Language of document : ECLI:EU:T:2017:251

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

5 ta’ April 2017 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċertu tip ta’ polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja, it-Tajlandja u t-Tajwan – Reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri – Proposta tal-Kummissjoni ta’ tiġdid tal-imsemmija miżuri – Deċiżjoni tal-Kunsill li tagħlaq il-proċedura ta’ reviżjoni mingħajr ma jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri – Rikors għal annullament – Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu sinjifikanti – Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 – Interess tal-Unjoni – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Rikors għad-danni”

Fil-Kawża T-422/13,

Committee of Polyethylene Terephthalate (PET) Manufacturers in Europe (CPME), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), u l-ismijiet l-oħra tar-rikorrenti li isimhom jinsabu annessi (1), irrappreżentati minn L. Ruessmann, avukat, u J. Beck, solicitor

rikorrenti,

sostnuti minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, A. Demeneix u M. França, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert u J.‑P. Hix, bħala aġenti, assistiti minn B. O’Connor, solicitor, u S. Gubel, avukat,

konvenut,

sostnut minn

European Federation of Bottled Waters (EFBW), stabbilita fi Brussell,

Caiba, SA, stabbilita f’Paterna (Spanja),

Coca-Cola Enterprises Belgium (CCEB), stabbilita f’Anderlecht (il-Belġju),

Danone, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Nestlé Waters Management & Technology, stabbilita f’Issy-les-Moulineaux (Franza),

Pepsico International Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

u

Refresco Gerber BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn E. McGovern, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/226/UE, tal-21 ta’ Mejju 2013, li jirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja (ĠU 2013, L 136, p. 12), sa fejn hija rrifjutat il-proposta li jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja u temmet il-proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni li r-rikorrenti allegatament ġarrbu,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová u E. Buttigieg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża ġiet adottata abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, Rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), qabel ma ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2014, li jemenda ċerti Regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (ĠU 2014, L 18, p. 1), u t-tħassir tiegħu bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).

2        L-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku kien ifformulat kif ġej:

“Miżura definittiva kontra d-dumping għandha tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni ta’ l-iktar reviżjoni riċenti li kopriet kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara, sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Reviżjoni ta’ skadenza bħal din għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi Komunitarji, u l-miżura għandha tibqa’ infurzata fl-istennija tar-riżultat ta’ reviżjoni bħal din.

Reviżjoni ta’ skadenza għandha tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri kienu x’aktarx jirriżultaw f’kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. Probabbiltà bħal din tista’, per eżempju, tiġi indikata b’evidenza ta’ bejgħ taħt il-prezz u ħsara kontinwa jew evidenza li t-tneħħija tal-ħsara hija parzjali jew ikkawżata biss mill-eżistenza ta’ miżuri jew evidenza li ċ-ċirkustanzi ta’ l-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li kienu jindikaw il-probabbilità ta’ aktar dumping b’dannu.

Fit-twettiq ta’ l-investigazzjonijiet taħt dan il-paragrafu l-esportaturi, l-importaturi, ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u l-produtturi tal-Komunità għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li jamplifikaw, jopponu jew jikkummentaw fuq il-kwistjonijiet stabbiliti fit-talba tar-reviżjoni, u għandhom isiru konklużjonijiet, filwaqt li tingħata l-attenzjoni mistħoqqa għall-evidenza rilevanti u dokumentata ppreżentata fejn għandha x’taqsam il-kwistjoni dwar jekk l-iskadenza tal-miżuri twassalx għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara.

Notifika ta’ l-iskadenza pendenti għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien xieraq fis-sena tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri finali kif definiti f’dan il-paragrafu. Minn hemm, il-produtturi tal-Komunità għandhom, mhux iktar tard minn tlett xhur qabel l-aħħar tal-perjodu ta’ ħames snin, ikunu intitolati li jagħmlu talba ta’ reviżjoni skond it-tieni sub-paragrafu. Notifika li tħabbar l-iskadenza attwali tal-miżuri skond dan il-paragrafu għandha wkoll tiġi ppubblikata.”

3        Skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, “[i]d-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limiti ta’ żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4”.

4        L-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku kien jindika kif ġej:

“Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess Komunitarju jitlob li jkun hemm intervent skond l-Artikolu 21, dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Il-proposta għandha tiġi adottata mill-Kunsill, sakemm ma jiddeċidix b’maġġoranza sempliċi li ma jaċċettax il-proposta, fi żmien xhar wara li tkun ġiet sottomessa mill-Kummissjoni […]”.

5        Konformement mal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, “[k]walunkwe konsultazzjonijiet li jagħmel tajjeb għalihom dan ir-Regolament għandhom iseħħu fi ħdan Kumitat Konsultattiv li għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ kull Stat Membru, b’rappreżentant tal-Kummissjoni bħala president”.

6        L-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku kien redatt kif ġej:

“Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara. L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr”.

7        Konformement mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, “[r]appreżentazzjonijiet [osservazzjonijiet] magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10 t’ijiem, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni”.

8        L-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku kien jipprevedi li ġej:

“Għandu jkun stabbilit jekk l-interess Komunitarju jitlobx intervent fuq il-bażi ta’ apprezzament ta’ l-interessi varji kollha meħuda globalment, inklużi l-interessi ta’ l-industrija u dawk fl-użu u l-konsumaturi domestiċi; u dan l-istabbiliment skond dan l-Artikolu għandu biss isir fejn il-partijiet kollha ġew mogħtija l-opportunità li jagħmlu l-opinjonijiet tagħhom magħrufa skond il-paragrafu 2. F’eżaminazzjoni bħal din, il-bżonn illi tiġi eliminata l-ħsara li jikkawża dumping u li jreġġa’ l-kompetizzjoni effettiva għandu jiġi mogħti kunsiderazzjoni speċjali. Miżuri, kif stabbiliti fuq il-bażi ta’ dumping u l-ħsara misjuba, ma jistgħux jiġu applikati fejn l-awtoritajiet, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni sottomessa, jistgħu jikkonkludu b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jiġu applikati miżuri bħal dawn”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Din il-kawża tirrigwarda proċedura ta’ reviżjoni mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku minħabba l-iskadenza tad-dazju antidumping li kienu ġew imposti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sa mis-sena 2000, fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ polietilentereftalat (PET) provenjenti, b’mod partikolari, mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja (iktar ’il quddiem id-“dazji antidumping inkwistjoni”).

10      Il-Kunsill kien impona wkoll sa mis-sena 2000 dazji antidumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ PET provenjenti mill-Indoneżja u mill-Malasja kif ukoll dazji kumpensatorji fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ PET provenjenti, b’mod partikolari, mill-Indja (iktar ’il quddiem id-“dazji kumpensatorji inkwistjoni”).

11      Fil-25 ta’ Novembru 2011, wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ żewġ Avviżi ta’ skadenza tad-dazji antidumping imsemmija fil-punti 9 u 10 iktar ’il fuq (ĠU 2011, C 122, p. 10), u tad-dazji kumpensatorji inkwistjoni (ĠU 2011, C 116, p. 10), il-Kummissjoni Ewropea ġiet adita mill-industrija tal-Unjoni Ewropea li tipproduċi l-PET b’żewġ talbiet għall-ftuħ ta’ reviżjoni minħabba l-iskadenza tad-dazji antidumping u kumpensatorji, rispettivament, fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 188, p. 93).

12      Peress li ddeterminat, wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament bażiku, li kienu jeżistu provi suffiċjenti għall-ftuħ ta’ reviżjonijiet minħabba l-iskadenza tal-miżuri, il-Kummissjoni ħabbret, fl-24 ta’ Frar 2012, il-ftuħ ta’ dawn ir-reviżjonijiet (ĠU 2012, C 55, p. 4, u ĠU 2012, C 55, p. 14).

13      Wara l-investigazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni pproponiet li ma jiġux imġedda d-dazji antidumping li jirrigwardaw l-importazzjoni ta’ PET mill-Indoneżja u mill-Malasja. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni pproponiet li jiġġeddu, għal perijodu ta’ ħames snin, id-dazji antidumping u kumpensaturi inkwistjoni. B’mod iktar partikolari fir-rigward tad-dazji antidumping inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset li, fil-każ ta’ skadenza ta’ dawn tal-aħħar, kien hemm probabbiltà ta’ tkomplija tad-dumping u ta’ rikorrenza tal-effett dannuż fuq l-industrija tal-Unjoni u li t-tiġdid tal-imsemmija dazji ma kienx imur kontra l-interess tal-Unjoni.

14      Fit-3 ta’ April 2013, il-Kummissjoni ressqet dawn il-proposti quddiem il-Kumitat Konsultattiv. F’din id-data, tlettax-il rappreżentant tal-Istati Membri fi ħdan dan il-kumitat opponew il-proposta ta’ tiġdid tad-dazji antidumping inkwistjoni. Din il-proposta kienet għaldaqstant sostnuta minn maġġoranza sempliċi tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

15      Fuq din il-bażi, fit-23 ta’ April 2013, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill abbozz ta’ regolament antidumping (iktar ’il quddiem il-“proposta tal-Kummissjoni”) u abbozz ta’ regolament antisussidji li jġedded id-dazji antidumping u kumpensatorji inkwistjoni matul perijodu supplimentari ta’ ħames snin.

16      Fil-21 ta’ Mejju 2013, fid-dawl tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill ġedded id-dazji kumpensatorji inkwistjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu (UE) Nru 461/2013, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalatli (PET) li joriġina mill-Indja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 (ĠU 2013, L 137, p. 1). Fil-fatt, huwa kkonstata li, minkejja xejriet apparentement pożittivi u sforzi sinjifikanti ta’ ristrutturar, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni “[kienet] għadha fraġli” (premessa 186). Il-Kunsill osserva wkoll li, fid-dawl taż-żieda sostanzjali probabbli fl-importazzjonijiet issussidjati mill-Indja, li x’aktarx il-prezzijiet tagħhom ikollhom ikunu inqas mill-prezz ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, is-sitwazzjoni wisq probabbli tmur għall-agħar u li jkun hemm rikorrenza ta’ dannu sinjifikanti fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri (premessa 211). Fl-aħħar nett, il-Kunsill qies li d-dazji kumpensatorji inkwistjoni ma kellhomx “effett sproporzjonat” għall-utenti tal-PET fl-Unjoni (premessa 264). Fuq din il-bażi, il-Kunsill qies li “ma [setgħetx] tintlaħaq konklużjoni ċara li [ma kienx] fl-interess tal-Unjoni li jinżammu [d-dazji] kumpensatorji [inkwistjoni]” (premessa 265).

17      Min-naħa l-oħra, f’din l-istess data, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/226/UE tal-21 ta’ Mejju 2013, li jirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja (ĠU 2013, L 136, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

18      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill iddeċieda li ma jġeddidx id-dazji antidumping inkwistjoni, kuntrarjament għal dak li kienet ipproponiet il-Kummissjoni (Artikolu 1). Fil-fatt, huwa qies li l-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri antidumping inkwistjoni “ma [kinitx ġiet] muri[ja]” (premessa 5), jew saħansitra li “x’aktarx” ma kienx ser ikun hemm rikorrenza (premessa 17). Il-Kunsill qies ukoll li ma kienx manifestament fl-interess tal-Unjoni li ġġedded il-miżuri, peress li l-ispejjeż għall-importaturi, l-utenti u l-konsumaturi kienu sproporzjonati meta mqabbla mal-vantaġġi li kienet tislet minnhom l-industrija tal-Unjoni (premessi 18 sa 23). Fuq din il-bażi, il-Kunsill temm il-proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward tad-dazji antidumping mingħajr ma ġedded dawn id-drittijiet (Artikolu 2).

19      Fir-rigward tad-dazji antidumping fid-dawl tal-importazzjonijiet ta’ PET provenjenti mill-Indoneżja u mill-Malasja (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), il-Kunsill madankollu segwa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-proposta tal-Kummissjoni li ma jiġġeddux dawn id-dazji. F’dan ir-rigward, huwa qies, bħall-Kummissjoni li, fil-każ ta’ revoka tal-miżuri, it-tkomplija mill-ġdid tal-importazzjonijiet minn produtturi-esportaturi Indoneżjani jew Malasjani bi prezzijiet ta’ dumping u bi kwantitajiet dannużi għas-suq tal-Unjoni ma kinitx probabbli fuq perijodu qasir u medju (premessa 4). Fuq din il-bażi, il-Kunsill temm il-proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward tad-dazji antidumping fuq l-importazzjoni minn dan il-pajjiż (Artikolu 2).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Il-Committee of Polyethylene Terephthalate (PET) Manufacturers in Europe (CPME) hija assoċjazzjoni ta’ produtturi ta’ PET fl-Unjoni. Cepsa Química, SA, Equipolymers Srl, Indorama Ventures Poland sp. z o.o., Lotte Chemical UK Ltd, M & G Polimeri Italia SpA, Novapet, SA, Ottana Polimeri Srl, UAB Indorama Polymers Europe, UAB Neo Group u UAB Orion Global pet huma produtturi ta’ PET tal-Unjoni.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti, jiġifieri l-entitajiet kollha msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, essenzjalment, talbu, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u, fuq il-bażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-dannu li allegatament huma ġarrbu wara l-adozzjoni illegali ta’ din tal-aħħar.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Novembru 2013, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħa dan l-intervent.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Diċembru 2013, ċerti utenti tal-PET tal-Unjoni, jiġifieri Caiba, SA, Coca‑Cola Enterprises Belgium (CCEB), Danone, Nestlé Waters Management & Technology, Pepsico International Ltd u Refresco Gerber BV, kif ukoll l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil din l-industrija, jiġifieri l-European Federation of Bottled Waters (EFBW) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“intervenjenti privati”), talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

24      Fl-20 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti qajmu oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ din it-talba għal intervent. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti talbu li, fl-ipoteżi fejn l-intervenjenti privati jiġu aċċettati jintervjenu, l-argumenti kollha u l-annessi li jinsabu fin-noti li jirrigwardaw it-talba tagħhom għal kumpens jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lil dawn il-partijiet, minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom. Għall-finijiet ta’ din il-komunikazzjoni, ir-rikorrenti pproduċew verżjoni mhux kunfidenzjali tan-noti u tal-annessi inkwistjoni.

