Language of document : ECLI:EU:C:2008:290

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Mejju 2008 (*)

“Sigurtà soċjali – Allowances tal-familja – Sospensjoni tad-dritt għall-allowances – Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Għoti ta’ allowances fl-Istat Membru ta’ residenza li mhuwiex l-Istat kompetenti”

Fil-kawża C-352/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Awwissu 2006, fil-proċedura

Brigitte Bosmann

vs

Bundesagentur für Arbeit – Familienkasse Aachen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Tizzano, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B. Bosmann, minn H. Knops, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u I. Kaufmann-Bühler, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif ukoll tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 28, 1997, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar’il quddiem, rispettivament, ir-“Regolament Nru 1408/71” u r-“Regolament Nru 574/72”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Bosmann u l-Bundesagentur für Arbeit – Familienkasse Aachen (Aġenzija Federali tal-Impjieg – Fond tal-allowances tal-familja ta’ Aachen, iktar’il quddiem il-“Bundesagentur”) fir-rigward tar-rifjut ta’ għoti ta’ allowances tal-familja fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Ir-Regolament Nru 1408/71

3        L-ewwel u l-ħames premessa tar-Regolament Nru 1408/71 huma fformulati kif ġej:

“Billi d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg;

[…]

Billi huwa meħtieġ, fl-ambitu ta’ dak il-koordinament, li tkun iggarantita fl-ugwaljanza tat-trattament tal-Komunità taħt il-leġislazzjonijiet varji nazzjonali lill-ħaddiema li jgħixu fl-Istati Membri u d-dipendenti tagħhom u dawk li jkomplu jgħixu warajhom”.

4        It-tmien sal-għaxar premessa ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu:

“Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk;

Billi l-okkażjonijiet li fihom persuna tkun suġġetta simultanjament għal-leġislazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun fin-numru u fl-iskop;

Billi minħabba l-garanzija ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha okkupati fit-territorju ta’ l-Istat Membru jkun effettiv kemm jista’ jkun, huwa sewwa li tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tfittex impjieg jew impjieg għal rasha”.

5        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.      Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 73 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji [allowances] tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”

 Ir-Regolament Nru 574/72

7        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Regoli applikabbli fil-każ ta’ dħul fuq xulxin (overlapping) tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja jew tal-allowances tal-familja għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom”, jiddisponi:

“1.      a)     L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras, ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament [Nru 1408/71], sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji

         b)     Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

i)      fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament [Nru 1408/71] lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        L-Artikolu 62(1)(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz) tiddisponi:

“Rigward tfal fit-tifsira tal-Artikolu 63, persuna għandu jkollha l-jedd għall-allowances tal-familja skond din il-liġi jekk ikollha residenza fil-Ġermanja jew normalment toqgħod hemmhekk.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        B. Bosmann, ċittadina Belġjana li tgħix fil-Ġermanja, trabbi waħedha liż-żewġt itfal tagħha, rispettivament imwielda fl-1983 u fl-1985. Dawn ukoll jgħixu fil-Ġermanja fejn qed ikomplu l-istudji tagħhom.

10      Fil-bidu, B. Bosmann kellha dritt għall-allowances tal-familja Ġermaniżi hekk kif ipprovdut fl-Artikolu 62 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, li għall-ewwel, ġew lilha mogħtija mill-Bundesagentur. Madankollu, wara li fl-1 ta’ Settembru 2005, B. Bosmann bdiet twettaq attività professjonali fl-Olanda, il-ħlas ta’ dawn l-allowances ġie miċħud lilha mix-xahar ta’ Ottubru 2005, b’deċiżjoni tat-18-il ġurnata ta’ dak l-istess xahar. Il-Bundesagentur interpretat id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju fis-sens li B. Bosmann hija biss suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, jiġifieri r-Renju tal-Olanda, b’mod illi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tibqax ikkunsidrata bħala l-Istat kompetenti, sabiex iħallas dawn l-allowances.

