Language of document : ECLI:EU:C:2007:731

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 20071(1)

Kawża C-352/06

Brigitte Bosmann

vs

Bundesagentur für Arbeit – Familienkasse Aachen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja))

“Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 – Allowance għal tfal dipendenti – Sospensjoni tal-allowances tat-tfal imħallsa fl-Istat ta’ residenza – Dritt għal allowances tal-istess tip fl-Istat ta’ impjieg”





I –    Introduzzjoni

1.        B’digriet tal-10 ta’ Awwissu 2006, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Awwissu 2006, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti Finanzjarja ta’ Kolonja) (il-Ġermanja), irrinvijat erba’ domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE. Dawk id-domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005(2) (ir-“Regolament Nru 1408/71”(3)) u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, kif ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 (ir-“Regolament Nru 574/72”(4)).

2.        Id-domandi tqajmu fil-kawża li nfetħet minn Brigitte Bosmann, ċittadina Belġjana li toqgħod fil-Ġermanja u li taħdem fl-Olanda, kontra l-Bundesagentur für Arbeit (l-Aġenzija Federali tal-Impjieg, iktar’il quddiem: “il-Bundesagentur”), li fiha kkontestat ir-rifjut tagħha li tagħti liż-żewġt itfal dipendenti tagħha l-allowances tal-familja Ġermaniżi minħabba li d-dritt għall-allowances tal-familja tagħha huwa rregolat esklużivament mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg, f’dan il-każ l-Olanda.

3.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk f’sitwazzjoni fejn persuna impjegata ma tikkwalifikax għal allowances tal-familja fl-Istat ta’ impjieg minħabba l-etajiet tat-tfal, tistax tiġi applikata l-liġi tal-Istat ta’ residenza fejn il-persuna jista’ jkollha l-jedd għall-allowances tal-familja.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1.      Ir-Regolament Nru 1408/71

4.        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Regoli ġenerali”, sakemm ikun rilevanti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, jipprovdi dan li ġej:

“1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta' Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu.

2. Soġġetta għall-Artikoli 14 sa 17:

(a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju rreġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

5.        L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”, jipprovdi li:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji [allowances] tal-familja pprovduti [mil]-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta' l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI”.

2.      Ir-Regolament Nru 574/72

6.        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom f’każi ta’ dħul fuq xulxin (overlapping) tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familji jew ta’ l-allowances tal-familja, jipprevedi:

“(a)      L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras, ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament, sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji.

(b)      Madankollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

(i)      fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

[…]”

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7.        Il-jedd għall-allowances tal-familja Ġermaniż huwa rregolat mill-Artikoli 62 u 63 tal-Einkommensteuergesetz (il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, iktar’il quddiem: l-“EStG”). Hawnhekk huma rilevanti d-dispożizzjonijiet li ġejjin.

8.        L-Artikolu 62(1)(1) jipprevedi li:

“Rigward tfal fit-tifsira tal-Artikolu 63, persuna għandu jkollha l-jedd għall-allowances tal-familja skond din il-liġi jekk ikollha residenza fil-Ġermanja jew normalment toqgħod hemmhekk”.

9.        L-Artikolu 63(1)(1) jipprevedi li:

“Tfal għandha tfisser: tfal fit-tifsira tal-Artikolu 32(1)”.

10.      L-Artikolu 32(1)(1) jipprevedi li:

“It-tfal huma t-tfal relatati fl-ewwel grad ma’ min iħallas it-taxxi”.

L-Artikolu 32(4)(1)(2)(a) jipprevedi li:

“Tifel li jkun laħaq it-18-il sena, għandu jitqies, jekk dan ma jkunx għadu laħaq is-27 sena u qed jitħarreġ għal professjoni jew għal okkupazzjoni”.

III – Il-fatti li waslu għall-kawża, il-kawża u d-domandi preliminari

11.      B. Bosmann hija ċittadina Belġjana li għexet fil-Ġermanja għal bosta snin. Waħidha qed trabbi żewġ itfal, Caroline u Thomas, li jgħixu f’darha fil-Ġermanja u bħalissa qed jistudjaw fil-Ġermanja. Id-dħul tagħhom huwa taħt il-limitu li’l fuq minnu fil-Ġermanja jintilef il-jedd għall-allowances tal-familja.

12.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, mhuwiex ikkontestat mill-partijiet fil-kawża prinċipali, li B. Bosmann, fil-prinċipju, għandha l-jedd għall-allowances tal-familja Ġermaniżi skont l-EStG, li fuq il-bażi tiegħu fil-fatt għall-bidu ngħatat allowances tat-tfal rigward iż-żewġt itfal.

13.      Madankollu, fl-1 ta’ Settembru 2005, B. Bosmann bdiet taħdem fl-Olanda, u għaldaqstant il-Bundesagentur, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2005, temm il-ħlas tal-allowances tal-familja għat-tfal b’effett minn Ottubru 2005.

14.      Ir-rikors amministrattiv ta’ B. Bosmann għal dik id-deċiżjoni kienet miċħuda mill-Bundesagentur bħala infondata b’deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2005 li ddikjarat, b’mod partikolari, li l-jedd huwa eskluż mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 u li B. Bosmann, bħala impjegata, f’dan ir-rigward hija suġġetta biss għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg, f’dan il-każ l-Olanda. Skont il-Bundesagentur, il-fatt li l-Istat ma jħallasx l-allowances tal-familja għal tfal li għandhom 18-il sena u iktar huwa irrilevanti.