25      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Lulju 2014, l-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal intervent tal-intervenjenti privati, biss sa fejn huma kienu jsostnu t-talbiet tal-Kunsill intiżi għaċ-ċaħda tat-talba għal annullament tar-rikorrenti u mhux fir-rigward tat-talbiet intiżi għaċ-ċaħda tat-talba tagħhom għal kumpens. Il-komunikazzjoni lill-intervenjenti privati tal-atti ta’ proċedura kienet limitata għall-verżjoni mhux kunfidenzjali prodotta mir-rikorrenti. L-intervenjenti privati ma qajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

26      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-termini ta’ żmien mogħtija. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx tissodisfa l-obbligi imposti fuq il-Kunsill taħt l-Artikolu 296 TFUE.

27      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2016.

28      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikaw li huma xtaqu jaġġornaw it-talba tagħhom għad-danni mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 268 TFUE. Wara din it-talba, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti jirreġistraw dan l-aġġornament. Il-Kunsill għamel osservazzjonijiet dwar l-imsemmi aġġornament fit-terminu ta’ żmien mogħti.

29      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fit-18 ta’ Novembru 2016.

30      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija ma ġedditx id-dazji antidumping inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-Kunsill tikkumpensahom għad-danni mġarrba;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-intervenjenti privati għall-ispejjeż sostnuti minħabba l-intervent tagħhom.

31      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għal annullament bħala infondata;

–        tiċħad it-talba għal kumpens bħala infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli u fondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      L-intervenjenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għal annullament;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq it-talba għal annullament

34      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament. L-ewwel u t-tielet motivi jilmentaw il-fatt li l-Kunsill ma żvelalhomx il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas ma ta terminu sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar dawn tal-aħħar. Nuqqas ta’ dan it-tip jikkostitwixxi, fil-fehma tagħhom, ksur tal-Artikolu 20(4) u (5) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti (l-ewwel motiv) kif ukoll tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba (it-tielet motiv). Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jilmentaw żball manifest ta’ evalwazzjoni u l-ksur tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku.

35      Qabel kollox il-Qorti Ġenerali ser teżamina t-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku

36      Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu li l-konklużjonijiet tal-Kunsill, fil-premessi 17 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom, minn naħa, ftit kien probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal sabiex ikun hemm rikorrenza ta’ dannu sinjifikanti u, min-naħa l-oħra, it-tiġdid tad-dazji antidumping inkwistjoni manifestament ma kienx fl-interess tal-Unjoni, jikkostitwixxu żball manifest ta’ evalwazzjoni u jiksru, rispettivament, l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku.

37      Fil-fatt, dawn il-konklużjonijiet jistrieħu fuq kunsiderazzjonijiet li jirriflettu għażla parzjali u ddeformata tal-fatti stabbiliti waqt l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll fuq affermazzjonijiet oħra infondati, jew saħansitra żbaljati. Ċerti affermazzjonijiet huma, barra minn hekk, mhux issostanzjati u inkoerenti. Id-deċiżjoni kkontestata tidher li waslet għal konklużjonijiet li jmorru kontra dawk tal-Kummissjoni kif ukoll għall-konklużjonijiet tal-Kunsill innifsu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013.

38      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti privati, jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni billi jargumenta li, fuq il-bażi tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, huwa seta’ jagħti prevalenza lil element pjuttost milli ieħor, jew saħansitra jqis li element ma kienx rilevanti. Peress li l-analiżi prospettiva fil-kuntest ta’ reviżjoni hija ta’ natura kumplessa, kemm il-Kummissjoni kif ukoll huwa nnifsu setgħu, b’mod għal kollox leġittimu, jaslu għal konklużjonijiet differenti mingħajr ma wieħed minnhom iwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013, il-Kunsill josserva li dan kien każ ta’ proċeduri differenti li setgħu jagħtu lok għal evalwazzjoni differenti tal-fatti. Fl-aħħar nett, il-konklużjonijiet tiegħu, fil-premessi 17 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata, ma humiex ivvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

39      Qabel ma jiġu eżaminati f’iktar dettall l-argumenti tal-partijiet fuq il-ksur tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, hemm lok li tiġi ddeterminata, bi tweġiba għal ċerti argumenti tal-partijiet, in-natura tal-eżami li l-Kunsill intalab iwettaq fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u l-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-analiżi li għandha titwettaq mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u fuq il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjoni kkontestata

40      L-intervenjenti privati josservaw li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, bħala prinċipju l-miżuri jiskadu meta jintemm it-terminu stabbilit, “sakemm ma jiġix stabbilit” li t-tneħħija tagħhom tiffavorixxi tkomplija jew rikorrenza tad-dumping jew tad-dannu. B’hekk, fil-fehma tagħhom, sabiex il-miżuri jiskadu, ma għandux jiġi pprovat pożittivament li huwa ftit probabbli jew improbabbli li jkun hemm tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping, iżda jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li l-kuntrarju ma ġiex ipprovat, liema ħaġa hija inqas diffiċli.

41      L-intervenjenti privati jirrikonoxxu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill xi kultant ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu “b’mod iktar issostanzjat”, billi sostnew li “ma kienx wisq probabbli” li l-iskadenza tal-miżuri twassal sabiex ikun hemm rikorrenza ta’ dannu sinjifikanti. Madankollu, fil-fehma tagħhom, dawn l-affermazzjonijiet ma jbiddlux in-natura tal-eżami li għandu jseħħ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni n-natura ta’ dan l-eżami meta tkun ser teżamina l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-applikazzjoni mill-Kunsill tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

42      L-intervenjenti privati josservaw ukoll li l-Kunsill wettaq eżami xieraq, fid-deċiżjoni kkontestata, meta sostna, l-ewwel nett li “ma [kienx ġie] muri li t-tneħħija tal-miżuri antidumping kontra l-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja x’aktarx twassal għall-issoktar jew għall-bidu ġdid ta’ dumping dannuż” (premessa 5), it-tieni nett, li “ma [kienx intwera] li dumping ta’ ħsara permezz ta’ importazzjonijiet mill-[Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja] x’aktarx jerġa’ jitfaċċa ladarba jiskadu l-miżuri” (premessa 12) u, it-tielet nett, li “ma [kienet ingħatat] l-ebda evidenza persważiva dwar għadd ta’ fatturi li jidhru rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni ta’ jekk it-tneħħija tad-dazji [kinitx twassal] għal bidu ġdid ta’ dumping ta’ ħsara” (premessa 15).

43      Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ippreċiża li, meta kien jadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, wara proċedura ta’ reviżjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament, huwa kellu janalizza “jekk [kienx] ġie pprovat” li, fuq il-bażi ta’ fatti kkonstatati fil-passat, kien probabbli li jkun hemm tkomplija jew rikorrenza tad-dumping dannuż fil-futur. Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill jindika li qies li l-fatti, kif stabbiliti mill-Kummissjoni, ma jurux il-probabbiltà ta’ tkomplija jew rikorrenza tad-dumping dannuż.

44      Waqt is-seduta, il-Kunsill żied li huwa kellu biss jiċħad jew jaċċetta l-proposta tal-Kummissjoni u jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. Huwa rrikonoxxa wkoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, huwa kien mar lil hinn mill-analiżi rikjesta mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku billi kkonkluda anki pożittivament għall-improbabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu. Madankollu, il-Kunsill osserva li l-fatti li huwa kien ikkonstata fid-deċiżjoni kkontestata, insostenn ta’ din il-konklużjoni, kienu neċessarjament jistabbilixxu li l-probabbiltà ta’ dannu ma kinitx ġiet ipprovata mill-Kummissjoni.

45      Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreċiżat li, bħala prinċipju, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu jtemmu l-proċedura ta’ reviżjoni mal-iskadenza tal-miżuri mingħajr ma jinżammu fis-seħħ il-miżuri eżistenti li kieku kellhom iqisu li ma kinux jeżistu provi suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-probabbiltà li jkun hemm tkomplija jew rikorrenza tad-dumping u tad-dannu. Madankollu, il-Kummissjoni osservat li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku ma kienx jipprekludi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni milli japplikaw, bħal f’dan il-każ, metodu iktar eżiġenti, billi jibbażaw lilhom infushom fuq il-konstatazzjoni espliċita li, minn perspettiva materjali, l-abrogazzjoni tal-miżuri eżistenti ma kinitx tali li twassal sabiex ikun hemm rikorrenza tad-dumping u tad-dannu. Fil-fehma tagħha, li kieku dan kellu jkun il-każ, il-qrati tal-Unjoni kellhom id-dritt jivverifikaw jekk il-fatti kinux jissostanzjaw din il-konklużjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet riferiment għas-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punti 74 u 75).

46      Mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti jaqblu mal-argumenti tal-Kummissjoni.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill mhux biss ċaħad, parzjalment, il-proposta tal-Kummissjoni (Artikolu 1), iżda wkoll temm huwa stess ir-reviżjoni mwettqa minn din tal-aħħar (Artikolu 2). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill kellu l-obbligu li josserva l-kundizzjonijiet imposti mir-Regolament bażiku biex tintemm din ir-reviżjoni.

48      Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, miżura antidumping definittiva tiskadi ħames snin wara li din tiġi fis-seħħ jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni tal-iktar reviżjoni reċenti li tkun kopriet kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, “sakemm ma jiġix stabbilit f’reviżjoni li d-data ta’ skadenza kienet x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara”.

49      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li sempliċi possibbiltà ta’ tkomplija jew rikorrenza ta’ dannu ma hijiex suffiċjenti biex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ miżura, fejn din tal-aħħar hija suġġetta għall-istabbiliment tal-probabbiltà ta’ tkomplija jew rikorrenza tad-dannu (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il‑Kummissjoni, T‑188/99, EU:T:2001:166, punt 42). Barra minn hekk, jeħtieġ li din il-probabbiltà tkun ġiet ikkonstatata pożittivament, fuq il-bażi ta’ investigazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il‑Kummissjoni, T‑188/99, EU:T:2001:166, punt 57).

50      Minn dan jirriżulta li, b’effett tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri jiskadu sakemm ma jkunx ġie pprovat li din l-iskadenza tkun tiffavorixxi t-tkomplija jew ir-rikorrenza tad-dumping u tad-dannu. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, sabiex ma tinżammx fis-seħħ miżura antidumping definittiva, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għaldaqstant ma għandhomx l-obbligu li juru li huwa improbabbli li jkun hemm tkomplija jew rikorrenza tad-dumping u tad-dannu, iżda jistgħu sempliċement jikkonstataw li tali probabbiltà ma ġietx ipprovata.

51      Il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku hija differenti minn din tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, eżaminat fis-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209), iċċitata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Kunsill kien għamel użu mill-possibbiltà eċċezzjonali, prevista fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, li jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss id-data relatata mal-perijodu ta’ investigazzjoni, iżda wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, data maħruġa wara dan il-perijodu ta’ investigazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu ta’ din tal-aħħar ma setgħetx tevita l-kontroll tal-qorti tal-Unjoni. Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku jipprevedi biss tip wieħed ta’ eżami biex tiġi ddeterminata l-ħtieġa taż-żamma tal-miżuri, li huwa intiż li jiddetermina jekk il-probabbiltà ta’ tkomplija jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tad-dannu ġietx ipprovata.

52      F’dan il-każ, il-Kunsill ikkonkluda fid-deċiżjoni kkontestata li “ma [kienx ġie] muri” li l-iskadenza tad-dazji antidumping inkwistjoni jwasslu sabiex ikun hemm rikorrenza ta’ dannu sinjifikanti (premessa 5) u li “x’aktarx [ma kienx]” se jkun hemm rikorrenza (premessa 17). Il-Kunsill ibbaża dawn iż-żewġ konklużjonijiet fuq l-istess raġunijiet, esposti fil-premessi 8 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata.

53      Hekk kif jenfasizza l-Kunsill, hemm lok li jiġi eżaminat, konformement mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jekk il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huwa bbaża ruħu fid-deċiżjoni kkontestata jippermettux li jiġi konkluż, mingħajr ma jitwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ma kienx ġie pprovat f’dan il-każ li l-iskadenza tad-dazji antidumping inkwistjoni tiffavorixxi rikorrenza ta’ dannu.

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u partikolarment fil-qasam ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw (sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 40, u tal-11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals u Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 61).

55      F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi osservat li l-eżami tal-probabbiltà ta’ tkomplija jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tad-dannu tassumi l-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi u li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din l-evalwazzjoni għandu, għalhekk, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex tiġi applikata l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il‑Kummissjoni, T‑188/99, EU:T:2001:166, punti 45 u 46, u tat-8 ta’ Mejju 2012, Dow Chemical vs Il‑Kunsill, T‑158/10, EU:T:2012:218, punt 21).

