Language of document : ECLI:EU:T:2011:197

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

5 ta’ Mejju 2011

Kawża T-402/09 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Leġiżlazzjoni dwar il-kopertura tar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ rikonoxximent tal-oriġini professjonali ta’ marda — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-20 ta’ Lulju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F-86/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑271 u II‑A‑1‑1467), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud parzjalment bħala manifestament inammissibbli u parzjalment bħala manifestament infondat. L. Marcuccio huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-appell.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Appelli — Rikors għad-danni — Talba għall-annullament tad-deċiżjoni prekontenzjuża li tiċħad talba għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir intiż li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

3.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Oneru tal-prova — Obbligu tal-persuna interessata li tipproduċi prova

(Regolament tal-Persunal Artikolu 12a(3))

4.      Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

5.      Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni ta’ informazzjoni — Esklużjoni

(Artikolu 256(2) TFUE)

1.      Fil-qasam tas-servizz pubbliku, ir-rifjut impliċitu ta’ talba għal danni mressqa quddiem l-awtorità tal-ħatra għandha sempliċement l-effett li tippermetti lill-parti li tkun sofriet dannu li tressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni talba għad-danni, mingħajr ma taffettwa l-konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-inammissibbiltà tat-talba għal annullament ta’ dan ir-rifjut.

(ara l-punt 23)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 6 ta’ Marzu 2001, Ojha vs Il-Kummissjoni, T-77/99, ĠabraSP p. I‑A‑61 u II‑293, punt 68

2.      Il-fastidju psikoloġiku jikkostitwixxi aġir intiż, oġġettivament, sabiex jiskredita kollega jew jiddegrada deliberatament il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tiegħu.

(ara l-punt 35)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il-Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑107 u II‑A‑2‑485, punt 79

3.      L-uffiċjal li jallega li kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku għandu jipproduċi prova ta’ dan il-fastidju.

(ara l-punt 39)

4.      Huwa biss it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu l-kompetenza li jikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tiegħu tirriżulta mid-dokumenti tal-inkartament li jkunu ġew ippreżentati quddiemu, u li jevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix żnaturament tal-provi prodotti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-qorti fl-appell.

(ara l-punt 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 2 ta’ Ottubru 2001, BEI vs Hautem, C‑449/99 P, Ġabra p. I‑6733, punt 44; Il-Qorti tal-Ġustizzja 5 ta’ Ġunju 2003, O’Hannrachain vs Il-Parlament, C‑121/01 P, Ġabra p. I‑5539, punt 35; Il-Qorti tal-Ġustizzja 27 ta’ April 2006, L vs Il-Kummissjoni, C‑230/05 P, ĠabraSP p. I‑B‑2‑7 u II‑B‑2‑45, punt 45

5.      Fil-kwalità tiegħu ta’ qorti tal-ewwel istanza u fir-rigward tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji ppreżentati minn parti f’kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa l-uniku li jista’ jiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi ssuplimentata l-informazzjoni li jkollu dwar il-kawżi li jkollu quddiemu.

(ara l-punt 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑315/99 P, Ġabra p. I‑5281, punt 19