Language of document : ECLI:EU:T:2015:902

Kawża T‑462/13

Comunidad Autónoma del País Vasco

u

Itelazpi, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Televiżjoni diġitali – Għajnuna għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati fi Spanja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Vantaġġ – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Artikolu 107(3)(ċ) TFUE – Għajnuna ġdida”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-26 ta’ Novembru 2015

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lil Stat Membru u li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Rikors mill-awtorità reġjonali li tat l-imsemmija għajnuna – Ammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Preżentata ta’ rikors wieħed u uniku minn żewġ rikorrenti – Ammissibbiltà tar-rikors ta’ wieħed mir-rikorrenti – Neċessità li l-ammissibbiltà tar-rikors tiġi eżaminata fir-rigward tat-tieni rikorrent – Assenza

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – L-ewwel rekwiżit stabbilit fis-sentenza Altmark – Obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar – Assenza ta’ impriżi benefiċjarji effettivament inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku – Inklużjoni fil-kunċett

(Artikolu 107(1) TFUE)

4.      Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Destinatarji – Impriżi – Kunċett – Eżerċizzju ta’ attività ekonomika – Korp statali li jeżerċita attività ekonomika u li għandu personalità ġuridika separata minn dan l-Istat – Assenza ta’ effett fuq ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u l-imsemmi korp

(Artikolu 107(1) TFUE)

5.      Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Settur tax-xandir – Determinazzjoni tas-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Distinzjoni bejn provvista ta’ servizz ta’ xandir u tħaddim ta’ netwerks ta’ xandir – Ammissibbiltà

(Artikolu 107(1) TFUE; Protokoll Nru 29 anness mat-trattati UE u FUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Evalwazzjoni libera tal-fatti u tal-provi

7.      Kompetizzjoni – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Settur tax-xandir – Servizz ta’ tħaddim ta’ netwerks iddefinit bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Kundizzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika

(Artikoli 107(1) TFUE u 108 TFUE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Ir-raba’ rekwiżit stabbilit fis-sentenza Altmark – Insuffiċjenza ta’ indikazzjoni tal-ispejjeż ta’ investiment u tal-ispejjeż rikorrenti li jinsabu fi ftehimiet – Servizz ipprovdut minn amministrazzjoni bil-mezzi tagħha stess –Ċirkustanzi insuffiċjenti sabiex tiġi ggarantita l-inqas spiża għall-kollettività

(Artikolu 107(1) TFUE)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 107(3) TFUE)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Komunikazzjoni dwar il-mogħdija għad-diġitali – Natura ġuridika – Kodiċi ta’ kondotta indikattiv li jinvolvi awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Artikoli 107(3) TFUE u 108 TFUE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2003) 541 final)

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura

(Artikolu 107(3) TFUE)

12.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern – Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ prassi preċedenti – Esklużjoni

(Artikolu 107(3)(ċ) TFUE)

13.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Interventi konsekuttivi tal-Istat b’rabtiet indisassoċjabbli bejniethom – Evalwazzjoni tal-miżuri kkunsidrati fit-totalità tagħhom – Ammissibbiltà

(Artikoli 107(3) TFUE u 108 TFUE)

14.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Miżura li timmodifika skema ta’ għajnuna eżistenti – Modifika li taffettwa l-essenza tal-iskema – Klassifikazzjoni tal-iskema bħala għajnuna ġdida

(Artikolu 108(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(ċ); Regolament tal-Kummissjoni Nru 794/2004, Artikolu 4(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 34)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 34)

3.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, skont l-ewwel kriterju stabbilit bis-sentenza Altmark, l-impriża benefiċjarja ta’ kumpens għandha tkun effettivament inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar.

