Language of document : ECLI:EU:T:2008:211

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Ġunju 2008(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tas-sorbati – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Kalkolu tal-ammont tal-multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Gravità u tul tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva – Aċċess għall-fajl – Tul tal-proċedura”

Fil-kawża T‑410/03

Hoechst GmbH, li qabel kienet Hoechst AG, stabbilita f’Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn M. Klusmann u V. Turner, wara minn M. Klusmann, Turner u M. Rüba, u fl-aħħar minn M. Klusmann u V. Turner, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn W. Mölls, O. Beynet u K. Mojzesowicz, wara minn W. Mölls u K. Mojzesowicz, bħala aġenti assistiti minn A. Böhlke, avukat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba intiża għall-annullament, f’dak li għandu x’jaqsam mar-rikorrenti, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/493/KE, tal-1 ta’ Ottubru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward ta’ Chisso Corporation, Daicel Chemical Industries Ltd, Hoechst AG, The Nippon Synthetic Chemical Industry Co. Ltd u Ueno Fine Chemicals Industry Ltd (każ COMP/E‑1/37.370 – Sorbati) (sunt fil-ĠU L 182, p. 20), jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal livell xieraq,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZATAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, F. Dehousse u D. Šváby, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        B’Deċiżjoni 2005/493/KE, tal-1 ta’ Ottubru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward ta’ Chisso Corporation, Daicel Chemical Industries Ltd, Hoechst AG, The Nippon Synthetic Chemical Industry Co. Ltd u Ueno Fine Chemicals Industry Ltd (każ COMP/E 1/37.370 – Sorbati, iktar ‘il quddiem id-“Deċiżjoni”), il-Kummissjoni kkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw f’akkordju fuq is-suq tas-sorbati.

2        L-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni huma Chisso Corporation, Daicel Chemical Industries Ltd (iktar’il quddiem “Daicel”), The Nippon Synthetic Chemical Industry Co Ltd (iktar’il quddiem “Nippon Synthetic”), Ueno Fine Chemicals Industry Ltd (iktar’il quddiem “Ueno”), kollha stabbiliti fil-Ġappun, u r-rikorrenti, Hoechst AG, li wara saret Hoechst GmbH, stabbilita fil-Ġermanja.

3        Il-perijodu kkunsidrat għat-tul tal-ksur jestendi mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-31 ta’ Ottubru 1996 (għal Chisso, Daicel, Ueno u Hoechst) u mill-31 ta’ Diċembru 1978 sat-30 ta’ Novembru 1995 (għal Nippon Synthetic).

4        Il-kelma “sorbati” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fis-sens tad-Deċiżjoni, tindika preservattivi kimiċi (aġenti kontra l-mikrobi) li huma kapaċi li jdewmu jew jimpedixxu l-iżvilupp ta’ mikro-organiżmi, bħall-ħmira, il-bakterja, il-moffa jew il-fungi. Dawn huma użati essenzjalment fil-prodotti tal-ikel u fix-xorb. Is-sorbati jservu x’imdaqqiet ukoll sabiex jippreżervaw karatteristiċi oħra ta’ prodotti tal-ikel, bħat-togħma, il-kulur, it-tessut u l-valur nutrittiv. Barra minn dan, is-sorbati jservu sabiex jistabbilizzaw tipi oħra ta’ prodotti, bħall-prodotti farmaċewtiċi u kosmetiċi kif ukoll il-prodotti tal-ikel għal annimali tad-dar u għal annimali tat-trobbija (premessa 56 tad-Deċiżjoni).

5        Skont id-Deċiżjoni, wieħed jiddistingwi tliet tipi ta’ sorbati. L-ewwel nett, l-aċidu sorbiku huwa l-prodott bażiku, li minnu jidderivaw sorbati oħra. Il-produzzjoni ta’ din is-sostanza hija teknikament kumplessa u l-applikazzjonijiet tagħha huma limitati minħabba s-solubbiltà baxxa tagħha fl-ilma. It-tieni nett, is-sorbat tal-potassju huwa użat meta wieħed jixtieq solubbiltà għolja fl-ilma. It-tielet nett, is-sorbat tal-kalċju jservi sabiex ikopri l-karta għat-tgeżwir tal-ġobon fi Franza u fl-Italja. L-aċidu sorbiku jirrappreżenta madwar 30 % tal-bejgħ ta’ sorbati fl-Ewropa tal-Punent, is-sorbat tal-potassju jirrappreżenta 70 % ta’ dan il-bejgħ u s-sorbat tal-kalċju jirrappreżenta l-kumplament (premessi 57 sa 61 tad-Deċiżjoni).

6        Fil-mument meta seħħew il-fatti, kienu jeżistu seba’ fornituri ta’ sorbati kbar fuq livell mondjali: żewġ impriżi kienu Ewropej (Hoechst u Cheminova A/S); impriża kienet Amerikana (Monsanto, li wara saret Eastman Chemical Company); il-kumplament tal-erba’ impriżi kienu Ġappuniżi (Chisso, Daicel, Nippon Synthetic u Ueno) (premessa 64 tad-Deċiżjoni).

7        Saċ-ċessjoni, f’Settembru 1997, tal-parti ta’ attivitajiet tagħha fis-settur tas-sorbati lil waħda mill-kumpanniji kompletament sussidjarji tagħha (Nutrinova Nutrition Specialities & Food Ingredients GmbH, iktar ‘il quddiem “Nutrinova”), Hoechst kienet l-operatur prinċipali fis-suq mondjali (iktar minn 20 % fl-1995) u fis-suq Ewropew (iktar minn 45 % fl-1995). Hoechst kienet segwita minn Chisso, Daicel, Nippon Synthetic u Ueno (kull waħda minn dawn l-impriżi tirrappreżenta bejn 9,5 u 15 % tas-suq mondjali u bejn 4 u 15 % tas-suq Ewropew għall-istess sena) [premessi 65 u 70 (Tabella I tad-Deċiżjoni)].

8        Skont il-premessi 4 u 5 tad-Deċiżjoni, l-avukati ta’ Chisso ltaqgħu mar-rappreżentanti tas-servizzi tal-Kummissjoni, fid-29 ta’ Settembru 1998, sabiex jesprimu x-xewqa ta’ Chisso li tikkoopera fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04 dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU C 207, p. 4, iktar’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996”) li tikkonċerna akkordju mondjali fis-suq tal-aċidu sorbiku.

9        Fis-27 ta’ Ottubru 1998, l-avukat ta’ Nutrinova kkuntatja wkoll lis-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jesprimi x-xewqa ta’ Nutrinova li tikkoopera fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

10      Fid-29 ta’ Ottubru 1998, matul laqgħa bejn l-avukati ta’ Hoechst u ta’ Nutrinova u s-servizzi tal-Kummissjoni, saret deskrizzjoni orali tas-suq ikkonċernat, tal-produtturi, tal-ishma tas-suq, tal-proċedura fl-Istati Uniti u tal-attivitajiet tal-akkordju.

11      Fit-13 ta’ Novembru 1998, Chisso ddeskriviet oralment lis-servizzi tal-Kummissjoni l-attivitajiet tal-akkordju u pprovdiet elementi dokumentarji.

12      Fid-9 ta’ Diċembru 1998, is-servizzi tal-Kummissjoni ġabru x-xhieda orali tar-rappreżentant ta’ Chisso fl-akkordju, li pprovda spjegazzjonijiet u kjarifiki fuq id-dokumenti mressqa fit-13 ta’ Novembru 1998.

13      Fil-21 ta’ Diċembru 1998, Nutrinova ppreżentat memorandum dwar is-suq tas-sorbati.

14      Fid-19 ta’ Marzu u fit-28 ta’ April 1999, Nutrinova ppreżentat memorandum li jelenka l-attivitajiet antikompetittivi li jaffettwaw is-suq tas-sorbati kif ukoll elementi dokumentarji.

15      Fl-20 ta’ April 1999, Chisso ppreżentat dikjarazzjoni li tikkonferma u li tiżviluppa r-rendikont orali magħmul matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998.

16      Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni bagħtet, fis-26 ta’ Mejju u fis-17 ta’ Ġunju 1999, talbiet għal informazzjoni lil Daicel, Nippon Synthetic u lil Ueno, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament ta’ applikazzjoni tal-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204) (premessa 6 tad-Deċiżjoni).

17      Fil-15 ta’ Lulju 1999, fl-24 ta’ Ottubru 2001 u fil-21 ta’ Frar 2002 rispettivament, Nippon Synthetic, Ueno u Daicel esprimew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw fil-kuntest tal- Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Huma rrispondew għat-talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni (premessi 7, 10 u 11 tad-Deċiżjoni).

18      Il-Kummissjoni, sussegwentement, indirizzat talbiet oħra għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, li l-aħħar waħda minnhom kienet tat-13 ta’ Diċembru 2002 (premessa 21 tad-Deċiżjoni).

19      Bejn l-1998 u l-2001, inbdew proċeduri fl-Istati Uniti u fil-Kanada dwar prattiki ta’ ffissar tal-prezz fis-settur tas-sorbati. Ġew imposti multi fuq Daicel, Hoechst, Nippon Synthetic u Ueno (għall-proċeduri fl-Istati Uniti) u Daicel, Hoechst u Ueno (għall-proċeduri fil-Kanada) (premessi 30 sa 32 tad-Deċiżjoni).

20      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni (premessa 22 tad-Deċiżjoni).

21      Fl-24 ta’ April 2003, l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni ħadu sehem fis-seduta quddiem il-Kummissjoni (premessa 29 tad-Deċiżjoni).

22      Fl-1 ta’ Ottubru 2003, il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni mill-Kummissjoni.

23      Skont l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) KE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw, matul il-perijodi indikati iktar’il quddiem, fi ftehim kumpless, uniku u kontinwu u fi prattiki miftiehma fis-settur tas-sorbati, li fil-kuntest tagħhom huma ftiehmu li jiffissaw miri ta’ prezzijiet u li jallokaw kwoti ta’ volum, li jiddefinixxu sistema ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u li ma jipprovdux teknoloġija lill-kandidati meta jidħlu fis-suq:

a)      Chisso, mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-31 ta’ Ottubru 1996;

b)      Daicel, mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-31 ta’ Ottubru 1996;

c)      Hoechst, mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-31 ta’ Ottubru 1996;

d)      Nippon Synthetic, mill-31 ta’ Diċembru 1978 sat-30 ta’ Novembru 1995 ;

e)      Ueno, mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-31 ta’ Ottubru 1996.

24      Fl-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat li l-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 itemmu minnufih, jekk huma ma kinux diġà għamlu dan, il-ksur imsemmi f’dan l-istess Artikolu u jastjenu ruħhom minn kull att jew komportament deskritt fl-Artikolu 1, kif ukoll minn kull miżura li għandha għan jew effett ekwivalenti.

25      Abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-evalwazzjonijiet ġuridiċi mwettqa fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati multi li l-ammont tagħhom ġie kkalkolat b’applikazzjoni tal-metodoloġija esposta fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C9, p. 3, iktar’il quddiem il-“linji gwida”), kif ukoll fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

26      Fl-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet il-multi segwenti:

a)      Daicel: EUR 16 600 000;

b)      Hoechst: EUR 99 000 000 ;

c)      Nippon Synthetic: EUR 10 500 000;

d)      Ueno: EUR 12 300 000.

27      L-ammont tal-multa imposta fuq Hoechst jieħu, b’mod partikolari, inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju li hija kien kellha flimkien ma’ Daicel, kif ukoll il-komportament reċidiv tagħha (premessi 363 sa 373 tad-Deċiżjoni). Hoechst madankollu bbenefikat minn tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva (premessi 455 sa 466 tad-Deċiżjoni).

28      Fir-rigward ta’ Chisso, il-Kummissjoni kkunsidrat li din kienet l-ewwel li ġabet elementi ta’ provi determinanti fil-kuntest tal-investigazzjoni. Għaldaqstant, din l-impriża bbenefikat minn immunità totali u ma ġietx imposta multa (premessi 439 sa 447 tad-Deċiżjoni).

29      Id-Deċiżjoni kienet ġiet innotifikata lil Hoechst fid-9 ta’ Ottubru 2003, b’ittra tat-8 ta’ Ottubru 2003.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      B’talba rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Diċembru 2003, Hoechst ressqet dan ir-rikors.

