Language of document : ECLI:EU:T:2008:211

Kawża T-410/03

Hoechst GmbH

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tas-sorbati — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Kalkolu tal-ammont tal-multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Gravità u tul tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Aċċess għall-fajl — Tul tal-proċedura”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Ksur li jirriżulta mill-obbligu tal-Kummissjoni — Osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikoli 15(2) u 17; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04)

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikoli 19(1) u 20)

3.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Waqfien tal-ksur — Setgħa tal-Kummissjoni — Ordnijiet indirizzati lill-impriżi

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 3(1))

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fir-rigward tal-multi —Applikazzjoni esklużiva tar-Regolament Nru 2988/74

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/74, Artikolu 2(1) u( 3))

5.      Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji li għandhom punt ta’ tluq speċifiku identiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, Paragrafi 4 u 5 tal-punt 1 A)

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, Paragrafi 1 u 3 tal-punt 1 B,)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A u B)

12.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Non-impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04 u 2002/C 45/03)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni tal-impriża inkriminata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04, Titolu B)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Sanzjonijiet Komunitarji u sanzjonijiet imposti fi Stat terz għal ksur tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni

(Artikolu 3(1)(g) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15)

1.      Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji, il-Kummissjoni tikser il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali meta hija tiżgura lil waħda mill-impriżi li tikkoopera li hija ser tiġi mwissija jekk impriżi oħra ppruvaw jgħadduha fir-rigward ta’ kooperazzjoni, anki jekk din il-garanzija ma tkunx ġiet realment implementata sussegwentement.

Meta din l-irregolarità proċedurali ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, l-importanza tal-osservanza mill-istituzzjoni tal-imsemmija prinċipji tista’ tiġġustifika, għall-benefiċċju ta’ impriża vittma ta’ din l-irregolarità, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa mill-qorti Komunitarja, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

(ara l-punti 136-137, 581-582)

2.      Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika, fil-kawżi ta’ kompetizzjoni, li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina t-totalità tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn tal-aħħar jinkludu kemm id-dokumenti li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, salv is-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Il-Kummissjoni ma tistax madankollu tirreferi, b’mod ġenerali, għall-kunfidenzjalità sabiex tiġġustifika r-rifjut totali ta’ żvelar tad-dokumenti tal-fajl tagħha. Fil-fatt, id-dritt tal-impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom għandu jiġi mwieżen mal-garanzija tad-dritt ta’ aċċess għat-totalità tal-fajl.

F’dan ir-rigward, il-fatt li jingħata aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dokument li jagħmel parti mill-fajl tal-Kummissjoni, li kważi l-paġni kollha tiegħu huma vojta u mħassra permezz tal-kliem “Sigrieti kummerċjali”, mingħajr ma ebda verżjoni mhux kunfidenzjali iktar komprensibbli, u lanqas sunt, mhuwa pprovdut, jista’ jitqies bħala nuqqas ta’ żvelar ta’ dan id-dokument.

(ara l-punti 145, 152-153)

3.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 tista’ tinkludi l-projbizzjoni ta’ tkomplija ta’ ċerti attivitajiet jew prattiki jew li jitħallew sitwazzjonijiet li l-illegalità tagħhom tkun ġiet ikkonstatata, iżda wkoll projbizzjoni li jiġi adottat komportament futur simili. Obbligi tali li huma ta’ piż fuq l-impriżi m’għandhomx madankollu jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa adegwat u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Barra minn dan, is-setgħa tal-Kummissjoni li toħroġ ordnijiet għandha tiġi applikata skont in-natura tal-ksur ikkonstatat.

