Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 taʼ April 2013 – Versalis vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-210/13)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Versalis SpA (San Donato Milanese, l-Italja) (rappreżentanti: M. Siragusa, F. Moretti u L. Nascimbene, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-atti kkontestati u tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Din it-tilwima għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta’ Frar 2013 [C(2013) 1200 def.] u flimkien ma’ din, tad- Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet [C(2013) 1199 finali] permezz ta’ liema l-Kummissjoni nediet formalment il-proċedura AT. 40032 – BR/ESBR – Reċidiva intiża sabiex temenda d-Deċiżjoni C(2006) 5700 finali fil-Każ COMP/F.38.638 – Gomma butadiene u gomma stirene u butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni tad-29 ta’ Novembru 2006, annullata parzjalment u emendata mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea b’sentenzi mogħtija fit-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawżi T-39/07 Eni vs Il-Kummissjoni u T-59/07 Polimeri Europa vs Il-Kummissjoni.

Bl-ewwel u l-uniku motiv tar-rikors, ir-rikorrenti tallega n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni li tiftaħ mill-ġdid fil-konfront tagħha l-proċedura sanzjonarja għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ ksur. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tqis li s-setgħa sanzjonarja tal-Kummissjoni fil-konfront ta’ Versalis S.p.A. fir-rigward tal-fatti li huma s-suġġett tal-proċedura COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma stirene u butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni, ġiet eżawrita insegwitu tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006 [C (2006) 5700 finali], annullata parzjalment u emendata mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea b’sentenzi mogħtija fit-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawżi T-39/07 Eni vs Il-Kummissjoni u T-59/07 Polimeri Europa vs Il-Kummissjoni, attwalment appellati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni, permezz tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri sanzjonarji, bi ħsiebha tipproċedi għal reviżjoni fil-mertu tal-motivi tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006, jiġifieri għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti li jirrigwardaw lir-rikorrenti li kienu diġà ġew stabbiliti fl-istadju tal-evalwazzjoni inizjali u li fuqhom diġà esprimiet ruħha l-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-istħarriġ ġudizzjarju kollu tagħha. Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ ksur għalhekk tqum, għall-finijiet u effetti, b’mod ċar b’kuntrast mal-prinċipji tan-ne bis in idem, taċ-ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.