31      Fis-16 ta’ Diċembru 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-talba għal intervent ippreżentata minn Chisso (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 2004, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑4451).

32      Fit-2 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tirrispondi għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza u sabiex tipprovdi, l-ewwel, id-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni, fil-forma li kienet aċċessibbli għal Hoechst u, it-tieni, verżjoni mhux kunfidenzjali jew sunt mhux kunfidenzjali li jistgħu jiġu użati tal-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din id-domanda fit-termini mogħtija. Fir-rigward tal-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, flimkien mal-annessi tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat li Chisso aċċettat li l-verżjonijiet oriġinali tal-imsemmija dokumenti jiġu użati biss għall-finijiet tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

33      Fil-5 ta’ April 2006, ir-risposta u d-dokumenti pprovduti mill-Kummissjoni kienu ġew innotifikati lil Hoechst.

34      Fit-18 ta’ Mejju 2006, Hoechst kienet ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-risposta tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, Hoechst kienet ġiet mistiedna tippreċiża b’liema mod in-nuqqas ta’ żvelar tal-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha, fil-forma sottomessa mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Prim’Istanza, kien ipprekludiha milli ssir taf bid-dokumenti li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha u kien, b’dan il-mod, kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha. B’ittra tas-16 ta’ Ġunju 2006, Hoechst irrispondiet għal din id-domanda fit-terminu mogħti.

35      Fit-12 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni kienet ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ċerti punti tar-risposta ta’ Hoechst. B’ittra tal-5 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu mogħti.

36      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

37      Is-sottomissjonijiet u r-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tat-8 ta’ Frar 2007.

38      Matul is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 65(b) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi, f’terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tas-seduta, in-noti interni dwar il-konversazzjonijiet telefoniċi, li seħħew minn Settembru 1998 sa April 1999 bejn is-servizzi tagħha u Chisso.

39      Id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, irreġistrat fil-minuti tas-seduta, ġie nnotifikat lill-partijiet fit-13 ta’ Frar 2007.

40      Il-Kummissjoni ssodisfat it-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-termini mogħtija.

41      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, id-dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti matul il-verifika, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tan-natura kunfidenzjali tagħhom kif ukoll tar-rilevanza tagħhom għas-soluzzjoni tal-kawża.

42      Fit-30 ta’ April 2007, il-proċedura orali ingħalqet.

43      Fil-11 ta’ Mejju 2007, il-partijiet ġew infurmati bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tirtira mill-proċess in-noti interni msemmija fil-punt 38 iktar’il fuq u li terġa’ tibgħathom lill-Kummissjoni.

44      Hoechst titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni sa fejn tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fid-Deċiżjoni għal livell xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lil Hoechst għall-ispejjeż.

 Id-dritt

46      Ir-rikors ta’ Hoechst huwa bbażat fuq tlettax il-motiv.

47      Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-qari tal-argumenti mressqa jippermetti li tiġi ddeterminata l-portata tal-motivi mressqa minn Hoechst insostenn tat-talbiet tagħha.

48      B’hekk, l-ewwel u r-raba’ motivi huma intiżi sabiex jiksbu l-annullament tad-Deċiżjoni, fl-intier tagħha, sa fejn din tirrigwarda lil Hoechst.

49      It-tlettax il-motiv huwa intiż, min-naħa tiegħu, sabiex jikseb annullament parzjali tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni, jiġifieri l-Artikolu 2 tagħha, sa fejn dan jirrigwarda lil Hoechst.

50      Il-motivi l-oħra mressqa huma ntiżi, min-naħa tagħhom, sabiex jiksbu tnaqqis tal-multa.

I –  Fuq il-motivi intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni fl-intier tagħha sa fejn din tirrigwarda lil Hoechst

51      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Hoechst tikkontesta r-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess għal dokumenti li jiskaġunaw. Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, Hoechst tiġbed l-attenzjoni li l-fajl tal-uffiċjal tas-seduta huwa inkomplet.

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jiskaġunaw

1.     Sunt tal-proċedura amministrattiva u tad-Deċiżjoni

52      Matul seduta li nżammet fit-13 ta’ Novembru 1998 bejn Chisso u l-Kummissjoni, wieħed mill-uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl żgura lil din l-impriża li “twissija leali tiġi mogħtija jekk impriża oħra tipprova tgħaddi lil Chisso taħt il- Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”.

53      Fid-9 ta’ Diċembru 1998, is-servizzi tal-Kummissjoni ġabru x-xhieda orali tar-rappreżentant ta’ Chisso fl-akkordju.

54      Fil-5 ta’ Marzu 1999, Nutrinova talbet, waqt konversazzjoni telefonika mas-servizzi tal-Kummissjoni, li tiġi organizzata laqgħa. Din it-talba effettivament ma ġietx segwita.

55      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni. F’din l-istess data, l-imsemmija impriżi kellhom aċċess għall-fajl, taħt il-forma ta’ żewġ CD-ROM li jinkludu kopja kompleta tad-dokumenti, bl-esklużjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra (premessi 22 u 23 tad-Deċiżjoni).

56      Ir-rendikont tal-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, imħejji mill-Kummissjoni, kien fil-fajl.

57      B’ittra tat-22 ta’ Jannar 2003, mibgħuta lill-uffiċjal tas-seduta, Hoechst talbet, flimkien ma’ Nutrinova, permezz tal-konsulenti tagħhom, sabiex ikollhom aċċess għad-dokumenti interni relatati mal-kuntatti telefoniċi bejn il-Kummissjoni u Chisso, bejn Settembru 1998 u l-aħħar tax-xahar ta’ April 1999. Huma talbu wkoll ikollhom aċċess għal ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, li tinsab fil-fajl f’verżjoni mhux kunfidenzjali.

58      Fir-rigward tad-dokumenti interni relatati mal-kuntatti telefoniċi bejn il-Kummissjoni u Chisso, il-konsulenti ta’ Hoechst u ta’ Nutrinova fakkru t-termini tar-rendikont tal-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998 u ppreċiżaw dan li ġej:

“Huwa punt essenzjali għall-klijenti tagħna li jkun magħruf jekk, u f’liema miżura, saru kontribuzzjonijiet mill-uffiċjali tal-Kummissjoni filwaqt li l-klijenti tagħna kienu fil-proċess li jikkooperaw magħha.”

59      Fir-rigward tal-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, il-konsulenti ta’ Hoechst u ta’ Nutrinova rrilevaw b’mod partikolari li anness ta’ din l-ittra, jiġifieri ittra tas-26 ta’ Marzu 1999, kien intitolat “[Lill-] Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni ta’ Chisso mad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni”. Huma żiedu dan li ġej:

“L-argumenti kollha dwar il-kooperazzjoni ta’ Chisso jew – b’mod iktar importanti – l-allużjonijiet kollha relatati mal-kuntatti li Chisso kellha f’dan iż-żmien mal-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jkunu partikolarment rilevanti għad-difiża tal-klijenti tagħna.”

60      B’ittra tal-24 ta’ Frar 2003, l-uffiċjal tas-seduta ma laqax it-talbiet magħmula fl-ittra tat-22 ta’ Jannar 2003.

61      L-uffiċjal tas-seduta ppreċiża, f’dan ir-rigward, li n-noti dwar il-konversazzjonijiet telefoniċi bejn Chisso u l-Kummissjoni kienu dokumenti interni u, għalhekk, inaċċessibbli. Fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja deċiżiva, hemm lok li jiġi preżunt li l-Kummissjoni għamlet analiżi oġġettiva tal-informazzjoni utli għal Hoechst. Barra minn dan, fir-rigward tal-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002 (u ta’ dik tas-26 ta’ Marzu 1999 annessa ma’ din l-ittra), l-uffiċjal tas-seduta osserva li Chisso kienet talbet li dawn id-dokumenti jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali.

62      Fis-7 ta’ Marzu 2003, Hoechst reġgħet għamlet, flimkien ma’ Nutrinova, permezz tal-konsulenti tagħhom, it-talbiet li jinsabu fl-ittra tat-22 ta’ Jannar 2003, fil-kuntest tar-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. B’mod iktar partikolari, Hoechst insistiet, flimkien ma’ Nutrinova, sabiex tikseb aċċess għall-fajl billi żviluppat argumenti dwar it-trattament mhux ugwali li seħħ matul il-proċeduri.

63      Fit-23 ta’ Settembru 2003, l-uffiċjal tas-seduta ppreżenta r-rapport finali tiegħu f’dan il-każ (ĠU 2005, C 173, p. 5). F’dan ir-rapport, huwa osserva b’mod partikolari:

“[…] infurmajt lill-partijiet b’ittra tal-24 ta’ Frar 2003 li aċċess supplimentari għall-fajl mhuwiex ser jingħata f’dan l-istadju tal-proċedura. Spjegajt li n-noti tal-konversazzjonijiet telefoniċi bejn il-partijiet u l-uffiċjali tal-Kummissjoni huma dokumenti interni tal-Kummissjoni u bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu kkomunikati. F’dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni kienet eċċezzjonalment tat aċċess għal xi wħud minn noti interni u kienet għamlet referenza għalihom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex tispjega l-fatti u d-dati tal-laqgħat li l-Kummissjoni kienet żammet mad-diversi destinatarji. Fir-rigward tal-ittri ta’ Chisso, din tal-aħħar kienet talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ dawn l-ittri u aċċess għas-sunti mhux kunfidenzjali ta’ dawn tal-aħħar kien ġie mogħti.”

64      Nota f’qiegħ il-paġna mdaħħla f’dan il-paragrafu kienet tippreċiża li:

“[L-avukat] ta’ Chisso, sussegwentement wara s-seduta u b’risposta għat-talba tiegħi intiża sabiex terġa’ tiġi kkunsidrata n-natura kunfidenzjali tal-ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Marzu 1999, ikkonferma l-perspettiva tiegħu li dan id-dokument [kien fih] sigrieti kummerċjali u għalhekk kien fih innifsu kunfidenzjali.”

65      L-uffiċjal tas-seduta mbagħad osserva fir-rapport finali tiegħu:

“Wara l-allegazzjonijiet magħmula minn Hoechst u Nutrinova, jiena tajt attenzjoni partikolari għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-klemenza fil-proġett ta’ deċiżjoni. Eżaminajt ukoll in-noti interni tas-servizzi tal-Kummissjoni sa fejn [dawn] kienu jeżistu. Il-preokkupazzjonijiet espressi minn Hoechst u Nutrinova huma fil-parti l-kbira mrendija bla għan mill-konklużjonijiet esposti fil-proġett ta’ deċiżjoni fuq il-kwistjoni tal-klemenza. Barra minn dan, jien issodisfat li l-azzjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni fil-konfront tal-partijiet ma kellhom ebda impatt fuq ir-riżultati tal-każ fuq din il-kwistjoni. Nikkonferma wkoll li ebda aċċess supplimentari għall-fajl ma kien meħtieġ sabiex jiġu sodisfatti d-drittijiet tad-difiża ta’ Hoechst. La d-dokumenti interni tal-Kummissjoni u lanqas id-dokumenti mogħtija minn Chisso ma jipprovdu prova supplimentari ta’ inkriminazzjoni jew ta’ skaġun li tkun meħtieġa li titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Hoechst.”

66      Fl-1 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni u rrispondiet, fil-premessi 26 u 27 tagħha, għad-domandi magħmula minn Hoechst bil-mod li ġej:

“26. Fir-rigward tad-dokumenti jew partijiet ta’ dokumenti pprovduti minn Chisso u li fir-rigward tagħhom hija talbet il-protezzjoni bħala ‘sigrieti kummerċjali’, il-fatt li dawn ma jiġux ikkomunikati lill-partijiet l-oħra jħares l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ din il-kumpannija. Din il-protezzjoni tipprekludi lill-partijiet l-oħra milli jiksbu informazzjoni strateġika dwar l-interessi kummerċjali ta’ Chisso u dwar l-użu u l-iżvilupp tal-attivitajiet tagħha, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli tal-proċedura interna għat-trattament tat-talbiet għal aċċess għall-fajl fil-każijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat KE, tal-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat KEFA u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89.

