

102    Barra minn hekk, id-dokumenti juru li l-Kummissjoni enfasizzat diversi drabi, waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari, il-kumplessità tal-kwistjoni, b’mod partikolari fil-minuti tal-laqgħa tat-12 ta’ Diċembru 2002 li jippreċiżaw li “il‑Kummissjoni indikat li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas‑sitwazzjoni, b’mod partikolari tal‑passat, ta’ La Poste, u l-bżonn ta’ ċertezza legali li jista’ jkun hemm, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ perspettiva eventwali ta’ privatizzazzjoni, għandu jkun hemm ftuħ tal-proċedura”, kif ukoll waqt il‑laqgħa tas-6 ta’ Frar 2003.

103    Minn dawn id-dokumenti jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx ċerta għal diversi xhur fuq l-għażla tal-bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. B’hekk, fl-ewwel laqgħa tat-12 ta’ Diċembru 2002, il‑Kummissjoni esponiet li “ftehim min-naħa tagħha fuq l‑għajnuna jista’ jkollu diversi forom differenti, kemm jekk tkun deċiżjoni li tikkunsidra l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna, li hija għajnuna intiża li ssostni s-servizz pubbliku, jew li hija għajnuna għar‑ristrutturar”. Waqt it-tieni laqgħa tas-6 ta’ Frar 2003 u wara skambju ta’ informazzjoni bil-miktub, il-Kummissjoni saqsiet lilha nnifisha għal darba oħra jekk kienx opportun li tibbaża l-metodu tagħha fuq il-metodu tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, u għalhekk fuq l‑Artikolu 87 KE, jew fuq l-Artikolu 86(2) KE. Kif jirriżulta mill‑minuti tal-laqgħa tat-12 ta’ Diċembru 2002, l-awtoritajiet Belġjani wrew il-preferenza ċara għal-ewwel soluzzjoni, peress li xtaqu jippromwovu l-idea ta’ investiment li jħalli profitt, waqt li l‑Kummissjoni jidher li kellha dubji fuq l-aġir ta’ La Poste fl‑iżvilupp tal-attivitajiet ta’ kompetizzjoni tagħha, kif jindikaw il-minuti tal‑laqgħa tas-6 ta’ Frar 2003 kif ukoll id-diversi talbiet ripetuti għal informazzjoni mill‑Kummissjoni dwar l-ipoteżijiet ta’ żvilupp tal-attività ta’ La Poste.

104    Il-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Frar 2003 barra minn hekk jippermettu li jiġi kkonstatat li l‑awtoritajiet Belġjani kienu insistew fuq il-ħtieġa li jkun hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni fi żmien qasir minħabba l-iskadenza elettorali fit-18 ta’ Mejju 2003, li seta jpoġġi f’dubju ż‑żieda tal-kapital prevista.

105    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni jidher li xtaqet li tevita li tibgħat it-tielet talba għal informazzjoni, peress li mill-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Frar 2003 jidher li r‑rappreżentant “kien ipprova, sa fejn possibbli, u minkejja l-kumplessità tal‑kwistjoni, li jkun l-iktar komplet possibbli fit-tieni lista ta’ domandi sabiex jevita t-tielet talba għal informazzjoni”. Madankollu dan ma seħħx, peress illi hija bagħtet lill-awtoritajiet Belġjani t-tielet u l-aħħar talba għal informazzjoni fil-5 ta’ Mejju 2003, li tirrigwarda numru mhux negliġabbli ta’ punti, bħalma huma l‑ipoteżijiet ta’ żvilupp ta’ La Poste, il-prospetti finanzjarji tagħha, id‑dettalji tal‑allokazzjoni ta’ servizzi pubbliċi finanzjarji għas-servizz pubbliku, is-sehem tal‑investimenti pubbliċi mogħtija għall-attivitajiet ta’ servizz universali, ir-riskju assoċjat mal-konċentrazzjoni ta’ 85 % tar-riżultati tas-sussidjarji fuq iż-żewġ attivitajiet u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-istabbiliment ta’ fond għal irtirar kmieni mix‑xogħol.

106    Minn dawn l-elementi jirriżulta li għandu jiġi ammess li l-proċedura li saret mill‑Kummissjoni, f’din il-kawża, eċċediet b’mod sinjifikattiv dak li normalment jinvolvi l-eżami preliminari magħmul fil-kuntest tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE u, għalhekk, li din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi indizju li jipprova li hemm diffikultajiet serji.

107    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk elementi dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jistgħux ukoll jikkostitwixxu indizji li jindikaw li l-Kummissjoni kienet ltaqgħet ma’ diffikutajiet serji fl-eżami tal‑miżuri inkwistjoni.

