Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Diċembru 2008 - Deutsche Post vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-570/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Post AG (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Sedemund u T. Lübbig, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tat-30 ta' Ottubru 2008 dwar l-ordni li tipprovdi informazzjoni fil-proċediment "Għajnuna mill-Istat C-36/2007 - Għajnuna mill-Istat lil Deutsche Post AG";

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa intiż kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C (20008) 6468, tat-30 ta' Ottubru 2008, li fiha l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċediment rigward l-għajnuna mill-Istat C 36/2007 (ex NN 25/2007) stiednet lill-Ġermanja, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 1, sabiex tgħaddilha d-dokumenti, l-informazzjoni u d-data kollha li huma meħtieġa għall-evalwazzjoni tad-dħul u tal-infiq ta' Deutsche Post mill-1989 sal-2007.

Ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

Bl-ewwel tliet motivi, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni f'kull każ għandha tiġi annullata minħabba ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, għaliex

il-kundizzjonijiet għal stabbiliment ta' terminu xieraq kif ukoll "ittra ta' tfakkir bi stabbiliment ta' terminu supplimentari" fis-sens tal-Artikolu 5(2) u 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 ma ġewx sodisfatti;

l-ordni għall-forniment ta' informazzjoni juri nuqqas serju fil-motivazzjoni u għaldaqstant jikser l-Artikolu 253 KE;

il-Kummissjoni naqset milli tipprovdi lill-Gvern Ġermaniż u lir-rikorrenti l-possibbiltà li jesprimu ruħhom rigward il-protezzjoni tas-sigrieti professjonali tal-impriża, bi ksur tal-Artikolu 287 u tal-Artikolu 10 KE.

Fir-raba' motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur tad-dritt Komunitarju sostanzjali, għaliex l-użu mid-data mitluba dwar l-infiq u d-dħul mill-1 ta' Jannar 1995 sal-31 ta' Diċembru 2007, fir-rigward tal-eżami tal-kumpens finanzjarju huwa f'kontradizzjoni mal-linji gwida Komunitarji tal-2005 u mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif ukoll minħabba ksur tal-Artikolu 86(2) u l-Artikolu 87(1) KE flimkien mal-prinċipju ta' proporzjonalità, ta' ċertezza legali u ta' projbizzjoni ta' diskriminazzjoni fid-dritt Komuntiarju u, fl-aħħar nett, peress li l-użu ta' tali data huwa manifestament mhux xieraq għall-evalwazzjoni, skont id-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, tal-iskema ta' pensjoni u ta' responsabbiltà.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1).