Language of document : ECLI:EU:T:2015:902

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Novembru 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Televiżjoni diġitali – Għajnuna għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati fi Spanja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Vantaġġ – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Artikolu 107(3)(ċ) TFUE – Għajnuna ġdida”

Fil-Kawża T‑462/13,

Comunidad Autónoma del País Vasco (Spanja),

Itelazpi, SA, stabbilita fi Zamudio (Spanja),

inizjalment irrappreżentati minn N. Ruiz García, J. Buendía Sierra, A. Lamadrid de Pablo u M. Muñoz de Juan, sussegwentement minn Buendía Sierra u Lamadrid de Pablo, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, B. Stromsky u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

SES Astra, stabbilita f’Betzdorf (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn F. González Díaz, F. Salerno u V. Romero Algarra, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni 2014/489/UE tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Ġunju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 [(C 23/2010) (ex NN 36/2010, ex CP 163/2009)] implimentata mir-Renju ta’ Spanja għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati (’il barra minn Castilla-La-Mancha) (ĠU L 217, p. 52),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President tal-Awla, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża tirrigwarda miżuri implementati mill-awtoritajiet Spanjoli fil-kuntest tal-mogħdija mix-xandir analoġiku għax-xandir diġitali fi Spanja f’dak li jirrigwarda t-territorju Spanjol kollu, ħlief għall-komunità awtonoma ta’ Castille-La-Manche (Spanja). Din id-diġitalizzazzjoni, li tista’ titwettaq teknikament permezz ta’ pjattaformi terrestri, satellitari, bil-kejbil jew permezz tal-broadband fuq l-internet, tippermetti użu iktar effiċjenti tal-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju. Fix-xandir diġitali, is-sinjal tat-televiżjoni jirreżisti aħjar għall-interferenzi u jista’ jkun akkumpanjat minn serje ta’ servizzi addizzjonali li jagħtu valur miżjud lill-programmazzjoni. Barra minn hekk, il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni jippermetti l-ksib tal-hekk imsejjaħ “dividend diġitali”, jiġifieri frekwenzi meħlusa, peress li t-teknoloġiji tat-televiżjoni diġitali jokkupaw spektrum ħafna iżgħar mit-teknoloġiji analoġiki. Huwa minħabba dawn il-vantaġġi li l-Kummissjoni Ewropea inkoraġġiet, sa mill-2002, id-diġitalizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

2        Ir-Renju ta’ Spanja stabbilixxa l-qafas leġiżlattiv għall-promozzjoni tal-proċess ta’ tranżizzjoni mix-xandir analoġiku għax-xandir diġitali, b’mod partikolari bil-promulgazzjoni tal-Ley 10/2005 de Medidas Urgentes para el Impulso de la Televisión Digital Terrestri, de Liberalización de la Televisión por Cable y de Fomento del Pluralismo (Liġi 10/2005 li tistabbilixxi miżuri urġenti għall-iżvilupp tat-televiżjoni diġitali terrestri, għal-liberalizzazzjoni televiżjoni bil-kejbil u għat-tħeġġiġ tal-pluraliżmu) tal-14 ta’ Ġunju 2005 (BOE Nru 142, tal-15 ta’ Ġunju 2005, p. 20562, iktar ’il quddiem il-“Liġi 10/2005”) u r-Real Decreto 944 /2005 por el que se aprueba el Plan técnico nacional de la televisión digital terrestri (Digriet Irjali 944/2005 li japprova l-programm tekniku nazzjonali favur it-televiżjoni diġitali terrestri) tad-29 ta’ Lulju 2005 (BOE Nru 181, tat-30 ta’ Lulju 2005, p. 27006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 944/2005”). Dan id-digriet irjali impona fuq ix-xandara nazzjonali l-obbligu li jkopru 96 % tal-popolazzjoni fil-każ tas-settur privat u 98 % tal-popolazzjoni fil-każ tas-settur pubbliku fit-territorji rispettivi tagħhom.

3        Sabiex jamministraw il-mogħdija mit-televiżjoni analoġika għat-televiżjoni diġitali, l-awtoritajiet Spanjoli qasmu t-territorju Spanjol fi tliet żoni separati:

–        fiż-żona I, li tinkludi 96 % tal-popolazzjoni Spanjola u li tqieset kummerċjalment profittabbli, l-ispiża tal-mogħdija għad-diġitali ġiet sostnuta mix-xandara pubbliċi u privati;

–        fiż-żona II, li tinkludi reġjuni inqas urbani u mbegħda li jirrappreżentaw 2.5 % tal-popolazzjoni Spanjola, ix-xandara, fin-nuqqas ta’ interess kummerċjali, ma investewx fid-diġitalizzazzjoni, u dan wassal sabiex ikun hemm finanzjament pubbliku min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli;

–        fiż-żona III, li tiġbor fiha 1.5 % tal-popolazzjoni Spanjola, it-topografija teskludi t-trażmissjoni diġitali terrestri, b’tali mod li kellha tingħażel il-pjattaforma satellitari.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2007, il-kabinett Spanjol adotta l-programm nazzjonali favur il-mogħdija għat-televiżjoni diġitali terrestri (iktar ’il quddiem it-“TNT”) li jimplementa l-programm tekniku nazzjonali previst fid-Digriet Irjali 944/2005. L-imsemmi proġett qasam it-territorju Spanjol f’90 proġett tekniku għall-mogħdija u stabbilixxa data limiti għat-tmiem tax-xandir analoġiku għal kull wieħed minn dawn il-proġetti. L-għan stabbilit f’dan il-programm kien li l-kopertura tal-popolazzjoni Spanjola bis-servizz TNT tilħaq livelli analogi għal dik tal-imsemmija popolazzjoni bit-televiżjoni analoġika fl-2007, jiġifieri iktar minn 98 % ta din il-popolazzjoni u 100 % tal-popolazzjoni tal-País Vasco (Spanja).

5        Peress li l-obbligi ta’ kopertura stabbiliti għat-TNT (ara l-punt 2 iktar ’il fuq) kienu jirriskjaw li jwasslu għal kopertura tal-popolazzjoni Spanjola iżgħar mill-kopertura tal-imsemmija popolazzjoni bix-xandir analoġiku li kienet teżisti qabel, kien neċessarju li tiġi ggarantita l-kopertura televiżiva fiż-żona II. Din il-kawża tirrigwarda biss il-finanzjament pubbliku mogħti mill-awtoritajiet Spanjoli insostenn tal-proċess ta’ diġitalizzazzjoni terrestri fl-imsemmija żona, u b’mod iktar partikolari l-finanzjamnet ta’ dan il-proċess fi ħdan ir-reġjuni tal-País Vasco li jinsabu f’din iż-żona. Fil- País Vasco, il-perċentwali tal-popolazzjoni li tinsab f’din iż-żona hija hija ta’ 9.5 %.

6        Fid-29 ta’ Frar 2008, il-ministeru Spanjol għall-industrija, it-turiżmu u l-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“MITC”) adotta deċiżjoni intiża sabiex ittejjeb l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni u tistabbilixxi l-kriterji u t-tqassim tal-finanzjament tal-azzjonijiet favur l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-kuntest ta’ pjan intitolat “Plan Avanza”. Il-baġit approvat abbażi ta’ din id-deċiżjoni ġie parzjalment allokat għad-diġitalizzazzjoni tat-televiżjoni fiż-żona II.

7        Bejn Lulju u Novembru 2008, id-diġitalizzazzjoni fiż-żona II tkompliet permezz ta’ diversi addenda għall-ftehimiet qafas tal-2006 fis-seħħ iffirmati mill-MITC u mill-komunitajiet awtonomi tar-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-Plan Avanza. Wara dawn l-addenda, il-MITC ittrasferixxa fondi lill-komunitajiet awtonomi, li impenjaw ruħhom li jkopru l-ispejjeż l-oħra marbuta mal-operazzjoni permezz tar-riżorsi baġitarji tagħhom stess.

8        Fis-17 ta’ Ottubru 2008, il-Kabinett Spanjol iddeċieda li jalloka fondi addizzjonali sabiex jestendi u jikkompleta l-kopertura tat-TNT fil-kuntest tal-proġetti ta’ mogħdija għad-diġitali li kellhom jiġu implementati matul l-ewwel semestru tal‑2009. Il-fondi ngħataw wara l-iffirmar ta’ ftehimiet qafas ġodda bejn il-MITC u l-komunitajiet awtonomi f’Diċembru 2008 dwar l-implementazzjoni tal-programm nazzjonali favur il-mogħdija għat-TNT. Fid-29 ta’ Mejju 2009, l-imsemmi kabinett approva l-kriterji ta’ tqassim tal-fondi allokati għall-finanzjament tal-inizjattivi favur il-mogħdija għat-TNT.

9        Wara l-iffirmar tal-addenda għall-ftehimiet qafas tal-2008 dwar l-estensjoni tal-kopertura tat-TNT u l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet qafas u ta’ dawn l-addenda fil-Boletín oficial del Estado, il-komunitajiet awtonomi bdew il-proċess ta’ estensjoni. Għal dan il-għan huma organizzaw sejħiet għall-offerti jew fdaw l-organizzazzjoni ta’ dawn is-sejħiet f’idejn impriżi privati. F’ċerti każijiet, il-komunitajiet awtonomi talbu lill-kunsilli jinkarigaw ruħhom mill-estensjoni.

10      Bħala regola ġenerali, inħarġu żewġ tipi ta’ sejħiet għal offerti fi Spanja. L-ewwel nett, kien hemm is-sejħiet għal offerti għall-estensjoni tal-kopertura li kienu jimplikaw li l-offerent magħżul jingħata l-inkarigu li jipprovdi netwerk operattiv ta’ TNT. Għal dan il-għan, l-ipproġettar u t-tħaddim tan-netwerk, it-trasport tas-sinjal, it-tnedija tan-netwerk u l-provvista tat-tagħmir neċessarju kienu fost l-inkarigi li kellhom jitwettqu. Is-sejħiet għal offerti l-oħra kienu jirrigwardaw il-provvista ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjoni.

11      Globalment, bejn is-sena 2008 u s-sena 2009, ġie pprelevat l-ammont totali ta’ EUR 163 miljun mill-baġit ċentrali, parzjalment f’self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħti mill-MITC lill-komunitajiet awtonomi, u madwar EUR 60 miljun li ġew ipprelevati mill-baġits tas-sittax-il komunità awtonoma kkonċernati ġew investiti għall-estensjoni tal-kopertura fiż-żona II. Barra minn hekk, il-kunsilli ffinanzjaw l-estensjoni sal-ammont ta’ madwar EUR 3.5 miljun.

12      Mis-sena 2009, it-tieni stadju wara l-estensjoni tat-TNT fiż-żona II kien jikkonsisti, għal ċerti komunitajiet awtonomi, fl-organizzazzjoni ta’ sejħiet għal offerti oħra jew fil-konklużjoni, mingħajr sejħiet għal offerti, tal-kuntratti ta’ tħaddim u ta’ manutenzjoni tat-tagħmir diġitalizzat u kkollokat matul l-estensjoni. L-ammont totali tal-fondi allokati permezz ta’ sejħiet għal offerti għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2009 u s-sena 2011 kien ta’ mill-inqas ta’ EUR 32.7 miljun.

13      Fil-País Vasco, l-ewwel rikorrenti, il-komunità awtonoma tal-País Vasco (Spanja), taqdi l-funzjonijiet tagħha f’pożizzjoni ta’ awtonomija leġiżlattiva u finanzjarja fil-konfront tal-Istat Spanjol, skont id-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni Spanjola u skont l-Istatut ta’ awtonomija tagħha. Dawn il-funzjonijiet jirrigwardaw, b’mod partikolari, oqsma ta’ xandir kif ukoll ta’ servizzi u ta’ infrastrutturi pubbliċi fit-termini previsti fl-imsemmija kostituzzjoni u fl-istatut ta’ awtonomija inkwistjoni. It-tnedija, il-manutenzjoni u t-tħaddim tan-netwerk tat-televiżjoni ġew fdati lit-tieni rikorrenti, Itelazpi, SA, impriża pubblika kkontrollata 100 % mill-Gvern tal-País Vasco, sa fejn dan tal-aħħar kien tagħha fondi sabiex issostni l-proċess ta’ diġitalizzazzjoni terrestri.

