Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2007 - Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Il-Kunsill

(Kawża T-469/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Philips Lighting Poland S.A. (Pila, il-Polonja) u Philips Lighting BV (Eindhoven, l-Olanda) (rappreżentanti: M. L. Catrain González, avukat, u E. Wright, barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ikkontestat fl-intier tiegħu jew safejn huwa jaffettwa lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li huma produtturi ta' lampi fluworexxenti kompatti integrati (CFL-i) fil-Komunità, jitolbu l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1205/2007 tal-15 ta' Ottubru 2007 li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet ta' l-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini 1.

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kiser l-Artikoli 3(1), 9(4) u 11(2) tar-Regolament Bażiku 2 billi impona dazji antidumping meta ma ġiex muri li l-iskdadenza tal-miżuri x'aktarx twassal għal tkomplika jew ripetizzjoni ta' dannu għall-industrija tal-Komunità.

Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-Kunsill wettaq żball ta' liġi meta bbaża ruħu fuq l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Bażiku f'sitwazzjoni li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, peress li l-ilment li wassal għall-istħarriġ ma kienx ġie rtirat.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jinvokaw ksur ta' l-Artikolu 253 KE inkwantu r-Regolament ikkontestat mhuwiex immotivat b'mod xieraq fir-rigward tal-livell ta' għajnuna mill-produtturi tal-Komunità u fir-rigward tal-konklużjoni dwar l-interess Komunitarju.

____________

1 - ĠU L 272, p. 1.

2 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1).