Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Novembru 2011 - Ethniko kai Kapodistriako Panepistimio Athinon vs Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard

(Kawża T-577/11)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ethniko kai Kapodistriako Panepistimio Athinon (rappreżentant: S. Gkaripis, avukat)

Konvenut: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors tagħha bħala ammissibbli;

tikkonstata l-ksur tal-kundizzjonijiet tal-avviż ta' kuntratt Nru ĠU/27/05/2011-PROC/2011/041 taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (iktar 'il quddiem, ĊEPK), imwettaq mill-Kumitat għall-Evalwazzjoni tal-Offerti fid-deċiżjoni kkontestata;

tannulla d-Deċiżjoni Nru ADM-11-1737-Aabema taċ-ĊEPK, tal-25 ta' Awwissu 2011, meħuda kontra r-rikorrenti;

tordna li l-korp Ewropew konvenut jerġa' jeżamina l-offerta ppreżentata mill-Ethniko kai Kapodistriako Panepistimio Athinon (l-Unversità Kapodistrias ta' Ateni) fit-22 ta' Lulju 2011, fil-kuntest tal-avviż inkwistjoni;

tikkundanna lill-korp konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni Nru ADM-11-1737-Aabema taċ-ĊEPK, tal-25 ta' Awwissu 2011, li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad l-offerta li hija ppreżentat fil-kuntest tal-avviż ta' kuntratt pubbliku ta' xogħol Nru ĠU/27/05/2011-PROC/2011/041 intitolat "Eżami sistematiku u pariri ta' esperti fuq l-effikaċità f'termini ta' saħħa pubblika tat-tqegħid skont it-tip molekulari tal-aġenti patoġeni virali".

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti:

Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti marbuta mal-offerta ppreżentata mir-rikorrenti

Il-korp konvenut ċaħad l-offerta ppreżentata mill-Università ta' Ateni għaliex il-membri proposti fit-tim tal-proġett ma kellhomx il-kompetenzi tekniċi u professjonali meħtieġa għat-twettiq tal-inkarigi tal-kuntratt u rrifjutat li teżamina l-offerta tagħha f'iktar dettall. Issa, fil-fatt, l-attivitajiet professjonali u tekniċi tal-membri tat-tim tal-proġett juru l-kapaċità teknika u professjonali tagħhom biex jimplementaw il-kuntratt inkwistjoni.

Id-deċiżjoni tinkludi żbalji fir-rigward tal-kriterji ta' evalwazzjoni

Il-Kumitat qies li l-membri tat-tim tal-proġett propost fl-offerta tar-rikorrenti ma jistgħux ikunu f'pożizzjoni li jipproċedu bl-eżami sistematiku tas-suġġett tal-kuntratt. Madankollu, mhux biss il-membri tat-tim tal-proġett kellhom din l-esperjenza, iżda anki li kieku dan ma kienx il-każ, il-kundizzjoni tal-kapaċità ta' eżami sistematiku ma kienx ġie stabbilit fl-avviż bħala kundizzjoni fejn ir-riżultat tal-evalwazzjoni kien kundizzjoni sine qua non għall-għoti tal-kuntratt, iżda tikkostitwixxi biss kapaċità li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mal-kapaċitajiet l-oħra.

Motivazzjoni illegali- nuqqas ta' bażi legali

It-tieni motiv tal-att ikkontestat jirreferi għan-nuqqas minn naħa tar-rikorrenti tal-kapaċità li jimplementa approċċ ta' xogħol ibbażat fuq il-mediċina fattwali (evidence based medicine). Madankollu, dan il-metodu ma huwa msemmi fl-ebda parti tat-test tal-avviż inkwistjoni bħala wieħed mill-kriterji ta' għażla tal-appaltatur l-iktar xieraq għall-implementazzjoni tal-proġett suġġett għal deċiżjoni.

Ommissjoni illegali fl-avviż ta' kuntratt u fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors amministrattiv

Il-fatt li l-avviż ta' kuntratt u tad-deċiżjoni kkontestata ma jistabbilixxux il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem korp amministrattiv li huma jaħtru għall-finijiet tal-annullament jew ta' bdil tal-att tal-Kumitat tal-korp konvenut huwa illegali, għaliex jikser il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' legalità li huma stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni.

____________