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-istħarriġ min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma kienx jikkostitwixxi evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jaffettwax is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ dawn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu sabiex jikkonstata jekk dawn l-elementi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jkunu waslu għalihom l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 68).

57      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet tal-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel, C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 36).

58      Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, f’dan il-każ hemm lok li tiġi eżaminata l-analiżi tal-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku.

 Fuq l-eżami tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku

59      Iż-żamma ta’ miżura fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni minħabba l-iskadenza tagħha tiddependi mir-riżultat ta’ evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-iskadenza tagħha, għaldaqstant minn pronostiku bbażat fuq ipoteżijiet fir-rigward ta’ żviluppi futuri tas-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il‑Kummissjoni, T‑188/99, EU:T:2001:166, punt 42).

60      F’dan il-każ, il-Kunsill qabel kollox ikkonstata, fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-industrija tal-UE attwalment [ma kinitx qed] issofri ħsara materjali”.

61      Fir-rigward tal-argument dwar rikorrenza ta’ dannu sinjifikanti fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri antidumping, il-Kunsill ikkunsidra, fil-premessi 5 u 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan ma kienx ġie pprovat, jew saħansitra li ftit kien probabbli.

62      Essenzjalment, il-Kunsill ibbaża din il-konklużjoni fuq is-seba’ konstatazzjonijiet li ġejjin.

63      Fl-ewwel lok, il-Kunsill ikkonstata l-eżistenza ta’ indikaturi ekonomiċi pożittivi (premessi 8 u 9), b’mod speċifiku ż-żieda fil-prezzijiet (premessa 8) – b’mod partikolari, il-prezzijiet fuq l-importazzjoni (premessi 9 in fine, 10 u 12). Skont il-Kunsill “[i]x-xejriet [kienu] juru li l-iżviluppi tas-suq ma [se]tgħux jitqiesu bħala temporanji” (premessa 8 in fine).

64      Fit-tieni lok, il-Kunsill enfasizza li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma kinux sinjifikattivi matul l-aħħar snin (premessa 10) u li l-ishma mis-suq tal-importazzjonijiet mit-Tajwan u mit-Tajlandja kienu “qrib iż-żero”, li kien ifisser li “l-affidabbiltà [ta’ lment] dwar id-dumping x’aktarx huma soġġetti għal marġni kbir ta’ żball” (premessa 11).

65      Fit-tielet lok, il-Kunsill osserva li, skont id-“data ppreżentata”, il-miżuri kienu pjuttost ibbenefikaw, f’termini ta’ ishma mis-suq, lill-produtturi tal-pajjiżi terzi milli lill-industrija tal-Unjoni (premessa 10 in fine).

66      Fir-raba’ lok, il-Kunsill ikkonstata l-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja matul il-perijodu eżaminat (premessa 12).

67      Fil-ħames lok, il-Kunsill innota li, minkejja li l-iskadenza tal-miżuri kellha tagħti lok għal żieda fl-importazzjonijiet wara l-iskadenza tal-miżuri, “din iż-żieda ma tkunx sinifikanti” (premessa 14 in fine). Fil-fatt, il-Kunsill “[ma kienx] persważ” li “xi kapaċità żejda” fl-Indja, fit-Tajwan u fit-Tajlandja tkun diretta mill-ġdid lejn l-Unjoni (premessa 13). Id-domanda tidher li qed togħla fuq il-parti l-kbira tas-swieq importanti fuq il-livell globali (premessi 6 u 13). Il-prezzijiet ipprattikati fl-Unjoni jkollhom tendenza li jallinjaw lilhom infushom (l-isfel) fuq dawk ipprattikati f’pajjiżi oħra (premessa 14). Ċerta informazzjoni jew elementi probatorji li jidhru rilevanti għal din l-analiżi ma ġewx prodotti (premessi 14 u 15).

68      Fis-sitt lok, il-Kunsill qies li ż-żamma tad-dazji kumpensatorji inkwistjoni u tal-miżuri antidumping fir-rigward taċ-Ċina u ta’ pajjiżi oħra tkompli toffri “xi protezzjoni għall-Industrija tal-Unjoni” (premessa 16).

69      Fis-seba’ lok, skont il-Kunsill “[i]x-xejra tal-passat ta’ kummerċ f’dan is-suq ukoll [kienet] tissuġġerixxi li kwalunkwe żieda fl-esportazzjonijiet mill-Indja, t-Tajlandja u t-Tajwan tista’, b’mod komplet jew parzjali, tisposta l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi pjuttost milli l-produzzjoni tal-UE” (premessa 16 in fine).

70      Kif ġie indikat fil-punt 53 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi eżaminat, fuq il-bażi tal-argumenti tal-partijiet, jekk dawn il-konstatazzjonijiet kinux jippermettu lill-Kunsill jikkunsidra, mingħajr ma jitwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li ma kienx ġie pprovat li l-iskadenza tad-dazji antidumping inkwistjoni tkun tiffavorixxi rikorrenza ta’ dannu.

71      Peress li n-nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti jirriżultaw mill-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 23 TFUE u jistgħu, jew saħansitra għandhom jitqajjmu ex officio mill-qorti tal-Unjoni, wara li jkunu nstemgħu il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 54 u 57), hemm lok li jiġi eżaminat ukoll jekk il-Kunsill osservax l-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 296 TFUE. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li l-partijiet ħadu pożizzjoni dwar l-obbligu tagħhom li jimmotivaw id-deċiżjoni kkontestata, u dan fuq talba tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ġew ordnati (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

–       Fuq l-eżistenza ta’ indikaturi ekonomiċi pożittivi, b’mod partikolari, iż-żieda fil-prezzijiet tal-PET

72      Mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li “[i]l-Kunsill eżamina […] jekk ir-rikorrenza tal-ħsara materjali tkunx probabbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu” u li “[i]l-valutazzjoni tal-Kunsill [kienet] li dan x’aktarx ma jseħħx.” Skont il-Kunsill, “[i]l-produttività [kienet] żdiedet fil-perijodu kopert mir-Reviżjoni tal-Iskadenza”. Barra minn hekk, l-“industrija tal-UE [kellha] ’l fuq minn 70 % tas-suq tal-UE u l-prezzijiet, il-profittabbiltà, ir-redittu fuq l-investiment u ċ-ċifri tal-flussi ta’ flus [kienu] qed jitjiebu b’mod sinifikanti” u x-“xejriet [kienu] juru li l-iżviluppi tas-suq ma [kinux jistgħu] jitqiesu bħala temporanji”.

73      B’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet fuq l-importazzjoni, il-Kunsill żied li dawn tal-aħħar “[kienu] żdiedu b’mod sinifikanti matul l-aħħar snin u għalhekk il-pressjoni tal-prezzijiet [kienet] qed tonqos” (premessa 9). Il-Kunsill ippreċiża li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja “il-prezzijiet tagħhom [kienu] konformi ma’ dawk tal-bejgħ fl-UE u l-importazzjonijiet l-oħrajn” (premessa 10). Barra minn hekk, il-Kunsill indika li “[f]ejn [kien] hemm importazzjonijiet, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet [kienu] żdiedu b’mod qawwi” u li, “[i]l-prezzijiet Indjani żdiedu b’29 %, il-prezzijiet Tajwaniżi żdiedu b’27 % u l-prezzijiet Tajlandiżi żdiedu b’32 % fuq il-perijodu kkunsidrat” (premessa 12).

74      Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Kummissjoni, isostnu li l-Kunsill għamel riferiment selettiv għall-iżviluppi pożittivi ta’ ċerti indikaturi ekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni, iżda injora l-iżviluppi negattivi u t-tul ta’ żmien limitat tal-iżviluppi pożittivi li kien stabbilixxa huwa nnifsu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013. Din il-kontradizzjoni tiżvela, skont il-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ żball manifest min-naħa tal-Kunsill, li ma pprovdiex spjegazzjoni ċara u inekwivoka fuq dan il-punt essenzjali.

75      Fir-rigward tal-affermazzjonijiet, fil-premessi 9, 10 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni, huma jirriflettu biss, skont ir-rikorrenti, żvilupp tas-suq li seħħ b’mod mhux mistenni u temporanju fuq skala globali, minħabba ż-żieda qawwija fil-prezz tal-qoton, hekk kif ġie rrikonoxxut mill-Kunsill fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni rilevanti hija dik tal-iżvilupp probabbli tal-prezzijiet fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri. Issa, jidher li d-deċiżjoni kkontestata tibqa’ siekta dwar dan il-punt u tinjora l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq din il-materja.

76      Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti privati, isostni li huwa laqgħa l-fatti, hekk kif kienu ġew ippreżentati lilu mill-Kummissjoni, u li sussegwentement huwa evalwahom kollha. Skont il-Kunsill, evalwazzjoni tal-fatti ma tfissirx l-istess ħaġa bħal stabbiliment tal-fatti. Huwa jfakkar ukoll li evalwazzjoni hija neċessarjament ta’ natura diskrezzjonali u li dan jiġġustifika l-fatt li l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

77      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-iżvilupp pożittiv tas-suq, ikkonstatat fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ċertament kienet stabbilixxiet, fil-premessa 186 tal-proposta tagħha, li “ħafna mill-indikaturi mikro-ekonomiċi rilevanti [kienu] wrew sinjali ta’ titjib”. B’hekk, “[i]l-profittabilità, ir-redditu fuq l-investiment u l-flussi tal-flus żdiedu b’mod sinifikanti, b’mod partikolari fl-2010 u fil-PIR”, jiġifieri dak inkluż bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2011.

78      Madankollu, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat ukoll, fil-premessa 186 tal-proposta tagħha, li l-investimenti “[kienu] naqsu b’mod drammatiku fl-2009 u ma [kinux irkupraw] minn dak iż-żmien ’l hawn”. Barra minn hekk, skont il-premessa 185 tal-proposta tal-Kummissjoni, “[l]-analiżi tad-dejta makro-ekonomika [kienet weriet] li l-industrija tal-Unjoni [kienet] naqqset il-produzzjoni u l-volumi tal-bejgħ tagħha matul il-perjodu kkunsidrat. [jiġifieri dak inkluż bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2011]”. Ulterjorment, “[i]s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ma [kienx irkupra] b’mod sħiħ mit-tnaqqis inizjali fl-2009 u [kien] wera tnaqqis globali ta’ 3 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat (għal 77% fil-PIR)”. Fl-aħħar nett, “[i]t-tnaqqis fl-impjiegi u fil-kapaċità [kien] riżultat tar-ristrutturar li għaddej u [kellu] jitqies fil-kuntest taż-żieda fl-użu tal-kapaċità u fil-produttività”.

79      Ċertament, il-Kunsill kien ibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-data ekonomika ppreżentata mill-Kummissjoni. Fil-kuntest ta’ din is-setgħa, huwa seta’, pereżempju, jikkontesta r-rilevanza ta’ ċerti fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni jew jiżen l-interessi pożittivi u negattivi b’mod differenti mill-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma semmiex l-indikaturi ekonomiċi negattivi identifikati mill-Kummissjoni, u lanqas ma kkontestat, a fortiori, ir-rilevanza tagħhom. Issa, il-volum tal-investimenti, ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll it-tendenza għat-telf tal-ishma mis-suq kienu jikkostitwixxu elementi rilevanti sabiex jiġi evalwat l-iżvilupp tas-suq fil-kuntest tal-analiżi prospettiva li kellha titwettaq mill-Kunsill. Qabel kollox, il-Kunsill ħa dawn l-elementi inkunsiderazzjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013, billi stabbilixxa dazju kumpensatur definittiv fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ PET li joriġinaw mill-Indja.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti jiddikjaraw, ġustament, li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata d-data rilevanti kollha fil-kuntest tal-analiżi tiegħu u li, b’dan il-mod, huwa wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

81      Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura mhux temporanja tal-iżvilupp pożittiv tas-suq, għandu jitfakkar li, fil-premessa 187 tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni kienet iddikjarat li “it-titjib [kien] relattivament riċenti u [kien] sa ċertu punt ibbażat fuq żviluppi mhux previsti u temporanji tas-suq fl-aħħar tal-2010 u l-bidu tal-2011 [minħabba ż-żieda qawwija fil-prezz tal-qoton]”. Fil-fehma tagħha, “[d]an jidher li [kien] appoġġat mill-informazzjoni disponibbli dwar l-iżviluppi tal-marġini tal-industrija tal-Unjoni fl-2012 […], li juru tnaqqis meta mqabbel mal-PIR”.

82      F’dan ir-rigward, il-Kunsill illimita ruħu biex iddikjara, fi tmiem il-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata li “[i]x-xejriet [kienu] juru li l-iżviluppi tas-suq ma [se]tgħux jitqiesu bħala temporanji”.

83      Issa, din l-affermazzjoni ma hijiex suffiċjentement immotivata.

84      Fir-risposta, il-Kunsill osserva li l-uniku indikatur temporanju pożittiv allegat mir-rikorrenti kien il-prezz. L-intervenjenti privati jżidu li l-indikaturi ewlenin (profittabbiltà, redditu fuq l-investiment) juru żviluppi pożittivi qabel iż-żieda qawwija fil-prezz tal-qoton.