14      Fit-18 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand operatur Ewropew tas-satelliti, jiġifieri l-intervenjenti, SES Astra, li kien jirrigwarda skema ta’ għajnuna preżunta min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli favur il-mogħdija mit-televiżjoni analoġika għat-televiżjoni diġitali fiż-żona II. Skont l-imsemmi operatur, din il-miżura kienet tinvolvi għajnuna mhux innotifikata li ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-pjattaforma ta’ xandir terrestri u dik tax-xandir satellitari.

15      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fit-territorju Spanjol kollu, ħlief għall-komunità awtonoma ta’ Castille-La-Manche, reġjun li fir-rigward tiegħu nfetħet proċedura indipendenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, fl-14 ta’ Diċembru 2010, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 337, p. 17), il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

16      Wara li rċeviet il-kummenti tal-awtoritajiet Spanjoli u ta’ partijiet interessati oħra, il-Kummissjoni adottat, fid-19 ta’ Ġunju 2013, id-Deċiżjoni 2014/489/UE, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 [(C 23/2010) (ex NN 36/2010, ex CP 163/2009)] implimentata mir-Renju ta’ Spanja għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati (’il barra minn Castilla-La-Mancha) (ĠU L 217, p. 52, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li d-dispożittiv tagħha jipprovdi:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-operaturi tal-pjattaforma tat-televiżjoni terrestri għat-tnedija, il-manutenzjoni u t-tħaddim tan-netwerk tat-televiżjoni diġitali terrestri fiż-Żona II u li ddaħħlet fis-seħħ b’mod illegali mi[r-Renju ta’] Spanja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE hija inkompatibbli mas-suq intern, għajr għall-għajnuna li ngħatat f’konformità mal-kriterju tan-newtralità teknoloġika.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxi ebda għajnuna jekk, fiż-żmien li tingħata, hija tissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti mir-regolament li ġie adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 applikabbli fiż-żmien li tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3:

1.      [Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]irkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mingħand l-operaturi tat-Televiżjoni Diġitali Terrestri, kemm jekk irċevew l-għajnuna direttament jew indirettament.

2.      Fuq is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jiddekorri l-imgħax mid-data li fiha tpoġġew disponibbli għall-benefiċjarji sa meta jiġu rkuprati.

3.      L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi ta’ imgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

4.      [Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]ikkanċella l-pagamenti kollha pendenti tal-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni..

Artikolu 4

1.      L-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.      Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, [ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]ippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

a)      il-lista ta’ benefiċjarji li rċevew għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali ta’ għajnuna rċevuta minn kull wieħed minnhom taħt l-iskema, maqsuma skont il-kategoriji indikati fit-taqsima 6.2 aktar ’il fuq;

b)      l-ammont totali (kapital u imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

[…]

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.”

17      Sabiex timmotiva d-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li d-diversi strumenti adottati fuq livell ċentrali u l-ftehimiet li kienu ġew konklużi u emendati bejn l-MITC u l-komunitajiet awtonomi jikkostitwixxu l-bażi ta’ skema ta’ għajnuna għall-estensjoni tat-TNT fiż-żona II. Fil-prattika, il-komunitajiet awtonomi applikaw l-indikazzjonijiet tal-Gvern Spanjol dwar l-estensjoni tat-TNT (premessa 91 tal-imsemmija deċiżjoni).

18      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kellha titqies għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Peress li l-imsemmija miżura ġiet iffinanzjata mill-baġit tal-Istat u mill-baġits ta’ ċerti komunitajiet awtonomi u kunsilli, din hija intervenzjoni permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Skont il-Kummissjoni, l-estensjoni tan-netwerks ta’ trażmissjoni tat-televiżjoni kienet attività ekonomika u ma kinitx taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. L-operaturi tat-TNT huma l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna, filwaqt li operaturi ta’ netwerk li pparteċipaw fis-sejħiet għal offerti relatati mal-estensjoni tal-kopertura huma l-benefiċjarji indiretti tal-għajnuna. Il-vantaġġ ta’ din il-miżura għal dawn l-aħħar operaturi huwa selettiv, għaliex tali miżura hija ta’ benefiċċju biss għas-settur tax-xandir u, f’dan is-settur, l-istess miżura tikkonċerna biss l-impriżi li joperaw fis-suq tal-pjattaforma terrestri. Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw, bħala l-aħjar u l-uniku eżempju, il-każ tal-komunità awtonoma tal-País Vasco (Spanja) sabiex jinvokaw l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat skont il-kriterji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra, EU:C:2003:415). Madankollu, l-ewwel kriterju ta’ din is-sentenza, li jipprovdi li l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u li jipprovdi li dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, ma kienx, skont il-Kummissjoni, issodisfatt. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ garanzija tal-inqas spiża fl-interess ġenerali tal-imsemmija komunità awtonoma, ir-raba’ kriterju tal-imsemmija sentenza ma kienx issodisfatt. Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li l-pjattaformi ta’ xandir satellitari u terrestri kienu kompetituri, il-miżura intiża għat-tnedija, għat-tħaddim u għall-manutenzjoni tat-TNT fiż-żona II kienu jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ pjattaformi. Il-miżura inkwistjoni affettwat ukoll il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (premessi 94 sa 141 tal-imsemmija deċiżjoni).

19      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx titqies li hija għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, minkejja l-fatt li din il-miżura kienet intiża li tilħaq għan ta’ interess komuni tabilħaqq speċifiku u li hija kienet għarfet li kien hemm nuqqasijiet fis-suq. Skont il-Kummissjoni, ladarba l-imsemmija miżura ma kinitx tirrispetta l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, din il-miżura ma kinitx proporzjonali u ma kinitx tikkostitwixxi strument xieraq sabiex tiġi ggarantita l-kopertura tal-kanali FTA lir-residenti taż-żona II (premessi 148 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni qieset li, fl-assenza ta’ definizzjoni preċiża tat-tħaddim ta’ pjattaforma terrestri inkwantu servizz pubbliku, il-miżura inkwistjoni ma setgħetx tkun iġġustifikata abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni osservat li l-miżura inkwistjoni ma kinitx għajnuna eżistenti, għaliex l-imsemmija miżura kellha titqies li hija emenda li influwenzat is-sustanza nnifisha tal-iskema inizjali. L-awtoritajiet Spanjoli kellhom, għalhekk, jinnotifikaw din il-miżura (premessi 173 sa 175 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni speċifikat id-diversi każijiet li fihom l-awtoritajiet Spanjoli kellhom jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji diretti u indiretti (premessi 179 sa 197 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ressqu din il-kawża.

24      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri provviżorji li fiha essenzjalment talbu li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Ottubru 2013, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il‑Kummissjoni (T‑462/13 R, EU:T:2013:546), din it-talba ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Settembru 2013, l-intervenjenti talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Din it-talba ntlaqgħet permezz tad-digriet tal-10 ta’ Frar 2014, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il-Kummissjoni (T‑462/13, EU:T:2014:81).

26      L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fl-24 ta’ Marzu 2014. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ April 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

28      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dokumenti. Il-Kummissjoni osservat din it-talba fit-terminu mogħti.

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ressqu osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta.

30      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2015.

31      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata li l-motivi invokati huma ammissibbli u fondati;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ t-talbiet tal-Kummissjoni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

 Id-dritt

34      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikors huwa ammissibbli, għalkemm ir-rikorrenti ma humiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel rikorrenti, huwa paċifiku li kienet hija li ddeċidiet li tagħti parti mill-għajnuna kkontestata fil-País Vasco. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata, li tipprekludi lill-ewwel rikorrenti milli teżerċita, kif trid, il-kompetenzi tagħha mogħtija lilha direttament mid-dritt Spanjol, taffettwa direttament u individwalment il-pożizzjoni legali tagħha (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1988, Exécutif régional wallon u Glaverbel vs Il‑Kummissjoni, 62/87 u 72/87, Ġabra, EU:C:1988:132, punti 6 u 8; tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il‑Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra, EU:T:1998:77, punt 29, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑227/01 sa T‑229/01, T‑265/01, T‑266/01 u T‑270/01, Ġabra, EU:T:2009:315, punt 76). F’dak li jirrigwarda t-tieni rikorrenti, peress li l-locus standi tal-komunità awtonoma tal-País Vasco hija stabbilita u peress li dan huwa rikors wieħed u uniku, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tat-tieni rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra, EU:C:1993:111, punt 31).

35      Insostenn tar‑rikors, ir‑rikorrenti jqajmu tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

36      Dan il-motiv huwa kompost minn żewġ partijiet. Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn hija kkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. L-ewwel parti hija bbażat fuq l-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li t-tieni rikorrenti ma rċeviet ebda vantaġġ selettiv.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku

37      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn hija kkonstatat l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għat-tieni rikorrenti. Fl-opinjoni tagħhom, tali vantaġġ ma kienx jeżisti, għaliex il-kriterji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2003:415) kienu ġew issodisfatti.

38      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, irid ikun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent irid ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu billi jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, Ġabra, EU:T:2008:585, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Din il-parti tirrigwarda b’mod iktar partikolari t-tielet wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, rekwiżit li jgħid li l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, għandhom jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, Ġabra, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għandu jitfakkar li, fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, sa fejn intervent mill-Istat kellu jitqies kumpens li jirrappreżenta l-kontroparti għal servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li fil-verità dawn l-impriżi ma jibbenefikawx minn vantaġġ finanzjarju u li għalhekk l-imsemmi intervent ma kellux l-effett li jpoġġi lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli minn dik ta’ impriżi kompetituri tagħhom, tali intervent ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu ssodisfatti, kumulattivament, erba’ kriterji (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2003:415, punti 87 u 88).

41      Mill-premessi 114 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-ewwel u r-raba’ kriterji imposti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

–       Fuq l-ewwel kriterju impost mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dwar l-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku

42      Skont dan il-kriterju, l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2003:415, punt 89).

43      Għandu jiġi osservat li fil-premessi 119 sa 126 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) ma kienx issodisfatt.

44      Skont il-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, il-liġi Spanjola ma tispeċifikax li t-tħaddim ta’ netwerk terrestri kien servizz pubbliku. Il-Ley 11/1998, General de Telecomunicaciones (Liġi Ġenerali 11/1998 dwar it-telekomunikazzjonijiet) tal-24 ta’ April 1998 (BOE Nru 99, tal-25 ta’ April 1998, p. 13909, iktar ’il quddiem il-“Liġi 11/1998”) tistabbilixxi li s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, inkluż it-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv, huma servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar ’il quddiem “SIEĠ”), għalkemm ma għandhomx l-istatus ta’ servizzi pubbliċi, status li huwa rriżervat għal ftit servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari dawk relatati mad-difiża pubblika u l-protezzjoni ċivili kif ukoll it-tħaddim tan-netwerk telefoniku. Il-Ley 32/2003, General de Telecomunicaciones (Liġi Ġenerali 32/2003 dwar it-telekomunikazzjonijiet) tat-3 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 264, tal-4 ta’ Novembru 2003, p. 38890, iktar ’il quddiem il-“Liġi 32/2003” żammet l-istess definizzjoni. Is-servizzi li jittrażmettu għax-xandir televiżiv, jiġifieri t-trażmissjoni tas-sinjali permezz tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, huma meqjusa bħala servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u huma, bħala tali, SIEĠ li ma jikkostitwixxux servizz pubbliku.

45      Skont il-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, f’kull każ, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Spanjola huma teknoloġikament newtrali. L-imsemmija liġi tiddefinixxi t-telekomunikazzjonijiet bħala t-tħaddim tan-netwerks u l-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-faċilitajiet assoċjati. It-telekomunikazzjonijiet huma t-trażmissjoni ta’ sinjali permezz ta’ kwalunkwe netwerk ta’ xandir u mhux biss permezz tan-netwerk terrestri. Barra minn hekk, din il-liġi tispeċifika li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tinkoraġixxi, sa fejn possibbli, in-newtralità teknoloġika fil-leġiżlazzjoni.

46      Skont il-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-liġi fis-seħħ u applikabbli fiż-żmien tat-trasferiment tal-fondi kienet tiddefinixxi x-xandir pubbliku bħala servizz pubbliku, ma huwiex possibbli li din id-definizzjoni tiġi estiża għat-tħaddim ta’ pjattaforma ta’ appoġġ partikolari. Barra minn hekk, fejn jeżistu diversi pjattaformi ta’ trażmissjoni, ma jistax jitqies li pjattaforma waħda partikolari hija essenzjali għat-trażmissjoni tas-sinjali tax-xandir. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-liġi Spanjola tistabbilixxi li l-użu ta’ ċerta pjattaforma għat-trażmissjoni tas-sinjali ta’ xandir jikkostitwixxi servizz pubbliku, kien jikkostitwixxi żball manifest.