11      B. Bosmann ma tistax tibbenefika fl-Olanda mill-allowances tal-familja korrispondenti minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni Olandiż ma tipprovdix għall-għoti ta’ dawn għat-tfal ta’ iktar minn 18-il sena.

12      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li mhuwiex ippreċiżat jekk B. Bosmann tmurx lura fil-Ġermanja wara kull jum ta’ ħidma jew biss fil-każ ta’ tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi.

13      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)      L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament […] Nru 1408/71 […] għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, sabiex ma jkunx prekluż il-jedd għall-allowances tal-familja fil-każ ta’ omm li qed trabbi lil uliedha waħidha fl-Istat ta’ residenza (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), li ma tirċevix allowances tal-familja fl-Istat ta’ impjieg (ir-Renju tal-Olanda) minħabba fl-età tat-tfal?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

L-Artikolu 10 tar-Regolament […] Nru 574/72 […] għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, sabiex ma jkunx prekluż il-jedd għall-allowances tal-familja fil-każ ta’ omm li qed trabbi lil uliedha waħidha fl-Istat ta’ residenza (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), li ma tirċevix allowances tal-familja fl-Istat ta’ impjieg (ir-Renju tal-Olanda) minħabba fl-età tat-tfal?

3)      Jekk ir-risposti għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda huma wkoll fin-negattiv:

Omm li taħdem, li trabbi lil ulieda waħidha, għandha dritt għall-applikazzjoni ta’ regoli iktar favorevoli tal-Istat ta’ residenza tagħha fil-qasam tal-għoti tal-allowances tal-familja li tirriżulta direttament mit-Trattat KE u/jew minn prinċipji legali ġenerali?

4)      Huwa rilevanti għar-risposti għad-domandi li saru iktar’il fuq jekk l-impjegata tmurx lura fir-residenza tal-familja fi tmiem kull jum ta’ ħidma?

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

14      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jistax jiġi interpretat b’mod li jippermetti lil persuna impjegata fis-sitwazzjoni ta’ B. Bosmann, li tirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u li hija suġġetta għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg tagħha, f’dan il-każ ir-Renju tal-Olanda, li tirċievi l-allowances tal-familja fl-Istat Membru fejn tgħix, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi huwa kkonstatat li allowance bħal din ma tistax tingħatalha, minħabba fl-età ta’ uliedha, fl-Istat Membru kompetenti.

15      Qabel ma tingħata risposta lil din id-domanda, huwa meħtieġ li jiġu mfakkra r-regoli ġenerali li għalihom, skont ir-Regolament Nru 1408/71, hija suggetta d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità.

16      Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, huma intiżi sabiex il-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li jkun evitat t-taħwid fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk. Dan il-prinċipju jinsab stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li jiddisponi li l-ħaddiem li għalih dan ir-regolament huwa applikabbli jkun biss suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder, 302/84, Ġabra p. 1821, punti 19 u 20).

17      Skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anke jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem permezz ta’ din id-dispożizzjoni għandha bħala effett li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru biss hija applikabbli (ara s-sentenza Ten Holder, iċċitata iktar’il fuq, punt 23).

18      Fir-rigward tal-kuntest speċifiku ta’ allowances tal-familja, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, ħaddiem suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru huwa intitolat, għall-membri tal-familja tiegħu li qegħdin jgħixu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-allowances tal-familja pprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-ewwel, bħallikieku huma kienu qed jgħixu fit-territorju ta’ dan.

19      Konsegwentement, hekk ġie ġustament ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ B. Bosmann hija, fil-prinċipju, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg tagħha, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Olandiża.

20      Billi d-dritt applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tiġi ddeterminata skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ sistema legali oħra ma jistgħux madankollu dejjem jiġu esklużi (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Laurin Effing, C-302/02, Ġabra p. I-553, punt 39).