85      Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet ma jirriżultawx fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, la l-Kunsill, u lanqas l-intervenjenti pprovati ma jistgħu jtaffu l-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi jipprovdu spjegazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2015, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 287 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Fit-tielet lok, fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet, il-Kummissjoni kienet indikat dan li ġej fil-proposta tagħha:

87      “(155) Bħala punt preliminari għall-analiżi għandu jiġi spjegat li ċerti avvenimenti ekonomiċi globali lejn l-aħħar tal-2010 u fil-bidu tal-2011 kellhom impatt fuq is-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet u l-volumi tal-bejgħ tal-prodott simili. F’dan il-perjodu naqset il-provvista tal-qoton li wassal għal żieda fid-domanda għall-fibra tal-poliester fis-suq Asjatiku. Il-PET u l-fibra tal-poliester huma fil-biċċa l-kbira dipendenti upstream fuq l-istess materja prima, jiġifieri l-aċidu teraftaliku purifikat (PTA). Iż-żieda fid-domanda għall-fibra tal-poliester wasslet għal provvista insuffiċjenti ta’ PTA, li għolliet il-prezzijiet tal-PET. Billi l-produtturi tal-PET fil-Lvant Nofsani jiddependu wkoll fuq PTA mill-Asja, dan ikkaġuna tnaqqis f’daqqa fl-importazzjonijiet tal-PET fl-Unjoni. Fl-istess ħin, il-fornituri prinċipali tal-PTA fl-Unjoni ddikjaraw ‘force majeure’ li rriżultat f’restrizzjonijiet addizzjonali tal-produzzjoni domestika tal-PET.

88      […]

89      (181)      F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tibbenefika miż-żieda fil-prezz tal-PET fl-aħħar tal-2011 u l-bidu tal-2012 billi kienet iffissat il-prezz tal-PTA qabel ma seħħew l-avvenimenti deskritti fis-suq. Ibbażata fuq is-sorsi statistiċi dwar l-iżvilupp ta’ wara l-PIR, sottomessi mill-partijiet, il-marġini ta’ profitt tal-produtturi tal-PET kienu sostanzjalment anqas fl-2012. Dan jikkonferma li l-profitabbiltà fl-2011 (PIR) kienet tabilħaqq influwenzata l-aktar minn avvenimenti ekonomiċi globali temporanji u mhux mistennija (il-premessa (153) li mhumiex probabbli li jerġgħu jseħħu u ma jistgħux jitqiesu permanenti u rappreżentattivi tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.”

90      Fil-premessi 8, 9, 10 u 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jirreferi għaż-żieda fil-prezzijiet tal-PET, kemm tal-produtturi tal-Unjoni kif ukoll tal-importaturi ta’ dan il-prodott mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja, mingħajr ma jsemmi ż-żieda qawwija fil-prezz tal-qoton, u mingħajr ma jikkontesta, a fortiori, ir-rilevanza ta’ dan il-fattur. Issa, dan tal-aħħar effettivament issemma u ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fir-Regolament tiegħu Nru 461/2013, liema fatt jikkonferma r-rilevanza tiegħu. B’hekk, il-Kunsill naqas mill-ġdid milli jeżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, id-data kollha rilevanti fil-kuntest tal-analiżi perspettiva tiegħu. B’dan il-mod, huwa wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

91      Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jispjega li mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni kien jirriżulta li ż-żieda fil-prezzijiet tal-PET ma kinitx neċessarjament temporanja. Fil-fatt, skont id-data pprovduta mill-Kummissjoni, din iż-żieda kienet bdiet qabel iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-qoton, li ma kinitx bdiet qabel tmiem is-sena 2010. Fil-kontroreplika, il-Kunsill iżid li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fil-proposta tagħha, li l-livell ta’ vijabbiltà għall-industrija tal-Unjoni kien naqas wara l-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni ma kienet tipprovdi ebda indikazzjoni fir-rigward tad-daqs tat-tnaqqis, u lanqas ma kienet tippermetti li jsir magħruf jekk dan tal-aħħar kienx jannulla ż-żieda fil-prezzijiet li l-Kunsill kien ikkonstata qabel iż-żieda qawwija fil-prezz tal-qoton.

92      Hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn l-ispjegazzjonijiet ma jirriżultawx fid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-fondatezza ta’ din tal-aħħar.

93      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ma mmotivax suffiċjentement skont id-dritt id-deċiżjoni kkontestata meta bbaża lilu nnifsu fuq ċerti indikaturi ekonomiċi pożittivi, b’mod partikolari fuq iż-żieda fil-prezzijiet, u billi ma semmiex ċerti fatturi negattivi rilevanti għall-analiżi.

–       Fuq il-volum mhux sinjifikattiv tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni

94      Il-Kunsill sostna, fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati mhumiex sinifikanti f’termini tas-sehem tagħhom tas-suq tal-UE (għadu taħt l-4 % fil-perjodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni (PIR)) u fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn u l-bejgħ tal-produtturi tal-UE.” Il-Kunsill żied, fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-ishma tas-suq kemm tat-Tajwan kif ukoll tat-Tajlandja [kienu] jinsabu qrib iż-żero. Fid-dawl tal-fatt li l-volumi [kienu] daqstant żgħar, l-affidabbiltà [ta’ lment] dwar id-dumping x’aktarx huma soġġetti għal marġni kbir ta’ żball”.

95      Fir-rigward tal-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontesta, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill jinjora fl-analiżi tiegħu ż-żieda importanti tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja, liema fatt juri li kien selettiv fir-rigward tal-fatti, sal-punt li ppreżenta xbiha ddeformata u wasal, billi għamel dan, għal konklużjonijiet inġustifikati.

96      Il-Kunsill jirribatti, fir-risposta, li huwa kellu d-dritt jiżen u jevalwa l-fatti fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tiegħu tal-volum tal-importazzjonijiet, fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata.

97      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet eżaminat fil-proposta tagħha mhux biss il-volum tal-importazzjonijiet matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni, iżda wkoll it-tendenza (żieda jew tnaqqis) ta’ dawn l-importazzjonijiet matul dan il-perijodu (proposta tal-Kummissjoni, premessi 50, 92 u 114), liema fatt jikkostitwixxi indikazzjoni rilevanti fil-kuntest tal-analiżi prospettiva li għandha ssir f’dan il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-fattur imissu wkoll ġie eżaminati mill-Kunsill meta semma l-volum tal-importazzjonijiet fil-premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata.

98      Fir-rigward tal-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li l-affermazzjoni tal-Kunsill tipprova, mingħajr ebda konstatazzjoni ta’ fatt, jew argument ta’ sostenn, tqiegħed inkwistjoni l-analiżi tal-Kummissjoni li kienet teżisti, għat-Tajlandja u għat-Tajwan, probabbiltà ta’ tkomplija tad-dumping dannuż. Barra minn hekk, l-affermazzjoni li tirriżulta f’din il-premessa hija nieqsa minn rilevanza inkwantu hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-iżvilupp probabbli tal-prezzijiet wara l-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni fil-każ li dawn il-miżuri jiġu abrogati, liema fatt huwa l-kwistjoni rilevanti.

99      Il-Kunsill jippreċiża, fir-risposta, li qabel kollox huwa kkonstata fil-kuntest tal-analiżi tiegħu li l-volumi tal-importazzjonijiet mit-Tajlandja u mit-Tajwan kienu ridotti, liema fatt ma jippermettix li jintwerew tendenzi ċari. Sussegwentement huwa kkonstata li l-kalkolu tad-dumping ma kienx jibbaża ruħu fuq eżami tal-valur normali vverifikat u tal-prezzijiet fuq l-esportazzjoni tal-produtturi ta’ dawn il-pajjiżi, iżda fuq l-allegazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-kuntest tal-ilment. L-għaqda ta’ dawn iż-żewġ fatturi wasslitu sabiex jiddubita l-affidabbiltà tal-allegazzjonijiet li jirrigwardaw riskju ta’ dumping dannuż fil-futur. Fl-aħħar nett, l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni, fil-premessi 105 u 191 tal-proposta tagħha, li skonthom xejn ma kien jindika li d-dumping kellu jitnaqqas jew jitneħħa fil-futur huma evalwazzjoni u mhux fatt stabbilit.

100    L-intervenjenti privati jżidu li l-affermazzjoni, fil-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-affidabbiltà [ta’ lment] dwar id-dumping x’aktarx huma soġġetti għal marġni kbir ta’ żball”, tistrieħ ukoll fuq żewġ konstatazzjonijiet li jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri, minn naħa, iż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja u, min-naħa l-oħra, il-fatt li dawn il-prezzijiet ma kinux iwaqqgħu l-prezzijiet ipprattikati fl-Unjoni.

101    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li kemm il-Kunsill kif ukoll l-intervenjenti privati jipprovdu spjegazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali li ma jirriżultawx fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-premessa 11 ta’ din tal-aħħar, il-Kunsill sempliċement ikkonstata li l-volumi tal-importazzjonijiet mit-Tajlandja u mit-Tajwan kienu tant żgħar li “l-affidabbiltà [ta’ lment] dwar id-dumping x’aktarx huma soġġetti għal marġni kbir ta’ żball”.

102    Issa, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri, dan ma huwiex każ ta’ ‘tressiq ta’ lment minħabba dumping’, iżda ta’ verifika jekk l-iskadenza tal-miżuri hijiex tali li tiffavorixxi tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping. Għaldaqstant il-konstatazzjoni tal-Kunsill ma kinitx rilevanti għall-analiżi.

103    Filwaqt li l-premessa 11 tad-deċiżjoni kkontestata kellha tinftiehem fis-sens li tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-proposta tagħha, li tgħid li tkun teżisti tkomplija ta’ dumping fit-Tajlandja u fit-Tajwan fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri antidumping inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni tal-Kunsill ma hi la konklużiva, u lanqas ma hi ssostanzjata bi provi. Fil-fatt, dan tal-aħħar ma qiegħed inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata la l-kalkolu tal-marġni ta’ dumping imwettaq mill-Kummissjoni, u lanqas il-konklużjoni tagħha li tgħid li kien probabbli li, fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri, id-dumping ikompli.

104    Minn dan jirriżulta li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ibbażati fuq il-volum mhux sinjifikattiv tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

–       Fuq il-benefiċjarji reali tal-miżuri f’termini ta’ ishma mis-suq

105    Il-Kunsill jiddikjara, fil-premessa 10 in fine tad-deċiżjoni kkontestata, li “skont id-data ppreżentata, f’termini tas-sehem tas-suq il-miżuri kienu aktar ta’ benefiċċju għall-produtturi minn pajjiżi terzi milli għall-industrija tal-Unjoni”.

106    Fl-assenza ta’ kull indikazzjoni min-naħa tal-Kunsill dwar id-data li għaliha jirreferi, ma huwiex possibbli għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-fondatezza ta’ tali affermazzjoni u d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq l-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet matul il-perijodu eżaminat

107    Il-Kunsill ikkonstata, fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma [kien i]nstab l-ebda twaqqigħ tal-prezz” matul il-perijodu eżaminat fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja.

108    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva, ġustament, li l-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet ġiet ikkonstatata fil-passat, mingħajr ma d-deċiżjoni kkontestata tagħti xi informazzjoni dwar l-iżvilupp futur tas-sitwazzjoni, ladarba jkunu tneħħew il-miżuri antidumping. L-argument tal-Kunsill, bi tweġiba għan-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, li l-importaturi Indjani kienu żiedu l-prezzijiet tagħhom fl-Unjoni ma jinvalidax din il-konstatazzjoni.

109    Il-konstatazzjoni tal-Kunsill, fil-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet għaldaqstant ma tikkostitwixxix elementi determinanti li jippermetti li jiġi stabbilit, waħdu, li l-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu ma kinitx ġiet ipprovata.

–       Fuq il-volum mhux sinjifikattiv tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja fil-każ ta’ tneħħija tal-miżuri

110    Il-premessi 13 sa 15 tad-deċiżjoni kkontestata huma redatti kif ġej:

111    “(13)      Għalkemm hemm xi kapaċità żejda [fl-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja], il-Kunsill mhux persważ li dawk il-kapaċitajiet mhux użati jiġi diretti lejn l-UE. Id-domanda qed tikber fil-parti l-kbira tas-swieq il-kbar.

112    (14)      Il-livell tal-prezzijiet fl-UE, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra huwa ogħla minn fi swieq kbar oħrajn, minħabba li huma fis-seħħ dawn il-miżjuri fit-tul. Mingħajr il-miżuri, il-prezzijiet jkollhom tendenza jinnormalizzaw fir-rigward ta’ pajjiżi oħrajn. Miżuri ta’ difiża tal-kummerċ f’pajjiżi terzi x’aktarx mhux ser jiddevjaw kummerċ sinifikanti lejn l-UE għax dawn il-pajjiżi mhumiex il-konsumaturi dinjin ewlenin tal-PET. Ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar jekk hemmx miżuri tad-difiża tal-kummerċ fi swieq tal-PET kbar oħrajn bħall-Istati Uniti jew il-Ġappun. Għalhekk, il-Kunsill jemmen li minkejja li jista’ jkun hemm żieda fl-importazzjonijiet wara l-iskadenza tal-miżuri, din iż-żieda ma tkunx sinifikanti.