47      Barra minn hekk, fil-premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ċaħdet l-argument li jgħid li t-tħaddim tan-netwerks terrestri kien ġie ddefinit bħala servizz pubbliku fil-ftehimiet interistituzzjonali konklużi mal-Gvern tal-País Vasco, mal-assoċjazzjoni tal-kunsilli tal-País Vasco u mat-tliet Gvernijiet provinċjali tal-País Vasco.

48      Fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, billi għamlet riferiment għall-premessi 119 sa 122 ta’ din id-deċiżjoni, li la r-Renju ta’ Spanja u lanqas l-awtoritajiet tal-País Vasco ma kienu ddefinixxew bi preċiżjoni t-tħaddim ta’ pjattaforma terrestri inkwantu servizz pubbliku.

49      Għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-kunċett ta’ servizz pubbliku fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), il-partijiet ma jikkontestawx li dan jikkorrispondi għall-kunċett ta’ SIEĠ fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra, EU:T:2008:29, punt 162, u tas-16 ta’ Lulju 2014, Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs Il-Kummissjoni, T‑309/12, EU:T:2014:676, punt 132).

50      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jqisu bħala SIEĠ u, konsegwentement, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il‑Kummissjoni, T‑17/02, Ġabra, EU:T:2005:218, punt 216; tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra, EU:T:2008:457, punt 101, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, FAB vs Il-Kummissjoni, T‑8/06, EU:T:2009:386, punt 63). Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni armonizzata tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-Kummissjoni la hija awtorizzata tiddeċiedi dwar il-portata tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku fdati lill-operatur pubbliku, jiġifieri l-livell tal-ispejjeż marbuta ma dan is-servizz, la fuq kemm huma xierqa l-għażliet politiċi magħmula, f’dan ir-rigward, mill-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas fuq l-effettività ekonomika tal-operatur pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra, EU:T:1997:23, punt 108, u tal-1 ta’ Lulju 2010, M6 vs Il‑Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, Ġabra, EU:T:2010:272, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali allegat mat-Trattati UE u FUE jirriżulta li l-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-SIEĠ fis-sens tal-Artikolu 14 TFUE jinkludu b’mod partikolari r-rwol essenzjali u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, jikkummisjonaw u jorganizzaw is-SIEĠ b’mod li jissodisfa kemm jista’ jkun il-bżonnijiet tal-utenti.

51      Għaldaqstant, is-setgħa tal-Istat Membru li jiddefinixxi s-SIEĠ ma hijiex mingħajr limiti u ma tistax tiġi eżerċitata arbitrarjament biss sabiex settur partikolari jkun jista’ jevita l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 168). Sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat SIEĠ, is-servizz inkwistjoni għandu jkollu interess ekonomiku ġenerali li jkollu karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma dawk ta’ attivitajiet oħra tal-ħajja ekonomika (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, Ġabra, EU:C:1991:464, punt 27, u tas-17 ta’ Lulju 1997, GT-Link, C‑242/95, Ġabra, EU:C:1997:376, punt 53).

52      Il-portata tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-definizzjoni minn Stat Membru ta’ servizz bħala SIEĠ jista’ jiġi kkontestat mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest. Madankollu dan l-istħarriġ għandu jiżgura l-osservanza ta’ ċerti kriterji minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ att tal-awtorità pubblika li jinkariga lill-operaturi inkwistjoni b’missjoni ta’ SIEĠ, kif ukoll in-natura universali u mandatorja ta’ din il-missjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni, T‑137/10, Ġabra, EU:T:2012:584, punti 100 u 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [106(2) TFUE] rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 327M , 5.12.2008, p. 488), ir-responsabbiltà tat-tħaddim tas-SIEĠ għandha tkun fdata lill-impriża kkonċernata permezz ta’ atti uffiċjali wieħed jew iktar, fil-forma li tista’ tkun stabbilita minn kull Stat Membru, fejn dawn l-atti għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari n-natura u l-perijodu ta’ validità tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-impriżi u t-territorju involuti. Il-paragrafu 12 tal-qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat’ fil-forma ta’ kumpensi ta’ servizz pubbliku (ĠU 2005, C 297, p. 4) jipprovdi l-istess rekwiżiti.

53      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) kien issodisfatt, għaliex, fl-opinjoni tagħhom, it-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv kien ġie ddefinit bħala SIEĠ fuq livell nazzjonali skont il-liġi Spanjola u fuq il-livell tal-komunità awtonoma fil-ftehimiet interistituzzjonali konklużi fil-País Vasco, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata. Matul is-seduta, huma speċifikaw li l-Liġi 32/2003 kienet tikkostitwixxi l-bażi legali li awtorizzat lill-awtoritajiet Spanjoli jiddefinixxu SIEĠ. Huwa paċifiku li l-karatteristiċi tipiċi meħtieġa sabiex jiġi ddefinit SIEĠ, u b’mod partikolari l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ suq, kienu ssodisfatti f’dan il-każ. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) ma kienx issodisfatt abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-kunċetti ta’ servizz pubbliku u ta’ SIEĠ fid-dritt Spanjol u fid-dritt tal-Unjoni.

54      Dan l-argument ma jurix li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li, fl-assenza ta’ definizzjoni ċara tas-servizz ta’ tħaddim ta’ netwerk terrestri bħala servizz pubbliku, l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) ma kienx issodisfatt.

55      Fil-fatt, l-ewwel nett, it-tħaddim ta’ netwerk tat-TNT fiż-żona II ma ġiex iddefinit mill-Istat Spanjol bħala SIEĠ fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fuq il-livell nazzjonali.

56      Ċertament, hekk kif jirriżulta mill-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, is-servizz ta’ tħaddim ta’ netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv ġie kklassifikat mill-Istat Spanjol bħala servizz ta’ importanza ġenerali, skont l-Artikolu 2 tal-Liġijiet 11/1998 u 32/2003, prodotti mill-Kummissjoni insegwitu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħhom.

57      Madankollu, mill-Artikolu 2 tal-Liġijiet 11/1998 u 32/2003 jirriżulta li din il-klassifikazzjoni tirrigwarda s-servizzi kollha ta’ telekomunikazzjonijiet, inklużi n-netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv. Issa, is-sempliċi fatt li servizz huwa indikat bħala li huwa ta’ interess ġenerali fid-dritt nazzjonali ma jimplikax li kull operatur li jwettqu huwa inkarigat mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415). Li kieku dan kien il-każ, is-servizzi kollha ta’ telekomunikazzjonijiet fi Spanja jkollhom in-natura ta’ SIEĠ fis-sens ta’ din is-sentenza, u dan bl-ebda mod ma jirriżulta minn dawn il-liġijiet. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1) tal-Liġi 32/2003 jistipula espliċitament li s-servizzi ta’ interess ġenerali fis-sens ta’ din il-liġi għandhom jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera. Issa, il-klassifikazzjoni ta’ servizz bħala SIEĠ fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) teżiġi li r-responsabbiltà għall-ġestjoni tagħha tiġi fdata lil ċerti impriżi.

58      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta eżaminat, fil-premessi 119 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) kienx issodisfatt f’dak li jirrigwarda s-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks terrestri u mhux f’dak li jirrigwarda s-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv, kif isostnu r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, mill-premessa 120 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 32/2003 huma kkaratterizzati min-newtralità teknoloġika tagħhom u li t-telekomunikazzjonijiet kienu t-trażmissjoni ta’ sinjali permezz ta’ kull netwerk ta’ xandir u mhux permezz tan-netwerk terrestri b’mod partikolari, fatt li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti. Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet tal-liġi Spanjola, ma jistax jiġi deċiż li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat fil-premessi 119 u 122 ta’ din id-deċiżjoni li, fl-imsemmija liġi, it-tħaddim ta’ netwerk terrestri ma kienx iddefinit bħala servizz pubbliku fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

59      Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-limitazzjoni tas-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv għal pjattaforma speċifika ma tikkostitwixxix sempliċement modalità konkreta ta’ dan is-servizz. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, mhux talli tali limitazzjoni ma kinitx neċessarja skont il-Liġi 32/2003 iżda talli kienet tmur direttament kontra d-dispożizzjonijiet tagħha.

60      Sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-eżistenza tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward tad-determinazzjoni tal-mezz sabiex jiġi pprovdut SIEĠ hija kkonfermata mill-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, p. 1), huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-imsemmija direttiva tapplika, abbażi tal-Artikolu 1(2) tagħha, għall-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ xogħlijiet jew ta’ servizzi lil operaturi ekonomiċi, u dan ma huwiex ikkonfutat mill-fatt li l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-direttiva jenfasizzaw l-importanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni libera mill-awtoritajiet pubbliċi, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza.

61      F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn il-każ fejn l-Istat jaġixxi billi jeżerċita s-setgħa pubblika u l-każ fejn l-Istat jeżerċita attivitajiet ekonomiċi ta’ natura industrijali jew kummerċjali li jikkonsistu fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi fis-suq. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk l-Istat jaġixxix direttament permezz ta’ korp li jifforma parti mill-amministrazzjoni pubblika jew permezz ta’ entità li rċeviet mingħandu drittijiet speċjali jew esklużivi (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, Ġabra, EU:C:1997:160, punti 16 u 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, Ġabra, EU:C:2012:449, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ personalità ġuridika separata minn dik tal-Istat, mogħtija mid-dritt nazzjonali lil korp li jeżerċita attivitajiet ekonomiċi, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u dan l-organu, u konsegwentement, fuq il-possibbiltà li l-imsemmi organu jibbenefika minn għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, Ġabra, EU:T:2011:117, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      It-tieni nett, it-tħaddim ta’ netwerk tat-TNT lanqas ma ġie ddefinit bħala SIEĠ, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, fil-livell tal-komunità awtonoma fil-ftehimiet interistituzzjonali konklużi fil-País Vasco.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, fil-ftehimiet interistituzzjonali inkwistjoni, l-awtoritajiet tal-País Vasco ammettew li l-valuri ta’ aċċess universali għall-informazzjoni u għall-pluralità tal-informazzjoni kienu jeħtieġu l-universalità tas-servizz ta’ televiżjoni FTA u li qiesu, filwaqt li fakkru n-neċessità li ċ-ċittadini tal-País Vasco jaċċedu għall-offerta kollha tat-TNT, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huma kienu ser jieħdu akkarigu l-estensjoni tal-kopertura tal-multiplex tal-Istat taħt kundizzjonijiet identiċi. Madankollu, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, ebda dispożizzjoni ta’ dawn il-ftehimiet interistituzzjonali ma tindika li t-tħaddim tan-netwerk terrestri huwa meqjus bħala servizz pubbliku. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw espliċitament li l-ewwel rikorrenti fl-ebda mument ma sostniet li l-provvista tas-servizz ta’ xandir permezz tal-pjattaforma terrestri, u mhux il-provvista tas-servizz permezz ta’ pjattaformi oħra, kien jikkostitwixxi SIEĠ.

64      Iktar minn hekk, għandu jitfakkar li l-Liġi 32/2003, li, skont ir-rikorrenti, tikkostitwixxi l-qafas li jawtorizza lill-awtoritajiet Spanjoli jiddefinixxu SIEĠ, kienet ikkaratterizzata mill-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika (ara l-punt 58 iktar ’il fuq). Dan espost, ma jistax jiġi deċiż li l-awtoritajiet tal-País Vasco ddefinixxew, fil-ftehimiet inkwistjoni, it-tħaddim tan-netwerk tat-TNT inkwantu SIEĠ, billi eskludew l-użu ta’ kull teknoloġija oħra għat-trażmissjoni tas-sinjal tat-televiżjoni fiż-żona II.

65      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni żbaljatament għamlet distinzjoni bejn il-provvista tas-servizz ta’ xandir u t-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir. Fl-opinjoni tagħhom, għalkemm huwa paċifiku li s-servizz ta’ xandir huwa servizz pubbliku, il-fatt li jiġi ggarantit u ffinanzjat in-netwerk li jippermetti l-provvista tal-imsemmi servizz huwa wkoll essenzjali u jaqdi interess ġenerali. Huma jagħmlu riferiment, f’dan ir-rigward, għal-Ley 31/1987 de Ordenación de las Telecomunicaciones (Liġi 31/1987 dwar l-organizzazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet) tat-18 ta’ Diċembru 1987 (BOE Nru 303, tad-19 ta’ Diċembru 1987, p. 37409, iktar ’il quddiem il-“Liġi 31/1987”) li tgħid li s-servizzi ta’ xandir bil-ħoss jew bit-televiżjoni permezz ta’ ondi terrestri huma servizzi pubbliċi.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, it-trażmissjoni hija indispensabbli għax-xandir. Fil-fatt, għalkemm, skont il-ġurisprudenza, it-teknika ta’ trażmissjoni ma hijiex element determinanti fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ xandir (sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2005, Mediakabel, C‑89/04, Ġabra, EU:C:2005:348, punt 33, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Kabel Deutschland Vertrieb und Service, C‑336/07, Ġabra, EU:C:2008:765, punt 64), xorta jibqa l-fatt li bejn iż-żewġ servizzi teżisti rabta’ ta’ dipendenza.

