Rikors ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2007 - Dow Agrosciences BV et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-470/07)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Dow Agrosciences BV (Rotterdam, l-Olanda), Dow AgroSciences Ltd (Hitchin, ir-Renju Unit), Dow AgroSciences SAS (Mougins, Franza), Dow AgroSciences Export SAS (Mougins, Franza), Dow AgroSciences Italia Srl (Milan, l-Italja), Dow AgroSciences Iberica SA (Madrid, Spanja), Dow AgroSciences Vertriebsgesellschaft mbH (Neusiedl am See, l-Awstrija), Dow AgroSciences LLC (Indianapolis, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, C. Mereu, lawyers)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/619/KE;
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/619/KE, ta' l- 20 ta' Settembru 2007, dwar in-noninklużjoni tal-1,3- dichloropropene fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE
1 ("Direttiva 91/414") u l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza.
Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali għar-raġunijiet li ġejjin:
(a) hija tikser rekwiżiti proċedurali essenzjali, billi hija bbażata fuq rapport ta' l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel ("EFSA") li allegatament jikser l-Artikolu 8(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni 451/2000
2; billi l-konvenuta kisret l-Artikolu 8(8) tar-regolament fuq imsemmi u billi d-deċiżjoni ma tirrispettax il-proċedura leġiżlattiva applikabbli, bi ksur għalhekk ta' l-Artikoli 5 KE u 7 KE u ta' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468
3;
(b) fiha żbalji manifesti ta' evalwazzjoni billi tiddeċiedi li ma tinkludix il-1,3-dichloropropene fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE mingħajr ma ġie stabbilit li s-sustanza tippreżenta riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-ambjent u ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikoli 5(1) u 5(2) tad-Direttiva 91/414 għall-inklużjoni fl-Anness I;
ċ) hija tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, (i) il-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta' l-aspettativi leġittimi, (ii) il-prinċipju tal-proporzjonalità, (iii) il-prinċipju ta' trattament ugwali, (iv) il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, u (v) id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u dritt tagħhom għal smigħ xieraq;
(d) hija tikser it-Trattat KE u l-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħha, u b'mod partikolari, (i) l-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414, kif ukoll (ii) l-Artikolu 95 KE u l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva fuq imsemmija.
Ir-rikorrenti jqajmu wkoll eċċezzjoni ta' illegalità skond l-Artikolu 241 KE kontra l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni 1490/2002
4 li, kif jallegaw huma, kiser serjament l-aspettativi leġittimi tagħhom billi emenda r-Regolament 451/2000 sabiex jipprovdi għall-parteċipazzjoni obbligatorja ta' l-EFSA fl-evalwazzjoni tas-sustanza kkonċernata.
____________1 - Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta' Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1)2 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000, tat-28 Frar 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 55, p. 25)3 - Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta' Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23)4 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1490/2002, ta' l-14 t'Awwissu 2002, li jwaqqaf regoli oħra għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta' xogħol li jissemma fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 451/2000 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 224, p. 23)