Il-fatt li impriża li ħadet sehem fi prattiki anti-kompetittivi ma teżerċitax iktar attivitajiet fis-suq ikkonċernat fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona dawn il-prattiki, jew li dawn ikunu ntemmu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, ma jimplikax li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 billi ordnat lil din l-impriża tastjeni ruħha minn kull att jew komportament anti-kompetittiv, billi ordni bħal din hija, min-natura tagħha, preventiva u ma tiddependix mis-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 198-200)

4.      Għalkemm l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli tista’ tiġġustifika, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-istess ma jistax japplika meta jkun qed jiġi kkontestat l-ammont tal-multi imposti permezz ta’ din id-deċiżjoni peress li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi hija rregolata permezz tar-Regolament Nru 2988/74, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] fil-proċedimenti [proċeduri] u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli dwar il-kompetizzjoni, li stabbilixxa f’dan ir-rigward terminu ta’ preskrizzjoni. Dan l-aħħar regolament fil-fatt stabbilixxa leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettall it-termini li fihom il-Kummissjoni għandha d-dritt, mingħajr ma tippreġudika r-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, timponi multi fuq l-impriżi li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 2(3) tiegħu jipprevedi li l-preskrizzjoni tiskadi, f’kull każ, salv sospensjoni eventwali, wara għaxar snin minn meta l-preskrizzjoni tiġi interrotta skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, b’mod li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal b’mod indefinit id-deċiżjoni tagħha dwar il-multi. Fil-preżenza ta’ din il-leġiżlazzjoni, kull kunsiderazzjoni relatata mal-obbligu għall-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa tagħha li timponi multi f’terminu raġonevoli għandha tiġi skartata.

(ara l-punti 220, 223, 224)

5.      Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi fuq diversi impriżi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni hija, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji differenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ tluq tal-multa, suffiċjentement motivata, meta l-Kummissjoni tippreċiża li bbażat ruħha fuq l-ishma tas-suq mondjali miksuba minn data fuq id-dħul mill-bejgħ mondjali li jirrigwarda l-prodott ikkonċernat, anki jekk, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, hija ma tindikax dan id-dħul mill-bejgħ iżda sempliċiment limiti ta’ ishma tas-suq, billi dawn l-elementi huma komprensibbli biżżejjed.

(ara l-punti 258, 259, 261, 263-265)

6.      Fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli Komunitarji ta’ kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali. Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammont tal-multa huwa ddeterminat fuq il-bażi tal-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu. Barra minn dan, l-imsemmi ammont huwa r-riżultat ta’ sensiela ta’ evalwazzjonijiet iċċifrati magħmula mill-Kummissjoni skont il-linji gwida. Id-determinazzjoni ta’ dan l-ammont hija, b’mod partikolari, ir-riżultat ta’ diversi ċirkustanzi relatati mal-komportament individwali tal-impriża inkwistjoni, bħall-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

Ma jistax jiġi dedott minn dan il-qafas ġuridiku li l-Kummissjoni għandha tiżgura proporzjon bejn l-ammont tal-multa, hekk ikkalkolat, u l-volum globali tas-suq tal-prodott ikkonċernat fiż-Żona Ekonomika Ewropea, għal sena partikolari tal-ksur.

(ara l-punt 342)

7.      It-tliet aspetti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur skont il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, li huma n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jiġi kkalkolat u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat, m’għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol primordjali, b’mod partikolari, sabiex tikkaratterizza l-ksur bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna mill-imsemmija linji gwida li ftehim jew prattiki miftehma li jirrigwardaw b’mod partikolari l-iffissar ta’ prezzijiet jew l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ jistgħu, fuq il-bażi biss tan-natura proprja tagħhom, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun meħtieġ li tali komportament ikun ikkaratterizzat minn impatt partikolari.

(ara l-punti 343, 345)

8.      Deċiżjoni ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni mibgħuta lil diversi impriżi li pparteċipaw f’akkordju illegali, minkejja li miktuba f’forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala faxxikolu ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw fir-rigward ta’ kull waħda mill-impriżi destinatarji l-ksur akkużata bih u li jimponulha multa. Il-Kummissjoni tista’ għalhekk teżamina s-sitwazzjoni ta’ diversi impriżi kkonċernati b’mod separat u taqsamhom f’kategoriji sabiex tiddetermina l-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża għas-suċċess tal-akkordju, anki meta, fi ħdan l-akkordju, grupp ta’ impriżi kellhom komportament dejjem miftiehem.

(ara l-punti 308, 360, 365)

9.      Fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni skont il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, il-Kummissjoni tista’ tapplika fattur ta’ żieda fuq l-ammont ta’ tluq sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża.