67      Madankollu, hekk kif tiddikjara l-Kummissjoni, għanda ssir distinzjoni bejn is-servizz ta’ xandir u s-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks ta’ xandir. Fil-fatt, dawn huma żewġ attivitajiet separati mwettqa minn impriżi differenti li joperaw fi swieq differenti. Filwaqt li s-servizz ta’ xandir huwa żgurat minn xandara, jiġifieri operaturi tat-televiżjoni, is-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks ta’ xandir huwa żgurat minn operaturi ta’ pjattaformi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali, jiġifieri pjattaformi terrestri, satellitari, bil-kejbil jew permezz ta’ aċċess broadband fuq l-internet.

68      Kif tiddikjara l-intervenjenti, tali distinzjoni hija wkoll stabbilita fis-settur tal-komunikazzjoni. Mill-premessa 5 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), jirriżulta li huwa neċessarju li l-leġiżlazzjoni dwar it-trażmissjoni tiġi separata minn dik dwar il-kontenut.

69      Ir-rikorrenti jagħmlu wkoll riferiment għall-fatt li l-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri li jikkompleta t-Trattati UE u FUE jenfasizza s-setgħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir kif mogħtija, iddefinita u organizzata minn kull Stat Membru. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan il-protokoll japplika għas-settur tax-xandir (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, TF1 et vs Il-Kummissjoni, T‑520/09, EU:T:2012:352, punt 94) u, b’mod iktar speċifiku, għall-finanzjament tas-servizz pubbliku ta’ xandir mogħti lill-korpi ta’ xandir, jiġifieri f’dan il-każ l-operaturi tat-televiżjoni. Min-naħa l-oħra, il-finanzjament tal-operaturi ta’ pjattaformi ta’ trażmissjoni tas-sinjali ma huwiex ikkonċernat mill-imsemmi protokoll.

70      Barra minn hekk, ladarba, fil-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, l-Istati Membri ħabbru li s-servizz ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri kien direttament relatat mall-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-media, huma għamlu direttament riferiment għas-sistemi ta’ xandir pubbliku stabbiliti minnhom u inkarigati mix-xandir, għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kollha ta’ dawn l-Istati, ta’ programmi televiżivi ġenerali (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra, EU:T:2008:228, punt 198). Issa, f’dan il-każ, peress li d-Digriet Irjali 944/2005 impona fuq ix-xandara nazzjonali l-obbligu li jkopru 96 % tal-popolazzjoni fil-każ tas-settur privat u 98 % tal-popolazzjoni fil-każ tas-settur pubbliku fit-territorji rispettivi tagħhom (ara l-punt 2 iktar ’il fuq) u peress li, għal kważi ż-żona II kollha, tali obbligu ta’ kopertura kien jiggarantixxi l-aċċess għall-kanali pubbliċi, sa fejn it-topografija taż-żona III kienet teskludi t-trażmissjoni diġitali terrestri (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), il-miżura inkwistjoni kienet essenzjalment intiża li tiffinanzja l-estensjoni tal-kopertura tal-popolazzjoni minn operaturi tat-televiżjoni tas-settur. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-għanijiet tal-imsemmi protokoll, intiżi li jiggarantixxu l-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ soċjetà u l-ħarsien tal-pluraliżmu tal-media, bl-ebda mod ma huma marbuta mal-għażla tat-teknoloġija ta’ xandir.

71      F’dak li jirrigwarda l-argument dwar il-Liġi 31/1987, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, din il-liġi ma ġietx prodotta quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-konstatazzjoni tad-dritt nazzjonali hija kwistjoni ta’ fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, A2A vs Il-Kummissjoni, C‑318/09 P, EU:C:2011:856, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kwistjoni ta’ jekk u sa fejn regola tad-dritt nazzjonali tapplikax jew le għall-każ inkwistjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni fattwali tal-qorti u hija suġġetta għar-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova u dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑154/10, Ġabra, EU:T:2012:452, punt 65). Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li, skont l-imsemmija liġi, is-servizzi ta’ xandir bil-ħoss jew bit-televiżjoni permezz ta’ ondi terrestri huma servizzi pubbliċi, ma jippermettix, f’kull każ, li jiġi deċiż li l-istess liġi tiddefinixxi, minbarra s-servizzi ta’ xandir, ukoll servizzi oħra inkwantu servizzi pubbliċi.

72      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fl-ebda mument ma kienu f’pożizzjoni li jiddeterminaw liema obbligi ta’ servizz pubbliku kienu ġew fdati f’idejn l-operaturi tan-netwerks tat-TNT, jew mil-liġi Spanjola, jew mill-ftehimiet ta’ tħaddim, u ħafna inqas li jipproduċu l-prova ta’ dan.

73      Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod kontradittorju sa fejn hija kienet diġà qieset li t-tnedija tan-netwerks bil-broadband seta’ jitqies li huwa SIEĠ, l-argumenti tagħhom ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, għandu jiġi eżaminat, separatament għall kull servizz, jekk humiex issodisfatti r-rekwiżiti tal-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), jiġifieri jekk l-impriża benefiċjarja hijiex effettivament inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u jekk dawn l-obbligi humiex iddefiniti b’mod ċar. Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv li jiddependi biss fuq il-kwistjoni ta’ jekk miżura statali tagħtix jew le vantaġġ lil impriża jew lil ċerti impriżi. Għalhekk, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, li fir-rigward tagħha ma hemmx qbil bejn il-partijiet, ma tistax tkun deċiżiva (ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il-Kummissjoni, T‑445/05, Ġabra, EU:T:2009:50, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika huwa wkoll ta’ natura deċiżiva fir-rigward tad-determinazzjoni tas-servizz ta’ stabbiliment u ta’ tħaddim ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bil-broadband bħala SIEĠ (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Iliad et vs Il-Kummissjoni, T‑325/10, EU:T:2013:472, punti 142 sa 145).

74      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod kontradittorju meta aċċettat l-għażla esklużiva tat-teknoloġija satellitari għall-provvista tas-servizz ta’ xandir fiż-żona III, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-servizz ta’ tħaddim fl-imsemmija żona ma jifformax parti mis-suġġett ta’ din il-kawża u li din iż-żona ġiet iddefinita bħala territorju fejn, minħabba l-kundizzjonijiet orografiċi tiegħu, ir-riċezzjoni terrestri ma kinitx possibbli jew kienet tippreżenta diffikultajiet eċċezzjonali. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni taċċetta l-għażla ta’ teknoloġija f’żona ma jistax jiġġustifika l-għażla ta’ teknoloġija oħra f’żona oħra.

75      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni żbaljatament iġġustifikat il-pożizzjoni tagħha billi għamlet riferiment għall-kawża dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur l-introduzzjoni tat-TNT (DVB-T) fir-reġjun ta’ Berlin-Brandenburg (il-Ġermanja), li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑21/06, EU:T:2009:387) u għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑544/09 P, EU:C:2011:584). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f’dawn is-sentenzi, il-qorti tal-Unjoni ma eżaminatx il-kwistjoni ta’ jekk is-servizz ta’ tħaddim ta’ netwerk terrestri kienx ġie ddefinit b’mod validu bħala SIEĠ, skont ir-rekwiżiti tal-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415). L-eżami kien pjuttost jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx kompatibbli mas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. Huwa wkoll f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni għamlet riferiment għal din l-għajnuna, kif jirriżulta b’mod partikolari min-nota ta’ qiegħ il-paġna 77 tad-deċiżjoni kkontestata.

76      Fir-raba’ lok, f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, stipulata sussidjarjament u esposta fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-definizzjoni bħala servizz pubbliku tat-tħaddim ta’ pjattaforma partikolari, f’dan il-każ il-pjattaforma terrestri, kienet tkun tikkostitwixxi żball manifest tal-awtoritajiet Spanjoli, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li tqis li, minħabba l-fatt li dawn kienu għażlu ċerta teknoloġija, huma kienu wettqu żball manifest. Fl-opinjoni tagħhom, il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika ma jikkostitwixxix prinċipju assolut. Billi jagħmlu riferiment għal żewġ studji huma jsostnu li l-Kummissjoni kellha teżamina jekk l-analiżi tal-awtoritajiet Spanjoli dwar l-għażla tat-teknoloġija li għandha tintuża kinitx manifestament żbaljata.

77      Huwa minnu li mill-istruttura ġenerali tat-Trattat jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jkun kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-trattat (ara s-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra, EU:C:2008:224, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ottubru 2013, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑275/11, EU:T:2013:535, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fil-konfigurazzjoni tas-SIEĠ tagħhom ma jistax jiġi eżerċitat b’mod li jagħti lok għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit, f’dak li jirrigwarda s-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks, b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Huwa għalhekk li meta jkun hemm diversi pjattaformi ta’ trażmissjoni bħal f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li jitqies li waħda minnhom hija essenzjali għat-trażmissjoni tas-sinjali tax-xandir mingħajr ma jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Għalhekk meta ddefinixxew is-servizz ta’ tħaddim ta’ netwerk tat-TNT inkwantu SIEĠ, l-awtoritajiet Spanjoli ma kellhomx jiddiskriminaw kontra l-pjattaformi l-oħra. Sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, bħal dik prevista mit-Trattat FUE, tista’ tiġi ggarantita biss jekk l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi hija ggarantita (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, Ġabra, EU:C:2013:127, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Madankollu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika ma jimplikax li, fil-każijiet kollha, id-definizzjoni ta’ ċerta pjattaforma għat-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir tikkostitwixxi żball manifest. Fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat żball manifest tal-awtoritajiet Spanjoli minħabba d-determinazzjoni ta’ ċerta pjattaforma inkwantu tali. Għalhekk hija ma eżaminatx jekk tali għażla kinitx oġġettivament iġġustifikata fil-każ ineżami fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-awtoritajiet Spanjoli għandhom fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jqisu li huwa SIEĠ. Huwa minnu li, fil-kuntest tal-eżami tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-għażla ta’ teknoloġija speċifika setgħetx tiġi aċċettata. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx iġġustifikata li tikkonstata l-eżistenza ta’ żball manifest mwettaq mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward tad-definizzjoni ta’ SIEĠ, għaliex l-eżami tal-legalità tad-definizzjoni ta’ SIEĠ, abbażi tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa differenti minn dak tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna, skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Fil-fatt, filwaqt li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ SIEĠ, hija l-Kummissjoni li għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx iktar fil-fond l-għażla tal-Istat Membru, hija ma kinitx iġġustifikata li tikkonstata l-eżistenza ta’ żball manifest min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli fid-definizzjoni ta’ ċerta pjattaforma għal dan it-tħaddim.

79      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għalkemm il-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li d-definizzjoni ta’ ċerta pjattaforma għat-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir kienet tikkostitwixxi żball manifest tal-awtoritajiet Spanjoli, l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) ma kienx issodisfatt fl-assenza ta’ definizzjoni ċara u preċiża tas-servizz inkwistjoni inkwantu servizz pubbliku, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessi 119 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq ir-raba’ kriterju impost mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dwar il-garanzija ta’ inqas spiża għall-kollettività

80      Skont dan il-kriterju, meta l-għażla tal-impriża li għandha tiġi inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ konkret, ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat li jista’ jipprovdi dawn is-servizzi bl-inqas spiża għall-kollettività, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u mgħammra b’mod xieraq sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, kienet tinkorri sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2003:415, punt 93).