27. It-tieni, fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, tagħti aċċess għad-dokumenti interni tagħha matul il-proċedura. Barra minn dan, fir-rigward tal-kuntatti mal-impriżi fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunament ta’ Hoechst huwa bbażat fuq premessi fondamentalment żbaljati. Aċċess supplimentari għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni ma jtejjeb bl-ebda mod id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi u lanqas ma jikkontribwixxi sabiex jiġi determinat liema kienet l-ewwel impriża li pprovditha bi provi determinanti. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni ssir esklużivament fuq il-bażi tad-dokumenti pprovduti mill-impriżi u li l-partijiet kellhom aċċess għalihom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

67      Hoechst tindika li hu biss fil-qari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija nnotat li, fil-bidu tal-proċeduri, bejn wieħed u ieħor b’mod parallel magħha, Chisso kienet ikkooperat mal-Kummissjoni billi invokat il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Fl-istess ħin, id-dokumenti li Hoechst kellha aċċess għalihom ippermettewlha li tiskopri xi irregolaritajiet fil-proċedura amministrattiva. Hoechst tenfasizza f’dan ir-rigward li hija tqiegħed inkwistjoni, fit-tmien motiv, il-fatt li l-ewwel elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju ġew ipprovduti minn Chisso fit-13 ta’ Novembru 1998.

68      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, Hoechst, l-ewwel, tikkontesta r-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti interni dwar il-kuntatti bejn il-Kummissjoni u Chisso. It-tieni, Hoechst tikkontesta r-rifjut ta’ aċċess għal ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha. It-tielet, Hoechst tinnota l-fatt li l-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba tagħha li jitwettqu investigazzjonijiet ġodda. Barra minn dan, Hoechst titlob li miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jiġu adottati.

 Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti dwar il-kuntatti bejn il-Kummissjoni u Chisso

69      Il-Kummissjoni ċaħdet lil Hoechst l-aċċess għal ċerti dokumenti mibgħuta minn Chisso kif ukoll għal noti mħejjija mill-Kummissjoni dwar il-laqgħat u l-kuntatti telefoniċi ma’ Chisso. Li kieku Hoechst setgħet tikkonsultahom, hija kienet tkun tista’ jkollha idea kompleta tal-kuntatti bejn il-Kummissjoni u Chisso u kienet tkun tista’, għaldaqstant, tipprova iktar faċilment li kienet hija, u mhux Chisso, li kienet l-ewwel, fiż-żmien u għal dak li għandu x’jasam mal-kontenut, sabiex tipproduċi l-provi determinanti tal-eżistenza tal-akkordju u li kellha għalhekk tikseb tnaqqis tal-multa tagħha. Hoechst kienet tkun tista’ turi aħjar ukoll li l-atti ta’ kooperazzjoni ta’ Chisso kienu ġew influwenzati mill-informazzjoni tal-Kummissjoni.

70      Filwaqt li tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il-Kummissjoni (T‑36/91, Ġabra p. II‑1847, punt 69), tat-28 ta’ April 1999, Endemol vs Il-Kummissjoni (T‑221/95, Ġabra p. II‑1299, punt 65), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni (T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 334), Hoechst tenfasizza li d-dritt li tikkonsulta l-fajl huwa wieħed mill-garanziji fundamentali tad-dritt Komunitarju fir-rigward ta’ proċedura, intiżi sabiex iħarsu d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl għandu b’mod partikolari jiżgura eżerċizzju effettiv tad-dritt tas-smigħ, billi dan jagħti l-possibbiltà li jkunu magħrufa u li jiġu evalwati l-provi użati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, u jekk hu possibbli li dawn jiġu kkonfutati fir-risposta. Il-kompitu tal-Kummissjoni hu li tagħti aċċess, prinċipalment, għall-fajl kollu. Ikun mod ieħor biss għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni, kif ukoll għad-dokumenti li jinkludu sigrieti kummerċjali ta’ terzi.

71      Hoechst tindika wkoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ strumenti jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tiddeċiedi waħedha jekk, u sa fejn, hija għandha tagħti l-aċċess għad-dokumenti li parti fil-proċedura tista’ tuża bħala elementi li jiskaġunaw. Ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża jekk kien possibbli li jiġi muri li l-proċedura amministrattiva setgħet kellha eżitu ieħor fil-każ li fih Hoechst kienet kisbet l-aċċess għad-dokumenti li jiskaġunaw ikkonċernati. Għad-dokumenti li ma jinsabux fil-fajl, Hoechst kien imissha talbet espressament sabiex tikkonsulta d-dokumenti kkonċernati.

72      F’dan il-każ, Hoechst enfasizzat b’mod ċar ħafna li n-noti kollha dwar il-konversazzjonijiet telefoniċi li seħħew minn Settembru 1998 sa April 1999 bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u Chisso kienu importanti għad-difiża tagħha, għaliex dawn setgħu jkunu dokumenti li jiskaġunaw, billi jippermettu li jintwera n-nuqqas ta’ imparzjalità fil-kondotta tal-proċedura f’dak iż-żmien.

73      Il-partijiet tal-fajl li setgħu jiġu kkonsultati minn Hoechst jippermettu li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ trattament ugwali għad-detriment tagħha meta mqabbla ma’ Chisso.

74      L-ewwel, il-Kummissjoni tat lil Chisso, fil-Ħarifa tal-1998, dak li rrifjutat fl-istess ħin lil Hoechst, jiġifieri r-rikonoxximent ta’ depożizzjonijiet orali tax-xhieda bħala atti ta’ kooperazzjoni. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni kienet attivament stiednet lil Chisso għal laqgħat magħha, filwaqt li hija rrifjutat l-istess laqgħat lil Hoechst. B’mod partikolari, nota interna tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 1998 tindika li “[l]-avukati [ta’ Chisso kienu] tal-inqas qablu sabiex jinżammu l-laqgħat miftiehma, wara telefonati tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni”. Dawn it-telefonati rripetuti mill-Kummissjoni juru l-mod partiġjan li bih din tal-aħħar kienet mexxiet il-proċeduri.

75      It-tieni, hu wkoll stabbilit li matul dan il-perijodu determinanti tal-proċeduri, jiġifieri fl-aħħar tal-1998, Chisso kienet kisbet illegalment il-wegħda minn naħa tal-Kummissjoni li hija ser tiġi “infurmata” jekk impriżi oħra jkunu ppreċedewha fir-rigward ta’ kooperazzjoni. Dawn it-twissijiet parzjali huma mhux biss illegali fihom infushom, iżda wkoll rilevanti għad-difiża ta’ Hoechst. Fil-fatt, din id-difiża tiddependi essenzjalment fuq il-perspettiva dwar jekk, u sa fejn, il-Kummissjoni tat lil Chisso “twissijiet” jew indikazzjonijiet bħal dawn fir-rigward tal-istat tal-kooperazzjoni pprovduta minn Hoechst. Barra minn dan, skont ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jinkludi l-obbligu, għall-istituzzjoni kompetenti, li teżamina b’reqqa u imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ rilevanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 99). Anki jekk jiġi preżunt li Chisso ma kinitx ġiet imwissija mill-Kummissjoni, dan m’għandux effett fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li din tal-aħħar kienet f’kull każ iddikjarat li kienet lesta tagħti twissija tali. Dan il-ksur biss tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-għotja lil Hoechst ta’ dritt ta’ aċċess estiż għall-fajl sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tad-difiża tagħha.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dokumenti kollha li jirrigwardaw il-kuntatti bejn l-avukati ta’ Chisso u l-uffiċjali tal-Kummissjoni responsabbli għal dan il-każ huma importanti għad-difiża ta’ Hoechst, inkwantu huma dokumenti li jiskaġunaw. Hoechst kienet esponiet din il-perspettiva diversi drabi, kemm bil-miktub (għall-attenzjoni tal-uffiċjal tas-seduta u tal-kap ta’ diviżjoni tal-Kummissjoni responsabbli mill-każ) u kif ukoll matul is-seduta tal-24 ta’ April 2003.

77      L-uffiċjal tas-seduta ċaħad dawn it-talbiet, permezz tal-ittra tal-24 ta’ Frar 2003 mibgħuta lill-konsulenti ta’ Hoechst u ta’ Nutrinova, filwaqt li ppreċiża b’mod partikolari dan li ġej:

“Fin-nuqqas ta’ provi kuntrarji deċiżivi, għandu jiġi preżunt li l-Kummissjoni evalwat b’mod oġġettiv l-informazzjoni li hija utli għall-klijent[i] t[agħkom] f’dan ir-rigward. L-ittra tagħkom ma tinkludi ebda prova konvinċenti kuntrarja. Barra minn dan, ir-raġuni (iċċitata iktar’il fuq) mogħtija għal din it-talba għal aċċess supplimentari għall-fajl mhijiex raġuni adegwata għall-għoti tal-aċċess għad-dokumenti; iktar preċiżament, din hija irrilevanti għall-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għal dan il-każ.”

78      Dawn l-argumenti juru li l-uffiċjal tas-seduta, li l-atti tiegħu huma attribwibbli lill-Kummissjoni, kien kiser il-kompetenzi u l-obbligi tiegħu li jiżgura li d-drittijiet tad-difiża jiġu osservati. Skont il-ġurisprudenza, wieħed jista’ biss jistenna minn parti li titlob aċċess iktar estensiv għall-fajl li hija tistabbilixxi permezz ta’ argumenti rilevanti liema dokumenti jistgħu jippreżentaw interess għad-difiża tagħha u għal liema raġuni (sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar’il fuq, punt 335). L-evalwazzjoni tal-interess għad-difiża għandha tiġi bbażata fuq il-perspettiva tal-parti li qed tiddefendi ruħha u la l-membru tal-persunal tal-Kummissjoni responsabbli mill-każ u lanqas l-uffiċjal tas-seduta mhuma kompetenti sabiex jiddeċiedu liema dokumenti jistgħu jservu għad-difiża bħala dokumenti li jiskaġunaw.

79      Filwaqt li tirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni (T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punti 81 u 83), Hoechst tenfasizza li meta każ jirrikjedi li jsiru evalwazzjonijiet ekonomiċi diffiċli u kumplessi, il-Kummissjoni għandha tagħmel mod li d-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jkollhom l-istess tagħrif tal-fatti bħala stess u bħall-partijiet l-oħra kkonċernati. Dan il-prinċipju japplika wkoll għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni dwar il-kuntatti ma’ Chisso, li Hoechst talbet sabiex ikollha aċċess għalihom sabiex tħares id-drittijiet tagħha. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni (T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 40), Hoechst tindika li d-dokumenti interni tal-Kummissjoni għandhom jiġu kkomunikati meta jkunu ġew ipprovduti indizji serji li juru li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ jeħtieġu dan . L-aċċess għal dokumenti interni tal-Kummissjoni għandu jiġi awtorizzat meta jservi sabiex jipprova ksur tal-prinċipju tal-legalità mill-Kummissjoni (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1986, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni, 156/84, Ġabra p. 1899, punt 11).

80      Fir-rigward tar-riferenza magħmula mill-uffiċjal tas-seduta għall-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, Hoechst tosserva li ma tistax tkun ir-responsabbiltà tal-uffiċjal tas-seduta li jipprevedi l-motivazzjoni futura tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u li jibbaża d-deċiżjonijiet tagħha ta’ proċedura fuq din il-motivazzjoni futura. Huwa ma jistax ikun jaf u lanqas jiddeċiedi dwar liema ser ikunu l-motivi adottati mill-Kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni, u m’għandux il-kompetenza u lanqas id-dritt li jiddeċiedi waħdu dwar l-interess li jistgħu jippreżentaw, għad-difiża, dokumenti li potenzjalment jiskaġunaw (sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar’il fuq, punt 339).

81      F’dan il-kuntest, Hoechst titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jikkonsistu f’li l-Kummissjoni tiġi ordnata tqiegħed lilha kif ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza f’pożizzjoni li jikkonsultaw, fil-verżjoni integrali tagħhom, id-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl, jew li inkella jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni, u li jippermettu li jkun magħruf x’kien il-kontenut tal-kuntatti bejn l-avukati ta’ Chisso u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni bejn Settembru 1998 u April 1999. Barra minn dan, Hoechst titlob li, bħala miżura istruttorja, jiġu ċċitati bħala xhieda ż-żewġ uffiċjali tal-Kummissjoni responsabbli mill-każ f’dak iż-żmien.

 Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002 bl-annessi tagħha

82      Hoechst tindika li hija diġà sostniet, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, li ittra tal-avukati ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, li tinsab fil-fajl, iżda li l-kontenut tagħha kien kważi kollu ġie moħbi, kien imissha tinsab fil-verżjoni mhux moħbija fil-fajl. Hoechst kienet enfasizzat li l-annessi ta’ din l-ittra, inkluż ittra tas-26 ta’ Marzu 1999, li, skont is-sunt tal-kontenut tagħha, kienet tirrigwarda l-kooperazzjoni ta’ Chisso mal-Kummissjoni, kienu ta’ interess kbir għad-difiża tagħha.

83      Sa fejn dan id-dokument, kif jista’ jiġi dedott mill-fajl aċċessibbli, kien jirrigwarda biss kontenuti jew kwistjonijiet ġuridiċi dwar il-kooperazzjoni ta’ Chisso u l-evalwazzjoni tagħha, Hoechst tikkunsidra li ma jeżistix motiv raġonevoli li jippermetti li tiġi prekluża l-konsultazzjoni.

84      Hoechst iżżid li l-ittra ta’ Chisso tista’ tinkludi elementi li jinkriminaw (per eżempju, fil-każ fejn Chisso akkużatha li kienet mexxejja tal-akkordju) u l-Kummissjoni kien imissha għalhekk tatha aċċess għaliha minnufih u spontanjament. Għall-kuntrarju, f’każ ta’ indizji ta’ diskriminazzjonijiet bħall-irregolaritajiet ta’ proċedura tal-Kummissjoni nnotati preċedentement, l-ittra ta’ Chisso jista’ jkollha effett li jiskaġuna. F’dan il-każ, din l-ittra kien imissha ġiet mibgħuta mhux iktar tard minn meta saret it-talba ta’ Hoechst.

85      F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti jekk waħda mill-partijiet għall-proċedura talbet jew ma talbitx it-trattament kunfidenzjali tad-dokumenti kkonċernati. Il-Kummissjoni għandha teżamina ex ufficio u oġġettivament in-natura kunfidenzjali tal-elementi tal-fajl tagħha. Hoechst tippreċiża f’dan ir-rigward li l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ taċċetta biss talbiet iġġustifikati għal trattament kunfidenzjali ta’ sigrieti kummerċjali.

86      Skont Hoechst, biss data kummerċjali bħal dħul mill-bejgħ jew l-ishma tas-suq ta’ perijodi mhux storiċi setgħet tiġġustifika li tiġi moħbija– iżda biss parzjalment – l-ittra ta’ Chisso.

87      Filwaqt li tirreferi għas-sentenza Endemol vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar’il fuq (punt 65), Hoechst tenfasizza li l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali għandha tiġi mwieżna mad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw, b’konoxxenza totali tal-fatti, jekk id-dokumenti deskritti jistgħux ikunu rilevanti għad-difiża tagħhom (sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar’il fuq, point 104). F’dan il-każ, Hoechst issostni li l-possibbiltà li tiddefendi ruħha kienet ristretta sa fejn hija ma setgħetx tiċċara ċerti kwistjonijiet determinanti fir-rigward ta’ proċedura u fatti.

88      B’mod partikolari, inkwantu Hoechst tikkontesta l-fatt li Chisso kienet l-ewwel sabiex tipprovdi elementi ta’ prova determinanti, l-ittra ta’ Chisso tas-26 ta’ Marzu 1999 li, kif juri s-sunt tagħha, tirrigwarda l-kooperazzjoni ta’ Chisso mal-Kummissjoni, kienet eventwalment ippermettiet li jiġu misluta konklużjonijiet fir-rigward tal-kontenut u tad-data tal-atti ta’ kooperazzjoni tali, b’mod partikolari qabel id-29 ta’ Ottubru 1998.

89      F’dan il-kuntest, Hoechst titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jikkonsistu f’li l-Kummissjoni tiġi ordnata tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ Hoechst l-ittra tal-avukati ta’ Chisso lill-Kummissjoni, tas-17 ta’ Diċembru 2002, fil-verżjoni integrali tagħha bl-annessi tagħha. Barra minn dan, bħala miżura istruttorja, Hoechst titlob li jkunu ċċitati bħala xhieda, permezz tal-Kummissjoni, iż-żewġ uffiċjali responsabbli mill-każ f’dak iż-żmien.

90      Fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Ġunju 2006, f’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li biha hija ġiet mistiedna tressaq osservazzjonijiet addizzjonali fuq id-dokumenti mibgħuta preċedentement mill-Kummissjoni, inkluż b’mod partikolari l-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002 bl-annessi tagħha (ara l-punt 34 iktar’il fuq), Hoechst issostni li elementi ta’ prova ġew skartati u li irregolaritajiet ivvizzjaw il-proċedura amministrattiva.

91      Fir-rigward tal-elementi ta’ prova li ġew skartati, l-ewwel, Hoechst tikkunsidra li l-ittra tal-konsulenti ta’ Chisso lill-Kummissjoni, tal-11 ta’ Jannar 1999, li tista’ tiġi kkonsultata fil-preżent għall-ewwel darba, tikkostitwixxi dokument li jiskaġuna.

92      Din l-ittra turi li, fit-3 ta’ Novembru1998, jiġifieri diversi ġranet wara t-talba għal immunità ta’ Hoechst, Chisso ppruvat tikseb konfermazzjoni li ebda impriża oħra ma offriet il-kooperazzjoni tagħha qabilha.

93      Dan jipprova li, f’din id-data, Chisso ma kinitx ippreżentat talba għal immunità lill-Kummissjoni. Chisso ppreżentat talba għal immunità biss fil-11 ta’ Jannar 1999, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din l-ittra. Mhuwiex madankollu possibbli li jiġi rrimedjat nuqqas ta’ talba għal immunità. Dan l-element ma ġiex irrilevat fid-Deċiżjoni u huwa tali li jikkonferma li Hoechst kienet l-ewwel impriża sabiex tikkoopera mal-Kummissjoni.

94      It-tieni, Hoechst tqis li l-ittra ta’ Chisso lill-Kummissjoni, tas-26 ta’ Marzu 1999, tikkostitwixxi wkoll dokument li jiskaġuna.

95      Skont Hoechst, din l-ittra turi li, fil-mument li ntbagħtet, id-dikjarazzjonijiet bil-miktub li l-Kummissjoni kienet talbet lill-Chisso ma kinux għadhom ġew ippreżentati.

96      L-ewwel nett, Hoechst tosserva, f’dan ir-rigward, li termini supplimentari kienu ġew mogħtija lil Chisso b’mod informali, fatt li ma kienx previst mill- Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

97      Wara, jekk kienu għadhom jonqsu xi dokumenti fis-26 ta’ Marzu 1999, mhuwiex possibbli li jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li huwa espost fil-punt 458 tad-Deċiżjoni, li l-Kummissjoni kellha l-prova tal-eżistenza tal-akkordju fuq il-bażi tal-kooperazzjoni pprovduta minn Chisso. Il-Kummissjoni kienet għalhekk tat impennji illegali lil Chisso u kienet ukoll żammithom billi tatha immunità mill-multa.

98      Hoechst tfakkar ukoll li hija pprovdiet lill-Kummissjoni elementi ta’ provi dokumentati fid-19 ta’ Marzu 1999, anki jekk l-impjegati tagħha kienu f’riskju li jinbew proċeduri kriminali kontrihom fl-Istati Uniti u li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 irrikjediet biss li tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju, fatt li Hoechst kienet għamlet fid-29 ta’ Ottubru 1998.

99      Fir-rigward tal-irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura amministrattiva, Hoechst tenfasizza li l-Kummissjoni, fil-punt 461 tad-Deċiżjoni, irrifjutat li tammetti li hija kienet l-ewwel waħda li kkooperat minħabba li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha dokumenti mingħajr ma pproduċithom, filwaqt li kien ġie miftiehem li, fid-dawl tal-proċeduri pendenti fl-Istati Uniti, Hoechst setgħet tipprovdi dawn id-dokumenti fi stadju ulterjuri.

100    Fl-istess ħin, kif turi l-ittra tas-26 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni manifestament tat “termini supplimentari” lil Chisso sabiex tippreżenta dokumenti. Barra minn dan, id-dokumenti mressqa minn Chisso f’April 1999 setgħu ġew ipprovduti iktar kmieni. Għaldaqstant, il-kooperazzjoni ta’ Chisso kien imissha ġiet skartata għall-istess motivi bħal dawk meqjusa kontra Hoechst.

101    Issa, Chisso ma ġiet akkużata b’ebda nuqqas ta’ kooperazzjoni minkejja sitwazzjoni strettament komparabbli. Dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ trattament ugwali għad-detriment ta’ Hoechst.

 Fuq it-talba li jitwettqu investigazzjonijiet ġodda

102    Hoechst tindika li, fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Jannar 2003 indirizzata lill-uffiċjal tas-seduta, hija kienet talbet li jsiru investigazzjonijiet supplimentari fil-bini tal-Kummissjoni permezz ta’ interrogazzjonijiet ta’ xhieda. Din it-talba, mingħajr madankollu ma kienet is-suġġett ta’ rifjut minn naħa tal-uffiċjal tas-seduta jew tal-Kummissjoni, baqgħet bla segwitu, peress li l-investigazzjoni mitluba ma kinitx mid-dehra ġiet imwettqa. Sa fejn din l-investigazzjoni kienet determinanti għall-kontenut tad-Deċiżjoni, għar-raġunijiet esposti f’dan il-motiv, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

 Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal ċerti dokumenti

103    Il-Kummissjoni tenfasizza li Hoechst ma tiċħadx li aċċess għal ċerti dokumenti jista’ bħala prinċipju jiġi rrifjutat, f’każ li dawn id-dokumenti huma interni jew jinkludu sigrieti kummerċjali.

104    F’dan il-kuntest, l-ewwel, il-Kummissjoni tippreċiża li l-uffiċjal tas-seduta ta “attenzjoni partikolari” għall-konklużjonijiet tiegħu fl-abbozz ta’ deċiżjoni tiegħu, dwar il-kwistjoni tal-benefiċċju ta’ trattament favorevoli f’dak li għandu x’jaqsam mal-multa. Hu kien “barra minn hekk” eżamina n-noti interni tal-Kummissjoni qabel ma ddikjara li kien konvint li “l-atti tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-partijiet ma [kellhom] ebda influwenza fuq l-eżitu tal-proċedura minn din il-perspettiva”.

105    It-tieni, il-Kummissjoni tindika li l-ewwel elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju ġew ipprovduti minn Chisso matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998. Id-determinazzjoni tal-impriża li kienet l-ewwel sabiex tipprovdi provi deċiżivi lill-Kummissjoni kienet saret biss abbażi ta’ dokumenti mressqa mill-impriżi, li l-partijiet kellhom aċċess għalihom. Għaldaqstant, it-twissija mwegħda lil Chisso matul din il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998 ma setgħetx loġikament tinfluwixxi fuq id-determinazzjoni tal-impriża li kienet l-ewwel biex tikkoopera. Minn dan jirriżulta fl-istess ħin li l-kritiki dwar l-iżvolġiment tal-proċedura wara din id-data ma setgħux ikollhom l-iċken importanza f’dan ir-rigward. Dan japplika wkoll għall-ilmenti dwar ir-rifjut ta’ aċċess għall-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002 u għall-annessi tagħha.

106    It-tielet, Hoechst lanqas ma rnexxilha tqajjem dubji serji dwar l-oġġettività tal-kondotta tal-proċedura mill-Kummissjoni, li jistgħu jiġġustifikaw aċċess estiż għad-dokumenti interni tagħha.

107    Il-Kummissjoni tindika, f’dan ir-rigward, li l-possibbiltà offruta lil Chisso, fid-9 ta’ Diċembru 1998, li tippreżenta l-osservazzjonijiet orali tagħha serviet biss sabiex jiġu spjegati l-provi bil-miktub ippreżentati fit-13 ta’ Novembru 1998. Min- naħa l-oħra, il-laqgħa suġġerita fuq it-telefon minn Hoechst fil-5 ta’ Marzu 1999 kienet intiża sabiex tissostitwixxi xhieda orali għal provi bil-miktub eżistenti.