Għalkemm l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jqisu bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali “SIEĠ”, madankollu din is-setgħa ma hijiex mingħajr limiti u ma tistax tiġi eżerċitata arbitrarjament biss sabiex settur partikolari jkun jista’ jevita l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-fatt sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat SIEĠ, is-servizz inkwistjoni għandu jkollu interess ekonomiku ġenerali li jkollu karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma dawk ta’ attivitajiet oħra tal-ħajja ekonomika

F’dan ir-rigward, il-portata tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-definizzjoni minn Stat Membru ta’ servizz bħala SIEĠ jista’ jiġi kkontestat mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest. Madankollu dan l-istħarriġ għandu jiżgura l-osservanza ta’ ċerti kriterji minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ att tal-awtorità pubblika li jinkariga lill-operaturi inkwistjoni b’missjoni ta’ SIEĠ, kif ukoll in-natura universali u mandatorja ta’ din il-missjoni.

Għalhekk fl-assenza ta’ definizzjoni ċara ta’ servizz bħala servizz pubbliku, l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark ma huwiex issodisfatt. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li servizz huwa indikat bħala li huwa ta’ interess ġenerali fid-dritt nazzjonali ma jimplikax li kull operatur li jwettqu huwa inkarigat mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar fis-sens tal-imsemmija sentenza. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ servizz bħala SIEĠ teżiġi li r-responsabbiltà għall-ġestjoni tagħha tiġi fdata lil ċerti impriżi.

(ara l-punti 42, 50-54, 57)

4.      F’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn il-każ fejn l-Istat jaġixxi billi jeżerċita s-setgħa pubblika u l-każ fejn l-Istat jeżerċita attivitajiet ekonomiċi ta’ natura industrijali jew kummerċjali li jikkonsistu fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi fis-suq. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk l-Istat jaġixxix direttament permezz ta’ korp li jifforma parti mill-amministrazzjoni pubblika jew permezz ta’ entità li rċeviet mingħandu drittijiet speċjali jew esklużivi.

Barra minn hekk, l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ personalità ġuridika separata minn dik tal-Istat, mogħtija mid-dritt nazzjonali lil korp li jeżerċita attivitajiet ekonomiċi, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u dan il-korp, u konsegwentement, fuq il-possibbiltà li l-imsemmi korp jibbenefika minn għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(ara l-punti 61, 62)

5.      Fid-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, il-Kummissjoni għandha tagħmel distinzjoni bejn il-provvista ta’ servizz ta’ xandir u t-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir.

Ċertament, it-trażmissjoni hija indispensabbli għax-xandir. Madankollu għanda ssir distinzjoni bejn is-servizz ta’ xandir u s-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks ta’ xandir. Fil-fatt, dawn huma żewġ attivitajiet separati mwettqa minn impriżi differenti li joperaw fi swieq differenti. Filwaqt li s-servizz ta’ xandir huwa żgurat minn xandara, jiġifieri operaturi tat-televiżjoni, is-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks ta’ xandir huwa żgurat minn operaturi ta’ pjattaformi ta’ trażmissjoni ta’ sinjali, jiġifieri pjattaformi terrestri, satellitari, bil-kejbil jew permezz ta’ aċċess broadband fuq l-internet.

Barra minn hekk, għalkemm il-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, japplika għas-settur tax-xandir u, b’mod iktar speċifiku, għall-finanzjament tas-servizz pubbliku ta’ xandir mogħti lill-korpi ta’ xandir, min-naħa l-oħra, il-finanzjament tal-operaturi ta’ pjattaformi ta’ trażmissjoni tas-sinjali ma huwiex ikkonċernat mill-imsemmi protokoll. Barra minn hekk, l-għanijiet tal-imsemmi protokoll intiżi li jiggarantixxu l-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ soċjetà u l-ħarsien tal-pluraliżmu tal-media ma għandhom ebda rabta mal-għażla tat-teknoloġija ta’ xandir.