81      Fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li, fid-dawl tal-fatt li ma kienet saret l-ebda sejħa għal offerti, l-awtoritajiet tal-País Vasco kienu qed isostnu li dan il-kriterju kien issodisfatt, għaliex l-impriża pubblika tal-Gvern tal-País Vasco u li kienet tipprovdi s-servizzi ta’ trażmissjoni u ta’ kopertura ta’ xandir bir-radju u televiżiv, kienet impriża amministrata tajjeb u mgħammra b’mod xieraq biex twettaq l-obbligi meħtieġa. Billi bbażaw ruħhom fuq studju li jipparaguna l-ispejjeż, li ma ġiex ikkomunikat lilha, l-awtoritajiet tal-País Vasco qiesu li l-infrastruttura satellitari kienet tkun tinvolvi spiża ikbar mill-modernizzazzjoni tan-netwerk terrestri tal-impriża pubblika inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex il-kriterju inkwistjoni jiġi ssodisfatt, paragun mat-teknoloġija satellitari ma huwiex biżżejjed sabiex juri li din l-impriża pubblika kienet impriża effikaċi, peress li anki operaturi terrestri oħra setgħu jipprovdu dan is-servizz b’inqas spiża. Għalhekk hija ddeċidiet li r-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), ma kienx issodisfatt fil-każ tal-komunità awtonoma tal-País Vasco.

82      Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn il-kunsiderazzjonijiet u jsostnu li t-tieni rikorrenti kienet impriża amministrata tajjeb fis-settur tal-operaturi tan-netwerks terrestri u li l-ispejjeż tagħha kienu konformi mas-suq. Fil-ftehimiet interistituzzjonali konklużi bejn l-amministrazzjonijiet tal-País Vasco f’dan ir-rigward, ittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri tal-kuntratt sabiex tiġi ffissata r-remunerazzjoni tagħha. Skont ir-rikorrenti, ir-remunerazzjoni tat-tieni rikorrenti kienet għalhekk konsistenti mal-prezzijiet tas-suq u kienet tiggarantixxi li s-servizz jiġi pprovdut bl-inqas spiża. Barra minn hekk, meta din tal-aħħar tixtri provvisti, tagħmir u servizzi oħra, hija tagħmel dan dejjem permezz ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti. Iktar minn hekk, skont ir-rikorrenti, it-tieni rikorrenti, b’differenza għal impriżi oħra, diġà kellha l-infrastrutturi fiżiċi neċessarji biex iġġorr in-netwerk. Il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni huwa sempliċi adattazzjoni tan-netwerks eżistenti permezz ta’ mogħdija mit-teknoloġija analoġika għat-teknoloġija diġitali. L-għażla ta’ operatur ieħor kienet twassal għal irduppjar tal-infrastruttura, ħaġa li l-Kummissjoni pprojbiet b’mod partikolari fil-kuntest tat-tnedija ta’ netwerk bil-broadband. Għalhekk, it-tieni rikorrenti hija l-unika operatur ta’ netwerks terrestri li jista’ jipprovdi s-servizz inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tagħhom hija kkonfermata mill-prassi tal-Kummissjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika tas-Slovenja fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-produtturi tal-enerġija kkwalifikati. Fl-aħħar nett, l-ispejjeż tal-għażla terrestri huma inqas mill-ispejjeż tal-għażla satellitari u dan huwa kkonfermat minn rapport imfassal mill-ewwel rikorrenti. Bil-kontra ta’ dak li indikat il-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar irċiviet dan ir-rapport.

83      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li r-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) ma kienx issodisfatt, għaliex l-awtoritajiet tal-País Vasco ma kinux urew li t-tieni rikorrenti kienet impriża effiċjenti, peress li anki operaturi oħra ta’ netwerks terrestri setgħu jipprovdu s-servizz inkwistjoni b’inqas spiża. Konsegwentement, il-kwistjoni ta’ jekk l-ispejjeż tal-għażla terrestri kinux inqas minn dawk tal-għażla satellitari ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-osservanza ta’ dan il-kriterju. Peress li r-rapport tal-awtoritajiet tal-País Vasco msemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69 tal-imsemmija deċiżjoni jirrigwarda din il-kwistjoni, il-kwistjoni ta’ jekk dan ir-rapport ġiex effettivament ikkomunikat lill-Kummissjoni ma hijiex rilevanti għall-finijiet li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tqis li r-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), ma kienx issodisfatt.

84      It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li t-tieni rikorrenti hija impriża amministrata tajjeb minħabba l-fatt li din irċeviet biss remunerazzjoni għall-ispejjeż effettivament magħmula għax-xiri tat-tagħmir neċessarju, għaliex, fil-ftehimiet interistituzzjonali konklużi bejn l-amministrazzjonijiet tal-País Vasco f’dan ir-rigward, ittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri tal-kuntratt sabiex tiġi ffissata r-remunerazzjoni tagħha. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-attività tat-tieni rikorrenti ma kinitx limitata għax-xiri tat-tagħmir u li l-komunità awtonoma tal-País Vasco fdatilha t-tnedija, il-manutenzjoni u t-tħaddim tan-netwerk tat-televiżjoni fil-País Vasco (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, kif tiddikjara l-Kummissjoni, l-indikazzjoni tal-ispiża ta’ investiment u tal-ispejjeż rikorrenti stmati f’dawn il-ftehimiet ma tissostitwixxix analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u mgħammra b’mod xieraq sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, kienet tinkorri sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi.

85      It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li t-tieni rikorrenti, b’differenza għal impriżi oħra, diġà kellha l-infrastrutturi fiżiċi neċessarji biex iġġorr in-netwerk, u li jgħid li l-proċess ta’ diġitalizzazzjoni kien sempliċi adattazzjoni tan-netwerks eżistenti b’tali mod li l-għażla ta’ operatur ieħor kienet twassal għal irduppjar tal-infrastruttura. Fil-fatt, dan l-argument bl-ebda mod ma juri li t-tieni rikorrenti ntgħażlet abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u mgħammra b’mod xieraq sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, kienet tinkorri. Ir-rikorrenti ma wrewx li l-attribuzzjoni tas-servizz inkwistjoni lil operatur ieħor ta’ netwerks terrestri kienet tkun tinvolvi rduppjar tal-infrastruttura. Ma huwiex eskluż, kif tiddikjara l-Kummissjoni, li t-tnedija ta’ netwerk terrestri setgħet tiġi fdata lil operaturi oħra, mingħajr ma dawn l-impriżi ma jkollhom għalfejn jistabbilixxu infrastruttura ġdida.

86      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-evalwazzjoni tagħhom hija kkonfermata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 7/2005, tal-24 ta’ April 2007 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat implimentata mis-Slovenja fil-qafas tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-produtturi tal-enerġija kkwalifikati, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-rikorrenti ma wrewx li s-settur tal-enerġija u s-settur tax-xandir huma paragunabbli b’tali mod li evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’każ tista’ tiġi trasposta għall-ieħor. Min-naħa l-oħra, kif ġie mfakkar (ara l-punt 73 iktar ’il fuq), il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv li jiddependi biss fuq il-kwistjoni ta’ jekk miżura Statali tagħtix jew le vantaġġ lil impriża jew lil ċerti impriżi. Il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, li fir-rigward tagħha ma hemmx, barra minn hekk, qbil bejn il-partijiet, ma tistax għaldaqstant tirriżulta deċiżiva.

87      Il-ħames nett, għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li l-amministrazzjoni tal-País Vasco setgħet tafda s-servizz inkwistjoni lit-tieni rikorrenti mingħajr sejħa għal offerti minn qabel minħabba li din kellha n-natura ta’ riżorsa tal-imsemmija amministrazzjoni. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li amministrazzjoni twettaq servizz permezz tar-riżorsi tagħha stess ma jikkostitwixxix garanzija ta’ inqas spiża għall-kollettività.

88      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonstatat li r-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) ma kienx issodisfatt.

89      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar il-fuq, għandu jiġi deċiż li l-kriterji kollha tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) fl-ebda mument ma kienu ssodisfatti kumulattivament. Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkonstatat l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku għat-tieni rikorrenti.

90      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ vantaġġ selettiv

91      Ir-rikorrenti jsostnu li t-tieni rikorrenti ma rċevietx vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li din illimitat ruħha li tipprovdi servizzi meqjusa SIEĠ fl-osservanza tal-kriterji imposti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415). Fid-deċiżjoni kkontestata, il-kriterju ta’ selettività jikkoinċidi mal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika.

92      Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

93      Fil-fatt, minn naħa, bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kriterju ta’ selettività ma “jikkoinċidixxix” mal-ksur tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Mill-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, il-vantaġġ kien selettiv għaliex il-miżura inkwistjoni kienet ta’ benefiċċju biss għas-settur tax-xandir u li, f’dan is-settur, din il-miżura kienet tirrigwarda biss l-impriżi li kienu joperaw fis-suq tal-pjattaforma terrestri.

94      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-kriterju ta’ selettività fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jeżiġi li l-miżura inkwistjoni tkun tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Dan il-kriterju huwa kriterju speċifiku tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). Konsegwentement, anki jekk jitqies li t-tieni rikorrenti pprovdiet SIEĠ fl-osservanza tal-kriterji imposti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dan ma jipprovax li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset, fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżura inkwistjoni kienet ta’ natura selettiva.

95      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li miżura bħal dik inkwistjoni ma tapplikax mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha. Għalhekk din ma tistax titqies li hija miżura ġenerali tal-politika fiskali jew ekonomika li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra, EU:C:2006:8, punt 135, u tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, Ġabra, EU:C:2013:525, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Isegwi li t-tielet parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern

97      Dan il-motiv huwa kompost minn żewġ partijiet. L-ewwel parti tikkonċerna żball imwettaq mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2005/842. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ma qisitx li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball fl-applikazzjoni tad-deċiżjoni 2005/842

98      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ma qisitx li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2005/842, li kienet fis-seħħ meta ġew iffirmati l-ftehimiet ta’ konċessjoni favur it-tieni rikorrenti. Fl-opinjoni tagħhom, l-awtoritajiet Spanjoli ddefinixxew is-servizz inkwistjoni inkwantu SIEĠ u l-awtoritajiet tal-País Vasco inkarigaw lit-tieni rikorrenti mill-provvista ta’ dan is-servizz fil-País Vasco. Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjoni eżonerat lill-awtoritajiet Spanjoli mill-obbligu ta’ notifikazzjoni lill-Kummissjoni peress li l-ammont fis-sena tar-remunerazzjoni għas-servizz inkwistjoni kien ta’ inqas minn EUR 30 miljuni. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ applikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni huma ssodisfatti, peress li r-remunerazzjoni tat-tieni rikorrenti ma qabżitx dak li kien neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż tas-servizz.

99      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/842, din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ remunerazzjoni għal servizz pubbliku mogħtija lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ SIEĠ għandha titqies kompatibbli mas-suq intern u eżenti mill-obbligu ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) TFUE. Għalhekk, peress li diġà ġie kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li l-operaturi tan-netwerks terrestri fil-País Vasco ma kinux inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ SIEĠ (ara l-punti 42 sa 79 iktar ’il fuq), l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx applikabbli f’dan il-każ u l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 106(2) TFUE ma setgħetx tiġi invokata.

100    Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE

101    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE sa fejn hija ċaħdet, minn naħa, il-fatt li l-miżura inkwistjoni kienet teknoloġikament newtrali, xierqa u proporzjonata u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din il-miżura kienet miżura minima neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex billi jiġu evitati distorsjonijiet inutli tal-kompetizzjoni.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji dwar in-newtralità teknoloġika, in-natura xierqa u proporzjonata tal-miżura inkwistjoni

102    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, ma kinitx proporzjonata u ma kinitx tikkostitwixxi strument xieraq.

103    Mill-premessi 153 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-għajnuna inkwistjoni ma setgħetx titqies kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, għaliex, fl-opinjoni tagħha, il-miżura inkwistjoni ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, ma kinitx proporzjonata u ma kinitx tikkostitwixxi strument xieraq sabiex tiġi ggarantita l-kopertura tal-kanali FTA lir-residenti taż-żona II. F’dan ir-rigward, fil-premessa 155 tal-imsemmija deċiżjoni hija kkonstatat li l-parti l-kbira tas-sejħiet għal offerti ma kinitx ikkaratterizzata min-newtralità teknoloġika tagħhom, peress li kinux jagħmlu riferiment għat-teknoloġija terrestri u għat-TNT. Skont il-premessi 156 sa 157 ta’ din id-deċiżjoni, ebda studju ma kien jipproduċi prova suffiċjenti tas-superjorità tal-pjattaforma terrestri meta mqabbla mal-pjattaforma satellitari. F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 166 tal-istess deċiżjoni, li l-Gvern Spanjol seta’ minn tal-inqas iħeġġeġ lill-komunitajiet awtonomi jniedu sejħiet għal offerti filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni eventwali ekonomiji li jistgħu jitwettqu permezz ta’ ċerti pjattaformi.