15.      Fil-kawża prinċipali, B. Bosmann qed issostni li r-rifjut tal-ħlas tal-allowances tal-familja huwa ksur ċar tad-dritt għal-libertà ta’ moviment u qed titlob biex id-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2005 u tal-10 ta’ Novembru 2005 jiġu annulatti.

16.      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Finanzgericht Köln tosserva li jekk jiġi applikat l-EStG Ġermaniż biss, mingħajr ma jiġi kkunsidrat id-dritt Komuntarju, ir-rikorrenti jkollha l-jedd fil-Ġermanja għall-allowances tal-familja għaż-żewġ uliedha. Kif inhi s-sitwazzjoni, il-jedd ta’ B. Bosmann għall-allowances tal-familja, fil-prinċipju, ġie eskluż mid-dritt Komunitarju, b’mod partikolari mill-Artikolu 13(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, fejn, skont il-fehma tal-qorti tar-rinviju(5), B. Bosmann hija suġġetta biss għal-liġi tal-Olanda, fejn, madankollu, minħabba l-etajiet tat-tfal, hija m’għandha l-ebda jedd għall-allowances tal-familja jew għal allowances soċjali simili.

17.      Il-Finanzgericht Köln qed tistaqsi jekk dik il-pożizzjoni legali hijiex kompatibbli mad-dritt għal-libertà ta’ moviment kif stabbilit fl-Artikolu 39 KE jew, tabilħaqq, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba s-sess(6).

18.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, fost oħrajn, li peress li l-kwistjoni jekk miżura ta’ armonizzazzjoni bħar-Regolament Nru 1408/71 hux konformi mad-dritt primarju, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, taqa’ barra mill-ambitu tal-proċedura tad-deċiżjonijiet preliminari, hija mhix qed tfittex evalwazzjoni tal-legalità tar-Regolament Nru 1408/71, imma qed tistaqsi jekk jistax jiġi interpretat b’mod ristrett fid-dawl tal-libertajiet fundamentali.

19.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Finanzgericht Köln iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, sabiex ma jkunx prekluż il-jedd għall-allowances tal-familja fil-każ ta’ omm li qed trabbi lil uliedha waħidha fl-Istat ta’ residenza (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), li ma tirċevix allowances tal-familja fl-Istat ta’ impjieg (ir-Renju tal-Olanda) minħabba fl-età tat-tfal?

2.      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

         L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, sabiex ma jkunx prekluż il-jedd għall-allowances tal-familja fil-każ ta’ omm li qed trabbi lil uliedha waħidha fl-Istat ta’ residenza (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), li ma tirċevix allowances tal-familja fl-Istat ta’ impjieg (ir-Renju tal-Olanda) minħabba fl-età tat-tfal??

3.      Jekk ir-risposti għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda huma wkoll fin-negattiv:

         Omm li taħdem, li trabbi lil ulieda waħidha, għandha dritt għall-applikazzjoni ta’ regoli iktar favorevoli tal-Istat ta’ residenza tagħha fil-qasam tal-għoti tal-allowances tal-familja li tirriżulta direttament mit-Trattat KE u/jew minn prinċipji legali ġenerali?

4.      Huwa rilevanti għar-risposti għad-domandi li saru iktar’il fuq jekk l-impjegata tmurx lura fir-residenza tal-familja fi tmiem kull jum ta’ ħidma?”

IV – L-analiżi legali

A –    Il-motivi prinċipali tal-partijiet

20.      F’din il-kawża, tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ Spanja, mill-Kummissjoni u minn B. Bosmann.

21.      Il-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi l-jedd għall-allowances tal-familja f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni. L-allowances tat-tfal Ġermaniżi jikkostitwixxu allowances tal-familja fit-tifsira tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71. Skont il-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 13(1) ta’ dak ir-regolament, il-persuni li japplika għalihom għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss.

22.      Fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż, interpretazzjoni differenti tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1408/71, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja(7), li huwa li jassigura li l-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ma tistax tinvolvi t-telf ta’ drittijiet miksuba esklużivament skont leġiżlazzjoni nazzjonali ma japplikax għar-regoli biex tkun iddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli kif ġie stabbilit fit-Titolu II ta’ dak ir-regolament(8).

23.      Għall-Gvern Ġermaniż, meta titqies il-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, it-tieni domanda ukoll għandha tingħata risposta negattiva. Skont il-Gvern Ġermaniż, dak l-artikolu ma japplikax f’dan il-każ: peress li l-impjegata taħdem fi Stat Membru wieħed biss u tgħix fi Stat Membru ieħor, ma jistax ikun hemm dħul fuq xulxin ta’ allowances tal-familja.

24.      Rigward it-tielet domanda, il-Gvern Ġermaniż qed isostni li, bil-kontra tal-fehma tal-Finanzgericht Köln fid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa perfettament possibbli, skont il-proċedura tad-deċiżjonijiet preliminari, li jiġi eżaminat jekk att bħar-Regolament Nru 1408/71 hux konformi mad-dritt primarju Komunitarju. Il-Gvern Ġermaniż qed isostni, madankollu, li l-Artikolu 13 ta’ dak ir-regolament la jikser id-dritt għal-libertà ta’ moviment stabbilit fl-Artikolu 39 KE u lanqas il-prinċipji ġenerali ta’ trattament ugwali jew tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess, kif jissemma fid-deċiżjoni tar-rinviju.

