Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2007 - Du Pont de Nemours (Franza) et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-467/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Du Pont de Nemours (Franza) SAS (Puteaux, Franza), Du Pont Portugal - Serviços, sociedade unipessoal, Ld.a (Liżbona, il-Portugal), Du Pont Ibérica SL (Barcelona, Spanja), E.I. du Pont de Nemours & Co (Wilmington, l-Istati Uniti), Du Pont de Nemours Italiana SRL (Milan, l-Italja), Du Pont De Nemours (l-Olanda) BV (Dordrecht, l-Olanda), Du Pont de Nemours (il-Ġermanja) GmbH (Bad Homburg v.d. Höhe, il-Ġermanja), DuPont Poland sp. z o. o. (Varsavja, il-Polonja), DuPont Romania SRL (Bucharest, ir-Rumanija), DuPont International Operations SARL (Le Grand Saconnex, l-Isvizzera), Du Pont de Nemours International SA (Le Grand Saconnex, l-Iżvizzera), DuPont Solutions (Franza) SAS (Puteaux, Franza), Du Pont Agro Hellas AE (Halandri, il-Greċja) (irrappreżentati minn: D. Waelbroeck u I. Antypas, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tordna l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2007 dwar in-non-inklużjoni ta' methomyl fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza;

tikkundanna lill-Kommunità, f'din il-kawża rrappreżentata mill-Kummissjoni, sabiex tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu subit mir-rikorrenti b'riżultat tad-deċiżjoni kkontestata, u tiffissa l-ammont ta' dan il-kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti, attwalment stmat li jammonta għal EUR 52.5 miljun; jew kwalunkwe ammont ieħor li jirrifletti d-dannu subit jew li ser ikun subit mir-rikorrenti, kif ippruvat minnhom matul dawn il-proċeduri, speċjalment biex jittieħdu in kunsiderazzjoni danni futuri;

sussidjarjament, tordna li fi żmien raġonevoli mid-data tas-sentenza l-partijiet jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza ċ-ċifri relattivi għall-ammont ta' kumpens li jaqblu fuqu l-partijiet jew, fin-nuqqas ta' qbil, tordna li fl-istess terminu ta' żmien il-partijiet jippreżentaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza l-konklużjonijiet tagħhom b'ċifri dettaljati;

tordna li jiġu mħallsa l-interessi skond ir-rata stabbilita f'dak iż-żmien għal operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament mill-Bank Ċentrali Ewropew, biż-żieda ta' żewg punti perċentwali, jew skond kwalunkwe rata oħra xierqa li jogħġobha tiffissa l-Qorti tal-Prim'Istanza, li għandha tiġi mħallsa fuq l-ammont dovut mid-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza sad-data effettiva tal-ħlas;

tordna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż kollha relatati ma' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva 91/414/KEE tal-Kunsill li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti1 tipprovdi li l-Istati Membri m'għandhomx jawtorizzaw prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jekk is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija f'dan l-Anness ma jkunux issodisfati. Ir-rikorrenti qegħdin jitolbu li tiġi annullata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2007 dwar in-non-inklużjoni ta' methomyl fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza2. Minbarra dan, ir-rikorrenti jitolbu kumpens għall-allegati danni kkawżati mid-deċiżjoni kkontestata.

In sostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jissottomettu li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju tal-methomyl li mhijiex kompleta u li hija manifestament żbaljata, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni informazzjoni li kellha f'idejha sa minn Settembru 2005.

Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni abbużat mill-poteri tagħha u kisret id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE u l-prinċipji ta' proporzjonalità, amministrazzjoni tajba, ċertezza legali, aspettattivi leġittimi u non-diskriminazzjoni, kif ukoll id-dritt tar-rikorrenti li jinstemgħu u l-obbligu ta' motivazzjoni.

____________

1 - Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta' Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 1991 L 230, p.1).

2 - ĠU 2007 L 255, p.40.