108    Fir-rigward tar-“rifjut” li tiġi aċċettata l-laqgħa suġġerita minn Hoechst, il-Kummissjoni tindika li min-naħa tagħha, kienet iktar tfakkira ġenerali tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 għajr milli rifjut definittiv ta’ kwalunkwe kuntatt ġdid ma’ Hoechst. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li l-pożizzjoni tagħha kienet ibbażata fuq evalwazzjoni provviżorja, minn naħa, tal-volontà ta’ kooperazzjoni ta’ Hoechst, li ma kinitx lesta sabiex tikkollabora totalment qabel l-eżitu tal-proċeduri penali u ċivili pendenti fl-Istati Uniti, u, min-naħa l-oħra, tal-valur probatorju tal-informazzjoni mibgħuta sa din id-data minn Hoechst lill-Kummissjoni. Billi Hoechst ma kinitx iddikjarat li hija kienet lesta, fil-mument tal-laqgħa mitluba, tikkoopera totalment mal-Kummissjoni u tagħti informazzjoni ta’ natura differenti minn dik li hija kienet diġà pprovdiet, ma kien ikollu ebda sens, la għall-Kummissjoni u lanqas għal Hoechst, li tiġi organizzata laqgħa ġdida.

109    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kienet attivament stiednet lil Chisso għal laqgħat u organizzat dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni tippreċiża li hija limitat ruħha, permezz tal-komunikazzjoni bit-telefon tagħha, biex tirreaġixxi għal inizjattiva ta’ Chisso. Kien ġie miftiehem, matul il-laqgħa tad-29 ta’ Settembru 1998, li l-avukati kellhom jieħdu l-inizjattiva ta’ laqgħa ġdida mal-Kummissjoni f’terminu ta’ ġimagħtejn. Billi dawn tal-aħħar ma għamlux dan fit-terminu miftiehem, il-Kummissjoni kienet ikkuntattjathom mill-ġdid sabiex tivverifika jekk l-avukati xtaqux iktar jiltaqgħu magħha.

110    Il-Kummissjoni żżid li l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni kkonċernata fil-qasam tal-kompetizzjoni jiddependi b’mod partikolari mill-effikaċità tal- Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u għalhelkk mill-kunfidenza tal-impriżi li jikkooperaw fil-kunfidenzjalità tal-kuntatti li huma jistabbilixxu f’dan ir-rigward. Għandha għalhekk tiġi rrifjutata l-affermazzjoni ta’ Hoechst li l-interess tagħha li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vizzji eventwali ta’ proċedura jipprevali fuq il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni. F’dan il-kuntest, is-sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar’il fuq, mhija ta’ ebda utilità għal Hoechst sabiex tegħleb in-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali f’dan il-każ. Il-kawża li tat lok għas-sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni ma rrigwardatx noti interni tal-Kummissjoni, iżda biss dokumenti kunfidenzjali ta’ parti. Barra minn dan, il-fatti li dwarhom ingħatat deċiżjoni f’din is-sentenza huma differenti ħafna minn dawk ta’ din il-kawża, li ma tirrigwardax evalwazzjonijiet ekonomiċi diffiċli u kumplessi.

111    Fl-aħħar, billi tirreferi għas-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar’il fuq (punt 340), il-Kummissjoni tenfasizza li, meta dokumenti li setgħu jinkludu elementi li jiskaġunaw ma ġewx ikkomunikati lil parti, jista’ jiġi kkonstatat ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk huwa stabbilit li l-proċedura amministrattiva setgħet waslet għal riżultat differenti fis-sitwazzjoni fejn din il-parti kellha aċċess għad-dokumenti kkonċernati matul din il-proċedura. Dan huwa madankollu eskluż f’dan il-każ fir-rigward tal-fatt li Chisso kienet l-ewwel impriża sabiex tikkoopera bil-kontribuzzjoni tagħha tat-13 ta’ Novembru 1998.

112    Fir-risposta tagħha tal-5 ta’ Settembru 2006, għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni għamlet il-kummentarji segwenti dwar l-osservazzjonijiet addizzjonali ta’ Hoechst ikkomunikati fis-16 ta’ Ġunju 2006 (ara l-punti 34 u 90 sa 101 iktar’il fuq).

113    Fir-rigward, l-ewwel, tal-ittra ta’ Chisso tal-11 ta’ Jannar 1999, il-Kummissjoni tindika li dan id-dokument kien diġà aċċessibbli matul il-proċedura amministrattiva, b’mod li ma jista’ f’ebda każ jiġi kklassifikat bħala element ta’ prova li hija ma kinitx tat aċċess għalih.

114    F’kull każ, il-Kummissjoni tippreċiża li l-paragrafu 1 tat-Taqsima E tal- Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 jobbliga lill-impriżi “jagħmlu kuntatt” mad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tagħha. Għalkemm, fil-verżjoni Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni, il-frażi “min jagħmel it-talba” (Antragsteller) hija użata f’dan il-kuntest, mhuwiex meħtieġ li tiġi ppreżentata talba formali. Barra minn hekk, Hoechst lanqas ma kienet, hija stess, għamlet “talba” fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Ottubru 1998.

115    Rigward il-kwistjoni dwar liema hija l-impriża li kienet l-ewwel sabiex tikkoopera fis-sens tat-Taqsima B tal- Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tal-1996, il-Kummissjoni tikkunsidra li mhijiex id-data tat-“talba” li hija determinanti. L-importanti hu li jkun magħruf liema impriża “hija l-ewwel waħda li tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju”. Barra minn dan, il-kliem użat fl-ittra tal-11 ta’ Jannar 1999 juri li Chisso ppreżumiet bla dubju ta’ xejn li l-kooperazzjoni tagħha kienet diġà bdiet.

116    It-tieni, fir-rigward l-ittra ta’ Chisso tas-26 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni tenfasizza li dan id-dokument jirrigwarda biss domandi relattivi għat-termini li kienu ġew imposti fuq Chisso, u mhux fuq Hoechst, sabiex tipproduċi dokumenti oħra, f’mument meta Chisso kienet diġà ssodisfat il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ Taqsima B(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 permezz tal-kontribuzzjoni tagħha tat-13 ta’ Novembru 1998. Hoechst għalhekk tiżbalja meta hija tallega li dan id-dokument jiskaġunaha. Dan ma jistax ikun il-każ, billi dan ma jirrigwarda ebda mir-raġunijiet li għalihom Hoechst ma tistax tibbenefika mit-Taqsima B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, li huma indikati fil-premessi 455 sa 464 tad-Deċiżjoni, u li huma mfakkra mill-Kummissjoni.

117    Il-fatt li Chisso hija meqjusa bħala l-ewwel impriża li kienet ikkooperat mhuwiex ibbażat fuq l-osservazzjonijiet mibgħuta minn din tal-aħħar, fl-20 ta’ April 1999, iżda fuq id-dokumenti ppreżentati fit-13 ta’ Novembru 1998. Il-prologazzjonijiet tat-terminu ma kellhomx għalhekk bħala effett li jirrikonoxxu retroattivament li Chisso kienet l-ewwel li tikkoopera.

118    Jekk l-intenzjoni ta’ Hoechst hija li tafferma li jirriżulta minn dan id-dokument li Chisso lanqas ma ssodisfat il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-Taqsima B(d) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument tagħha ma jistax jiġi aċċettat, billi ħadd ma jista’ jinvoka għall-benefiċċju tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, Ġabra p. II-10, punt 373). Barra minn hekk, anki jekk Chisso kellha effettivament titlef il-benefiċċju tat-Taqsima B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, dan ma jkollu ebda riperkussjoni fuq Hoechst.

119    Il-Kummissjoni żżid li l-elementi meħtieġa sabiex tiġi applikata t-Taqsima B(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 huma dawk li huma determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju. Kuntrarjament għall-opinjoni ta’ Hoechst, l-elementi li jqiegħdu biss lill-Kummissjoni f’pożizzjoni li tipproċedi għal verifika mhumiex suffiċjenti.

120    Hu veru li l-informazzjoni pprovduta oralment mhijiex eskluża a priori. Madankollu, din hija irrilevanti fiha nfisha fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-Taqsima B(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 u ssir biss rilevanti meta din hija rreġistrata fuq apparat adegwat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 505).

121    It-tħejjija ta’ minuti għal dan il-għan mill-Kummissjoni kellu jiġi espressament mitlub lilha (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar’il fuq, punt 502), f’kull każ sakemm dan ma kienx suġġerit mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-prattika amministrattiva tagħha. Barra minn dan, il-minuti jistgħu jikkontribwixxu sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju biss jekk il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni.

122    It-tielet, fir-rigward tal-irregolaritajiet li vvizzjaw il-proċedura amministrattiva, Hoechst tislet mill-ittra tas-26 ta’ Marzu 1999 li Chisso ma ssodisfatx lanqas il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-Taqsima B(b) tal- Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Dan l-argument għandu jiġi miċħud minħabba li ħadd ma jista’ jinvoka għall-benefiċċju tiegħu illegalità mwettqa favur ħaddieħor.

123    Barra minn dan, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-Taqsima B(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 humiex sodisfatti għandha, skont il-Kummissjoni, tiġi deċiża każ b’każ. Wieħed mill-elementi importanti f’dan il-kuntest huwa li jkun magħruf jekk il-komportament tal-impriża kkonċernata rriżulta f’tul tal-proċedura li mhuwiex insinjifikanti. Jekk wieħed jikkunsidra l-proċedura fit-totalità tagħha, hu ovvju li dan ma kienx il-każ hawnhekk. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li Hoechst bagħtet it-tieni parti tal-osservazzjonijiet tagħha biss f’April 1999, ftit jiem wara l-preżentata minn Chisso tad-dikjarazzjonijiet tagħha (ikklassifikati bħala tardivi minn Hoechst).

124    Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkontesta ċerti affermazzjonijiet fattwali li jinsabu fl-osservazzjonijiet ta’ Hoechst.

 Fuq it-talba li jitwettqu investigazzjonijiet ġodda

125    Il-Kummissjoni ssostni li kienet tabilħaqq saret investigazzjoni, iżda li ma tatx riżultati favorevoli għal Hoechst. L-uffiċjal responsabbli mill-każ f’dak iż-żmien kien ġie b’mod partikolari interrogat u kien ikkonferma li Chisso ma kinitx irċeviet twissija dwar il-possibbiltà li impriża oħra tgħaddiha fir-rigward ta’ kooperazzjoni. Chisso ma kinitx ġiet imwissija f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tirreferi dwar dan il-punt għall-premessa 458, in fine, tad-Deċiżjoni.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

126    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li Hoechst tinvoka, diversi drabi fil-kuntest tal-ewwel motiv, ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali, insostenn tal-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Dawn l-argumenti huma wkoll żviluppati mill-ġdid fil-kuntest tat-tmien u tad-disa’ motivi, li huma intiżi sabiex tinkiseb tnaqqis tal-multa.

127    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li għandhom l-ewwel jiġu eżaminati dawn l-argumenti qabel ma jiġi analizzat, b’mod iktar speċifiku, il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl allegat minn Hoechst.

a)     Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali

128    Għandu jiġi mfakkar li, fi proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, din tal-aħħar hija obbligata tosserva l-garanziji proċedurali previsti mid-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il-Kummissjoni, T‑348/94, Ġabra p. II‑1875, punt 56).

129    Fost il-garanziji mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi jinsab b’mod partikolari l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu hu marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T‑44/90, Ġabra p. II‑1, punt 86, u ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar’il fuq, punt 99).

130    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-impriżi, tikser dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li, skont ġurisprudenza stabbilità, huwa miksur meta sitwazzjonijiet simili huma ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament mhuwiex oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 237, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 453).