25.      Fl-aħħar nett, rigward ir-raba’ domanda, il-Gvern Ġermaniż iqisha irrilevanti, fid-dawl tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, li jirreferi għall-Istat ta’ impjieg, jekk l-impjegata tmurx lura lejn ir-residenza tal-famija fi tmiem kull jum ta’ ħidma.

26.      Il-Gvern Spanjol qed isostni li l-punt prinċipali inkwistjoni mhux l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, imma pjuttost id-domanda jekk dak l-artikolu hux kontra l-Artikolu 39 KE u l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni minħabba s-sess.

27.      Huwa jsostni li d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-jedd għall-allowances tal-familja, li huma bbażati fuq interpretazzjoni litterali tar-Regolament Nru 1408/71 u li fl-applikazzjoni tagħhom B. Bosmann ma baqgħetx tirċievi l-allowances għal uliedha, b’mod ċar iqiegħduha fi żvantaġġ li probabbilment se jiskoraġġuha milli teżerċita d-dritt għal-libertà ta’ moviment tagħha. Dawk id-dispożizzjonijiet mhumiex iġġustifikati u mhumiex xierqa sabiex ikun assigurat li jintlaħaq l-għan tagħhom.

28.      Il-Gvern Spanjol għalhekk qed jikkonkludi, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-persuni(9), li, sakemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 iwasslu biex il-persuna impjegata, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, titlef l-allowances tal-familja, dawn ikunu kontra l-Artikolu 39 KE.

29.      Skont il-Kummissjoni, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, f’każ bħal dak quddiem il-qorti tar-rinviju, ma jipprekludix il-jedd għall-allowances tal-familja fl-Istat ta’ residenza.

30.      Jekk nistrieħu prinċipalment fuq is-sentenza McMenamin u fuq il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’dik il-kawża(10), il-Kummissjoni qed issostni mhux biss li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli hawnhekk, imma anki l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 sempliċement jipprevedi li għandha tapplika l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg: ma jistabbilix jekk l-allowances għandhomx jitħallsu u, jekk iva, minn min. Meta jitqies f’dan id-dawl, l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 għandu jinftiehem li jfisser li, għalkemm l-Istat ta’ impjieg huwa kompetenti, il-jedd għall-allowances skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza jista’ jkompli jeżisti. Peress li fil-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, mhemmx “benefiċċji [allowances] dovuti” fl-Istat ta’ impjieg, il-jedd għall-allowances tal-familja Ġermaniżi jsir de facto operattiv u jista’ jitħallas b’mod sħiħ. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, jekk l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 ma kienx applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni minħabba li ma kien hemm l-ebda dħul fuq xulxin ta’ allowances, l-istess jista’ jingħad għall-Artikoli 13 u 73 tar-Regolament Nru 1408/71.

31.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fehma tal-Gvern Ġermaniż tmur kontra l-prinċipju li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jinvolvi t-telf ta’ drittijiet miksuba esklużivament skont leġiżlazzjoni nazzjonali u twassal għal kontradizzjonijiet inġustifikabbli.

32.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni taqbel mal-argumenti stabbiliti mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjoni tar-rinviju jiġifieri li ġenitur li qed irabbi lill-uliedu waħdu, li jgħix fi Stat Membru wieħed u jaħdem f’ieħor, ikun ittrattat b’mod inqas favorevoli minn wieħed li huwa impjegat kemm fl-Istat ta’ residenza tiegħu, kif ukoll fi Stat Membru ieħor u li, b’mod ġenerali, omm li qed trabbi lil uliedha waħidha tkun ittrattata b’mod inqas favorevoli minn omm li tkun parti minn koppja.

33.      B. Bosmann essenzjalment taqbel mal-Kummissjoni u qed issostni li r-rifjut tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jagħtuha l-allowances tal-familja huwa ksur tal-Artikolu 39 KE u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

B –    Evalwazzjoni

1.      Osservazzjonijiet preliminari

34.      Qabel ma nibda l-analiżi, jidhirli li għandi ngħaddi xi kummenti preliminari sabiex niddeterminaw il-kwistjonijiet li jirriżultaw mid-domandi preliminari.

35.      Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li f’dan il-każ ma kienx ikkontestat li s-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’ ratione personae u ratione materiae fl-ambitu tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri, b’mod iktar speċifiku li B. Bosmann tista’ titqies bħala “persuna impjegata” fit-tifsira tal-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 1(a) tiegħu, u li l-allowances tal-familja Ġermaniżi jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jitqiesu bħala “benefiċċji [allowances] tal-familja” fit-tifsira tal-Artikolu 4(1)(h) ta’ dak ir-regolament.