21      Skont il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ B. Bosmann, huwa fuq il-bażi tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sistema legali tal-Istat Membru ta’ impjieg, maħtur, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, billi Stat kompetenti, tista’ tiġi mwarrba sabiex tagħmel spazju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, l-eżistenza ta’ rabta li tgħaqqad ma’ żewġ Stati Membri, jiġifieri dak ta’ residenza u ta’ impjieg, b’mod partikolari tippermetti dħul fuq xulxin tad-drittijiet għall-allowances. Għalhekk, permezz tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, fid-dawl tan-nuqqas ta’ dritt għall-allowances tal-familja simili fl-Istat Membru ta’ impjieg, dawn tal-aħħar għandhom jingħataw mingħajr limitazzjoni mill-Istat Membru ta’ residenza, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Insostenn ta’ din it-teżi, il-Kummissjoni invokat is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1992, McMenamin (C-119/91, Ġabra p. I‑6393). Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju rreferiet għas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C-543/03, Ġabra p. I‑5049).

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kawżi li taw lok għaż-żewġ sentenzi fuq imsemmija kienu deċiżi fuq il-bażi tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, li jkopri s-sitwazzjonijiet li fihom attività professjonali hija eżerċitata wkoll fl-Istat Membru ta’ residenza. Hekk kif iqis l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sentenzi iċċitati iktar’il fuq McMenamin kif ukoll Dodl u Oberhollenzer, il-fatt li jikkawża l-qlib tal-prijoritajiet favur il-kompetenza tal-Istat Membru ta’ residenza jirriżulta miċ-ċirkustanza li attività professjonali hija eżerċitata fl-Istat Membru ta’ residenza mill-konjuġi tal-persuna li kellha l-jedd tal-allowances ipprovduti fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71.

23      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li B. Bosmann mhijiex f’sitwazzjoni bħal din.

24      Wara, fir-rigward tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, jirriżulta mill-mod kif ifformulat, li dan ifittex soluzzjoni għall-każijiet ta’ dħul fuq xulxin tad-drittijiet għall-allowances tal-familja li jiltaqgħu magħhom meta dawn tal-aħħar huma dovuti, fl-istess ħin, fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tifel ikkonċernat, indipendentement mill-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni jew ta’ impjieg, u bl-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, fl-Istat Membru ta’ impjieg

25      Hekk kif isostnu l-Gvern Ġermaniż u l-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma jurux li hemm “dħul fuq xulxin” ta’ allowances tal-familja ta’ dan it-tip, billi d-dritt għal allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ impjieg huma, f’dan il-każ, esklużi, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, fid-dawl tal-età tat-tfal tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

26      Il-qlib tal-prijoritajiet favur l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza mhumiex għalhekk suxxettibbli li jkunu bbażati fuq ir-regoli speċifiċi ta’ rabta stabbiliti fir-Regolament Nru 574/72, huwa meħtieġ li s-sitwazzjoni ta’ B. Bosmann issegwi r-regola ġenerali li tiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli; hija stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

27      Jirriżulta minn dan li d-dritt Komunitaju ma jobbligax lill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi li jagħtu lil B. Bosmann l-allowance tal-familja inkwistjoni.

28      Madankollu, il-possibbiltà ta’ dan l-għoti lanqas ma jista’ jiġi eskluż, iktar u iktar, hekk kif jirriżulta mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, B. Bosmann tista’ tibbenefika mill-allowances tal-familja biss mill-fatt tar-residenza tagħha fil-Ġermanja, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

29      F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 42 KE li huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u b’mod partikolari jimplika li l-ħaddiema migranti la għandhom jitilfu d-drittijiet għall-allowances ta’ sigurtà soċjali u lanqas isostnu tnaqqis tal-ammont tagħhom minħabba li dawn eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu mogħti lilhom mit-Trattat KE (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Nemec, C-205/05, Ġabra p. I-10745, punti 37 u 38).