104    Għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-derogi mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, stipulat fl-Artikolu 107(1) TFUE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra, EU:C:2004:238, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il‑Kummissjoni, C‑67/09 P, Ġabra, EU:C:2010:607, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali. L-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tal-motivazzjoni kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti sostnuti u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, Ġabra, EU:C:2002:530, punt 74, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra, EU:C:2004:234, punt 83).

106    Għandu wkoll jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni ruħha milli tistħarreġ l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-kooerenza tagħhom iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu d-deċiżjonijiet adottati abbażi tagħhom. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-każijiet fejn istituzzjoni Komunitarja jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali huwa ta’ importanza fundamentali. Skont il-ġurisprudenza fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra, EU:C:2007:698, punti 56 sa 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, bil-kontra ta’ dak li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika jiddependi fuq kull każ partikolari u fuq iċ-ċirkustanzi li jeżistu fid-diversi territorji tal-Unjoni. Fl-opinjoni tagħhom, kemm mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tas-17 ta’ Settembru 2003, dwar il-mogħdija mix-xandir analoġiku għax-xandir diġitali (il-mogħdija lejn id-diġitali u l-abbandun tal-analoġiku) [COM(2003) 541 finali] (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar il-mogħdija għad-diġitali tal-2003”) kif ukoll mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-24 ta’ Mejju 2005, dwar l-aċċelerazzjoni tal-mogħdija mix-xandir analoġiku għax-xandir diġitali [COM(2005) 204 finali] jirriżulta li l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika ma huwiex ta’ natura assoluta. Barra minn hekk, il-liġi Spanjola tiċċitah biss bħala prinċipju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn possibbli.

108    Madankollu dan l-argument ma jurix li l-Kummissjoni wettqet żball manifest. Fil-fatt, mill-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma qisitx li l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika jikkostitwixxi prinċipju assolut, iżda li l-għażla tat-teknoloġija kellha ssir, bħala regola ġenerali, wara sejħa għal offerti teknoloġikament newtrali, kif kien il-każ fl-Istati Membri l-oħra. Skont il-Kummissjoni, peress li f’dan il-każ ma tnedietx sejħa għal offerti, l-għażla ta’ teknoloġija partikolari kienet tkun tista’ tiġi aċċettata li kieku kienet iġġustifikata minn konklużjonijiet ta’ studju preliminari li jistabbilixxi li, f’temini ta’ kwalità u ta’ spejjeż, kien biss possibbli li tingħażel soluzzjoni teknoloġika waħda. L-oneru tal-prova huwa fuq l-Istat Membru, li għandu jistabbilixxi li l-imsemmija studju huwa sostnut suffiċjentement u li dan sar b’mod totalment indipendenti. Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eskludietx li, f’każ partikolari, iċ-ċirkustanzi jistgħu jippermettu li tingħażel teknoloġija speċifika.

109    L-importanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika f’dan il-qasam ġiet enfasizzata mill-Kummissjoni fil-punt 2.1.3 tal-komunikazzjoni dwar il-mogħdija għad-diġitali tal-2003, kif jirriżulta mill-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rekwiżit ta’ newtralità teknoloġika fis-sens ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi, b’mod partikolari, li l-abbandun tax-xandir analoġika f’territorju speċifiku jista’ jseħħ biss jekk kważi l-abitazzjonijiet kollha jirċievu s-servizzi diġitali u li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-metodi kollha ta’ trażmissjoni (sentenza Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, EU:T:2009:387, punt 69). Meta l-Kummissjoni tadotta tali atti intiżi li jispeċifikaw, fl-osservanza tat-Trattat, il-kriterji li beħsieba tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa peress li din timponi fuqha nnifisha l-obbligu li tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija tkun imponiet fuqha nnifisha (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2008, Hotel Cipriani et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, Ġabra, EU:T:2008:537, punt 292).

110    Barra minn hekk, sa fejn matul is-seduta r-rikorrenti ddikjaraw, billi għamlu riferiment għall-komunikazzjoni dwar il-mogħdija għad-diġitali tal-2003, li l-għażla ta’ teknoloġija speċifika mill-Istat Membru ma teħtieġx it-twettiq ta’ studju preliminari, għandu jiġi osservat li, skont il-punt 2.1.3 ta’ din il-komunikazzjoni, is-sostenn tal-awtoritajiet pubbliċi għal għażla speċifika għandu jkun iġġustifikat minn għanijiet ta’ interess ġenerali ddefiniti tajjeb u implementati b’mod proporzjonat.

111    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-għażla tal-pjattaforma terrestri kienet iġġustifikata skont diversi rapporti. Fl-opinjoni tagħhom, mir-rapport dwar l-ispejjeż ta’ riferiment tal-proċess ta’ universalizzazzjoni tat-TNT fi Spanja redatt f’Lulju 2007 mill-awtoritajiet Spanjoli jirriżulta li l-kunċett teoretiku tan-newtralità teknoloġika ma kienx applikabbli għall-bidla teknoloġika tat-televiżjoni terrestri fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq tat-televiżjoni fi Spanja. Dan ir-rapport jikkonkludi li d-diġitalizzazzjoni permezz ta’ teknoloġija oħra għajr dik terrestri tkun tinvolvi spiża ekonomika nettament għola, li l-pjattaforma satellitari ma kinitx vijabbli, għaliex l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mill-operaturi tat-televiżjoni ma kinux ser jingħataw u li l-fatt li tintuża teknoloġija oħra għajr it-teknoloġija terrestri jkun jinvolvi dewmien serju fil-proċess ta’ diġitalizzazzjoni. Din il-konklużjoni ġiet speċifikata fl-analiżi tal-ewwel rikorrenti li kkonfermat li t-teknoloġija terrestri kienet preferibbli għal raġunijiet ekonomiċi u tekniċi. Barra minn hekk, l-għażla tas-soluzzjoni satellitari fiż-żona III, li ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni, tipprova li l-awtoritajiet Spanjoli għażlu b’mod oġġettiv l-iktar teknoloġija xierqa f’kull każ partikolari. Din l-opinjoni hija wkoll ikkonfermata mill-istudju ta’ operatur ta’ infrastrutturi ta’ telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ tagħmir tan-netwerks, li, skont ir-rikorrenti, kellu jiġi evalwat mill-Kummissjoni. Madankollu, fil-premessi 158 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tat valur probatorju lill-istudju tal-intervenjenti u ma għamlitx riferiment speċifiku għad-diversi rapporti tal-komunitajiet awtonomi. Sussidjarjament, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

112    Għandu jitfakkar li, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jirrendu improbabbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti użati fid-deċiżjoni (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra, EU:T:1996:195, punt 59, u FAB vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, EU:T:2009:386, punt 78).

113    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda r-rapport imsemmi fil-punt 111 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ir-rapport ma pproduċiex prova suffiċjenti tas-superjorità tal-pjattaforma terrestri meta mqabbla mal-pjattaforma satellitari. Dan jikkonkludi li l-għażla ta’ soluzzjoni teknoloġika partikolari għall-estensjoni tal-kopertura kellha tiġi analizzata reġjun b’reġjun, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti topografiċi u demografiċi speċifiċi għall kull wieħed minnhom. Għalhekk dan ir-rapport iktar jenfasizza n-neċessità li tiġi organizzata sejħa għal offerti teknoloġikament newtrali sabiex tiġi ddeterminata l-iktar pjattaforma xierqa.

114    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ivvizzjati minn żball manifest. Fil-fatt, mill-punt 6 tar-rapport, imsemmi fil-punt 111 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli kienu qed janalizzaw żewġ xenarji possibbli, jiġifieri l-estensjoni tal-kopertura tal-popolazzjoni minn 98 % għal 100 % u l-estensjoni tal-kopertura tal-popolazzjoni minn 96 % għal 100 %. L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ xenarji ma kien jikkorrispondi għall-estensjoni tal-kopertura tal-popolazzjoni minn 96 % għal 98.5 %. Barra minn hekk, skont il-konklużjonijiet tal-imsemmi rapport relatati ma dawn iż-żewġ xenarji, kien probabbli li l-iktar soluzzjoni finali xierqa tkun dik li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni taż-żewġ alternattivi, jiġifieri l-pjattaformi terrestri u satellitari, fejn soluzzjoni jew oħra tingħażel skont il-każ abbażi tal-kundizzjonijiet u taċ-ċirkustanzi tal-lokalizzazzjoni fiżika tal-popolazzjoni li fir-rigward tagħha kellha tiġi estiża l-kopertura. Ikun impossibbli li tiġi prevista l-proporzjoni li fiha kull alternattiva għandha tikkontribwixxi għas-soluzzjoni finali jekk qabel ma jitwettaqx studju fid-dettall skont kull komunità awtonoma li jieħu inkunsiderazzjoni l-orografija tal-art, it-tqassim territorjali tal-popolazzjoni u s-sitwazzjoni eżistenti tan-netwerk ta’ xandir bit-televiżjoni. Minn dak li ġie espost hawn fuq jirriżulta li l-analiżi magħmula f’dan ir-rapport ma ġġustifikax in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, hekk kif jiddikjaraw ir-rikorrenti, skont l-istess rapport, il-fuq mill-kopertura ta’ 90 abitazzjoni, ix-xandir terrestri huwa l-iktar soluzzjoni ekonomika, xorta jibqa’ l-fatt li din il-konklużjoni ġiet espliċitament miżjuda bħala indikazzjoni mingħajr madankollu ma kkonfutat il-konklużjonijiet l-oħra tar-rapport.

115    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-ewwel rikorrenti, mill-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul l-inkjesta amministrattiva, ċerti komunitajiet awtonomi ppreżentaw kalkoli interni li fihom ġew ipparagunati l-ispejjeż tal-użu taż-żewġ teknoloġiji għall-estensjoni tal-kopertura. Madankollu, minbarra l-inċertezza f’dak li jirrigwarda d-data ta’ dawn il-kalkoli, ebda wieħed minnhom ma kien jippreżenta l-livell ta’ dettall u ta’ solidità suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-għażla tat-teknoloġija terrestri għall-estensjoni tal-kopertura. Skont il-Kummissjoni, iktar minn hekk, ebda wieħed minn dawn il-kalkoli ma sar minn espert indipendenti.

116    Peress li l-analiżi tal-ewwel rikorrenti hija kkonċernata mir-raġunament espost fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif ikkonfermat il-Kummissjoni matul is-seduta, iċ-ċaħda ta’ din l-analiżi mill-Kummissjoni ma hijiex ivvizzjata minn żball manifest. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-imsemmija analiżi ma tinkludi l-ebda data u li mill-kummenti tal-awtoritajiet tal-País Vasco tal-24 ta’ Frar 2011 magħmula fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jirriżulta li l-analiżi inkwistjoni kienet tikkonferma l-istudju tal-2010 ta’ operatur ta’ infrastrutturi ta’ telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ tagħmir tan-netwerks. Għalhekk, peress li l-analiżi inkwistjoni saret ħafna wara l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, din ma tistax tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika bl-għażla ta’ pjattaforma terrestri. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-kwistjoni ta’ jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għandha tiġi riżolta fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien meta din il-miżura ttieħdet (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, Ġabra, EU:T:2011:209, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Sa fejn ir-rikorrenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-analiżi tal-ewwel rikorrenti ma kinitx ġiet ikkomunikatha lilha, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fl-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna, il-Kummissjoni indikat li studju dwar l-istimi tal-awtoritajiet tal-País Vasco, li jgħid li l-infrastruttura satellitari kienet tkun tinvolvi spiża għola minn modernizzazzjoni tan-netwerk terrestri mit-tieni rikorrenti, ma ġiex ikkomunikat lilha. Issa, mill-korrispondenza bejn l-awtoritajiet Spanjoli u l-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar kienet titlob informazzjoni addizzjonali dwar l-evalwazzjoni tal-ispejjeż inkorsi mill-awtoritajiet tal-País Vasco. Din l-informazzjoni madankollu ma ġietx ipprovduta lill-Kummissjoni. Huwa għal din ir-raġuni li din tal-aħħar indikat, fil-premessa 157 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-analiżi tal-awtoritajiet tal-País Vasco ma kinitx tippreżenta livell ta’ dettall suffiċjenti li jiġġustifika l-għażla tat-teknoloġija terrestri għall-estensjoni tal-kopertura.