36.      Wara, rigward il-kuntest ta’ dan il-każ, għandu jiġi nnotat li t-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna r-rifjut min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza ta’ B. Bosmann – f’dan il-każ il-Bundesagentur – li jagħtuha l-allowances tal-familja għal uliedha, minħabba li, skont ir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72, B. Bosmann f’dan ir-rigward hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg tagħha, jiġifieri l-Olanda. Dik il-fehma hija kkontestata minn B. Bosmann fil-każwa prinċipali, prinċipalment minħabba li tammonta għal ksur tad-dritt għal-libertà ta’ moviment tagħha u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

37.      Apparentement il-qorti tar-rinviju taqsam il-fehma ta’ B. Bosmann, u tistaqsi jekk il-pożizzjoni legali fejn l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni tipprekludi l-jedd għall-allowances tal-familja fil-Ġermanja, l-Istat ta’ residenza, hiex kompatibbli mad-dritt għal-libertà ta’ moviment kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ta’ trattament ugwali u mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba s-sess. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tieħu bħala l-punt ta’ tluq tagħha s-suppożizzjoni żbaljata(11) li l-validità ta’ att Komunitarju bħar-Regolament Nru 1408/71, fil-qafas tal-proċedura tad-deċiżjonijiet preliminari, ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawk ir-regoli u ta’ dawk il-prinċipji tad-dritt primarju, u għalhekk qed tistaqsi jekk ir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 jistgħux jingħataw “interpretazzjoni restrittiva” sabiex ma jkunx eskluż il-jedd għall-allowances tat-tfal fl-Istat ta’ residenza, jew jekk tali dritt jista’ jirriżulta direttament mit-Trattat jew minn dawk il-prinċipji.

38.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, jidher li l-ewwel tliet domandi, li huwa xieraq li neżaminaw flimkien, huma essenzjalment imfassla sabiex jiddeterminaw jekk, skont ir-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 u meta jitqiesu d-dritt għal-libertà ta’ moviment u għal trattament ugwali, il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza – fejn il-persuna kkonċernata jkollha l-jedd għall-allowances tal-familja – tistax tiġi applikata f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ quddiem il-qorti tar-rinviju.

39.      Sabiex nipproponi risposta għal dik id-domanda, l-ewwel se neżamina l-jedd għall-allowances tal-familja f’każ bħal dak quddiem il-qorti tar-rinviju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex nipprovdu risposta utli għall-qorti nazzjonali li rrinvijat id-domanda għal deċiżjoni preliminari, jistgħu jitqiesu regoli tad-dritt Komunitarju għajr dawk li l-qorti nazzjonali semmiet fid-domandi tagħha – f’dan il-każ, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 – (12).

40.      Għalhekk, b’mod iktar speċifiku, se nindirizza l-kwistjonijiet li tqajmu f’dan il-każ rigward l-Artikolu 39 KE u l-prinċipji ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni.

41.      Fl-aħħar nett, se nindirizza r-raba’ domanda, dwar ir-rilevanza ta’ jekk tmurx lura lejn ir-residenza tal-familja fi tmiem kull jum ta’ ħidma, li tista’ tingħata risposta separatament.

2.      Il-leġiżlazzjoni applikabbli

42.      Biex nibdew, għandna nfakkru li t-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 – li minnu jifforma parti l-Artikolu 13 – jinkludi r-regoli ġenerali li skont tagħhom għandha tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuna impjegata li tagħmel użu, f’diversi ċirkustanzi, mid-dritt għal-libertà ta’ moviment tagħha(13).

43.      Dawk ir-regoli huma maħsuba b’mod partikolari biex jipprevjenu l-applikazzjoni fl-istess ħin ta’ numru ta’ liġijiet nazzjonali u l-komplikazzjonijiet li jistgħu hekk jinqalgħu(14). B’hekk, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju li persuna għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss(15), li għandha tiġi ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dak ir-regolament.

44.      F’dak ir-rigward, l-Artikolu 13(2)(a) tar-regolament jagħmilha ċara li f’sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata taħdem bi ħlas fi Stat Membru wieħed u toqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, hija l-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn tkun impjegata li tkun applikabbli (ir-regola tal-lex loci laboris).

45.      Madankollu, għandu jiġi nnotat li ċerti allowances huma rregolati minn regoli iktar speċifiċi stabbiliti fit-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71. Rigward l-allowances tal-familja, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, li huma koperti mill-Kapitolu 7 ta’ dak ir-regolament, l-Artikolu 73 jipprevedi li ħaddiem suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għandu jkollu l-jedd, rigward il-membri tal-familja tiegħu li joqogħdu fi Stat Membru ieħor, għall-allowances tal-familja previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat preċedenti, bħallikieku qegħdin joqogħdu f’dak l-Istat.

46.      B’hekk, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jikkonferma li, skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dak ir-regolament, il-jedd għall-allowances tal-familja rigward il-membri tal-familja huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg tal-ħaddiem(16).

47.      Għalhekk jidher ċar mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-Artikolu 73 tiegħu, li f’sistema ta’ koordinazzjoni stabblita minn dak ir-regolament, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, fejn il-persuna impjegata u l-membri tal-familja tagħha qed joqogħdu fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta’ impjieg, il-leġiżlazzjoni applikabbli rigward il-jedd għall-allowances tal-familja hija l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat.

48.      Huwa minnu li, hekk kif osservaw il-Kummissjoni u B. Bosmann, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari l-Istat ta’ residenza, mhix dejjem prekluża skont ir-Regolament Nru 1408/71, peress li r-regola stabbilita fl-Artikolu 13 ta’ dak ir-regolament – li persuna impjiegata hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg – ma teskludix ċerti allowances rregolati mir-regoli iktar speċifiċi ta’ dak ir-regolament(17).

49.      B’hekk, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kontra d-dħul fuq xulxin, kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, iċċitati fid-domandi preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, jew fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, tista’ twassal biex il-prijoritajiet jinqalbu favur il-kompetenza tal-Istat Membru ta’ residenza (lex loci domicilii), bir-riżultat li jista’ jkun hemm jedd għas-sussidji f’dak l-Istat u l-allowances imħallsa mill-Istat Membru ta’ impjieg jistgħu jiġu sospsiżi(18).