113    (15)      Il-valutazzjoni tal-Kunsill hija li ma ngħatat l-ebda evidenza persważiva dwar għadd ta’ fatturi li jidhru rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni ta’ jekk it-tneħħija tad-dazji twassalx għal bidu ġdid ta’ dumping ta’ ħsara. Dawn jinkludu:

a)      xejriet tad-domanda f’pajjiżi terzi: fil-każ tat-Tajwan, pereżempju, l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi jammontaw għal 60 % tal-kapaċità tal-produzzjoni. Dan jissuġġerixxi li x-xejriet tad-domanda futura f’dawn il-pajjiżi huma rilevanti għall-valutazzjoni;

b)      l-ispejjeż tat-trasport u fatturi oħrajn li jaffettwaw il-profittabbiltà: jekk is-swieq tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi terzi jkunu erqeb mis-suq tal-UE għall-esportatur – il-Lvant tal-Asja huwa suq sinifikanti – dan ser jaffettwa l-ispejjeż tat-transport u għalhekk il-profittabbiltà tal-bejgħ tal-esportazzjonijiet u għalhekk l-attrazzjoni relattiva tas-suq tal-UE.”

114    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Kummissjoni, iqisu li l-Kunsill eskluda b’mod arbitrarju l-eżami fid-dettall mill-Kummissjoni li kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ żieda kunsiderevoli tal-importazzjonijiet fil-każ ta’ tneħħija tal-miżuri. Anki jekk il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE ma huwiex formalment invokat, in-natura mhux issostanzjata u, xi kultant, kontradittorja, ta’ ċerti affermazzjonijiet tal-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata hija kkritikata wkoll.

115    Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti privati, jiċħad dawn l-argumenti.

116    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Kunsill ikkonkluda, essenzjalment, fid-deċiżjoni kkontestata li, “minkejja li jista’ jkun hemm żieda fl-importazzjonijiet wara l-iskadenza tal-miżuri, din iż-żieda ma tkunx sinifikanti” (premessa 14 in fine), peress li “[ma kienx] persważ li dawk il-kapaċitajiet mhux użati [fl-Indja, fit-Tajwan u fit-Tajlandja] jiġi diretti lejn l-UE” (premessa 13).

117    Din il-konklużjoni tal-Kunsill tibbaża ruħha fuq il-ħames konstatazzjonijiet esposti fil-punti 112, 121, 122, 127 u 130 iktar ’il quddiem.

118    Fl-ewwel lok, skont il-Kunsill, il-kapaċità żejda fl-Indja, fit-Tajwan u fit-Tajlandja kienet relattiva (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

119    Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jenfasizzaw li din l-affermazzjoni tinsab f’kontradizzjoni mal-analiżi tal-Kummissjoni fil-proposta tagħha u l-konstatazzjonijiet tal-Kunsill innifsu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013 li skonthom il-kapaċità żejda prevedibbli f’dawn it-tliet pajjiżi, b’mod partikolari fl-Indja, kienet sinjifikanti.

120    Fir-risposta tiegħu il-Kunsill isostni li l-analiżi tal-Kummissjoni kienet tistrieħ fuq l-informazzjoni li tinsab fl-ilment u li hija ma kinitx ivverifikata fil-post fit-Tajwan u fit-Tajlandja. Issa, jidher li huwa ħa dan il-fatt inkunsiderazzjoni meta ddetermina l-importanza li kellha tingħata lil dan l-indikatur ta’ dannu fil-kuntest tal-analiżi. Il-Kunsill isostni li huwa seta’ jevalwa b’mod differenti l-kapaċitajiet u d-domanda futura fit-Tajwan u fit-Tajlandja, fid-dawl tal-argumenti li kienu ġew ippreżentati matul l-investigazzjoni minn partijiet oħra interessati, fosthom l-utenti ta’ PET fl-Unjoni, mingħajr ma tali analiżi tkun ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

121    Bi tweġiba għal dawn l-argumenti tal-Kunsill, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jikkontestaw it-tqegħid inkwistjoni mill-Kunsill ta’ ċerti fatti stabbiliti mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha, minħabba li dawn jirriżultaw mill-ilment u li ma kinux ġew ivverifikati fuq il-post fit-Tajwan u fit-Tajlandja.

122    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-elementi prodotti mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriżultawx fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-affermazzjoni tal-Kunsill fil-premessa 13 ta’ din tal-aħħar li skontha jkun hemm “xi” kapaċità żejda ma tistrieħ fuq ebda spjegazzjoni.

123    Ċertament, ma jistax ikun rikjest mill-istituzzjonijiet li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti kollha għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 81).

124    Madankollu, f’dan il-każ, hekk kif jenfasizzaw ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, l-affermazzjoni tal-Kunsill li kien hemm “xi” kapaċità żejda fl-Indja, fit-Tajwan u fit-Tajlandja tinsab f’kontradizzjoni mal-analiżi tal-Kummissjoni fil-proposta tagħha u, fir-rigward tal-Indja, il-konklużjoni tal-Kunsill fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013 li din il-kapaċità żejda “[kellha] titqies bħala sinifikanti” (premessa 193). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-Kunsill li għandu jipprovdi spjegazzjonijiet, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jippermetti lill-partijiet jifhmu r-raġunament wara l-affermazzjoni tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha.

125    Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, mingħajr ma l-ispjegazzjonijiet imressqa mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jirrimedjaw għal tali nuqqas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, EU:T:2005:221, punt 287 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Fi kwalunkwe każ, anki fl-ipoteżi li jkun meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill, għandu jiġi osservat li, sa fejn il-produtturi-esportaturi tat-Tajwan u tat-Tajlandja kienu rrifjutaw li jikkollaboraw, il-Kummissjoni setgħet tibbaża lilha nnifisha fuq il-fatti disponibbli, konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

127    Fit-tieni lok, il-Kunsill ikkonstata li d-domanda kienet qed tiżdied għall-parti l-kbira tas-swieq importanti (premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata), lie kien jorbot mal-affermazzjonijiet tiegħu, fil-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li “is-swieq ta’ esportazzjoni prinċipali għall-PET [kienu] qed jikbru” u “d-domanda globali għal-prodotti ppakkjati fil-PET probabbilment tespandi iżjed, aktar ma l-ekonomija dinjija tirkupra”. La r-rikorrenti u lanqas il-Kummissjoni ma jikkontestaw dawn l-affermazzjonijiet tal-Kunsill.

128    Fit-tielet lok, il-Kunsill ikkunsidra, essenzjalment, li, wara t-tneħħija tal-miżuri antidumping inkwistjoni, l-attrattività tas-suq tal-Unjoni f’termini ta’ prezz tkun inqas sinjifikattiva, peress li l-prezzijiet jallinjaw lilhom infushom l-isfel fuq dawk ta’ pajjiżi oħra (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata). L-argument tal-Kunsill kien jistrieħ fuq il-konstatazzjoni li l-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni kien ogħla minn dak ta’ swieq prinċipali oħra minħabba l-miżuri antidumping inkwistjoni u li, mingħajr dawn tal-aħħar, il-prezzijiet fl-Unjoni jkollhom tendenza jallinjaw lilhom infushom l-isfel fuq dawk ta’ pajjiżi oħra.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif jagħmlu r-rikorrenti u l-Kummissjoni, li l-argument tal-Kunsill kien jimplika li l-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja, minħabba l-volum tagħhom, setgħu jaffettwaw il-livell tal-prezzijiet ipprattikati fl-Unjoni. Issa, il-Kunsill sostna fl-istess waqt, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “minkejja li jista’ jkun hemm żieda fl-importazzjonijiet wara l-iskadenza tal-miżuri, din iż-żieda ma tkunx sinifikanti”. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’kontradizzjoni ta’ motivi. Barra minn hekk, kif enfasizzaw ir-rikorrenti waqt is-seduta, l-affermazzjoni tal-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata li “l-livell tal-prezzijiet fl-UE, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra [kien] ogħla minn fi swieq kbar oħrajn, minħabba li [kienu] fis-seħħ dawn il-miżjuri fit-tul” bl-ebda mod ma hija mmotivata.

130    Il-Kunsill isostni fir-risposta li t-tnaqqis fil-prezzijiet fil-każ ta’ tneħħija tal-miżuri antidumping inkwistjoni, imsemmija fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kinitx tfisser neċessarjament li jkun hemm rikorrenza tad-dumping dannuż. Skont il-Kunsill, il-pressjoni fuq il-prezzijiet fl-Unjoni ma tirriżultax prinċipalment mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja. Din l-evalwazzjoni tidher li ġiet sostnuta mill-fatt li dawn l-importazzjonijiet kienu rrappreżentaw inqas minn 4 % tal-ishma mis-suq tal-Unjoni, filwaqt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux suġġetti għal miżuri antidumping, u li pprattikaw prezzijiet inferjuri, kienu jirrappreżentaw 15.9 % minn dawn l-istess ishma mis-suq. Bi tweġiba għan-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, il-Kunsill jippreċiża li fid-deċiżjoni kkontestata huwa ma sostniex li l-prezz ’il fuq fl-Unjoni jirriżulta sempliċement mill-applikazzjoni tal-miżuri antidumping. Fuq dan il-punt, il-Kunsill josserva li l-esportaturi Indjani żiedu l-prezzijiet tagħhom b’29 %.

131    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn l-ispjegazzjonijiet jikkontradixxu l-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata li l-prezzijiet fl-Unjoni kienu ogħla “minħabba li [kienu] fis-seħħ dawn il-miżjuri fit-tul”. Kif inhu indikat fil-punt 123 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni tistrieħ neċessarjament fuq it-teżi li l-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja setgħu jaffettwaw il-livell tal-prezzijiet ipprattikati fl-Unjoni.

132    Għaldaqstant l-argumenti tal-Kunsill ma jqiegħdux inkwistjoni l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 123 iktar ’il fuq li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’kontradizzjoni ta’ motivi li jirrigwardaw l-analiżi dwar l-attrattività tas-suq tal-Unjoni.

133    Fir-raba’ lok, il-Kunsill jenfasizza, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[m]iżuri ta’ difiża tal-kummerċ f’pajjiżi terzi x’aktarx mhux ser jiddevjaw kummerċ sinifikanti lejn l-UE għax dawn il-pajjiżi mhumiex il-konsumaturi dinjin ewlenin tal-PET”. Il-Kunsill jirreferi indirettament għall-eżistenza, ikkonstatata mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha, ta’ ċerti miżuri ta’ difiża kummerċjali fit-Turkija, fl-Afrika t’Isfel u fil-Malasja fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja.

134    Fuq dan il-punt, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif jagħmlu r-rikorrenti, li, meta l-Kummissjoni stabbilixxiet fl-investigazzjoni li ċerti pajjiżi kienu daħlu fis-seħħ miżuri ta’ difiża kummerċjali fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ PET mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja, hija ma ppretendietx li l-eżistenza ta’ dawn il-miżuri kienet tiddevja flussi kunsiderevoli lejn l-Unjoni. Fil-fatt, permezz ta’ din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni llimitat lilha nnifisha ssostni li l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri kienet tnaqqas potenzjalment in-numru ta’ swieq li għalihom l-esportazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja setgħu kellhom aċċess. Issa, affermazzjoni bħal din ma hijiex ikkontestata mill-Kunsill fid-deċiżjoni kkontestata.

135    L-assenza ta’ devjazzjoni ta’ flussi ta’ kummerċ kunsiderevoli lejn l-Unjoni kkonstatata mill-Kunsill, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, għaldaqstant ma tippermettix li jiġi stabbilit, waħedha, li l-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dumping dannuż ma ġietx ipprovata.

136    Fil-ħames u l-aħħar lok, il-Kunsill jikkonstata, fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[m]a ngħatat l-ebda informazzjoni dwar jekk hemmx miżuri tad-difiża tal-kummerċ fi swieq tal-PET kbar oħrajn bħall-Istati Uniti jew il-Ġappun”. Il-Kunsill iżid, fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma ngħatat l-ebda evidenza persważiva dwar għadd ta’ fatturi li jidhru rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni ta’ jekk it-tneħħija tad-dazji twassalx għal bidu ġdid ta’ dumping ta’ ħsara”. Skont il-Kunsill, “[d]awn jinkludu: a) xejriet tad-domanda f’pajjiżi terzi […]; b) l-ispejjeż tat-trasport u fatturi oħrajn li jaffettwaw il-profittabbiltà [tal-esportazzjonijiet]”.

137    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jikkonstataw, ġustament, li l-possibbiltà li pajjiżi terzi, inklużi l-Istati Uniti u l-Ġappun, jassorbu l-kapaċitajiet żejda tal-Indja, tat-Tajwan u tat-Tajlandja kienet ġiet eżaminata mill-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill fil-premessi 14 u 15(a) tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, fil-proposta tagħha hija kienet eżaminat l-allegazzjonijiet ta’ ċerti partijiet interessati bbażati fuq il-fatt li “s-swieq prinċipali tal-esportazzjoni tal-produzzjoni tal-PET tat-Tajwan [kienu] r-reġjun tal-Asja-Paċifiku u l-Ameriki” (punt 101) u fuq il-ħtieġa li “tikkunsidra d-domanda dejjem tiżdied fuq swieq terzi oħrajn” (punt 104). Madankollu, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet billi fakkret li hija ma kinitx qed tippretendi “li l-intier tal-kapaċità eċċessiva disponibbli għall-esportazzjonijiet se tkun diretta lejn l-Unjoni”, iżda biss li “l-kwantitajiet li aktarx jiġu diretti lejn is-suq tal-Unjoni huma mistennija li jkunu ogħla mil-livelli li x’aktarx li jikkawżaw dannu” (punt 104).