–       Fuq in-natura insuffiċjenti tal-eżami tal-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata

108    Għandu jitfakkar li La Poste kkostitwixxiet fond ta’ EUR 100 miljun fl-1992 waqt it-trasformazzjoni tagħha f’impriża awtonoma, sabiex tkopri parti mill-pensjonijiet fir-rigward tad‑drittijiet miksuba mill-impjegati mill-1972 sal-1992. Bħala korrispettivi, proprjetà immobbli neċessarja għas‑servizz pubbliku, u li għalhekk ma setgħetx tiġi ttrasferita, ingħatatilha mill‑Istat Belġjan. Fl‑1997, waqt li s-sistema regolamentari tal-pensjonijiet tal‑impjegati tal‑posta ġiet allinjata mas-sistema ġenerali, dan il‑fond, li minnu qatt ma kien sar ħlas minn meta ġie stabbilit, ġie trasferit għal riżerva ta’ qligħ kapitali.

109    Madankolu mid-deċiżjoni kkontestata u mid-dokumenti mressqa mill‑Kummisjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisbitx informazzjoni li kienet tippermettilha tiddeċiedi fuq il‑kwalifika taċ-ċessjoni mill‑Istat Belġjan ta’ proprjetà immobbli favur La Poste fid-dawl tal-Artikolu 87 KE, anki jekk dawn il-miżuri setgħu tawha vantaġġ. Fil-fatt, il‑Kummissjoni ħadet id‑deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kellha elementi li setgħu b’mod partikolari jippermettulha tevalwa l‑vantaġġ mogħti mit-tqegħid għd-dispożizzjoni bla ħlas ta’ proprjetà immobbli. Hija kellha wkoll tagħmel eżami approfondit tal‑effetti ta’ din il-miżura qabel ma tiddeċiedi fuq il‑kwalifika tal‑għajnuna mill‑Istat.

110    Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx, fil-kuntest ta’ din il‑proċedura ta’ eżami preliminari, tagħmel eżami suffiċjenti tat‑trasferiment ta’ proprjetà immobbli mill-Istat Belġjan favur La Poste jikkostitwixxi indizju addizzjonali tal‑eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

–       Fuq in-natura inkompleta tal-eżami tal-ispiża tal-provvista tas-SIEG fid‑deċiżjoni kkontestata

111    Qabel xejn, għandu jitfakkar li l-argument tar-rikorrenti dwar in‑nuqqas ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-livell tal-ispiża tal-provvista tas-SIEG hija bbażata fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq, li ngħatat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk il‑Kummissjoni ma setgħetx tkun taf x’fiha meta ħadet id‑deċiżjoni tagħha.

112    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma llimitatx, ratione temporis, il‑portata tal-prinċipji tas-sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq. Fin-nuqqas ta’ din il-limitazzjoni ratione temporis, dawn il-prinċipji li jirriżultaw minn interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE huma għaldaqstant kompletament applikabbli għas‑sitwazzjoni fattwali u ġuridika ta’ din il-kawża hekk kif dehret għall‑Kummissjoni meta adottat id‑deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 158).

113    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal‑Ġustizzja tagħti lil dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju hija limitata sabiex tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata tagħha, hekk kif kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li d‑dispożizzjoni hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata anki għal relazzjonijiet legali mnissla u stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, u huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għas-sistema legali Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull parti interessata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tikkonfuta relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fede. Barra minn hekk, limitazzjoni bħal din tista’ biss tkun ammessa fis-sentenza stess li tiddeċiedi fuq l‑interpretazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punti 66 u 67, u tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C‑292/04, Ġabra p. I‑1835, punti 34 sa 36, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal‑Prim’Istanza tqis li dawn il‑kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw minn ġurisprudenza li tirrigwarda, b’mod partikolari, id-dmir tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-qorti nazzjonali japplikaw mutatis mutandis għall-istituzzjonijiet Komunitarji meta jiġu msejħa, min-naħa tagħhom, jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ dritt Komunitarju li kienu s-suġġett ta’ interpretazzjoni sussegwenti tal-Qorti tal‑Ġustizzja (sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar ’il fuq, punt 159).

114    F’dan il-każ, għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni pproċeditx għal eżami li bih setgħet tiddetermina jekk il-livell tal‑kumpens imħallas lil La Poste kienx ġie stabbilit abbażi ta’ analiżi tal‑ispejjeż li impriża oħra medja, ġestita tajjeb u adegwatament mgħammra b’mezzi neċessarji sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, kien ikollha tonfoq sabiex timplementa dawn l-obbligi, fid-dawl tad-dħul relatat ma dan is-servizz kif ukoll ta’ benefiċċju raġonevoli għall‑implementazzjoni ta’ dawn l-obbligi (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Altmark, punt 45 iktar ’il fuq, punt 93).