50.      Dan kien il-każ fil-kawża McMenamin, li ċċitat il-Kummissjoni(19). Dak il-każ kien jikkonċerna sitwazzjoni fejn żewġ konjuġi kienu jaħdmu f’żewġ Stati Membri differenti, fejn skont il-leġiżlazzjoni tagħhom, kien previst il-ħlas ta’ allowances simili. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant evalwat il-każ fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kontra d-dħul fuq xulxin, stabbiliti fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, u ddeċidiet li l-eżerċizzju ta’ persuna li jkollha f’idejha l-kura tat-tfal – u, b’mod partikolari l-konjuġi tal-persuna li jkollha l-jedd skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 – ta’ attività professjonali jew ta’ sengħa fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal jissospendi d-dritt għal allowances skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 sal-ammont tal-allowances tal-istess tip effettivament imħallsa mill-Istat Membru ta’ residenza(20).

51.      Għandu jiġi enfasizzat, madankollu, li f’tali każ taqlib tal-prijoritajiet favur il-kompetenza tal-Istat Membru ta’ residenza fuq il-bażi tar-regola stabbilita fl-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 huwa kkawżat mill-fatt li attività professjonali jew ta’ sengħa tiġi eżerċitata jew segwita fl-Istat Membru ta’ residenza, fis-sentenza McMenamin, mill-konjuġi tal-persuna li kellha l-jedd skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71(21).

52.      L-istess jista’ jingħad għal Dodl u Oberhollenzer(22) u Weide(23).

53.      B’kuntrast, fil-fehma tiegħi mhemm xejn fis-sitwazzjoni li ġiet deskritta mill-qorti tar-rinviju f’dan il-każ li għandha tikkawża l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet kontra d-dħul fuq xulxin stabbiliti fir-Regolament Nru 1408/71 u fir-Regolament Nru 574/72.

54.      B’mod partikolari, la B. Bosmann stess(24) u lanqas konjuġi ma jeżerċitaw attività professjonali jew ta’ sengħa fl-Istat ta’ residenza u mhemm l-ebda indikazzjoni oħra li ċ-ċirkustanzi tagħha għandhom ikunu rregolati biss mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71. Konsegwentement, bil-kontra tal-fehma pjuttost artifiċjali tal-Kummissjoni, fil-fehma tiegħi mhemm l-ebda dħul fuq xulxin ta’ jeddijiet fit-tifsira tar-Regolamenti Nru 1408/71 u Nru 574/72 li għandu jwassal għal taqlib tal-prijoritajiet favur l-Istat Membru ta’ residenza, u b’applikazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tar-regolament tal-aħħar, għall-ħlas tal-ammont sħiħ tal-allowances tat-tfal Ġermaniżi (l-argument tal-Kummissjoni dwar dan l-aħħar punt ikun li s-somma tal-allowances mħallsa fl-Istat ta’ impjieg f’dan il-każ hija ta’ żero u, skont dik id-dispożizzjoni, l-allowances għandhom jiġu sospiżi biss sa dak l-ammont).

55.      F’dan il-każ, jirriżulta li B. Bosmann hija suġġetta esklużivament għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-leġiżlazzjoni Olandiża.

3.      L-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni Olandiża – Kwistjoni ta’ kompetenza

56.      Barra minn hekk, jidhirli li l-muftieħ għal ftehim xieraq ta’ dan il-każ jinsab fid-distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-kompetenza ta’ Stat Membru rigward allowance partikolari u l-kwistjoni tal-jedd effettiv għal allowance.

57.      Il-kwistjoni tal-kompetenza hija rregolata mir-Regolament Nru 1408/71. Skont ġurisprudenza stabbilita, dak ir-regolament sempliċement jistabbilixxi sistema ta’ koordinazzjoni, li sempliċement tiddetermina liema leġiżlazzjoni tkun applikabbli f’diversi sitwazzjonijiet(25). Kif osservat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tiegħu minnhom infushom, ma jikkonferixxu l-ebda jedd għal allowances(26).

58.      Fil-fatt, tali allowances jingħataw fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali(27). Għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddefinixxu l-kontenut tas-sistema tas-sigurtà soċjali, u b’mod partikolari, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet sostantivi għall-jedd għall-allowances(28).

59.      Ladarba, skont ir-Regolament Nru 1408/71, tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuna impjiegata (il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli loġikament tippreċedi l-kwistjoni tal-jedd), dak il-jedd tal-persuna li tibbenefika jkun suġġett għal dik il-leġiżlazzjoni, li naturalment tista’ tvarja minn Stat Membru għal Stat Membru minħabba l-fatt li, skont id-dritt Komunitarju, is-sistemi tas-sigurtà soċjali jiġu kkoordinati biss, mhux armonizzati(29).

60.      Naturalment, ir-riżultat tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli skont ir-Regolament Nru 1408/71 jista’ jkun li ħaddiem migrant jinstab li ma jkollu l-ebda dritt għal allowance partikolari, għaliex huwa ma jissodisfax il-kundizzjonijiet speċifikati minn dik l-iskema. Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward, madankollu, li r-regolament mhux maħsub biex jassigura bħala regola ġenerali li persuni impjegati li japplika għalihom ikollhom il-jedd għall-allowance, imma pjuttost li jassigura li l-persuni ma jitħallewx mingħajr kopertura tas-sigurtà soċjali minħabba li “mhemm l-ebda leġiżlazzjoni applikabbli” (30).