30      Bl-istess mod, l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1408/71 tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali li dan ir-regolament jinvolvi, jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet tal-impjieg tagħhom.

31      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru ta’ residenza m’għandux jitneħħilu l-fakultà li jagħti allowances tal-familja lill-persuni residenti fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, jekk, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anke jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament mhuwiex intiż li jwaqqaf l-Istat ta’ residenza milli jagħti, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, allowances tal-familja lil din il-persuna.

32      Is-sentenza Ten Holder, iċċitata iktar’il fuq, li jirrieferi għaliha l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Luijten (60/85, Ġabra p. 2365), invokata mill-qorti tar-rinviju, ma jikkontestawx l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 fuq imsemmi. Is-sentenza Ten Holder, iċċitata iktar’il fuq, tirrigwarda każ ta’ rifjut ta’ għoti ta’ allowance mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kompetenti u, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni, skont ir-Regolament Nru 1408/71, tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru billi leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem għandha bħala għan li din il-leġiżlazzjoni biss tkun applikabbli (sentenza Ten Holder, iċċitata iktar’il fuq, punt 23). L-istess prinċipju reġa’ ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Luijten, iċċitata iktar’il fuq, fir-rigward tar-riskju ta’ applikazzjoni fl-istess ħin tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istat ta’ impjieg u tal-Istat ta’ residenza li jippermettu lil dawk assigurati li jibbenefikaw mill-allowance tal-familja. Konsegwentement, moqrija fil-kuntesti speċifiċi, differenti mill-kawża prinċipali, dawn is-sentenzi ma jservux ta’ bażi sabiex jeskludu Stat Membru, li mhuwiex l-Istat kompetenti, u li ma jissuġġettax id-dritt għall-allowance tal-familja għal kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ assigurazzjoni, milli jagħti allowance bħal din lil persuna residenti fuq it-territorju tiegħu, meta l-possibbiltà ta’ dan l-għoti effettivament jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, jeħtieġ li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix ħaddiem migrant, li huwa suġġett għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg, milli jirċievi, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza, allowances tal-familja f’dan l-aħħar Stat.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

34      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

 Fuq ir-raba’ domanda

35      Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li tkun taf li B. Bosmann tmurx lura fir-residenza tal-familja fil-Ġermanja fi tmiem kull jum ta’ ħidma tagħha għandhiex rilevanza fuq ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel sat-tielet domanda.

36      Hekk kif essenzjalment jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix ħaddiem migrant fis-sitwazzjoni ta’ B. Bosmann milli jirċievi allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza, sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ allowances bħal dawn bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, sa fejn id-dritt ta’ B. Bosmann sabiex tibbenefika mill-allowances tal-familja fil-Ġermanja huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tgħix fuq it-territorju ta’ dan l-Istat Membru, kundizzjoni li jidher li hija effettivament tissodisfa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kwistjoni li jsir magħruf jekk B. Bosmann tmurx lura fir-residenza tal-familja fil-Ġermanja fi tmiem kull jum ta’ ħidma tagħha hijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hija “tgħix”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, f’dan l-Istat.

37      Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda tkun li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-fatt li ħaddiem, li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jmur lura fir-residenza tal-familja fl-Istat Membru kkonċernat fi tmiem kull jum ta’ ħidma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ħaddiem bħal dan jissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji ta’ għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni f’dan l-Istat skont il-leġiżlazzjoni tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tagħhom permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, ma jipprekludix ħaddiem migrant, li huwa suġġett għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg, milli jirċievi, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza, allowances tal-familja f’dan l-aħħar Stat.

2)      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-fatt li ħaddiem, li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, imur lura fir-residenza tal-familja fl-Istat Membru kkonċernat fi tmiem kull jum ta’ ħidma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ħaddiem bħal dan jissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji ta’ għoti tal-allowances tal-familja inkwistjoni f’dan l-Istat skont il-leġiżlazzjoni tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.