138    Fir-rigward tal-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-trasport u ta’ fatturi oħra li għandhom impatt fuq il-vijabbiltà tal-esportazzjonijiet, iddenunzjata fil-premessa 15(b) tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti josservaw li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni kienet eżaminat il-prezz tal-ispiża, assigurazzjoni u tagħbija (sat) tal-importazzjonijiet fl-Unjoni, li jinkludi l-ispiża tat-trasport, u l-prezzijiet paragunabbli tal-importazzjonijiet fil-pajjiżi terzi.

139    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat, kif jagħmlu l-intervenjenti privati, li, meta l-Kummissjoni eżaminat l-attrattività tas-suq tal-Unjoni, hija pparagunat il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-Indja, tat-Tajwan u tat-Tajlandja lejn pajjiżi terzi bil-prezz tal-esportazzjonijiet ta’ dawn l-istess pajjiżi lejn l-Unjoni, mingħajr ma eżaminat l-impatt tal-ispiża tat-trasport fuq il-vijabbiltà tal-esportazzjonijiet.

140    Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-attrattività tal-Unjoni u l-vijabbiltà tal-esportazzjonijiet kienu ġew iddeterminati wkoll fil-proposta tagħha b’mod partikolari minħabba d-daqs tas-suq tal-Unjoni (it-tielet fuq livell globali) u l-prezzijiet fi ħdanha, kunsiderevolment ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Indjani, Tajwaniżi u Tajlandiżi lejn pajjiżi terzi.

141    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konstatazzjoni tal-Kunsill fil-premessa 15(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kien ġie prodott ebda element probatorju fuq “fatturi oħrajn li jaffettwaw il-profittabbiltà” tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni hija vvizzjata bi żball.

–       Fuq il-protezzjoni suffiċjenti tal-industrija tal-Unjoni minn miżuri oħra ta’ difiża kummerċjali

142    Il-Kunsill indika, fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[f]atturi oħrajn [kienu] jindikaw lejn il-probabbiltà li t-tneħħija tal-miżuri mhux ser twassal biex jerġa’ jibda d-dumping li jikkawża ħsara materjali għall-Industrija tal-Unjoni”. Huwa ppreċiża li “[m]iżuri kontinwi ta’ antisussidju kontra l-Indja u ta’ antidumping kontra ċ-Ċina u pajjiżi oħrajn [għandhom] ikomplu jipprovdu xi protezzjoni għall-Industrija tal-Unjoni.”

143    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kunsill irrikonoxxa quddiem il-Qorti Ġenerali li kien daħal żball meta kien semma, fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ miżuri antidumping fir-rigward ta’ pajjiżi oħra minbarra ċ-Ċina, liema miżuri ma jeżistux.

144    Barra minn hekk, il-Kunsill ma spjegax ir-raġunijiet għalfejn l-eżistenza ta’ ċerti miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali kienet tippermetti li jiġi konkluż li l-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu ma kinitx ġiet ipprovata.

145    L-affermazzjoni tal-Kunsill, fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-industrija tal-Unjoni kienet suffiċjentement protetta hija għaldaqstant ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

–       Fuq l-effett fuq operaturi oħra fil-każ ta’ tneħħija tal-miżuri

146    Il-Kunsill sostna, fl-aħħar parti tal-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[i]x-xejra tal-passat ta’ kummerċ f’dan is-suq ukoll [kienet] tissuġġerixxi li kwalunkwe żieda fl-esportazzjonijiet mill-Indja, t-Tajlandja u t-Tajwan tista’, b’mod komplet jew parzjali, tisposta l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi pjuttost milli l-produzzjoni tal-UE”.

147    Kif enfasizzaw ir-rikorrenti waqt is-seduta, din l-affermazzjoni tal-Kunsill ma hijiex suffiċjentement immotivata, fejn is-sempliċi riferiment għax-“x-xejra tal-passat ta’ kummerċ f’dan is-suq” ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali jistħarreġ il-fondatezza tal-affermazzjoni tiegħu, anki fid-dawl tal-kuntest li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 117 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt.

–       Konklużjoni fuq l-eżami tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu

148    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-analiżi tal-Kunsill, fil-premessi 8 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata, hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll, fuq ċerti punti, b’nuqqas ta’ motivazzjoni, jew saħansitra b’kontradizzjoni ta’ motivi.

149    Madankollu, ma jkunx hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata jekk il-konklużjoni tal-Kunsill, fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “li jidher ċar li [ma kienx] fl-interess tal-Unjoni li l-miżuri jiġu estiżi” ma tkun ivvizzjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, jew b’ebda nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, anki li kieku l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ dumping dannuż kellha tiġi stabbilita, l-iskadenza tal-miżuri inkwistjoni tkun possibbli meta l-istituzzjonijiet “jistgħu jikkonkludu b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-[Unjoni] li jiġu applikati miżuri bħal dawn.”

 Fuq l-eżami tal-interess tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku

150    L-eżami tal-interess tal-Unjoni konformement mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku teħtieġ evalwazzjoni tal-konsegwenzi probabbli kemm tal-applikazzjoni kif ukoll tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri mistennija għall-interess tal-industrija tal-Unjoni u għall-interessi l-oħra involuti, b’mod partikolari dawk tal-partijiet differenti msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Din l-evalwazzjoni timplika tbassir ibbażat fuq ipoteżi dwar ġrajjiet futuri li jinkludi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2003, Euroalliages et vs Il‑Kummissjoni, T‑132/01, EU:T:2003:189, punt 47).

151    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill analizza l-interess tal-Unjoni kif ġej:

152    “(18)      L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Bażiku jipprovdi li d-determinazzjoni dwar jekk l-interess tal-Unjoni jitlobx intervent għandha tkun ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi kollha flimkien.

153    (19)      Il-prezzijiet tal-PET huma determinati minn għadd ta’ fatturi, iżda huwa ċar li l-miżuri antidumping żiedu l-ispejjeż għall-industrija tal-utent. Ħafna utenti huma dawk li jibbottiljaw u SMEs li joperaw f’marġni stretti u dawn intlaqtu b’mod serju mill-prezzijiet għoljin tal-PET fis-snin reċenti għax il-PET jirrapreżenta porzjon deċiżiv tal-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom. L-impatt tal-ispejjeż għoljin kien l-akbar fuq kumpanniji żgħar li jibbottiljaw li ma kinux kapaċi jgħaddu l-prezzijiet miżjuda fuq bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi finali minħabba saħħa baxxa ta’ negozjar. Bosta qed jagħmlu telf kbir u tilfu għadd sinifikanti ta’ ħaddiema. Il-proposta tirrikonoxxi s-sitwazzjoni tal-utenti li qed tiddeterjora u l-fatt li l-prezzijiet tal-PET fl-UE huma ogħla minn dawk fi swieq kbar oħrajn. Madankollu, fl-opinjoni tal-Kunsill, ma ġiex muri li l-miżuri inkwistjoni mhumiex fattur li jikkontribwixxi għall-prezzijiet relattivament għoljin tal-PET fl-Unjoni.

154    (20)      L-industrija tal-PET fl-UE issa hija kkonċentrata ferm u dejjem aktar integrata vertikalment. Din hija profittabbli u għandha tkun kapaċi tkun kompetittiva internazzjonalment.

155    (21)      L-akkumulazzjoni ta’ miżuri flimkien mal-integrazzjoni dejjem tikber tal-produtturi tal-PET u tal-kumpanniji tal-ippakkettjar tal-PET fl-UE toħloq sitwazzjoni li fiha hemm nuqqas ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal kumpanniji tal-ippakkettjar tal-PET indipendenti li huma soġġetti għall-PET bl-ogħla prezzijiet fid-dinja (fid-dawl tal-effett orizzontali li jeżisti fuq il-prezzijiet tal-PET), filwaqt li l-kompetituri prinċipali tagħhom f’ pajjiżi terzi għandhom aċċess għall-PET bi prezzijiet orħos.

156    (22)      L-utenti tal-PET għandhom sorsi ta’ provvista limitati ferm barra l-UE, għax il-miżuri huma fis-seħħ ukoll kontra importazzjonijiet li joriġinaw f’pajjiżi terzi.

157    (23)      Il-Kunsill jikkonkludi li jidher ċar li mhux fl-interess tal-Unjoni li l-miżuri jiġu estiżi peress li l-ispejjeż għall-importaturi, l-utenti u l-konsumaturi mhumiex proporzjonati għall-benefiċċji tal-industrija tal-Unjoni.”

158    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-Kummissjoni, ifakkru li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jiġu eliminati l-effetti ta’ distorsjoni tal-kummerċ ta’ dumping dannuż u li terġa’ tiġi fis-seħħ kompetizzjoni effettiva. Issa, id-deċiżjoni kkontestata, kuntrarjament għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013, lanqas ma ssemmi din il-possibbiltà u tittratta biss l-interessi tal-utenti ta’ PET fl-Unjoni, billi tinjora l-interessi tal-importaturi indipendenti, tal-fornituri ta’ materja prima u tar-riċiklaturi ta’ PET, eżaminati mill-Kummissjoni fil-proposta tad-dazji antidumping. Fir-replika, ir-rikorrenti jfakkru li l-konklużjoni tal-Kunsill li ma jkunx hemm rikorrenza tad-dumping dannuż fil-każ ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-miżuri hija manifestament żbaljata.

159    B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-interess tal-utenti ta’ PET fl-Unjoni, ir-rikorrenti josservaw li t-tliet elementi kkunsidrati mill-Kunsill, fil-premessi 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, ġew kontradetti minnu stess fil-premessi 234, 249 u 252 sa 260 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013, li jistrieħu fuq l-analiżi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tosserva, barra minn hekk, li kien il-Kunsill li kellu jipprova pożittivament li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu applikati l-miżuri antidumping inkwistjoni.

160    Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti privati, jargumenta li huwa eżamina fid-dettall, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni tad-dumping dannuż għall-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-premessa 4 fil-każ tal-importazzjonijiet mill-Indoneżja u mill-Malasja u fil-premessi 5, 12, 15 u 16 fil-każ tal-Indja, it-Tajlandja u t-Tajwan. Għaldaqstant jidher li l-Kunsill issodisfa l-obbligu tiegħu li jevalwa l-interessi kollha inkwistjoni ikkunsidrati flimkien u ma kisirx l-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kunsill u l-intervenjenti privati jfakkru li ġie meqjus improbabbli li tiġi ppreġudikata l-industrija tal-Unjoni li kieku l-miżuri antidumping inkwistjoni kellhom jitneħħew u li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni din il-konklużjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-interess tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.

161    B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-interessi tal-utenti ta’ PET fl-Unjoni, il-Kunsill osserva li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-livell għoli tal-prezzijiet tal-PET fl-Unjoni, u lanqas in-natura limitata ħafna tas-sorsi ta’ provvista ta’ dawn l-utenti. Jidher li r-rikorrenti jikkontestaw, min-naħa l-oħra, il-mod li bih huwa evalwa l-fatti u l-konklużjonijiet li silet minnhom. Issa, din l-evalwazzjoni ma hijiex ivvizzjata bi żball manifest, u lanqas ma hija irrazzjonali. Il-fatti li fuqhom hija bbażata fin l-evalwazzjoni lanqas ma huma manifestament żbaljati. L-intervenjenti privati jżidu li l-konstatazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni neċessarjament jittrattaw interessi tal-produtturi ta’ materja prima. Huma jsostnu wkoll li l-Kunsill ibbaża lilu nnifsu fuq is-sitwazzjoni tal-utenti, peress li l-utenti jikkostitwixxu l-interess prinċipali tal-Unjoni (minbarra l-produtturi ta’ PET) li mmanifesta ruħu matul l-investigazzjoni. La l-importaturi u lanqas l-industrija ta’ riċiklaġġ tal-PET ma pparteċipaw, jew ippreżentaw osservazzjonijiet, matul l-investigazzjoni. L-intervenjenti privati jinsistu wkoll fuq il-problema partikolari tat-telf ta’ ħaddiema fost l-imbottiljaturi kif ukoll fuq il-problemi individwali tal-SMEs.

162    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 461/2013, il-Kunsill isostni li din kienet tirriżulta minn proċedura differenti u kienet tirrigwarda fatti differenti. Barra minn hekk, dan ir-regolament ma kienx ġie ssuġġettat għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali.

163    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-Kunsill u l-intervenjenti privati nnifishom jirrikonoxxu li l-konklużjoni, fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-assenza manifesta ta’ interess tal-Unjoni għaż-żamma tal-miżuri tistrieħ fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill skont liema kien ftit probabbli li l-iskadenza tal-miżuri tagħti lok għar-rikorrenza ta’ dannu sinjifikanti għall-Unjoni (premessa 17) jew, minn tal-inqas, li din il-probabbiltà ma kinitx ġiet ipprovata (premessa 5).

164    Fil-fatt, il-Kunsill irrefera, essenzjalment, għall-premessi 8 sa 17 tad-deċiżjoni kkontestata meta fakkar, fil-premessa 20 ta’ din l-istess deċiżjoni, li l-industrija tal-Unjoni tal-PET “[kienet] profittabbli u għandha tkun kapaċi tkun kompetittiva internazzjonalment”. L-affermazzjoni tal-Kunsill, fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[kien] ċar li l-miżuri antidumping żiedu l-ispejjeż għall-industrija tal-utent” kienet tistrieħ neċessarjament fuq il-konstatazzjoni, fil-premessa 14, li “[i]l-livell tal-prezzijiet fl-UE [kien] ogħla minn [dak ta’] swieq kbar oħrajn, minħabba li huma fis-seħħ dawn il-miżjuri fit-tul”.