131    F’dan il-każ, l-ewwel, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta’ Hoechst li l-Kummissjoni kienet tat lil Chisso, fil-Ħarifa tal-1998, dak li rrifjutatilha fl-istess ħin, jiġifieri r-rikonoxximent ta’ kontribuzzjonijiet orali bħala atti ta’ kooperazzjoni, u għar-raġunijiet esposti fil-punti 572 sa 578 iktar’il quddiem, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis finalment il-kontribuzzjonijiet orali ta’ Hoechst bħala atti ta’ kooperazzjoni u, min-naħa l-oħra, f’kull każ, li l-fatt li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti kontribuzzjonijiet orali rriżulta mill-inċertezza dwar il-kooperazzjoni effettiva ta’ Hoechst fil-bidu tal-proċedura. L-argumenti ta’ Hoechst f’dan ir-rigward għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

132    It-tieni, fir-rigward tan-nota interna tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 1998, dwar b’mod partikolari l-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998, li tippreċiża li “l-avukati [...] tal-inqas kienu qablu sabiex iżommu l-laqgħat miftiehma, wara telefonati tad-[Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni]”, għandu jiġi kkunsidrat li l-konversazzjonijiet telefoniċi li saru fuq l-inizjattiva tas-servizzi tal-Kummissjoni rriżultaw mill-fatt li dawn is-servizzi kienu diġà ltaqgħu, fid-29 ta’ Settembru 1998, mal-avukati ta’ Chisso, mingħajr ma kien hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-identità ta’ Chisso kienet ġiet, jew le, uffiċjalment żvelata. Kif tinnota l-Kummissjoni fin-nota interna tagħha tal-1 ta’ Ottubru 1998, kien ġie miftiehem li l-avukati jerġgħu jikkuntattjaw is-servizzi tal-Kummissjoni f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata. Il-fatt li, f’dan il-kuntest, is-servizzi tal-Kummissjoni reġgħu bdew dawn il-kuntatti, mhuwiex tali li jqiegħed dubju fuq ir-regolarità tal-proċeduri f’dan ir-rigward.

133    It-tielet, fir-rigward tal-fatt li t-talbiet għal investigazzjonijiet supplimentari ta’ Hoechst baqgħu bla segwitu, għandu jiġi kkonstatat li t-talba ta’ Hoechst, materjalizzata b’ittra tat-22 ta’ Jannar 2003 indirizzata lill-uffiċjal tas-seduta, kienet tifforma parti minn talba għal aċċess għal dokumenti interni dwar il-kuntatti telefoniċi bejn il-Kummissjoni u Chisso, minn Settembru 1998 sa April 1999. Iktar preċiżament, Hoechst stiednet lill-uffiċjal tas-seduta jinvestiga fuq l-imsemmija kuntatti telefoniċi. Issa, jirriżulta mir-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta li, “[wara l]-ilmenti ppreżentati minn Hoechst u Nutrinova”, dan tal-aħħar kien “eżamina n-noti interni tas-servizzi tal-Kummissjoni sa fejn [dawn] tal-aħħar [kienu] jeżistu”. L-affermazzjoni ta’ Hoechst li t-talba tagħha baqgħet bla segwitu hija għaldaqstant fattwalment inkorretta.

134    Ir-raba’, dwar l-allegazzjoni li kien hemm attitudni parzjali jew trattament mhux ugwali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni indikat, f’nota interna tad-9 ta’ Novembru 1998 li tirreferi għall-ewwel laqgħat miżmuma ma’ Chisso u Hoechst, dan li ġej:

“Aħna ovvjament ma informajnihomx [jiġifieri lill-avukati ta’ Chisso] li impriżi oħra [pprovdew] ukoll informazzjoni, u lanqas ma informajna lil dawn l-impriżi l-oħra li [...] Chisso [kienet] resqet talba għal immunità.

135    Issa, jirriżulta mir-rendikont tal-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998 li nżammet bejn Chisso u l-Kummissjoni, li wieħed mill-uffiċjali responsabbli minn dan il-każ indika li “tingħata twissija leali jekk impriża oħra tipprova tgħaddi lil Chisso taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”.

136    Minn dan jirriżulta, minn naħa, li, fid-9 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni weriet b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li ma tiżvelax lill-impriżi li kkooperaw, b’mod partikolari lil Hoechst, il-fatt li impriżi oħra kienu ħadu passi quddiem is-servizzi tagħha sabiex jiksbu immunità minn multa filwaqt li, min-naħa l-oħra, fit-13 ta’ Novembru 1998, jiġifieri ftit ġranet iktar tard, hija żgurat lil Chisso li hija ser tiġi mwissija jekk impriżi oħra ppruvaw jgħadduha fir-rigward ta’ kooperazzjoni.

137    Dawn l-elementi jwasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tixtieq tenfasizza f’dan ir-rigward li, anki jekk id-dikjarazzjoni tal-uffiċjal ikkonċernat fil-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998 ma turix li l-wegħda magħmula lil Chisso ġiet realment implementata sussegwentement, din tikkostitwixxi xorta waħda nuqqas ta’ twettiq taż-żewġ prinċipji fuq imsemmija.

138    Għandu jiġi nnotat, f’dan l-istadju, li Hoechst ma titlobx l-annullament tad-Deċiżjoni sa fejn il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali. Madankollu, peress li l-ksur tal-imsemmija prinċipji ġie invokat insostenn tal-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, li ser jiġi analizzat iktar’il quddiem, u sa fejn l-argumenti ta’ Hoechst huma żviluppati mill-ġdid fil-kuntest tat-tmien u tad-disa’ motivi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, għandha ssir verifika dwar l-impatt tan-nuqqas ikkonstatat fil-punt 137 preċedenti fuq il-kontenut tad-Deċiżjoni.

139    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi nnotat li l-illegalità kkonstatata fil-punt 137 iktar’il fuq mhijiex ta’ natura li tikkontesta l-ksur ikkonstatat fid-Deċiżjoni li hu bbażat, sa mill-bidu nett, fuq provi dokumentati. Barra minn dan, Hoechst ma resqet ebda argument f’dan is-sens.

140    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-impriżi, jirriżulta mill-premessa 440 tad-Deċiżjoni, dan li ġej:

“Matul laqgħa li nżammet fit-13 ta’ Novembru 1998, Chisso ddeskrivit oralment l-attivitajiet tal-akkordju u pprovdiet provi bil-miktub [...] Il-Kummissjoni tikkunsidra li, f’din l-okkażjoni, Chisso kienet l-ewwel impriża li pprovdiet elementi determinanti tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju kkonstatat permezz ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

141    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq id-deskrizzjoni orali tal-attivitajiet tal-akkordju u fuq il-provi bil-miktub mogħtija matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, u mhux iktar tard, sabiex tikkonkludi li Chisso kienet l-ewwel impriża li pprovdiet elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju.

142    F’dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk jiġi supponut li Chisso ġiet imwassla sabiex tikkoopera iktar mal-Kummissjoni, wara t-13 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal riżultat differenti fid-Deċiżjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, bla ħsara għall-eżami tat-tmien u tad-disa’ motivi mressqa minn Hoechst li huma intiżi sabiex juru li, fil-mertu, l-elementi mogħtija minn Chisso fit-13 ta’ Novembru 1998 ma kinux determinanti. Kien ikun l-istess li kieku Hoechst kienet ġiet imwassla sabiex tikkoopera iktar, wara t-13 ta’ Novembru 1998, wara li saret taf bil-kooperazzjoni ta’ Chisso.

143    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-illegalità kkonstatata fil-punt 137 iktar ‘il fuq mhijiex ta’ natura li taffettwa l-validità tad-Deċiżjoni fir-rigward, minn naħa, tal-konstatazzjoni tal-ksur u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li Chisso kienet l-ewwel li tikkoopera.

144    Indipendentement mill-kwistjoni tal-impatt tal-illegalità kkonstatata fil-punt 137 iktar’il fuq fuq id-dritt ta’ aċċess għall-fajl li ser tiġi eżaminata iktar’il quddiem, u għalhekk tal-kwistjoni tal-impatt tagħha fuq il-validità tad-Deċiżjoni fit-totalità tagħha, u sa fejn l-argumenti mressqa minn Hoechst huma żviluppati mill-ġdid fil-kuntest tat-tmien u tad-disa’ motivi li huma intiżi sabiex tinkiseb tnaqqis tal-multa kkonċernata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżerva, f’dan l-istadju, il-pożizzjoni tagħha dwar tibdil eventwali tal-imsemmija multa.

b)     Fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

145    Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina t-totalità tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn tal-aħħar jinkludu kemm id-dokumenti li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, salv is-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Fir-rigward tal-elementi li jinkriminaw, l-impriża kkonċernata għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu sabiex takkuża lil din l-impriża kellu jiġi skartat bħala prova li tinkrimina. Fir-rigward tal-elementi li jiskaġunaw, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom seta’ jinfluwenza, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti li jiskaġunaw għad-difiża tagħha, fis-sens li, li kieku hija setgħet tagħmel użu minnhom matul il-proċedura amministrattiva, hija setgħet tinvoka elementi li ma jaqblux mad-deduzzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u setgħet għalhekk tinfluwenza, b’xi mod kwalunkwe, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni eventwali, tal-inqas fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-komportament li ġiet akkużata bih, u, għaldaqstant, tal-livell tal-multa. Il-possibbiltà li dokument mhux żvelat seta’ kellu influwenza fuq l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tiġi stabbilita biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juru li d-dokumenti mhux żvelati setgħu kellhom – fir-rigward ta’ dawn il-provi – importanza li ma kienx imissha ġiet injorata (ara sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq, punti 73 sa 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li m’għandux biss jappartjeni lill-Kummissjoni waħedha, li tinnotifika l-oġġezzjonijiet u tieħu d-deċiżjoni li timponi l-multa, sabiex tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata. Madankollu, hija tista’ teskludi mill-proċedura amministrattiva l-elementi li m’għandhom ebda relazzjoni mal-allegazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li huma, għaldaqstant, irrelevanti għall-investigazzjoni. Rikorrent ma jistax utilment jinvoka n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti irrilevanti bħala motiv ta’ annullament (ara sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq, punt 126, u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl jista’ jwassal għal annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni biss jekk l-aċċess irregolari għall-fajl tal-investigazzjoni matul il-proċedura amministrattiva kien ipprekluda lill-impriża jew lill-impriżi kkonċernati milli jkunu jafu dwar id-dokumenti li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħhom u kien, b’dan il-mod, kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Dan ikun il-każ jekk l-iżvelar ta’ dokument kellu ċans, anki żgħir, li jwassal il-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti fis-sitwazzjoni fejn l-impriża kkonċernata setgħet tagħmel użu minnu matul l-imsemmija proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq, punti 101 u 131).

149    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi evalwat jekk kienx hemm ksur tad-dritt ta’ aċċess ta’ Hoechst għall-fajl f’dan il-każ fir-rigward, minn naħa, tal-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002 bl-annessi tagħha u, min-naħa l-oħra, tad-dokumenti interni relattivi għall-kuntatti telefoniċi bejn il-Kummissjoni u Chisso, minn Settembru 1998 sa April 1999.

 Fuq l-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002 bl-annessi tagħha

150    L-ewwel, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ddeċidiet li tintegra l-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha, f’verżjoni mhux kunfidenzjali, fil-fajl tal-investigazzjoni aċċessibbli għall-impriżi li huma parti fil-proċeduri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat neċessarjament li dawn id-dokumenti kienu rilevanti għall-investigazzjoni.

151    It-tieni, l-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha, ma kinitx ġiet użata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni sabiex tistabbilixxi li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur. Għaldaqstant dawn ma jikkonsistux f’elementi ta’ prova li tinkrimina.

152    It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li Hoechst kellha effettivament aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha. Madankollu, dawn id-dokumenti, fil-forma li saret aċċessibbli lil Hoechst matul il-proċedura amministrattiva, kienu komposti minn 101 paġna, li kważi kollha kienu vojta u mħassra permezz tal-kliem “Sigrieti kummerċjali”. Ebda verżjoni mhux kunfidenzjali iktar komprensibbli, u lanqas sunt tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, ma ġie ipprovdut matul il-proċedura amministrattiva. Biss lista li tinkludi d-data tad-dokumenti inkwistjoni, il-mittent u d-destinatarju u kif ukoll, meta kien il-każ, is-suġġett, kienu msemmija fl-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha, fil-forma magħmula aċċessibbli għal Hoechst matul il-proċedura amministrattiva, tista’ titqies, fil-fatt, bħala nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti kkonċernati li, sa fejn dawn kienu jgħamlu parti mill-fajl, kienu rilevanti għall-investigazzjoni.

153    Ir-raba’, għandu jiġi enfasizzat li aċċess iktar adegwat għall-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha, kien intalab diversi drabi minn Hoechst matul il-proċedura amministrattiva. Dan l-aċċess kien ġie rrifjutat, skont il-kliem tal-premessa 26 tad-Deċiżjoni, minħabba li Chisso kienet talbet it-trattament kunfidenzjali. Issa, il-Kummissjoni ma tistax tirreferi, b’mod ġenerali, għall-kunfidenzjalità sabiex tiġġustifika r-rifjut totali ta’ żvelar tad-dokumenti tal-fajl tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 1017). Fil-fatt, id-dritt tal-impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom għandu jiġi mwieżen mal-garanzija tad-dritt ta’ aċċess għat-totalità tal-fajl (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Ciment”, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 147).