Fil-fatt, minn naħa, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti titlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt imfittex fuq l-impriża li fuqha din hija imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont l-eżiġenzi bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba d-dħul mill-bejgħ globali tagħha meta mqabbel ma’ dak tal-membri l-oħrajn fl-akkordju, għall-impriża kkonċernata jkun iktar faċli tikseb il-fondi neċessarji għall-pagament tal-multa tagħha, fatt li jiġġustifika, fid-dawl tal-effett dissważiv suffiċjenti ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur. F’dan il-kuntest, ir-riżorsi finanzjarji tal-impriża għandhom jiġu evalwati, sabiex jintlaħaq korrettament l-għan ta’ dissważjoni, u dan filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-ġurnata li fiha l-multa tiġi imposta. F’dan ir-rigward, għall-istess motivi, jeħtieġ li jiġi nnotat li, fl-ambitu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-limitu massimu tal-multa ffissat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata huwa stabbilit abbażi tad-dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena finanzjarja li tippreċedi d-deċiżjoni.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jkollhom l-impriżi sabiex ikunu jistgħu jirrikonoxxu iktar faċilment li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur. Dan l-element huwa maħsub biex jippenalizza iktar lill-impriżi l-kbar li huma preżunti li għandhom tagħrif u mezzi strutturali suffiċjenti sabiex ikunu jafu li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u sabiex jevalwaw il-benefiċċji potenzjali tiegħu. F’din l-ipoteżi, id-dħul mill-bejgħ li fuqu l-Kummissjoni tistabbilixxi d-daqs tal-impriżi inkwistjoni, u għaldaqstant il-kapaċità tagħhom li jiddeterminaw in-natura u l-konsegwenzi tal-komportament tagħhom, għandu jirreferi għas-sitwazzjoni tagħhom fil-mument tal-ksur.

Koeffiċjent ta’ żieda ta’ 100 % tal-ammont ta’ tluq tal-multa sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata ma jeċċedix il-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mil-linji gwida.

(ara l-punti 374, 379, 382, 387)

10.    Għalkemm huwa veru li t-tielet paragrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jirreferi, fir-rigward tal-ksur ta’ tul twil tar-regoli tal-kompetizzjoni, għal “riskju ta’ żieda sostanzjali” tal-ammont ta’ tluq tal-multa, l-użu ta’ dawn il-kliem ma jippermettix madankollu li jiġi konkluż li żieda li teċċedi 100 % għal ksur ta’ tul ta’ iktar minn għaxar snin tmur kontra l-metodu ta’ kalkolu previst minn dawn il-linji gwida jew teċċedi l-limiti stabbiliti minn dawn tal-aħħar jew mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, anki jekk it-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Punt 1 B tal-linji gwida ma jipprevedix żieda awtomatika ta’ 10 % fis-sena għall-ksur ta’ tul twil, huwa jħalli, f’dan ir-rigward, marġni diskrezzjonali lill-Kummissjoni, li tista’ tistabbilixxi tali żieda mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 395, 396)

11.    Anki jekk jiġi supponut li ċerti tipi ta’ akkordji, bħall-akkordji fuq il-prezzijiet u fuq il-volumi ta’ bejgħ, huma intrinsikament stabbiliti sabiex iservu fit-tul, għandha dejjem issir distinzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, bejn it-tul tal-funzjonament effettiv tagħhom u l-gravità tagħhom kif tirriżulta min-natura proprja tagħhom. Għaldaqstant, iż-żieda għat-tul tal-ksur ma tikkunsidrax, darbtejn, il-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 397-398)

12.    Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma tirrispettax id-drittijiet tad-difiża ta’ impriża meta hija tikkunsidra kontriha ċirkustanza aggravanti fuq il-bażi ta’ elementi ta’ fatt li, anki jekk kienu msemmija f’diversi punti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, meta meħuda flimkien, ma kinux biżżejjed preċiżi fir-rigward tal-portata u tal-klassifikazzjoni tagħhom, b’mod li huwa biss fl-istadju tad-deċiżjoni li dawn l-elementi ġew miġbura f’parti waħda u li l-ilment irriżulta b’mod ċar.

