Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Novembru 2011 - Akhras vs Il-Kunsill

(Kawża T-579/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Tarif Akhras (Homs, is-Sirja) (rappreżentanti: S. Ashley u S. Millar, solicitors, D. Wyatt, QC, u R. Blakeley, barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-punt 3 tat-tabella A tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent;

tannulla l-punt 3 tat-tabella A tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011 sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent;

tannulla l-punt 2 tat-tabella fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/628/PESK sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent;

tannulla l-punt 2 tat-tabella fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011 sa fejn jirrigwarda lir-rikorrent;

tiddikjara l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK (kif emendat) inapplikabbli għar-rikorrent;

tiddikjara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 (kif emendat) inapplikabbli għar-rikorrent; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, li jallega li

l-kriterji sostantivi għall-identifikazzjoni tar-rikorrent ma humiex sodisfatti u/jew il-Kunsill identifika lir-rikorrent abbażi ta' provi insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-kriterji kienu sodisfatti u/jew il-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni fid-determinazzjoni ta' jekk il-kriterji kinux ġew sodisfatti jew le. B'mod partikolari, ir-rikorrent ma huwiex responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u ma għenx jew ibbenefika mir-reġim Sirjan u ma huwiex assoċjat ma ħadd li huwa responsabbli għar-repressjoni ċivili jew li għen jew li bbenefika mir-reġim Sirjan. L-unika allegazzjoni magħmula kontra r-rikorrent hija li pprovda għajnuna ekonomika lir-reġim Sirjan. Dan ma huwiex minnu.

It-tieni motiv, li jallega li

l-identifikazzjoni tar-rikorrent tikser b'mod manifest id-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali tiegħu, inklużi d-dritt għar-rispett tal-privatezza u tal-ħajja familjari, għall-godiment paċifiku tal-beni tiegħu u, fl-aħħar nett, id-dritt tiegħu għal ħajja u/jew tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.

It-tielet motiv, li jallega li

f'kull każ, il-Kunsill wettaq ksur tal-forom proċedurali sa fejn (a) naqas milli jagħti lir-rikorrent notifika individwali tal-identifikazzjoni tiegħu, (b) naqas milli jagħti raġunijiet adegwati u suffiċjenti (ċ) naqas milli jirrispetta d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġurisdizzjonali effettiva.

____________