165    Issa, kif ġie indikat fil-punt 142 iktar ’il fuq, l-analiżi tal-Kunsill dwar il-probabbiltà ta’ riskju ta’ dannu hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll, fuq ċerti punti, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, jew saħansitra fuq motivi kontradittorji. Dawn in-nuqqasijiet għaldaqstant jaffettwaw ukoll il-konklużjoni tal-Kunsill dwar l-interess tal-Unjoni għaż-żamma tal-miżuri antidumping inkwistjoni.

 Konklużjoni fuq it-talba għal annullament

166    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet motivi mqajma mir-rikorrenti, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni motiv u li tiġi annullata parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li jaffettwaw l-analiżi, kemm tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu fil-każ ta’ nuqqas ta’ tiġdid tad-dazji antidumping inkwistjoni kif ukoll tal-interess tal-Unjoni għaż-żamma ta’ dawn id-dazji.

2.     Fuq it-talbiet għad-danni

167    Il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali hija prevista mill-Artikolu 268 TFUE u mit-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 340 TFUE. Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-Unjoni għandha tikkumpensa, konformement mal-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, id-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

168    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tagħha, iridu jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni jew l-organu tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il‑Parlament et, T‑383/00, EU:T:2005:453, punt 95).

169    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li t-tliet kundizzjonijiet huma ssodisfatti, liema fatt huwa kkontestat mill-Kunsill.

170    Qabel ma jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti f’dan il-każ sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà tal-Unjoni mfakkra fil-punt 156 iktar ’il fuq, jeħtieġ li tiġi kkjarifikata l-portata tat-talbiet tar-rikorrenti.

 Fuq il-portata tat-talbiet tar-rikorrenti

171    Konformement mal-ġurisprudenza, l-Artikolu 268 TFUE ma jipprekludix li jiġi ppreżentat rikors għal responsabbiltà għal danni imminenti u prevedibbli b’ċertezza suffiċjenti, anki jekk id-dannu jkun għadu ma jistax jiġi kkwantifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2000, Camar u Tico vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, T‑79/96, T‑260/97 u T‑117/98, EU:T:2000:147, punti 192 u 193 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ressqu t-talbiet tagħhom għal kumpens fl-14 ta’ Awwissu 2013, jiġifieri madwar xahrejn u nofs wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kkontestata, billi sostnew li huma kienu ġarrbu dannu sa minn din id-data li jirriżulta fi ksur gravi tar-regoli ogħla ta’ dritt li jipproteġu l-industrija tal-Unjoni.

173    Skont ir-rikorrenti, id-dannu allegat għandu natura doppja.

174    L-ewwel tip ta’ dannu jirriżulta mill-fatt li, wara d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienu ġew imġiegħla jżommu l-prezzijiet ta’ bejgħ tagħhom fl-Unjoni għal livelli mhux vijabbli, biex jikkompetu mal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja suġġetti għal dumping. Isostnu li huma għadhom jitilfu ishma mis-suq favur produtturi Indjani, Tajwaniżi u Tajlandiżi. Dan id-dannu jirriżulta fid-differenza bejn id-dħul tagħhom qabel interessi, taxxi u deprezzament (iktar ’il quddiem l-“EBITA”) stmat għall-perijodu (parzjalment futur għall-mument tal-preżentata tar-rikors) minn Ġunju 2013 sa Mejju 2014 u l-EBITA diġà miksub matul il-perijodu (passat) inkluż bejn April 2012 u Marzu 2013. Ir-rikorrenti pprovdew, f’anness mar-rikors, kalkolu tad-dannu stmat u talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tkun tista’ taġġorna, fi stadju iktar avvanzat tal-istanza, l-informazzjoni u l-kalkoli tagħhom. Skont ir-rikorrenti, tali possibbiltà diġà ġiet aċċettata mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punti 49 u 50).

175    It-tieni tip ta’ dannu, allegat fil-qosor fir-rikors, jirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti ġew imġiegħla jkeċċu persunal jew jgħalqu siti ta’ produzzjoni fl-Unjoni wara d-deċiżjoni kkontestata. Anness mar-rikors, ir-rikorrenti jsemmu l-għeluq imminenti tal-fabbrika ta’ UAB Indorama Polymers Europe UK fir-Renju Unit u ta’ fabbrika [kunfidenzjali] (2). Fir-replika, Lotte Chemical UK talbet ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ għeluq ta’ fabbrika ta’ PTA, li huwa marbut mal-għeluq tal-fabbrika ta’ UAB Indorama Polymers Europe UK fir-Renju Unit.

176    Fit-total, skont il-kalkoli inizzjali tar-rikorrenti esposti fir-rikors u fir-replika, id-dannu mġarrab minnhom huwa ta’ [kunfidenzjali] għal Cepsa Química, [kunfidenzjali] għal Equipolymers, [kunfidenzjali] għal Indorama Group (li tinkludi erba’ rikorrenti, li huma: Indorama Ventures Poland, UAB Indorama Polymers Europe, UAB Orion Global pet u Ottana Polimeri), [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] għal Lotte Chemical UK, [kunfidenzjali] għal M & G Polimeri Italia, [kunfidenzjali] għal Novapet u [kunfidenzjali] għal UAB Neo Group.

177    Fil-kuntest tal-aġġornament tat-talbiet tagħhom għal kumpens (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), seba’ rikorrenti – jiġifieri Cepsa Química, Indorama Ventures Poland, Lotte Chemical UK, Ottana Polimeri, UAB Neo Group, UAB Indorama Polymers Europe u UAB Orion Global pet – irrinunzjaw għat-talba tagħhom għad-danni għat-telf imġarrab (l-ewwel tip ta’ dannu allegat). Din it-talba inżammet biss minn tliet rikorrenti – jiġifieri Equipolymers, M & G Polimeri Italia u Novapet – u biss għall-perijodu ta’ disa’ xhur minn Ġunju 2013 sa Frar 2014. Ir-rikorrenti spjegaw li din il-limitazzjoni kienet immotivata bid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/109/UE, tal-4 ta’ Frar 2014, li tħassar id-Deċiżjoni 2000/745/KE li taċċetta impenji offruti f’rabta mal-proċedimenti tal-antidumping u kontra s-sussidji fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti polietilentereftalat (PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja (ĠU 2014, L 59, p. 35). Skont ir-rikorrenti, l-irtirat permezz ta’ din id-deċiżjoni tal-impenji fir-rigward ta’ prezzijiet minimi mogħtija lil numru ta’ produtturi esportaturi Indjani mill-1 ta’ Marzu 2014 ta lok għal tnaqqis kunsiderevoli tal-importazzjoni ta’ PET mill-Indja lejn l-Unjoni.

178    Fir-rigward tat-tieni tip ta’ dannu allegat – jiġifieri l-ispejjeż ta’ għeluq ta’ ċerti siti – it-talba nżammet biss minn UAB Indorama Polymers Europe u Lotte Chemical UK, u dan biss għad-danni ta’ għeluq irreġistrati għas-sena 2013.

179    Barra minn hekk, għaż-żewġ tipi ta’ danni allegati, ir-rikorrenti rrikonoxxew li parti tista’ tiġi attribwita għat-telf ikkawżat mill-importazzjonijiet mill-Indja u mill-Malasja u mhux għall-illegalitajiet iddenunzjati fid-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma jitolbu biss il-kumpens ta’ 77 % tat-telf u tal-ispejjeż ta’ għeluq allegati.

180    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-CPME, ir-rikorrenti speċifikaw li, inkwantu assoċjazzjoni, huma ma kinux ġarrbu danni.

181    Minn dan jirriżulta li t-talbiet għad-danni nżammu, b’mod parzjali, biss għar-rikorrenti li ġejjin: Equipolymers, M & G Polimeri Italia, Novapet, UAB Indorama Polymers Europe u Lotte Chemical UK.

182    Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk dawn it-talbiet jissodisfawx it-tliet kundizzjonijiet sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni mfakkra fil-punt 156 iktar ’il fuq.

183    Konformement mal-ġurisprudenza, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfatta, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ġewx sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81, u tal-20 ta’ Frar 2002, Förde‑Reederei vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑170/00, EU:T:2002:34, punt 37). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex obbligu li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 13).

184    Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li qabel kollox tiġi eżaminata ċ-ċirkustanza marbuta mar-rabta kawżali diretta bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

 Fuq ir-rabta kawżali diretta

185    Skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkontestat, fejn dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, EU:C:1979:223, punt 21; ara, ukoll, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il‑Kummissjoni, T‑279/03, EU:T:2006:121, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa r-rikorrent li għandu l-oneru li jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkontestat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑149/96, EU:T:1998:228, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pprovawx suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi li ż-żewġ tipi ta’ dannu allegati (Ara l-punti 162 u 163 iktar ’il fuq) kienu jirriżultaw b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir ikkontestat.

 Fuq it-telf imġarrab minn Equipolymers, M & G Polimeri Italia u Novapet

187    Fil-kuntest tal-aġġornament tat-talba tagħhom għad-danni, ibbażata fuq bażi ta’ data reali, ir-rikorrenti pparagunaw id-data li tikkorrispondi mal-perijodu ta’ disa’ xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kkontestata (minn Ġunju 2013 sa Frar 2014) ma dik tal-perijodu ta’ disa’ xhur li ppreċeda direttament dak tad-dħul fis-seħħ (minn Settembru 2012 sa Mejju 2013).

188    Ir-rikorrenti osservaw li, f’perċentwali tal-konsum tal-Unjoni, li kien ta’ madwar 2 119 425 tunnellata metrika (TM) matul iż-żewġ perijodi eżaminati, l-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja kienu żdiedu, minn madwar 3.8 % matul il-perijodu minn Settembru 2012 sa Mejju 2013 għal 5.6 % matul il-perijodu minn Ġunju 2013 sa Frar 2014. Il-prezz tal-importazzjonijiet minn dawn it-tliet pajjiżi niżel bi EUR 88 għal kull TM bejn iż-żewġ perijodu, minn EUR 1 202 għal kull TM matul il-perijodu minn Settembru 2012 sa Mejju 2013, għal EUR 1 114 għal kull TM matul il-perijodu minn Ġunju 2013 sa Frar 2014. Għar-rikorrenti, huwa għaldaqstant evidenti li t-tneħħija illegali tad-dazji antidumping inkwistjoni tat lok għal żieda immedjata u sinjifikanti tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja, kif ukoll tnaqqis sinjifikanti mill-prezzijiet, liema fatt kellu effett negattiv fuq ir-riżultati tar-rikorrenti.

189    Ir-rikorrenti stmaw id-dannu marbut mat-telf wara d-deċiżjoni kkontestata għal 77 % mid-differenza bejn l-EBITA mwettaq matul il-perijodu minn Ġunju 2013 sa Frar 2014. Skont ir-rikorrenti, l-EBITA jikkostitwixxi l-element l-iktar xieraq biex jiġi ddeterminat id-dannu li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan l-indikatur jistrieħ prinċipalment fuq il-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ operat u ma jiħux inkunsiderazzjoni sorsi oħra ta’ telf (jew ta’ qligħ) potenzjali, bħall-ispejjeż f’kapital jew l-ispejjeż ta’ għeluq ta’ fabbriki. Barra minn hekk, l-EBITA jista’ jiġi vverifikat faċilment kull xahar fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-rikorrenti.

190    Ir-rikorrenti jispeċifikaw ukoll li l-prezz tal-materja prima prinċipali, li jista’ jkollu effett fuq l-EBITA, naqas kemmxejn bejn iż-żewġ perijodi meħuda inkunsiderazzjoni u għaldaqstant ma kellux riperkussjonijiet negattivi fuq ir-riżultati tal-EBITA tal-industrija tal-Unjoni.

191    Fuq il-bażi ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, Equipolymers titlob il-ħlas ta’ ammont ta’ [kunfidenzjali] għad-danni (minflok l-ammont inizjali ta’ [kunfidenzjali]), M & G Polimeri Italia ammont ta’ [kunfidenzjali] (minflok l-ammont inizjali ta’ [kunfidenzjali]) u Novapet ammont ta’ [kunfidenzjali] (minflok l-ammont inizjali ta’ [kunfidenzjali]).

192    Fl-ewwel lok, il-Kunsill josserva li, fl-aġġornament tat-talba għad-danni, ir-rikorrenti emendaw l-imsemmija talba, hekk kif ġiet iddefinita inizjalment. Fil-fatt, fir-rikors, huma kienu allegaw lucrum cessans wara d-deċiżjoni kkontestata – li kien jinkludi t-telf imġarrab talli żammew l-ishma mis-suq biex jikkuntrastaw l-importazzjonijiet – filwaqt li, fl-aġġornament, huma jirreferu biss għat-telf ta’ negozju mġarrab. Madankollu, jidher li r-rikorrenti żammew l-istess metodoloġija biex jikkwantifikaw dawn iż-żewġ tipi ta’ telf – jiġifieri l-paragun tal-EBITA fuq żewġ perijodi – liema fatt juri li mhijiex korretta. Barra minn hekk, skont il-Kunsill, il-ġurisprudenza li tawtorizza ċerta flessibbiltà fir-rigward ta’ dannu futur jew l-impossibbiltà li d-dannu jiġi kkwantifikat ma tistax tiġi estiża għall-metodu (jew għall-emendi magħmula fuq metodu predeterminat) li għandu jintuża biex titwettaq din il-kwantifikazzjoni.