118    It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-għażla tas-soluzzjoni satellitari fiż-żona III, li ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni, tipprova li l-awtoritajiet Spanjoli għażlu b’mod oġġettiv l-iktar teknoloġija xierqa f’kull każ partikolari, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument diġà ġie miċħud fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv (ara l-punt 74 iktar ’il fuq).

119    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-opinjoni tagħhom ġiet ukoll ikkonfermata minn studji ta’ operatur ta’ infrastrutturi ta’ telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ tagħmir tan-netwerks li kellu jiġi evalwat mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar tqis, fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-istudji huma tal-2010 u li għalhekk saru ħafna wara l-implementazzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, indipendentement mill-fatt li l-imsemmija studji jistgħu jitqiesu suffiċjentement indipendenti u affidabbli, il-fatt li dawn huma posterjuri għall-miżuri inkwistjoni jipprekludi li dawn jintużaw bħala ġustifikazzjoni tal-fatt li l-Gvern Spanjol ma kienx qies opportun li jorganizza sejħa għal offerti teknoloġikament newtrali. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-istimi tal-ispejjeż ippreżentati mill-intervenjenti, li kienu juru li t-teknoloġija satellitari kienet iktar profitabbli, kienu jikkontradixxu r-riżultati tal-istudji inkwistjoni.

120    Ebda element prodott mir-rikorrenti ma juri li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma manifestament żbaljati. Fil-fatt, minn naħa, min-noti ta’ qiegħ il-paġna 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludu sunt tal-kontenut tal-istudji ta’ operatur ta’ infrastrutturi ta’ telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ tagħmir tan-netwerks, prodotti mill-Kummissjoni insegwitu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), kif ukoll mill-premessa 158 ta’ din id-deċiżjoni li tinkludi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-imsemmija studji fir-rigward ta’ dan il-każ, jirriżulta li din tal-aħħar eżaminathom. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li dawn l-istudji huma tal-2010 u għandhom bħala punt ta’ riferiment is-sena 2009. Il-Kummissjoni setgħet għalhekk ġustament tikkonstata li l-istess studji kienu posterjuri għall-miżuri inkwistjoni. Diġà tfakkar li l-kwistjoni ta’ jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għandha tiġi riżolta fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien meta din il-miżura ttieħdet (ara l-punt 116 iktar ’il fuq). Hekk kif jirriżulta minn paragun tal-istudji inkwistjoni mal-istimi tal-ispejjeż ippreżentati mill-intervenjenti, prodotti mill-Kummissjoni insegwitu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 28 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata li l-istimi tal-intervenjenti kienu jikkontradixxu r-riżultati tal-istudji kkonċernati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti nnifishom jenfasizzaw li d-deċiżjoni dwar l-għażla tal-pjattaforma ma tteħditx mill-imsemmi operatur iżda mill-awtoritajiet Spanjoli li madankollu ma kinux jafu bl-istudji inkwistjoni meta adottaw id-deċiżjoni tagħhom.

121    Sa fejn matul is-seduta r-rikorrenti sostnew f’dan ir-rigward, billi għamlu riferiment għas-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑319/12 u T‑321/12, EU:T:2014:604), li l-Kummissjoni kellha wkoll taċċetta rapporti prodotti a posteriori, l-argument tagħhom ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kien hemm il-kwistjoni ta’ jekk Stat Membru kienx aġixxa bħal ma kien jaġixxi investitur privat u mhux dik tal-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 134 ta’ dik is-sentenza, li analiżi ekonomiċi komplimentari, pprovduti mill-Istat Membru matul il-proċedura amministrattiva, setgħu jiċċaraw l-elementi eżistenti fil-mument tad-deċiżjoni ta’ investiment u kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Issa, tali konklużjoni bl-ebda mod ma tikkonfuta l-ġurisprudenza li tgħid li l-kwistjoni ta’ jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għandha tiġi riżolta fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien meta din il-miżura ttieħdet, fid-dawl tal-fatt li, li kieku l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni elementi posterjuri, hija tkun qed tivvantaġġja lill-Istati Membri li jonqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw l-għajnuna fl-istadju ta’ abbozz li huma jkollhom l-intenzjoni li jagħtu (ara s-sentenza Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, EU:T:2011:209, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkontestat l-istudji ta’ operatur ta’ infrastrutturi ta’ telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ tagħmir tan-netwerks, filwaqt li fil-premessi 158 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata tat valur probatorju għola lill-kalkoli tal-ispejjeż imwettqa mill-intervenjenti.

123    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie kkonstatat (ara l-punt 119 iktar ’il fuq) li fiha l-Kummissjoni qieset li, indipendentement mill-fatt li l-studji inkwistjoni jistgħu jitqiesu suffiċjentement indipendenti u affidabbli, il-fatt li dawn huma posterjuri għall-miżuri inkwistjoni jipprekludi li dawn jintużaw bħala ġustifikazzjoni tal-fatt li l-Gvern Spanjol ma kienx qies opportun li jorganizza sejħa għal offerti teknoloġikament newtrali. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li l-istimi tal-ispejjeż ippreżentati mill-intervenjenti, li kienu juru li t-teknoloġija satellitari kienet iktar profitabbli, kienu jikkontradixxu r-riżultati tal-imsemmija studji.

124    Mill-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet l-analiżijiet ippreżentati minn operatur ta’ infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ tagħmir tan-netwerks, mingħajr ma ddeċidiet dwar l-indipendenza u l-affidabbiltà tagħhom, minħabba li dawn kienu posterjuri għall-miżuri inkwistjoni u kkontradetti mill-istimi tal-ispejjeż ippreżentati mill-intervenjenti. Bil-kontra ta’ dak li jallegaw l-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni ma ffavorixxietx l-analiżi ppreżentata mill-intervenjenti meta mqabbla ma dawk ippreżentati mill-imsemmi operatur. Hija pjuttost illimitat ruħha li tippreżenta l-kontenut tal-analiżi tal-intervenjenti li kienet tgħid li t-teknoloġija satellitari kienet iktar profittabbli u dan jikkontradixxi r-riżultati tal-analiżijiet ippreżentati minn dan l-operatur. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li mill-premessa 154 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-għażla ta’ teknoloġija partikolari setgħet tkun aċċettata li kieku kienet iġġustifikata mill-konklużjonijiet ta’ analiżi preliminari li tistabbilixxi li, f’termini ta’ kwalità u ta’ spejjeż, kien possibbli li tingħażel biss soluzzjoni teknoloġika waħda. Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għalhekk ma qisitx li l-analiżi tal-intervenjenti kienet valida jew li kienet turi li s-soluzzjoni satellitari kienet aħjar. L-għan tagħha kien li teżamina jekk, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, il-miżuri inkwistjoni setgħux ikunu ġġustifikati minn analiżi preliminari li tagħżel soluzzjoni teknoloġika waħda.

125    Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, fiha l-Kummissjoni indikat li, skont l-intervenjenti, in-numru ta’ 1 380 kanali reġjonali ssuġġerit mill-awtoritajiet Spanjoli kien eżaġerat ħafna. Min-naħa l-oħra, hija ma kkonstatatx li n-numru ta’ kanali reġjonali stmati mill-intervenjenti, jiġifieri 415 skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna 93 tal-imsemmija deċiżjoni, kien eżatt. Sa fejn hija qieset, f’din il-premessa, li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux sostnew l-argument tagħhom li jgħid li t-teknoloġija satellitari ma kinitx mgħammra biex ixxandar numru kbir ta’ kanali reġjonali, hija sempliċement applikat ir-regola dwar l-oneru tal-prova esposta fil-premessa 154 ta’ din id-deċiżjoni li minnha jirriżulta li kien ir-Renju ta’ Spanja li kellu jistabbilixxi li, f’termini ta’ kwalità u ta’ spiża, kien biss possibbli li tingħażel soluzzjoni teknoloġika waħda.

126    Is-sitt nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet riferiment speċifiku għad-diversi rapporti tal-komunitajiet awtonomi. Anki dan l-argument għandu jiġi miċħud. Minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-País Vasco, diġà ġie kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx ivvizzjata bi żball manifest (ara l-punti 115 u 116 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ kull preċiżazzjoni dwar ir-rilevanza li r-rapporti ta’ komunitajiet awtonomi oħra għandhom fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-País Vasco, ma jistax jiġi deċiż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti li jirrigwardaw il-País Vasco.

127    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li fl-evalwazzjoni tagħha tal-analiżi tal-ewwel rikorrenti l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fil-fatt, ir-raġunijiet li għalihom, skont il-Kummissjoni, l-analiżi tal-awtoritajiet tal-País Vasco ma kinitx suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-għażla tat-teknoloġija terrestri għall-estensjoni tal-kopertura jirriżultaw suffiċjentement skont il-liġi mill-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 116 iktar ’il fuq).

128    Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-Kummissjoni wettqet żball minħabba l-fatt li, fi tliet każijiet preċedenti, hija kienet awtorizzat għajnuna li ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, anki dan l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud.

129    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li għalkemm ir-rikorrenti jinvokaw prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni huma ma jurux l-eżistenza tagħha. F’dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4286 finali, tal-25 ta’ Settembru 2007, dwar għajnuna (N 103/2007) għax-xiri ta’ dekoders diġitali u għall-adattazzjoni tal-antenni fil-provinċja ta’ Soria (Spanja), diġà ġie deċiż li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat espliċitament li l-miżura msemmija f’din id-deċiżjoni kienet tippermetti li l-konsumaturi jixtru kull tip ta’ dekoder bis-saħħa ta’ sussidju indipendenti mill-pjattaforma teknoloġika li l-konsumatur jiddeċiedi li juża u li hija kienet espliċitament iddeċidiet li l-imsemmija miżura kienet tosserva l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, Ġabra, EU:T:2010:233, punt 103). Fid-Deċiżjonijiet tagħha Nru 222/2006, tat-22 ta’ Novembru 2006, dwar għajnuna għat-tnaqqis tad-dividend diġitali f’Sardegna (ĠU 2007, C 68, p. 5) u SA.33980, tal-5 ta’ Diċembru 2013, dwar it-televiżjoni lokali fir-Renju Unit, l-għażla tal-awtoritajiet saret abbażi ta’ studji preliminari, hekk kif jirriżulta min-noti ta’ qiegħ il-paġna 85 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ prassi deċiżjonali ma tistax titqies stabbilita. F’kull każ, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE li għandha tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga, u mhux abbażi ta’ allegata prassi preċedenti (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, C‑459/10 P, EU:C:2011:515, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma esprimietx ruħha dwar jekk id-deċiżjonijiet konkreti ta’ kull komunità awtonoma kinux ittieħdu fid-dawl ta’ ċirkustanzi fattwali fit-territorji rispettivi tagħhom u li għalhekk hija ħatja ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni. Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

131    Fil-fatt, għandu jiġi osservat li fil-premessi 90 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, li jagħmlu riferiment għall-premessi 23 sa 31 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-bażijiet ġuridiċi tal-għajnuna inkwistjoni. Hija kkonstatat li l-qafas legali għal mogħdija għad-diġitali fi Spanja kien kompost minn xibka kumplessa ta’ diversi atti maħruġa kemm mill-Gvern Spanjol u mill-komunitajiet awtonomi kif ukoll mill-awtoritajiet lokali matul perijodu ta’ erba’ snin. Hija tqis li, għalkemm il-programm tekniku nazzjonali favur it-TNT tal-2005 u l-programm nazzjonali favur il-mogħdija għat-TNT tal-2007 jirregolaw fil-parti l-kbira l-mogħdija għat-TNT fiż-żona I, dawn kienu wkoll fasslu l-bażijiet tal-miżuri ta’ estensjoni addizzjonali fiż-żona II. Il-programm tekniku nazzjonali favur it-TNT kien ukoll awtorizza lill-awtoritajiet lokali jistabbilixxu, bi sħubija mal-komunitajiet awtonomi, ċentri ta’ trażmissjoni addizzjonali, neċessarji sabiex tiġi ggarantita r-riċezzjoni tat-TNT f’din l-aħħar żona. Dawn il-miżuri ta’ estensjoni kienu ġew implementati mill-awtoritajiet reġjonali wara l-konklużjoni ta’ diversi ftehimiet qafas mal-imsemmi Gvern u ta’ addenda għal dawn il-ftehimiet qafas. Skont il-Kummissjoni, fil-prattika, il-komunitajiet awtonomi kienu applikaw id-direttivi ta’ dan il-gvern dwar l-estensjoni tat-TNT. L-iżblukkar tal-għajnuna mill-Istat għat-tnedija tat-TNT fiż-żona II kienet immarkata mit-trasferiment ta’ fondi tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali lill-benefiċjarji.