(ara l-punti 65-67, 69, 70)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 71)

7.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, mill-istruttura ġenerali tat-Trattat jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jkun kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-trattat. Il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fil-konfigurazzjoni tas-servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (SIEĠ) tagħhom ma jistax jiġi eżerċitat b’mod li jagħti lok għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit, f’dak li jirrigwarda s-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks, b’mod partikolari mill-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika.

Għalhekk, meta jkun hemm diversi pjattaformi ta’ trażmissjoni, ma huwiex possibbli li jitqies li waħda minnhom hija essenzjali għat-trażmissjoni tas-sinjali tax-xandir mingħajr ma jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Għalhekk meta jiddefinixxu servizz ta’ tħaddim ta’ netwerk tat-TNT inkwantu SIEĠ, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jiddiskriminaw kontra l-pjattaformi l-oħra. Sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, bħal dik prevista mit-Trattat FUE, tista’ tiġi ggarantita biss jekk l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi hija ggarantita.

Madankollu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika ma jimplikax li, fil-każijiet kollha, id-definizzjoni ta’ ċerta pjattaforma għat-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir tikkostitwixxi żball manifest. Fil-fatt meta l-Kummissjoni ma teżaminax fil-fond l-għażla tal-Istat Membru, hija tkunx iġġustifikata li tikkonstata l-eżistenza ta’ żball manifest min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali fid-definizzjoni ta’ ċerta pjattaforma għat-tħaddim ta’ netwerk. Madankollu, tali nuqqas ma għandu l-ebda konsegwenza fil-każ fejn l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark ma huwiex issodisfatt fl-assenza ta’ definizzjoni ċara u preċiża tas-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks ta’ xandir bħala servizz pubbliku.

(ara l-punti 77-79)

8.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, sabiex jiġi evalwat jekk ir-raba’ rekwiżit tas-sentenza Altmark huwiex issodisfatt f’każ konkret, l-indikazzjoni tal-ispiża ta’ investiment u tal-ispejjeż rikorrenti stmati fi ftehimiet interistituzzjonali konklużi bejn l-amministrazzjonijiet ta’ komunità awtonoma ta’ Stat Membru ma tissostitwixxix analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u mgħammra b’mod xieraq sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, kienet tinkorri sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi.

Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li amministrazzjoni twettaq servizz permezz tar-riżorsi tagħha stess ma jikkostitwixxix garanzija ta’ inqas spiża għall-kollettività.

(ara l-punti 80, 84, 87)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 105, 106, 112)

10.    Fil-qasam ta’ tranżizzjoni mix-xandir analoġiku għax-xandir diġitali, l-importanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika ġiet enfasizzata mill-Kummissjoni fil-punt 2.1.3 tal-komunikazzjoni dwar il-mogħdija għad-diġitali tal-2003. Ir-rekwiżit ta’ newtralità teknoloġika fis-sens ta’ din il-komunikazzjoni jipprevedi, b’mod partikolari, li l-abbandun tax-xandir analoġika f’territorju speċifiku jista’ jseħħ biss jekk kważi l-abitazzjonijiet kollha jirċievu s-servizzi diġitali u li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-metodi kollha ta’ trażmissjoni. Meta l-Kummissjoni tadotta tali atti intiżi li jispeċifikaw, fl-osservanza tat-Trattat, il-kriterji li beħsiebha tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha, tirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa peress li din għandha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha.

(ara l-punt 109)

11.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 116, 119-121, 123, 124)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 129)

13.    Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, diversi interventi tal-Istat fuq il-livelli, nazzjonali, reġjonali u tal-kunsilli għandhom jiġu analizzati fid-dawl tal-effetti tagħhom, b’tali mod li, meta dawn l-interventi jkollhom rabtiet tant stretti bejniethom, il-Kummissjoni għandha tqishom bħala skema ta’ għajnuna waħda mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk din l-iskema għandhiex natura xierqa għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3) TFUE. Għalhekk, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun meħtieġ tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata.

(ara l-punti 133, 134)

14.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 146-150)