(ara l-punti 424, 431, 433)

13.    Il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jqisu r-reċidiva tal-istess impriża bħala “ksur ta’ l-istess tip”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ladarba impriża twettaq ksur tal-istess tip, anki jekk is-settur ekonomiku huwa differenti, ċirkustanza aggravanti tista’ tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma’ tistax tikkonstata r-reċidiva ta’ impriża billi tirreferi għal deċiżjoni preċedenti li tissanzjona din l-impriża għal ksur tal-istess tip meta din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-qorti Komunitarja qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni li kkonstatat ir-reċidiva. Fil-fatt, l-Artikolu 231 KE jipprevedi li, meta rikors għal annullament ikun fondat, il-qorti għandha tiddikjara d-deċiżjoni nulla.

Min-naħa l-oħra, hija tista’ tibbaża ruħha fuq deċiżjoni preċedenti li tissanzjona din l-impriża għal ksur tal-istess tip iżda li kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament pendenti quddiem il-qorti Komunitarja, meta s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni nfisha ma ġietx mitluba. Fil-fatt, tali deċiżjoni, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 256 KE, għandha saħħa eżekuttiva, peress li din tinkludi obbligu pekunjarju fuq persuni li mhumiex l-Istati, u dan minkejja l-preżentata ta’ rikors għal annullament għaliex, skont l-Artikolu 242 KE, azzjoni mressqa quddiem il-qorti Komunitarja ma għandhiex l-effett ta’ sospensjoni.

Għalkemm, sabiex tikkonstata r-reċidiva, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi deċiżjonijiet preċedenti li jissanzjonaw l-impriża kkonċernata, li waħda minnhom ġiet annullata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata r-reċidiva, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni ma jqiegħedx inkwistjoni la l-klassifikazzjoni ta’ reċidiva, billi din tal-aħħar hija suffiċjentement sostnuta mid-deċiżjonijiet preċedenti l-oħra, u lanqas ir-rata ta’ żieda applikata, tal-inqas meta xejn ma jindika li l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni li r-reċidiva tirriżulta minn numru ta’ preċedenti tat lok għal żieda tal-ammont tal-multa għal ċirkustanza aggravanti superjuri għal dik li kienet tiġi stabbilita fil-każ li preċedent wieħed biss kien ġie identifikat.

(ara l-punti 465-466, 468-470, 474)

14.    Meta l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni tal-impriżi kkonċernati minn proċedura dwar akkordji bdiet qabel l-adozzjoni tal-Avviż [Komunikazzjoni] dwar l-immunità minn multi u tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji tal-2002 u dawn l-impriżi bbenefikaw mill-Komunikazzjoni preċedenti dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji tal-1996, din l-aħħar dispożizzjoni hija l-unika applikabbli anki jekk il-Kummissjoni tkun iddeċidiet definittivament biss wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, b’ mod partikolari, dwar il-kwistjoni dwar liema impriża setgħet tibbenefika, jekk ikun il-każ, minn immunità ta’ multa. Fil-fatt, jekk hu veru li, f’sitwazzjoni tali, l-effetti ta’ atti ta’ kooperazzjoni pproduċew ruħhom wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ir-regola futura tapplika immedjatament għall-effetti futuri tas-sitwazzjoni li taqa’ taħt l-iskema tar-regola preċedenti biss fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji. Issa, il-punt 28 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprevedi b’mod car li din tapplika mill-14 ta’ Frar 2002 għall-kawżi kollha fejn l-ebda impriża ma bbenefikat mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

Din il-konklużjoni ma tistax, barra dan, tiġi kkontestata billi jiġi invokat il-prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli. Fil-fatt, u mingħajr m’hemm lok li jiġi ddeterminat jekk prinċipju tali huwiex applikabbli għan-Notifiki tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni, mhuwiex possibbli li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tiġi kklassifikata bħala li hija, globalment, iktar favorevoli mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, li hija emendata fuq diversi punti, kemm fuq livell tar-regoli ta’ mertu kif ukoll tar-regoli tal-proċedura, billi ċerti emendi kienu iktar favorevoli għall-impriżi kkonċernati, filwaqt li emendi oħra, minn naħa l-oħra, ma kinux.