61.      Meta titqies f’dan id-dawl, rigward is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi nnotat li hekk kif ġiet eżaminata iktar mill-qrib, mhemm l-ebda kunflitt (negattiv) ta’ kompetenza.

62.      Fi kliem ieħor, skont l-Artikoli 13 u 73 tar-Regolament Nru 1408/71, l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni Olandiża (il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg) f’dan il-każ ma ġietx irrifjutata; lanqas ma saret dipendenti fuq kriterju ta’ residenza.

63.      Għalhekk, sempliċement, il-problema hawnhekk mhix li mhemm l-ebda leġiżlazzjoni applikabbli, u lanqas li l-leġiżlazzjonijiet ta’ diversi Stati Membri fl-istess ħin u b’mod leġittimu jistgħu jitqiesu applikabbli.

64.      L-għerq tal-problema, anzi, huwa kwistjoni ta’ dritt sostantiv u ta’ jedd, billi B. Bosmann ma tikkwalifikax għall-allowances tat-tfal fl-Istat Membru ta’ impjieg tagħha minħabba li waħda mill-kundizzjonijiet għal jedd għall-allowances tat-tfal skont id-dritt Olandiż (ir-rekwiżit tal-età relatat mat-tfal) ma ġiex sodisfatt, filwaqt li, f’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tkun iktar favorevoli billi skont din il-leġiżlazzjoni l-allowances tat-tfal jitħallsu għal tfal li għandhom 18-il sena u iktar.

65.      Kif jidher mill-kunsiderazzjonijiet li semmejt iktar’il fuq, madankollu, fil-prinċipju, dik is-sitwazzjoni mhix tali li tmur kontra s-sistema tar-regoli f’kunflitt(31) prevista skont ir-Regolament Nru 1408/71 jew li ċċaħħadha mill-effett prattiku tagħha. B’mod partikolari, is-sistema ta’ koordinazzjoni skont ir-Regolament Nru 1408/71 ma tiddeterminax il-liġi applikabbli fuq il-bażi tal-prinċipju li persuni li jgħixu jew jaħdmu f’żewġ pajjiżi jew iktar għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni l-iktar favorevoli għalihom(32).

66.      Għalhekk, jidher li r-rifjut min-naħa tal-Istat ta’ residenza li jagħti l-jedd għall-allowances tat-tfal f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni huwa konformi kemm mar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll mar-Regolament Nru 574/72. Issa fadal li neżaminaw, b’mod iktar speċifiku, jekk dak il-metodu, kif qed issostni B. Bosmann, hux bi ksur tal-Artikolu 39 KE u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

4.      Il-moviment liberu u n-non-diskriminazzjoni

67.      Hekk kif il-Gvern Spanjol, b’mod partikolari, enfasizza f’dan il-każ, persuna li, bħal B. Bosmann, teżerċita d-dritt għal moviment liberu tal-ħaddiema u li teżerċita attività professjonali fi Stat Membru għajr dak tar-residenza tagħha, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39 KE(33).

68.      L-Artikolu 39 KE – li rigward is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti jiġi implementat mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 – jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-benefiċċjarji tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, iżda wkoll kull forma dissimulata ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu għall-istess riżultat (34).

69.      It-tieni nett, jidher ċar minn ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni għandhom il-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali ta’ kull natura fit-territorju kollu tal-Komunità u ma jippermettux miżuri li jistgħu jiżvantaġġjaw lil dawn iċ-ċittadini Komunitarji meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor(35).

70.      Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li huwa l-għan tar-Regolament Nru 1408/71, hekk kif jipprevedu t-tieni u r-raba’ premessi fil-preambolu tiegħu, li jassigura l-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fil-Komunità Ewropea, filwaqt li jiġu rrispettati l-karatteristiċi ta’ kull waħda mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mill-għaxar premessa, dan ir-regolament għandu bħala prinċipju t-trattament ugwali tal-ħaddiema skont il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tad-diversi Stati Membri u għandu bħala għan li jiggarantixxi bl-aħjar mod it-trattament ugwali tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fuq it-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll li ma jippenalizzax il-ħaddiema li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu bil-mod l-iktar effettiv possibbli(36).

71.      Madankollu, kif diġà nnotajt iktar’il fuq, huwa biss billi titfassal sistema ta’ koordinazzjoni kif inhu previst mill-Artikolu 42 KE, li r-Regolament Nru 1408/71 jikkontribwixxi biex jiffaċilita l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-persuni u jiggarantixxi trattament ugwali(37). Id-differenzi sostantivi u proċedurali bejn is-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri individwali, b’hekk fid-drittijiet tal-persuni li jaħdmu hemmhekk, ma jiġux effetwati mit-Trattat(38).

72.      Għaldaqstant, kif sostniet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Trattat ma joffri l-ebda garanzija lil ħaddiem li jekk jestendi jew jitrasferixxi l-attivitajiet tiegħu fi Stat Membru ieħor se jkun hemm konsegwenzi newtrali rigward is-sigurtà soċjali. Meta jitqiesu d-differenzi bejn l-iskema tas-sigurtà soċjali tad-diversi Stati Membri, tali estensjoni jew trasferiment tista’ tkun ta’ vantaġġ għall-ħaddiem f’termini ta’ sigurtà soċjali jew le, skont iċ-ċirkustanzi xi jkunu(39).