115    Issa, kemm mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-iskambju ta’ korrispondenza u mill-minuti tal-laqgħat bejn il-Kummissjoni u l‑awtoritajiet Belġjani jirriżulta li l-Kummissjoni fl-ebda mument ma vverifikat li s-servizzi ta’ interess ġenerali pprovdut minn La Poste kienu ġew ipprovduti bi spiża li kien ikollha ssostni impriża medja ġestita tajjeb, skont il-prinċipju stabbiliti mis‑sentenza Altark, punt 45 iktar ’il fuq. Il‑Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq in-natura negattiva tal-bilanċ tal-elementi kollha ta’ kumpens żejjed u ta’ kumpens baxx tal-ispiża addizzjonali tas-SIEG sabiex tikkunsidra li l-miżuri eżaminati ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

116    B’hekk, abbażi ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l‑Kummissjoni ma eżaminatx l-ispiża tas-servizzi ta’ interess ġenerali pprovduti minn La Poste meta mqabbla mal-ispejjeż li kien ikollha ssostni impriża medja, li seta’, jekk ikun il-każ, jippermettila tikkonkludi li l‑miżuri eżaminati ma jikkostitwixxux għajununa mill‑Istat.

117    Il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari, li tagħmel eżami komplet f’dak li jikkonċerna l‑evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-livell tal-kumpens mogħti mill‑Istat Belġjan lil La Poste jikkostitwixxi indizju ġdid tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

118    Kemm mill-eżami tat-tieni motiv u kif ukoll minn dak tar-raba’ u tass-seba’ motivi, sa fejn huma intiżi li jistabbilixxu li l-eżami magħmul mill‑Kummissjoni waqt il-fażi ta’ eżami preliminari kien insuffiċjenti jew inkomplet, jirriżulta li hemm diversi indizji oġġettivi u konkordanti, ibbażati fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ eżami preliminari, fuq id‑dokumenti li juru l-firxa u l‑kumplessità tal-eżami li għandu jsir u fuq il‑kontenut parzjalment inkomplet u insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata li juru li l‑Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni kkontestata minkejja l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Mingħajr m’hemm għalfejn tittieħed deċiżjoni fuq it-tielet u l‑ħames motivi tar-rikorrenti, sa fejn dawn huma intiżi li jistabbilixxu li l‑eżami tal‑Kummissjoni seta’ kien inkomplet jew insuffiċjenti dwar l‑eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji u l‑possibbiltà li jkun hemm il‑benefiċċju ta’ garanzija tal-Istat għad-dejn li sar, għandu għalhekk jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-miżura nnotifikata tqajjem diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill‑Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura prevista fl‑Artikolu 88(2) KE.

119    Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

120    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu intalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati kemm l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2003) 2508 finali, tat-23 ta’ Lulju 2003, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, wara l-proċedura ta’ eżami preliminari prevista mill-Artikolu 88(3) KE, kontra diversi miżuri meħuda mill‑awtoritajiet Belġjani favur La Poste SA, l‑impriża postali pubblika Belġjana, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati kemm l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tad-Deutsche Post AG u DHL International.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Frar 2009.

Firem





















Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura ta’ eżami preliminari

Id-deċiżjoni kkontestata

Miżura 1: eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji

Miżura 2: kanċellazzjoni ta’ fond għall-pensjonijiet fl-1997

Miżura 3: benefiċċju tal-garanzija tal-Istat għas-self li sar

Miżura 4: eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetŕ immobbli għall-proprjetŕ immobbli użata għal servizz pubbliku

Miżura 5: kumpens eċċessiv ta’ servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali waqt l‑ewwel kuntratt ta’ ġestjoni (1992‑1997)

Miżura 6: żidiet fil-kapital mhux innotifkati magħmula fl-1997 għal ammont totali ta’ EUR 62 miljun

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-locus standi

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-interess ġuridiku

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq l‑ammissibbilità tal-motivi tar-rikors.

Fuq l-għan tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ħtieġa li tinfetaħ il-proċedura prevista mill‑Artikolu 88(2) KE

– Fuq it-tielet motiv, sa fejn huwa bbażat fuq il-karattru inkomplet tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il‑kumpanniji

– Fuq ir-raba’ motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura inkompleta tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq il-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet

– Fuq il-ħames motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura inkompleta tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fuq il-possibbiltŕ li tibbenefika mill-garanzija tal‑Istat għad-dejn li sar

– Fuq is-seba’ motiv, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal‑eżami magħmul mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Altmark

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

– Regoli ġenerali dwar il-proċedura prevista mill-Artikolu 88 KE

– Fuq l-indizji ta’ diffikultajiet serji li jirriżultaw mit-tul u miċ‑ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari

– Fuq in-natura insuffiċjenti tal-eżami tal-kanċellazzjoni tal-fond għall-pensjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata

– Fuq in-natura inkompleta tal-eżami tal-ispiża tal-provvista tas-SIEG fid‑deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.