132    Mid-diversi atti leġiżlattivi u amministrattivi tal-awtoritajiet Spanjoli jirriżulta li l-pjan ta’ tranżizzjoni lejn it-televiżjoni diġitali fit-territorju kollu tar-Renju ta’ Spanja permezz ta’ użu predominanti tat-teknoloġija terrestri kien ir-riżultat ta’ inizjattiva mibdija u kkoordinata mill-amministrazzjoni ċentrali. Huwa paċifiku, kif jirriżulta mill-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Liġi 10/2005, li kienet timmarka l-bidu tal-leġiżlazzjoni tal-mogħdija għat-TNT, speċifikat in-neċessità li tiġi mħeġġa mogħdija mit-teknoloġija analoġika għat-TNT. Kif jirriżulta mill-premessa 26 tal-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet Spanjoli pprevedew, f’dispożizzjoni addizzjonali għall-programm tekniku nazzjonali favur it-TNT, il-possibbiltà ta’ estensjoni tal-kopertura permezz tat-teknoloġija terrestri fiż-żoni b’densità tal-popolazzjoni baxxa bil-kundizzjoni li l-installazzjoni lokali tkun konformi ma dan il-programm. Il-premessi 28 sa 32 ta’ din id-deċiżjoni, li l-kontenut tagħhom ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, jiddeskrivu l-kollaborazzjoni bejn il-MITC u l-komunitajiet awtonomi permezz ta’ ftehimiet qafas u ta’ addenda għal ftehimiet qafas sabiex ikun hemm diġitalizzazzjoni fiż-żona II. Dawn l-atti kienu b’mod partikolari jirrigwardaw il-kofinanzjament mill-Gvern Spanjol tal-estensjoni tal-kopertura tat-TNT fl-imsemmija żona.

133    Fid-dawl tal-elementi esposti iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli analizzat il-miżuri Spanjoli favur it-tnedija tat-TNT fiż-żona II f’kuntest wieħed u uniku. Fil-fatt, peress li d-diversi interventi tal-Istat fuq il-livelli, nazzjonali, reġjonali u tal-kunsilli għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-effetti tagħhom, f’dan il-każ kien hemm rabtiet tant stretti bejniethom li l-Kummissjoni setgħet tqishom skema ta’ għajnuna waħda mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi fi Spanja. Dan jista’ jkun partikolarment il-każ meta interventi konsekuttivi fi Spanja jippreżentaw, fir-rigward b’mod partikolari tal-kronoloġija tagħhom, tal-għan tagħhom u tas-sitwazzjoni fl-imsemmija żona, rabtiet tant stretti bejniethom li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ddisassoċjathomx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues et vs Il-Kummissjoni et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, Ġabra, EU:C:2013:175, punti 103 u 104).

134    Barra minn hekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk din l-iskema għandhiex natura neċessarja għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3) TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex marbuta twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun meħtieġ tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra, EU:C:2002:143, punti 89 u 91; tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra, EU:C:2011:368, punt 63, u tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, Ġabra, EU:C:2013:387, punt 114).

135    Barra minn hekk, mill-premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat, b’mod partikolari, il-każ tal-komunità awtonoma tal-País Vasco li kien ġie ppreżentat mill-awtoritajiet Spanjoli bħala l-aħjar u l-uniku eżempju sabiex jinvokaw l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat skont il-kriterji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

136    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli injorat, fl-eżami tagħha tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi billi rrikjediet li l-Gvern Spanjol jorganizza sejħiet għal offerti pubbliċi għat-territorju kollu tiegħu.

137    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li, f’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità, fil-fażi tal-ipproġettar tal-intervent għaż-żona II, kien ikun għaqli li l-Gvern Spanjol jwettaq paragun tal-ispejjeż jew li jagħmel sejħa għal offerti fuq il-livell nazzjonali. Fl-opinjoni tagħha, li kieku nħarġet sejħa għal offerti fuq livell nazzjonali, kien ikun hemm iktar tnaqqis tal-prezzijiet. Hija speċifikat li, għalkemm kienu l-awtoritajiet Spanjoli li kellhom jiddeċiedu dwar l-organizzazzjoni amministrattiva tagħhom billi jagħtu finanzjament provenjenti mill-imsemmi Gvern, minflok ma insista fuq l-użu tat-TNT, dan il-Gvern seta’ minn tal-inqas iħeġġeġ lill-komunitajiet awtonomi jniedu sejħiet għal offerti filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni eventwali ekonomiji li jistgħu jitwettqu permezz ta’ ċerti pjattaformi.

138    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma huma vvizzjati minn ebda żball manifest. Fil-fatt, il-Kummissjoni mhux talli ma injoratx it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Spanjoli, iżda talli llimitat ruħha li tenfasizza l-fatt li l-Gvern Spanjol seta’ jħeġġeġ lill-komunitajiet awtonomi jieħdu inkunsiderazzjoni eventwali tnaqqis fuq il-prezzijiet li jista’ jirriżulta minn azzjoni kkordinata. Bill-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma rrikjedietx li ssir sejħa għal offerti pubblika unika għat-territorju Spanjol kollu. Peress li l-mogħdija għat-TNT kienet is-suġġett ta’ diversi miżuri leġiżlattivi u amministrattivi tal-awtoritajiet Spanjoli fuq il-livell nazzjonali u peress li din il-mogħdija kienet parzjalment iffinanzjata mill-baġit tal-imsemmi Gvern (ara l-punti 2 sa 8 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi deċiż li t-tħeġġiġ tal-komunitajiet awtonomi sabiex inedu sejħiet għal offerti filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni eventwali ekonomiji li jistgħu jitwettqu permezz ta’ ċerti pjattaformi jikser it-tqassim tal-kompetenzi bejn amministrazzjonijiet pubbliċi Spanjoli.

139    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ distorsjonijiet inutli tal-kompetizzjoni

140    Ir-rikorrenti jsostnu li l-miżura inkwistjoni kienet miżura minima neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan imfittex billi jiġu evitati distorsjonijiet inutli tal-kompetizzjoni. Fl-opinjoni tagħhom, meta l-Kummissjoni kkonstatat fil-qosor, fil-premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ distorsjonijiet inutli tal-kompetizzjoni, hija kisret l-obbligu ta motivazzjoni u wettqet żball.

141    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat, minn naħa, li mill-premessi 153 sa 169 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta suffiċjentement skont il-liġi li, skont il-Kummissjoni, id-distorsjonijiet inutli tal-kompetizzjoni kienu jeżistu minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, kif barra minn hekk ammettew ir-rikorrenti fir-rikors tagħhom. Għalhekk il-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti intiż li juri li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika diġà ġie miċħud (ara l-punti 102 sa 139 iktar ’il fuq).

142    Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

143    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni motiv u, konsegwentement, dan il-motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ għajnuna ġdida

144    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Fl-opinjoni tagħhom, peress li d-diġitalizzazzjoni tan-netwerk analoġiku kienet tikkonsisti fis-sempliċi żieda tal-kapaċità teknika tagħha, din kienet tikkostitwixxi modifika mhux sostanzjali ta’ eventwali għajnuna eżistenti u mhux għajnuna ġdida, sa fejn it-tnedija inizjali tmur lura sal-1982, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Unjoni.

145    Għandu jiġi kkonstatat li fil-premessi 173 sa 175 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida li r-Renju ta’ Spanja kellu jinnotifika.

146    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 108 TFUE jipprevedi miżuri separati skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 108(3)3 TFUE, tiġi nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel it-tmiem, permezz ta’ deċiżjoni finali, tal-proċedura, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi eżegwita regolarment sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha (ara s-sentenza P, punt 95 iktar ’il fuq, EU:C:2013:525, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-għajnuna eżistenti għandha titqies legali sakemm il-Kummissjoni ma tikkonstatax l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara s-sentenza P, punt 95 iktar ’il fuq, EU:C:2013:525, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    L-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi li għajnuna eżistenti tfisser l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-Istat Membru kkonċernat, jiġifieri l-iskemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali implementati qabel, u li baqgħu applikabbli wara l-imsemmi dħul fis-seħħ. Skont l-Artikolu 1(ċ) ta’ dan ir-regolament, għajnuna ġdida għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri kull skema ta’ għajnuna u kull għajnuna individwali, li ma hijiex għajnuna eżistenti, inkluż kull tibdil ta’ għajnuna eżistenti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3) jipprovdi li tibdil f’għajnuna eżistenti jfisser, għall-finijiet tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999, kull bidla, għajr il-modifiki ta’ natura purament formali jew amministrattiva, li ma hijiex tali li taffettwa l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern.

148    Essenzjalment, il-miżuri intiżi li jistabbilixxu għajnuna jew li jbiddlu għajnuna eżistenti jikkostitwixxu għajnuna ġdida. B’mod partikolari, meta l-bidla taffettwa s-sostanza stess tal-iskema ta’ għajnuna inizjali, din l-iskema ssir skema ta’ għajnuna ġdida (ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra, EU:T:2002:111, punti 109 sa 111; tal-11 ta’ Ġunju 2009, AEM vs Il-Kummissjoni, T‑301/02, Ġabra, EU:T:2009:191, punt 121, u tal-11 ta’ Lulju 2014, Telefónica de España u Telefónica Móviles España vs Il-Kummissjoni, T‑151/11, Ġabra, EU:T:2014:631, punt 63).

149    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida minħabba l-fatt li din il-miżura kienet bidlet sostanzjalment l-iskema inizjali. Fil-fatt, huwa paċifiku li, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-bidu tas-snin tmenin fiż-żmien ta’ meta bdiet tiġi ffinanzjata l-estensjoni tan-netwerk terrestri, ma kinux jeżistu xandara privati fis-suq, li għalhekk l-infrastruttura estiża kienet għalhekk tirrispondi biss għall-bżonnijiet tax-xandara pubbliċi u li l-estensjoni tan-netwerk terrestri eżistenti, li kien l-unika pjattaforma li tippermetti t-trażmissjoni ta’ sinjal tat-televiżjoni fi Spanja dak iż-żmien, ma kinitx għalhekk tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni ma pjattaformi oħra.

150    Fir-rigward ta’ din l-iskema inizjali, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis, fil-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-fatt li l-benefiċjarju u ċ-ċirkustanzi ġenerali ta’ finanzjament pubbliku kienu evolvew b’mod sostanzjali, il-miżura inkwistjoni ma setgħetx titqies modifika formali jew amministrattiva, iżda kienet tikkostitwixxi modifika li kellha influwenza fuq is-sustanza nnifisha tal-iskema inizjali. F’dan ir-rigward, hija ġustament indikat li l-leġiżlazzjoni u t-teknoloġija kienu evolvew sabiex iwasslu għal pjattaformi ta’ xandir ġodda u għal operaturi ġodda fis-suq, b’mod partikolari x-xandara privati. Kif indikat il-Kummissjoni fl-imsemmija premessa 175, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-mogħdija mit-televiżjoni analoġika għat-televiżjoni diġitali kienet possibbli biss bis-saħħa tal-progress teknoloġiku li kien hemm wara l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja mal-Unjoni. Bil-kontra ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-bidla inkwistjoni tal-iskema inizjali għalhekk ma kinitx limitata għal titjib tal-kapaċità teknika tan-netwerk eżistenti jew għal sempliċi żieda mal-iskema inizjali, iżda kienet ta’ natura li tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern.

151    Minn dan isegwi li t-tielet motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

152    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk relatati mal-proċedura prinċipali sostnuti mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti, skont kif mitlub minn dawn tal-aħħar. L-ispejjeż relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji għandhom jiġu sostnuti mir-rikorrenti, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi, SA għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk relatati mal-proċedura prinċipali sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn SES Astra.

3)      Il-Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi għandhom ibatu l-ispejjeż relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Novembru 2015.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku

– Fuq l-ewwel kriterju impost mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dwar l-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku

– Fuq ir-raba’ kriterju impost mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dwar il-garanzija ta’ inqas spiża għall-kollettivitŕ

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ vantaġġ selettiv

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-analiżi tal-kompatibbiltŕ tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball fl-applikazzjoni tad-deċiżjoni 2005/842

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji dwar in-newtralitŕ teknoloġika, in-natura xierqa u proporzjonata tal-miżura inkwistjoni

– Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq l-ineżistenza ta’ distorsjonijiet inutli tal-kompetizzjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ għajnuna ġdida

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.