Fl-aħħar, għandha tiġi skartata wkoll applikazzjoni b’analoġija tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, billi din is-sitwazzjoni hija distinta mill-każijiet li fihom il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 setgħet tiġi applikata, b’analoġija, għal proċeduri li bdew qabel l-adozzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni, iżda li ma kinux suġġetti għal ebda regola ġuridika oħra.

(ara l-punti 507-511)

15.    L-għoti tal-immunità totali jew ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont it-Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji tal-1996 jitlob, b’mod partikolari, li l-impriża kkonċernata kienet l-ewwel impriża sabiex tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju. F’dan ir-rigward, jekk elementi tali mhumiex neċessarjament iridu jkunu suffiċjenti fihom infushom biex jipprovaw l-eżistenza tal-akkordju, dawn għandhom madankollu jkunu determinanti għal dan l-istess fini. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jikkonsistu sempliċement f’sors ta’ orjentazzjoni għall-investigazzjonijiet li tkun ser tmexxi l-Kummissjoni, iżda f’elementi li jistgħu jintużaw direttament bħala bażi probatorja prinċipali għal deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur. Dawn l-elementi jistgħu jingħataw ukoll verbalment.

Il-Kummissjoni tiddisponi minn ċertu marġni diskrezzjonali fl-evalwazzjoni dwar jekk, għat-twettiq tal-funzjoni tagħha li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u li ġġib dan il-ksur fit-tmiem tiegħu, il-kooperazzjoni kkonċernata kinitx “determinanti”, peress li huwa biss eċċess manifest ta’ din il-marġni diskrezzjonali li jista’ jiġi prekluż mill-qorti Komunitarja.

Il-Kummissjoni ma twettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta hija tikkunsidra li impriża li pprovdiet, matul laqgħa, deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet u tal-funzjonament ta’ akkordju, sostnuta minn dokumenti li kienu rilevanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tiegħu, kienet l-ewwel waħda fis-sens tat-Taqsima B tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-1996, filwaqt li impriża oħra kienet ipprovdiet, matul laqgħa preċedenti, preżentazzjoni inqas dettaljata tal-akkordju, li ma tirriflettix korrettament is-suġġett u l-funzjonament ta’ dan l-akkordju, u li ma kinitx sostnuta minn ebda dokument.

(ara l-punti 552-555, 568-569)

16.    L-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni tripla ta’ identiċità tal-fatti, unità ta’ min iwettaq il-ksur u unità tal-interess ġuridiku protett. Dan il-prinċipju jipprojbixxi għaldaqstant li l-istess persuna tiġi ssanzjonata għal iktar minn darba għall-istess komportament illegali sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku .

Fir-rigward ta’ sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, dan il-prinċipju ma japplikax għal sitwazzjonijiet li fihom is-sistemi ġuridiċi u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati terzi intervenew fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom.

Għaldaqstant fil-każ ta’ akkordju mondjali, issanzjonat kemm mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stat terz kif ukoll mill-Kummissjoni, dan il-prinċipju ma jistax japplika, anki jekk il-fatti inkwistjoni quddiem dawn it-tnejn għandhom l-oriġini tagħhom fl-istess grupp ta’ ftehim, minħabba li l-interessi ġuridiċi protetti huma differenti. Fil-fatt, l-azzjoni tal-Kummissjoni hija intiża sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni libera fi ħdan is-suq komuni li tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, għan fundamentali tal-Komunità, filwaqt li, jekk il-proċedura mibdija mill-awtoritajiet ta’ Stat terz tirrigwarda l-applikazzjoni jew l-effetti ta’ akkordju għajr fit-territorju tiegħu u b’mod partikolari fiż-Żona Ekonomika Ewropea, din tkun tidħol manifestament fuq il-ġurisdizzjoni territorjali tal-Kummissjoni.

Għall-istess raġunijiet, kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ ekwità, li huma intiżi sabiex inaqqsu mill-multa imposta s-sanzjoni imposta mill-awtoritajiet tal-Istat terz, ma jistgħux jiġu milqugħa.

(ara l-punti 600-605)