154    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, b’kunsiderazzjoni għat-talba espressa ta’ Hoechst f’dan is-sens, il-Kummissjoni setgħet tipprepara, jew tordna li tiġi ppreparata, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kkonċernati jew, meta jkun il-każ, jekk dan jirriżulta diffiċli, tistabbilixxi lista tad-dokumenti kkonċernati kif ukoll sunt mhux kunfidenzjali suffiċjentement preċiż tal-kontenut tagħhom.

155    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi kkunsidrat li l-aċċess ta’ Hoechst għall-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha, ma kienx ġie organizzat b’mod regolari mill-Kummissjoni.

156    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl jista’ jwassal għal annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni biss jekk l-aċċess irregolari għall-fajl tal-investigazzjoni matul il-proċedura amministrattiva pprekluda lill-impriża jew lill-impriżi kkonċernati milli jieħdu konjizzjoni ta’ dokumenti li setgħu jkunu utli għad-difiża tagħhom u, b’dan il-mod, kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

157    Hu f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Prim’Istanza adottat il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punti 32 sa 35 iktar’il fuq u li Hoechst setgħet tippreżenta osservazzjonijiet addizzjonali fuq id-dokumenti kompleti li kienu b’hekk inġiebu għall-konoxxenza tagħha.

158    Għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, preliminarjament, li ċerti dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni, b’mod partikolari ittra ta’ Chisso tal-11 ta’ Jannar 1999, kienu ġew ippreżentati fuq it-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza sa fejn id-Deċiżjoni rriferiet għalihom sabiex tikkonstata li Chisso kienet ipprovdiet, matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, deskrizzjoni orali tal-attivitajiet tal-akkordju kif ukoll elementi ta’ prova. Huwa barra minn hekk stabbilit li dawn id-dokumenti għamlu parti mill-fajl tal-investigazzjoni li huwa aċċessibbli għall-partijiet fil-proċeduri, fatt li l-Kummissjoni tikkonferma fl-osservazzjonijiet tagħha mingħajr ma’ dan il-punt mhuwa kkontestat minn Hoechst. F’dawn il-kundizzjonijiet, Hoechst ma tistax validament issostni ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl f’dan ir-rigward.

159    Għal dak li jirrigwarda l-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002, bl-annessi tagħha, l-osservazzjonijiet addizzjonali ta’ Hoechst jirrigwardaw speċifikament wieħed minn dawn l-annessi, jiġifieri ittra ta’ Chisso tas-26 ta’ Marzu 1999.

160    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni dwar liema impriża kienet l-ewwel sabiex tipprovdi elementi determinanti kienet ġiet stabbilita, f’dan il-każ, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni. F’ebda mument tal-proċedura, il-Kummissjoni ma kienet informat lill-impriżi jekk huma jibbenefikawx, jew le, minn immunità ta’ multa. F’dawn il-kundizzjonijiet, in-nuqqas ta’ żvelar tal-ittra ta’ Chisso tas-26 ta’ Marzu 1999 ma setax ikollu impatt fuq id-drittijiet tad-difiża ta’ Hoechst matul il-proċedura amministrattiva.

161    F’kull każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-ittra ta’ Chisso tas-26 ta’ Marzu 1999 ma tistax tbiddel il-konklużjoni tal-Kummissjoni li Chisso kienet l-ewwel impriża sabiex tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din il-konklużjoni kinitx fondata jew le. Fil-fatt, l-ittra ta’ Chisso tas-26 ta’ Marzu 1999 hija intiża sabiex tispjega d-dewmien ta’ din l-impriża sabiex tipprovdi “rendikont tal-fatti”. Dan ma jistax inaqqas mill-fatt li, matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, u skont il-Kummissjoni, Chisso pprovdiet deskrizzjoni orali tal-attivitajiet tal-akkordju kif ukoll elementi ta’ prova bil-miktub. Bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tagħti termini addizzjonali lil Chisso biex tipprovdi elementi fattwali addizzjonali, wara l-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, ma jistax ikollu effett fuq il-fatt li hija kienet l-ewwel waħda sabiex tikkoopera, ladarba din il-konklużjoni hija bbażata fuq l-uniċi elementi mressqa matul din il-laqgħa.

162    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi miċħud l-motiv imqajjem minn Hoechst, għal dak li jirrigwarda l-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002 bl-annessi tagħha.

 Fuq id-dokumenti interni dwar il-kuntatti telefoniċi li saru bejn il-Kummissjoni u Chisso, minn Settembru 1998 sa April 1999

163    Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li Hoechst talbet sabiex ikollha aċċess, matul il-proċedura amministrattiva, biss għad-dokumenti interni dwar il-kuntatti telefoniċi bejn il-Kummissjoni u Chisso, li saru minn Settembru 1998 sa April 1999. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, minn ittra mibgħuta minn Hoechst lill-uffiċjal tas-seduta fit-22 ta’ Jannar 2003, u dan ġie kkonfermat matul is-seduta.

164    Għandu jiġi mfakkar, wara, li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina t-totalità tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha, salv, b’mod partikolari, tad-dokumenti interni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq, punt 68).

165    Ir-restrizzjoni ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Kummissjoni fil-qasam tat-trażżin tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat. Id-dokumenti interni tal-Kummissjoni jistgħu jkunu aċċessibbli biss jekk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ jirrikjedu hekk, fuq il-bażi ta’ indizji serji li għandha tkun il-parti interessata li tipprovdi (ara sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Ciment, punt 153 iktar’il fuq, punt 420, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 40).

166    F’dan il-każ, għar-raġunijiet esposti fil-punti 128 sa 144 iktar’il fuq, l-argumenti mressqa minn Hoechst dwar ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali ġew miċħuda, ħlief għal dak li jirrigwarda l-garanzija li ġiet mogħtija lil Chisso, matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, li hija kienet ser tiġi mwissija jekk impriża oħra tipprova tgħaddiha fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

167    Kif ġie indikat fil-punt 143 iktar’il fuq, l-illegalità kkonstatata f’dan ir-rigward mhijiex ta’ natura li taffettwa l-validità tad-Deċiżjoni għal dak li jikkonċerna, minn naħa, il-konstatazzjoni tal-ksur u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-impriża li kienet l-ewwel li kkooperat u għalhekk l-għoti tal-immunità mill-multa.

168    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ebda indizju serju ma jeżisti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar’il fuq, li jiġġustifika aċċess ta’ Hoechst għad-dokumenti interni kkonċernati. Għal din ir-raġuni, il-motiv ta’ Hoechst, fir-rigward tal-ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti interni dwar il-kuntatti telefoniċi li saru bejn il-Kummissjoni u Chisso, minn Settembru 1998 sa April 1999, għandu jiġi miċħud.

169    Sussidjarjament, u f’xewqa ta’ manifestazzjoni tal-verità fid-dawl tal-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali rrilevat preċedentement, il-Kummissjoni ġiet ordnata, fuq il-bażi tal-Artikolu 65(b) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi d-dokumenti interni kkonċernati għall-finijiet ta’ verifika mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, id-dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti matul il-verifika, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tan-natura kunfidenzjali tagħhom kif ukoll tar-rilevanza tagħhom għas-soluzzjoni tal-kawża.

170    Fil-kuntest ta’ din il-verifika, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li d-dokumenti interni kkonċernati ma kinux apparentament jinkludu elementi ta’ prova rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunfidenzjalità normalment relatata ma’ dan it-tip ta’ dokumenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tirtirhom mill-proċess u li terġa’ tirreferihom lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2002, Tetra Laval vs Il-Kummissjoni, T‑5/02, Ġabra p. II‑4381, punt 78, u, b’analoġija, digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Diċembru 1997, NMH Stahlwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑134/94, T‑136/94 sa T‑138/94, T‑141/94, T‑145/94, T‑147/94, T‑148/94, T‑151/94, T‑156/94 u T‑157/94, Ġabra p. II‑2293, punti 40, 44 u 45).

171    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, u mingħajr mhemm lok li wieħed jirrikori għall-miżuri ta’ organizzazzjoni jew istruttorji addizzjonali mitluba minn Hoechst ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li hija suffiċjentement infurmata mid-dokumenti tal-proċess, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura inkompleta tar-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta

1.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

172    Hoechst tfakkar li hija indirizzat diversi kritiki lill-uffiċjal tas-seduta dwar l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva u b’mod partikolari l-fatt li, l-ewwel, hija ma kinitx tħalliet tikkoopera permezz ta’ xhieda orali filwaqt li din il-forma ta’ kooperazzjoni kienet ġiet permessa lil Chisso; it-tieni, hija ġiet irrifjutata laqgħat ġodda mal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni filwaqt li laqgħat tali ġew issuġġeriti lil Chisso u, it-tielet, kien ġie illegalment imwiegħed lil Chisso li kienet ser tiġi mwissija jekk partijiet oħra ppruvaw “jgħadduha” fil-kooperazzjoni.

173    Sa fejn dawn il-kritiki ma ġewx imsemmija fir-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta, il-Kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni li adotta d-Deċiżjoni ma kienx korrettament infurmat bil-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Hoechst.

174    Skont Hoechst, l-uffiċjal tas-seduta ikkunsidra b’mod żbaljat – u mingħajr motivazzjoni partikolari – li l-fatt li l-kritiki esposti preċedentement huma ġġustifikati jew le kien irrilevanti. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar’il fuq (punt 104), Hoechst tenfasizza li hu possibbli li n-nuqqas ta’ oġġettività fil-kondotta tal-proċedura ma jinfluwenzax ir-regolarità ta’ deċiżjoni b’mod sinjifikanti u kuntrarju għad-drittijiet tad-difiża, jekk dan in-nuqqas ta’ oġġettività jirriżulta biss minn “parzjalità fi ħsibijiet” tal-membru tal-persunal tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, Hoechst tikkunsidra li evalwazzjoni ġuridika oħra għandha tiġi kkunsidrata meta, bħal f’din il-kawża, hemm riperkussjonijiet fl-atti ta’ proċedura li jiffavorixxu unilateralment lil parti.

175    Minn dan Hoechst tikkonkludi li l-uffiċjal tas-seduta kien imissu vverifika dawn l-elementi u esponihom fir-rapport finali tiegħu, sabiex jitrażmetti lill-membri tal-Kummissjoni responsabbli mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni imaġni fidila tal-iżvolġiment tal-proċeduri.

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

176    Ir-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta għandu bħala funzjoni li jikkompleta l-abbozz ta’ deċiżjoni ppreżentata lill-membri tal-Kummissjoni.

177    Filwaqt li tirreferi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, p. 21 iktar ‘il quddiem it-“termini ta’ riferenza”), il-Kummissjoni tikkunsidra li, f’dan il-każ, ir-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta jissodisfa pjenament il-funzjoni tiegħu. Dan juri li ma kienx hemm ksur tad-dritt tas-smigħ tal-partijiet, taħt kwalunkwe aspett. Barra minn dan, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar’il fuq (punt 53), il-Kummissjoni tikkunsidra li, fir-rapport finali, l-uffiċjal tas-seduta ma kienx obbligat jagħti d-dettalji tal-ilmenti ta’ ordni proċedurali.

178    Fir-rapport finali, l-uffiċjal tas-seduta mar anki lil hinn minn dak li kien strettament neċessarju billi jsemmi l-imsemmija lmenti u billi jindika għal liema raġuni dawn mhumiex determinanti. B’hekk, ir-rapport isemmi li ġew allegati “żbalji ta’ proċedura”, b’mod partikolari “diskriminazzjonijiet meta mqabbla ma’ Chisso fuq sensiela sħiħa ta’ punti relatati mal-kooperazzjoni”. Barra minn dan, l-uffiċjal tas-seduta jippreċiża li hu bbenefika minn dawn il-kritiki sabiex jagħti “attenzjoni partikolari” għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward fl-abbozz ta’ deċiżjoni. Kien ikun inutli li jiġu pprovduti iktar preċiżjonijiet fir-rapport finali, inkwantu d-Deċiżjoni stess titratta wkoll il-kritiki kkonċernati (premessi 453 u 458).