193    Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li l-EBITA jista’ jiġi influwenzat minn fatturi minbarra d-deċiżjoni kkontestata u ma jkejjilx it-telf ta’ negozju, iżda l-vijabbiltà tal-kumpanniji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jipparagunaw l-EBITA kkonstatati f’perijodi differenti tas-sena (minn Settembru 2012 sa Mejju 2013 u minn Ġunju 2013 sa Frar 2014), liema fatt imur lil hinn minn sempliċi aġġornament u joħloq analiżi distorta, peress li t-talba ta’ PET hija iktar importanti f’ċerti xhur b’paragun ma’ oħrajn.

194    Fit-tielet lok, il-Kunsill iqis li l-irtirar tat-talbiet għal kumpens mill-parti l-kbira tar-rikorrenti juri li dawn tal-aħħar ma kinux f’pożizzjoni li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dannu u li t-telf imġarrab mit-tliet rikorrenti li żammet it-talbiet tagħhom ma jidhirx li huwa dovut għad-deċiżjoni kkontestata, iżda għal fatturi oħra. Id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) turi li l-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja naqsu fl-2014 u fl-2015, liema fatt jispjega l-limitazzjoni mir-rikorrenti tat-talba tagħhom għad-danni għall-perijodu minn Ġunju 2013 sa Frar 2014.

195    Fl-aħħar nett, il-Kunsill iqis li t-tnaqqis tal-prezzijiet prinċipali tal-materja prima, akkumpanjat bi tnaqqis fil-prezzijiet tal-PET, seta’ kellu riperkussjonijiet fuq ir-riżultati tal-EBITA li ma ġewx evalwati mir-rikorrenti.

196    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li d-determinazzjoni inizzjali tad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti minħabba t-telf inkors b’konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata (l-ewwel dannu allegat) kienet tistrieħ, parzjalment, fuq stima li tirrigwarda l-perijodu minn Ġunju 2013 sa Mejju 2014 (ara l-punt 162 iktar ’il fuq). Dan il-kalkolu kien jinkludi stima tat-telf imputabbli għad-dumping dannuż mistenni wara l-adozzjoni illegali tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-istima kienet tistrieħ fuq l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fl-2000, fil-mument meta d-dazji antidumping inkwistjoni kienu ġew imposti għall-ewwel darba. Fil-fatt, fir-Regolament tagħha (KE) Nru 1742/2000, tal-4 ta’ Awwissu 2000, li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ PET li joriġinaw mill-Indja, mill-Indoneżja, mill-Malasja, mir-Repubblika tal-Korea, mit-Tajwan u mit-Tajlandja (ĠU 2000, L 199, p. 48), il-Kummissjoni kkonstatat li l-industrija tal-Unjoni kellha tallinja l-prezzijiet tagħha kunsiderevolment l-isfel fuq dawk tal-importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping sabiex terġa’ takkwista s-sehem mis-suq li hija kienet tilfet, liema fatt kien ikkawża telf ta’ 15 % tad-dħul mill-bejgħ nett. Varjabbli tal-kalkolu oħra użata mir-rikorrenti kienet tistrieħ fuq l-istima taż-żieda tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi inkwistjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha ta’ regolament. Għalhekk, l-eżistenza ta’ dannu imputabbli għall-adozzjoni illegali tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ġiet murija mir-rikorrenti fuq il-bażi ta’ data reali.

197    Din l-istima ġiet issostitwita bil-kwantifikazzjoni tad-dannu magħmula mir-rikorrenti fl-aġġornament tagħhom fuq il-bażi tal-EBITA effettivament ikkonstatata matul il-perijodu minn Ġunju 2013 sa Frar 2014.

198    Għaldaqstant hemm lok li jiġu eżaminati t-talbiet, bħal dawk li ġew spjegati fil-kuntest ta’ dan l-aġġornament.

199    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-elementi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-aġġornament ma jippermettux li tiġi pprovata suffiċjentement kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-adozzjoni illegali tad-deċiżjoni kkontestata u t-telf allegat.

200    Fil-fatt, kif jenfasizza l-Kunsill, ir-rikorrenti ma għamlux distinzjoni, fit-tnaqqis tal-EBITA tagħhom, bejn il-parti dovuta għaż-żieda tal-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u dik li tirriżulta minn fatturi oħra li jistgħu jipprovokaw jew jagħtu lok għal tnaqqis ta’ dan l-indikatur ekonomiku uniku. L-EBITA setgħet ġiet influwenzata minn fatturi oħra minbarra d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, mill-bidla fil-prattiki ta’ bejgħ, mill-kompetizzjoni bejn produtturi tal-Unjoni u mill-kompetizzjoni bejn il-prodotti ta’ dawn tal-aħħar u l-importazzjonijiet minn pajjiżi minbarra l-Indja, it-Tajwan, it-Tajlandja, il-Malasja u l-Indoneżja. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat, bħal ma jagħmel il-Kunsill, li l-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja kienu jirrappreżentaw matul il-perijodu minn Ġunju 2013 sa Frar 2014 biss 5.6 % mill-konsum tal-Unjoni u dik tal-Malasja u tal-Indoneżja 1.72 %.

201    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta u suffiċjenti li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż ta’ għeluq ta’ ċerti siti inkorsi minn UAB Indorama Polymers Europe u Lotte Chemical UK

202    Kif tfakkar fil-punt 163 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti sostnew fil-qosor fir-rikors li huma jkunu wkoll kostretti jkeċċu persunal jew jgħalqu siti ta’ produzzjoni fl-Unjoni b’konsegwenza tad-deċiżjoni kkontestata.

203    Fl-aġġornament tagħhom, ir-rikorrenti llimitaw it-talba tagħhom għad-danni mġarrba f’dan ir-rigward għall-ispejjeż inkorsi minn UAB Indorama Polymers Europe, minħabba l-għeluq tal-fabbrika tagħha fir-Renju Unit, u dawk imġarrba minn Lotte Chemical UK, minħabba l-għeluq tal-fabbrika tagħha ta’ PTA. Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 167 iktar ’il fuq, dawn ir-rikorrenti jitolbu biss 77 % minn dawn l-ispejjeż, sa fejn, fil-fehma tagħhom, parti minnhom tista’ tiġi attribwita lill-importazzjonijiet mill-Malasja u mill-Indoneżja. Fuq din il-bażi, UAB Indorama Polymers Europe titlob is-somma ta’ [kunfidenzjali] (minflok ta’ [kunfidenzjali]) u Lotte Chemical UK is-somma ta’ [kunfidenzjali] (minflok ta’ [kunfidenzjali]).

204    Il-Kunsill jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta kawżali. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-aġġornament tat-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti, huwa jsostni li dawk li nżammu huma inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, inkwantu tressqu tardivament, jew fir-replika fir-rigward ta’ Lotte Chemical UK, jew fl-aġġornament fir-rigward ta’ UAB Indorama Polymers Europe.

205    F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-fondatezza tat-talbiet, għandu jiġi kkonstatat, kif jagħmel il-Kunsill, li, biex juru l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-danni allegati u l-aġir ikkontestat, ir-rikorrenti llimitaw lilhom infushom, fir-rikors u fir-replika, sabiex jipproduċu stqarrijiet tal-istampa jew korrispondenza li tiddikjara li l-għeluq tal-fabbriki kien dovut għad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, dawn id-dokumenti, stabbiliti mir-rikorrenti nfushom, ma jurux li l-għeluq ta’ dawn is-siti huwa attribwibbli għad-deċiżjoni kkontestata, peress li ebda indikazzjoni u ebda data ma ġew prodotti insostenn. Barra minn hekk, fir-rigward tal-fabbrika tar-Renju Unit ta’ UAB Indorama Polymers Europe, il-kliem stess tal-istqarrija li tirrigwarda l-għeluq tagħha ma jattribwixxix dan tal-aħħar għad-deċiżjoni kkontestata, iżda għat-tnaqqis fil-marġni u għaż-żieda fil-kompetizzjoni, speċjalment mill-Asja. Issa, kif jenfasizza l-Kunsill, l-importazzjonijiet mill-Korea ta’ Fuq, li wkoll tinsab fl-Asja, żdiedu matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni u effettivament setgħu kienu l-kaġun tal-għeluq tal-fabbrika. Ulterjorment, fir-rigward tal-fabbrika ta’ produzzjoni ta’ PTA ta’ Lotte Chemical UK, ir-rikorrenti ma jallegawx li l-għeluq tagħha huwa direttament attribwibbli għall-adozzjoni illegali tad-deċiżjoni kkontestata, iżda jillimitaw lilhom infushom jiddikjaraw li “waħda mir-raġunijiet prinċipali” għal tali għeluq huwa l-għeluq tal-fabbrika ta’ PET fir-Renju Unit ta’ UAB Indorama Polymers Europe.

206    Fl-aġġornament tagħhom tat-talbiet għal kumpens, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova addizzjonali li tippermetti li tiġi stabbilita din ir-rabta kawżali. Fil-fatt, ir-rikorrenti llimitaw lilhom infushom sabiex jipprovdu l-kontijiet finanzjarji kkonsolidati ta’ UAB Indorama Polymers Europe u ta’ Lotte Chemical UK sabiex juru l-ispejjeż marbuta mat-tkeċċijiet li fuqhom kienu bbażati t-talbiet tagħhom, mingħajr ma pproduċew ebda element li jippermetti li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-danni allegati u l-illegalitajiet iddenunzjati.

207    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-ispejjeż ta’ għeluq inkorsi minn UAB Indorama Polymers Europe u Lotte Chemical UK, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, kif isostni l-Kunsill, dawn it-talbiet tressqux fi stadju tardiv tal-proċedura, bi ksur tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura.

208    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta u suffiċjenti li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

 Konklużjonijiet fuq it-talbiet għal kumpens

209    Sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 171 iktar ’il fuq, l-assenza ta’ waħda biss mill-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Unjoni hija suffiċjenti biex tiġi miċħuda t-talba għal kumpens, hemm lok li jiġi miċħuda t-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti fl-intier tagħhom, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement ikkaratterizzat ta’ regola ta’ dritt li tagħti drittijiet lill-individwi u mal-eżistenza ta’ dannu.

 Fuq l-ispejjeż

210    Konformement mal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ikun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

211    F’dan il-każ, peress li l-Kunsill tilef għal dak li jirrigwarda t-talba għal annullament tar-rikorrenti u peress li dawn tal-aħħar tilfu għal dak li jirrigwarda t-talbiet għal kumpens tagħhom, hemm lok li r-rikorrenti u l-Kunsill jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt 200 iktar ’il quddiem.

212    L-intervenjenti privati għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk inkorsi mir-rikorrenti minħabba l-intervent tagħhom, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

213    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/226/UE, tal-21 ta’ Mejju 2013, li jirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja hija annullata, sa fejn hija ċaħdet il-proposta li jiġi stabbilit dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja u temmet il-proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ polietilentereftalat (PET) minn dawn it-tliet pajjiżi.

2)      It-talbiet għal kumpens huma miċħuda.

3)      Il-Committee of Polyethylene Terephthalate (PET) Manufacturers in Europe (CPME), Cepsa Química, SA, Equipolymers Srl, Indorama Ventures Poland sp. z o.o., Lotte Chemical UK Ltd, M & G Polimeri Italia SpA, Novapet, SA, Ottana Polimeri Srl, UAB Indorama Polymers Europe, UAB Neo Group u UAB Orion Global pet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt 5) iktar ’il quddiem.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

5)      Il-European Federation of Bottled Waters (EFBW), Caiba, SA, Coca-Cola Enterprises Belgium (CCEB), Danone, Nestlé Waters Management & Technology, Pepsico International Ltd u Refresco Gerber BV għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-intervent tagħhom.

6)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ April 2017.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għal annullament

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku

Fuq l-analiżi li għandha titwettaq mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u fuq il-portata tal-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali fuq id-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-eżami tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku

–  Fuq l-eżistenza ta’ indikaturi ekonomiċi pożittivi, b’mod partikolari, iż-żieda fil-prezzijiet tal-PET

–  Fuq il-volum mhux sinjifikattiv tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni

–  Fuq il-benefiċjarji reali tal-miżuri f’termini ta’ ishma mis-suq

–  Fuq l-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet matul il-perijodu eżaminat

–  Fuq il-volum mhux sinjifikattiv tal-importazzjonijiet mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja fil-każ ta’ tneħħija tal-miżuri

–  Fuq il-protezzjoni suffiċjenti tal-industrija tal-Unjoni minn miżuri oħra ta’ difiża kummerċjali

–  Fuq l-effett fuq operaturi oħra fil-każ ta’ tneħħija tal-miżuri

–  Konklużjoni fuq l-eżami tal-probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu

Fuq l-eżami tal-interess tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku

Konklużjoni fuq it-talba għal annullament

2.  Fuq it-talbiet għad-danni

Fuq il-portata tat-talbiet tar-rikorrenti

Fuq ir-rabta kawżali diretta

Fuq it-telf imġarrab minn Equipolymers, M & G Polimeri Italia u Novapet

Fuq l-ispejjeż ta’ għeluq ta’ ċerti siti inkorsi minn UAB Indorama Polymers Europe u Lotte Chemical UK

Konklużjonijiet fuq it-talbiet għal kumpens

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss fil-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.


2 –      Data kunfidenzjali moħbija.