73.      Dan ifisser li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali, ċerti restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ moviment – jiġifieri, restrizzjonijiet li jirriżultaw mid-differenzi persistenti bejn l-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri u li huma inerenti f’sistema li sempliċement għandha l-għan li tikkoordina – mhumiex preklużi mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni skont it-Trattat KE(40).

74.      Fil-fatt l-istess kunsiderazzjonijiet iridu japplikaw għad-differenzi fit-trattament li jirriżultaw sempliċement minħabba differenzi permissibbli bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, u konsegwentement, ma jistgħux jitqiesu bħala kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza(41).

75.      F’dak id-dawl irid jiġi nnotat, l-ewwel nett, li l-impjieg fl-Olanda tabilħaqq isarraf fi żvantaġġ għal B. Bosmann għaliex involva, skont il-prinċipju tal-Istat ta’ impjieg inkluż fir-Regolament Nru 1408/71, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Olandiża, li ma tipprevedix allowances tal-familja għal tfal li għandhom l-etajiet inkwistjoni, filwaqt li fil-Ġermanja kien jkollha l-jedd għal allowances tal-familja Ġermaniżi li kieku kienet impjegata f’dak l-Istat.

76.      Madankollu, naħseb li l-iżvantaġġ irid jiġi attribwit lid-differenzi sostantivi rigward l-allowances tal-familja li hemm bejn l-iskema tas-sigurtà soċjali fil-Ġermanja u dik fl-Olanda rigward, b’mod partikolari, l-età tat-tfal bħala kundizzjoni għall-jedd. Għaldaqstant, bħala tali ma jistax jagħti lok għal ksur tal-libertà ta’ moviment skont it-Trattat.

77.      It-tieni nett, rigward il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni mqajma minn B. Bosmann u mill-qorti tar-rinviju, jidher ukoll ċar li s-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1408/71 ma tiggarantix – u tabilħaqq ma tistax tiggarantixxitrattament ugwali fl-aspetti kollha. Kif osservat mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-Kawża C-212/06, sakemm l-Artikolu 13(2)(a) jipprevedi li, bħala regola ġenerali, il-leġiżlazzjoni applikabbli għandha tkun il-lex loci laboris, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha tiġi milħuqa l-ugwaljanza normalment ikun l-Istat ta’ impjieg(42).

78.      B’hekk, il-ħaddiem migrant, meta, hekk kif ġara f’dan il-każ, tiġi applikata dik ir-regola, irid jiġi ttrattat b’mod ugwali meta pparagunat mal-ħaddiema l-oħra kollha impjegati fit-territorju ta’ dak l-Istat.

79.      Dan jidher li huwa l-każ hawnhekk, peress li l-leġiżlazzjoni Olandiża ġeneralment ma tirrikonoxxix jedd għall-allowances tal-familja għal tfal li għandhom l-etajiet inkwistjoni, sabiex f’dan ir-rigward B. Bosmann qed tiġi ttrattata eżattament bl-istess mod bħall-persuni impjegati u li joqogħdu fl-Olanda.

80.      B. Bosmann ma tistax issostni li qed issir diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuna fis-sitwazzjoni tagħha, li tgħix fi Stat Membru wieħed u sempliċement taħdem fi Stat Membru ieħor, meta pparagunata ma’ persuni li wkoll għandhom attività professjonali jew ta’ sengħa fl-Istat Membru ta’ residenza jew meta ppargunata ma’ persuni li l-konjuġi tagħhom huwa impjegat f’dak l-Istat. Fil-fehma tiegħi, f’sistema ta’ koordinazzjoni bbażata fuq il-prinċipju tal-lex loci laboris u fuq il-kriterju tal-impjieg, is-sitwazzjonijiet ipparagunati f’dak l-argument huma oġġettivament differenti(43). Għaldaqstant, jistgħu wkoll iwasslu għal riżultati differenti f’termini ta’ applikabbiltà tad-dritt tal-Istat ta’ residenza u b’hekk f’termini ta’ jedd għall-allowances tal-familja f’dak l-Istat.

81.      Għaldaqstant l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71 u, b’mod partikolari, il-prinċipji riflessi fih (il-lex loci laboris u l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss), bir-riżultat li persuna impjegata f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali m’għandiex il-jedd għall-allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza u ma tistax tirċievi -allowances tal-familja fl-Istat ta’ impjieg minħabba l-età tat-tfal, hija konformi mal-libertà ta’ moviment u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

82.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar’il fuq, jidher ċar li skont ir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 u jekk jitqiesu d-drittijiet għal-libertà ta’ moviment u għal trattament ugwali, persuna f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali m’għandiex il-jedd li tiġi applikata l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza sabiex tirċievi l-allowances tal-familja kif inhu previst f’dik il-leġiżlazzjoni.

5.      Ir-rilevanza ta’ jekk l-impjegata tmurx lura ta’ kuljum lejn ir-residenza tal-familja

83.      Rigward ir-raba’ domanda, biżżejjed li ninnotaw li, hekk kif sostna l-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li għandha tiġi applikata l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg fejn persuna toqgħod fi Stat Membru wieħed u għandha impjieg bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Il-prinċipju tal-lex loci laboris b’hekk japplika rrispettivament minn jekk il-persuna impjegata kkonċernata tmurx lura lejn ir-residenza tal-familja fi tmiem kull jum ta’ ħidma jew le, li fil-fatt hija ċirkustanza aċċidentali bl-ebda rilevanza legali f’dan il-kuntest.

