Language of document : ECLI:EU:T:2013:370

Kawża T‑469/07

Philips Lighting Poland S.A.

u

Philips Lighting BV

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw miċ-Ċina, mill-Vjetnam, mill-Pakistan u mill-Filippini — Skadenza ta’ miżuri antidumping — Eżami mill-ġdid — Artikolu 4(1), Artikolu 5(4), u Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 [li saru l-Artikolu 4(1), Artikolu 5(4), u Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009] — Kunċett ta’ industrija Komunitarja — Determinazzjoni tal-ħsara — Obbligu ta’ motivazzjoni

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Lulju 2013

1.      Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Ċaħda ta’ rikors fuq il-mertu mingħajr deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà — Setgħa diskrezzjonali tal-qorti tal-Unjoni

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ eżami mill-ġdid — Investigazzjoni ta’ eżami mill-ġdid — Deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura — Obbligu tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura wara li l-livell ta’ sostenn għall-ilment jgħaddi għal inqas mil-livell minimu ta’ 50 % tal-produzzjoni Komunitarja — Assenza

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 5(4), 9(1) u 11(5), u Nru 1225/2009, Artikoli 5(4), 9(1) u 11(5))

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Dannu — Kunċett ta’ industrija Komunitarja — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Definizzjoni tal-industrija Komunitarja li ssostni lment jew talba matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid — Produzzjonijiet kollettivi tal-produtturi li jikkostitwixxu proporzjon maġġuri — Riferiment għal-livell minimu ta’ 25 % — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 4(1), 5(4) u 9(1) u Nru 1225/2009 Artikoli 4(1), 5(4) u 9(1))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping

(Artikolu 296 TFUE)

1.      Il-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr deċiżjoni minn qabel fuq l-ammissibbiltà tiegħu.

(ara l-punt 61)

2.      L-Artikolu 5(4) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1225/2009] ma jinkludi l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni sabiex ittemm proċedura antidumping pendenti meta l-livell ta’ sostenn għall-ilment jgħaddi għal inqas mill-minimu ta’ 25 % tal-produzzjoni Komunitarja. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-livell ta’ sostenn għall-ilment meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tibda proċedura. Minbarra dan, skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament [li sar l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1225/2009] il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħlaq il-proċedura fil-każ li jiġi rtirat l-ilment, dan għandu jgħodd a fortiori fil-każ ta’ sempliċi tnaqqis fil-livell ta’ sostenn għalih. Peress li l-Artikolu 5(4) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku huma applikabbli għall-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 11(5) ta’ dan ir-regolament [li sar l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 1225/2009], il-prinċipji esposti hawn fuq jgħoddu wkoll fil-każ li l-livell ta’ sostenn għat-talba għal eżami mill-ġdid jgħaddi għal livell inqas minn 50 % tal-produzzjoni Komunitarja waqt l-investigazzjoni tal-eżami mill-ġdid. Għaldaqstant l-istituzzjonijiet għandhom perfettament raġun ikomplu l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid minkejja l-fatt li kien possibbli li l-limitu ta’ 50 % msemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku ma setax jibqa’ jintlaħaq.

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku jobbliga espliċitament lill-istituzzjonijiet sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni, fuq livell strettament formali, l-interess tal-Unjoni biss fil-każ li jikkunsidraw jagħlqu l-proċedura wara l-irtir tal-ilment.

(ara l-punti 84-87)

3.      L-Artikolu 4(1) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 [li sar l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1225/2009] jiddefinixxi l-industrija Komunitarja bħala jew il-“produtturi Komunitarji kollha tal-prodotti simili” jew bħala “dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon kbir[maġġuri], kif definit fl-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament [li sar l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1225/2009] tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawk il-prodotti simili”, għalkemm, fiż-żewġ każijiet, jistgħu jiġu esklużi mill-produzzjoni Komunitarja l-produtturi li jaqgħu taħt is-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament. L-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-għażla bejn dawn iż-żewġ partijiet.

Barra minn hekk, l-industrija Komunitarja kif meħuda għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara ma għandhiex neċessarjament tkun ikkostitwita mill-istess produtturi Komunitarji bħal dawk li jikkostitwixxu l-industrija Komunitarja li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk l-ilment inizjali jew it-talba għal eżami mill-ġdid kellhomx sostenn suffiċjenti skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, minn naħa, fit-tieni każ, l-industrija Komunitarja tista’ biss tinkludi l-produtturi Komunitarji li jsostnu l-ilment jew it-talba, filwaqt li, fl-ewwel każ, hija tista’ tinkludi l-produtturi Komunitarji kollha, indipendentement minn jekk tawx jew le tali sostenn. Min-naħa l-oħra, id-definizzjoni tal-industrija Komunitarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara hija eżerċizzju li jsir mill-istituzzjonijiet wara l-ftuħ tal-proċedura.

Jekk, waqt il-proċedura, produttur Komunitarju li, inizjalment, kien isostni l-ilment jew it-talba għal eżami mill-ġdid jirtira dan is-sostenn jew jastjeni milli jikkoopera mal-Kummissjoni, tali produttur ma jiġix inkluż fl-industrija Komunitarja għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ħsara, fil-każ li l-istituzzjonijiet jagħżlu li jiddefinixxu din l-industrija billi jużaw it-tieni għażla, previsti bl-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

Is-sitwazzjonijiet possibbli msemmija, b’mod espliċitu jew impliċitu, fl-Artikolu 9(1) [li sar l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1225/2009] tar-Regolament bażiku jippresupponu, min-natura tagħhom, li l-limitu ta’ 50 % previst fl-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament ma għadux jintlaħaq. Għaldaqstant, meta, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom, l-istituzzjonijiet jagħżlu li jiddefinixxu l-industrija Komunitarja permezz tat-tieni għażla msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, ir-riferiment, f’din id-dispożizzjoni, għall-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament b’mod ġenerali f’dak li jirrigwarda l-espressjoni “proporzjon kbir[maġġuri] […] tal-produzzjoni Komunitarja totali” jista’ jinftiehem biss li jirreferi għal-limitu minimu ta’ 25 %, u mhux għal dak ta’ 50 %. Din għandha tkun is-soluzzjoni, iktar u iktar, minħabba li r-rekwiżit li l-industrija Komunitarja għandha tikkostitwixxi proporzjon maġġuri tal-produzzjoni Komunitarja totali, huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-produzzjonijiet kollettivi tal-produtturi inklużi f’din l-industrija jkunu suffiċjentement rappreżentattivi.

(ara l-punti 92-95)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 105-107, 109, 111-113)