V –    Konklużjonijiet

84.      Għar-raġunijiet li tajt iktar’il fuq, qed nipproponi li d-domandi magħmula mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti Finanzjarja ta’ Kolonja) (il-Ġermanja) jingħatawlhom ir-risposta li ġejja:

85.      Skont ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, u r-Regolament (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, kif ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, u fid-dawl tad-drittijiet għal-liberta ta’ moviment u għal trattament ugwali, persuna f’sitwazzjoni bħal dik li qed tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju m’għandiex il-jedd għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza sabiex tirċievi l-allowances tal-familja kif inhu previst f’dik il-leġiżlazzjoni, irrispettivament mill-fatt li dik il-persuna tirritona lejn ir-residenza tal-familja fi tmiem kull jum ta’ ħidma.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ siġurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU 2005 L 117, p. 1).


3 – ĠU 1971 L 149, p. 2.


4 – ĠU 1972 L 74, p. 1.


5 – F’dan ir-rigward qed issir referenza għas-sentenza tal-Bundesfinanzhof tat-13 ta’ Awissu 2002 (VIII R 61/00, BStBl-II 2002, p. 869) u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C-543/03, Ġabra p. I-5049).


6 – Il-qorti tar-rinviju, f’dan il-kuntest, eżaminat is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Luijten (60/85, Ġabra p. 2365); tal-20 ta’ Settembru 1988, Spanja vs Il-Kunsill (203/86, Ġabra p. 4563); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosmann (C-415/93, Ġabra p. I-4921); tas-17 ta’ April 1997, EARL de Kerlast (C-15/95, Ġabra p. I-1961) u tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler (C-324/99, Ġabra p. I-9897).


7 – Qed tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder (302/84, Ġabra p. 1821, punti 19 sa 21).


8 – Sentenza Luijten, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 15.


9 – F’dan ir-rigward, qed tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Mattern u Cikotic (C-10/05, Ġabra p. I-3145); tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann (C-109/04, Ġabra p. I-2421) u tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg (C-185/04, Ġabra p. I-1453).


10 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1992, McMenamin (C-119/91, Ġabra p. I-6393) u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon dwar din is-sentenza.


11 – Rigward ir-Regolament Nru 1408/71, ara biss, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Hervein et (C-393/99 u C-394/99, Ġabra p. I-2829).


12 – F’dan ir-rigward, ara, fost oħrajn, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Weide (C-153/03, Ġabra p. I-6017, punt 25.


13 – F’dan ir-rigward, ara, fost oħrajn, is-sentenza Hervein et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 52.


14 – Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Laurin Effing (C-302/02, Ġabra p. I-553, punt 38) u d-digriet tal-20 ta’ Ottubru 2000, Vogler (C-242/99, Ġabra p. I-9083, punt 26).


15 – F’dan ir-rigward, ara, fost oħrajn, id-digriet Vogler, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 19.


16 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 47 u 48.


17 – Ara, pereżempju, is-sentenza McMenamin, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 14. Għal raġunament simili rigward l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, ara s-sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 49.


18 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Weide, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 28.


19 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


20 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza McMenamin, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 15 u 27.


21 – Ara s-sentenza McMenamin, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 18, 24 u 25.


22 – Ara s-sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 60.


23 – Ara s-sentenza Weide, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 33.


24 – Pereżempju ta’ każ fejn persuna (li taħdem għal rasha) tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza minħabba l-fatt li hija għandha parti mill-attività tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat, ara d-digriet Vogler, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 19.


25 – F’dan ir-rigward, ara, pereżempju, is-sentenza Hervein et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 52.


26 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1997, Merino García (C-266/95, Ġabra I-3279, punt 29) u tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C-275/96, Ġabra p. I-3419, punt 29).


27 – Ara s-sentenza García, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 29.


28 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi Hervein et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 53, u Kuusijärvi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 29.


29 – Ara s-sentenza Hervein et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 52.


30 – Ara s-sentenza Kuusijärvi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 28.


31 – Ara,pereżempju, is-sentenza Ten Holder, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 21.


32 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Hervein et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 51.


33 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza Öberg, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 11.


34 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2000, Borawitz (C-124/99, Ġabra p. I-7293, punt 24) u tat-18 ta’ Jannar 2007, Celozzi (C-332/05, Ġabra p. I-569, punt 23).


35 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-318/05, Ġabra p. I-6957, punt 114); Öberg, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 14, u Bosmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 94.


36 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (C-493/04, Ġabra p. I-2369, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-68/99, Ġabra p. I-1865, punti 22 u 23).


38 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986, Pinna (41/84, Ġabra p. 1, punt 20).


39 – F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi Piatkowski, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 34, u Hervein et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 51.


40 – Madankollu, mill-ġurisprudenza jidher li dan huwa minnu biss sakemm ir-regoli Komunitarji skont l-Artikolu 42 KE ma jingħaqdux mad-differenzi li diġà ġejjin min-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali: f’dan ir-rigward ara, fost oħrajn, Pinna, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 20 u 21.


41 – Għal raġunament simili tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward tassazzjoni diretta, ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Porto Antico di Genova (C-427/05, Ġabra p. I-9303, punt 20).


42 – Konklużjonijiet fis-sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 77).


43 – Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jridux jiġu ttrattati b’mod differenti, u sitwazzjonijiet differenti ma jridux jiġu ttrattati bl-istess mod. Ara f’dan ir-rigward, fost oħrajn, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et (C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 61) u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 31).