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

179    Skont l-Artikolu 1 tat-termini ta’ riferenza, il-Kummissjoni għandha taħtar uffiċjal tas-seduta wieħed jew aktar “li għandu jassigura li l-eżerċizzju effettiv tal-jedd [dritt] tas-smiegħ ikun rispettat fil-proċedura dwar il-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni”.

180    L-Artikolu 13(1) tat-termini ta’ riferenza jippreċiża:

“L-uffiċjal tas-seduta għandu jirrapporta lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni dwar is-seduta u l-konklużjonijiet li jirriżultawlu, f’dak li hu r-rispett għad-dritt li jinstemgħa. L-osservazzjonijiet f’dan ir-rapport għandhom ikunu relatati mal-materji proċedurali, inkluż l-iżvelar u l-aċċess għall-fajl, limitazzjonijiet tal-ħin biex issir risposta għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u t-tmexxija kif jixraq tas-smiegħ orali.”

181    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 15 tat-termini ta’ riferenza:

“L-uffiċjal tas-seduta għandu, abbażi tal-abbozz tad-deċiżjoni li ser tkun mibgħuta lill-Kumitat Konsultattiv fil-każ in-kwistjoni, jipprepara rapport finali bil-miktub dwar ir-rispett lejn id-dritt tas-smigħ, kif imsemmmi fl-Artikolu 13(1). Dan ir-rapport għandu jikkonsidra wkoll jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jitrattax biss l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jagħmlu l-veduti tagħhom magħrufa”.

182    Skont l-Artikolu 16(1) tat-termini ta’ riferenza, “[i]r-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta għandu jinhemeż mal-abbozz tad-deċiżjoni mogħti lill-Kummissjoni, sabiex ikun assigurat li, meta din tieħu deċiżjoni dwar xi każ individwali, l-Kummissjoni tkun mgħarrfa bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kors tal-proċedura u r-rispett tad-dritt tas-smigħ”.

183    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa minn Hoechst insostenn tal-motiv tagħha, li jirrepetu dawk diġà invokati fil-kuntest tal-ewwel motiv relattiv għad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li d-dritt tas-smigħ ta’ Hoechst ma kienx ġie rrispettat fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni.

184    Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali, ikkonstatat fil-punt 137 iktar’il fuq, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmi ksur ma jirrigwardax id-dritt tas-smigħ ta’ Hoechst, fis-sens tat-termini ta’ riferenza.

185    Mill-bidu nett, l-uffiċjal tas-seduta jippreċiża, fir-rapport finali tiegħu, li “l-azzjonijiet tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-partijiet ma kellhom ebda impatt fuq ir-riżultati tal-każ dwar [il-klemenza]”. Dan huwa konsistenti mal-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, li l-illegalità kkonstatata fil-punt 137 iktar’il fuq mhijiex tali li taffettwa l-validità tad-Deċiżjoni għal dak li għandu x’jaqsam, b’mod partikolari, mad-determinazzjoni tal-impriża li kienet l-ewwel sabiex tikkoopera.

186    Barra minn dan, għandu jiġi nnotat li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrepeti, fil-premessa 453, l-ilmenti proċedurali mressqa minn Hoechst u li hija tirrispondi għalihom, b’mod partikolari fil-premessa 458. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi sostnut, kif tagħmel Hoechst, li l-Kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni ma kienx suffiċjentement infurmat.

187    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

II –  Fuq it-tlettax il-motiv, intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni sa fejn dan jirrigwarda lil Hoechst

A –  L-argumenti tal-partijiet

1.     L-argumenti ta’ Hoechst

188    Hoechst issostni li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fil-premessa 298 tad-Deċiżjoni, li l-akkordju ġie fit-tmiem tiegħu mhux iktar tard minn Novembru 1996, itelfu mill-bażi fattwali tagħha l-ordni li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni.

189    Jekk, seba’ snin wara t-tmiem tal-akkordju, il-Kummissjoni kienet għada trid tordna li l-ksur jieqaf, hemm bżonn ta’ indizji suffiċjenti ta’ kontinwazzjoni tal-ksur. Inkella, din tkun miżura bbażata fuq sempliċi suspett, li jkun kuntrarju għall-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17. Barra mill-effett dannuż li dan jista’ jkollu fuq ir-reputazzjoni tad-destinatarju tad-Deċiżjoni, dan jista’ jikkawżalu diffikultajiet marbuta ma’ kawżi ċivili li partijiet terzi jistgħu jiftħu kontrih.

190    Barra minn dan, l-illegalità tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni hija evidenti, peress li Hoechst isseparat ruħha, fl-1996, mill-parti ta’ attivitajiet tagħha fis-settur tas-sorbati, parti ta’ attivitajiet li hija kienet kompletament ċediet fl-1997 lil kumpannija terza kompletament barranija għall-grupp tagħha, Celanese AG.

191    Minn dan Hoechst tikkonkludi li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni għandu jiġi annullat sa fejn dan jirrigwardaha.

2.     L-argumenti tal-Kummissjoni

192    Il-Kummissjoni tindika li, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar’il fuq, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni jinkludi riżerva espliċita, jiġifieri “jekk huma ma għamlux dan diġà”. Hija tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkonstatat, f’din il-kawża li, “[f]ir-rigward tal-motiv imqajjem minn Hoechst […] [kien biżżejjed] li jiġi nnotat li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni [kien] indirizzat espliċitament għall-impriżi ‘li għadhom attivi fis-settur tal-PVC’” u li “għaldaqstant, l-argument insostenn ta’ din il-konklużjoni [kien] manifestament infondat” (punt 1247).

193    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li hija ma kinitx obbligata tistabbilixxi definittivament jekk il-ksur li seħħ f’ċertu żmien kienx kompla anki fiż-żmien meta d-Deċiżjoni kienet ġiet adottata jew jekk dan kienx diġà ntemm. Il-Kummissjoni tenfasizza, barra minn dan, li l-partijiet kienu rnexxilhom jaġixxu bl-iktar mod sigriet għal kważi għoxrin sena (premessa 306 tad-Deċiżjoni) u li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kien mandat ta’ inibizzjoni preventiv (premessa 307 tad-Deċiżjoni). Iċ-ċessjoni tal-parti ta’ attivitajiet ta’ Hoechst fis-settur tas-sorbati ma kinitx ipprekludiet lill-Kummissjoni milli tindirizza ordni li skontha l-obbligu li jintemm il-ksur jikkonċerna lill-impriża biss “jekk hija ma [kinitx] għamlet dan diġà”.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

194    Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li jirriżulta b’mod ċar mir-rikors li, permezz tat-tlettax-il motiv tagħha, Hoechst titlob l-annullament tal-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni sa fejn dan jirrigwardaha.

195    Fuq il-mertu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni jinkludi, fil-fatt, żewġ ordnijiet.

196    L-ewwel, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-impriżi kkonċernati jtemmu, jekk huma għadhom m’għamlux dan diġà, il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni. Fuq dan il-punt, sa fejn Hoechst ma eżerċitatx iktar attivitajiet fis-settur tas-sorbati fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, l-argument imressaq kontra din id-dispożizzjoni huwa manifestament irrilevanti billi Hoechst, għalkemm hija fost l-impriżi elenkati fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni, ma kinitx ikkonċernata, fil-fatt, mill-ordni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar’il fuq, punt 1247). Din iċ-ċirkustanza trendi wkoll ineffettivi l-argumenti mressqa minn Hoechst fir-rigward tad-dannu għar-reputazzjoni tagħha jew dwar il-possibbiltà li partijiet terzi jiftħu kawżi ċivili kontriha.

197    It-tieni, l-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni jirrikjedi li l-impriżi elenkati jastjenu ruħhom minn issa’il quddiem minn kull att jew komportament deskritt fl-Artikolu 1, kif ukoll minn kull miżura li għandha għan jew effett ekwivalenti.

198    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 tista’ tinkludi l-projbizzjoni ta’ tkomplija ta’ ċerti attivitajiet, prattiki jew sitwazzjonijiet li l-illegalità tagħhom tkun ġiet ikkonstatata, iżda wkoll projbizzjoni li jiġi adottat komportament futur simili. Obbligi tali li huma ta’ piż fuq l-impriżi m’għandhomx madankollu jeċċedu l-limiti ta’ dak li hu adegwat u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara s-sentenza Ciment, punt 153 iktar’il fuq, punti 4704 u 4705, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn dan, is-setgħa tal-Kummissjoni li toħroġ ordnijiet għandha tiġi applikata skont in-natura tal-ksur ikkonstatat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 45; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T‑228/97, Ġabra p. II‑2969, punt 298, u tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T‑128/98, Ġabra p. II‑3929, punt 82).

199    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni, li Hoechst u impriżi oħra kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw, matul perijodu li barra minn hekk kien twil ħafna, fi ftehim kumpless, uniku u kontinwu u fi prattiki miftiehma fis-settur tas-sorbati, li fil-kuntest tagħhom huma kienu ftiehmu li jiffissaw miri ta’ prezzijiet u li jallokaw kwoti ta’ volum, li jiddefinixxu sistema ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u li ma jipprovdux teknoloġija lill-kandidati meta jidħlu fis-suq. Hoechst ma tikkontestax id-Deċiżjoni f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi ordnat lill-impriżi kkonċernati jastjenu ruħhom fil-futur, fil-kuntest tas-suq tas-sorbati, minn kull miżura li jista’ jkollha għan jew effett ekwivalenti, il-Kummissjoni ma marritx lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17.

200    Il-fatt li Hoechst ma kinitx teżerċita iktar attivitajiet fis-settur tas-sorbati fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni jew li l-Kummissjoni tosserva fil-premessa 298 tad-Deċiżjoni li l-akkordju kien ġie mitmum l-iktar tard f’Novembru 1996 ma jistax iqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni. Fil-fatt, ordni bħal din f’dan il-każ hija, min-natura tagħha, preventiva u ma tiddependix mis-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

201    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tlettax-il motiv għandu jiġi miċħud.

III –  Fuq il-motivi intiżi għat-tnaqqis tal-multa ta’ Hoechst

202    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għandu jsir eżami tal-motivi intiżi għat-tnaqqis tal-multa ta’ Hoechst f’ordni differenti minn dak tar-rikors. Bl-istess mod, ċerti motivi ġew iggruppati mill-ġdid, għall-finijiet tal-analiżi, peress li dawn jirrigwardaw l-istess problema sostantiva

A –  Fuq it-tnax-il motiv, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura

1.     Sunt tal-proċedura amministrattiva

203    Jirriżulta mill-elementi fattwali li jinsabu fid-Deċiżjoni, u mhux ikkontestati minn Hoechst, li l-ewwel talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 ġiet mibgħuta mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Mejju 1999 lil Daicel, Nippon Synthetic u lil Ueno (premessa 6 tad-Deċiżjoni).

204    Talbiet oħra ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 ġew mibgħuta wara, b’mod partikolari bejn ix-xhur ta’ Mejju u ta’ Novembru 2002 (premessi 12 sa 18 tad-Deċiżjoni).

205    Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni (premessa 22 tad-Deċiżjoni).

206    Fl-24 ta’ April 2003, l-impriżi destinatarji tad-Deċiżjoni ħadu sehem fis-seduta quddiem il-Kummissjoni (premessa 29 tad-Deċiżjoni).

207    Fl-1 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni.

2.     Argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

208    Hoechst tikkritika lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli tal-proċedura. Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 170), Hoechst tenfasizza li dan il-prinċipju jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u l-oriġini tiegħu tinsab (permezz tal-Artikolu 6(2)UE) fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

209    F’dan il-każ, Hoechst tippreċiża li ż-żmien bejn l-ewwel talba għal informazzjoni mibgħuta lil Daicel, Nippon Synthetic u lil Ueno fis-26 ta’ Mejju 1999 u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tal-20 ta’ Diċembru 2002, jeċċedi 42 xahar. Matul dan iż-żmien, il-Kummissjoni baqgħet kompletament inattiva għal madwar 31 xahar, jiġifieri bejn it-talba għal informazzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1999 u dik tal-14 ta’ Mejju 2002, jew, f’kull każ, sal-laqgħa ma’ Daicel tal-21 ta’ Frar 2002.

210    Fir-rigward tan-natura sanzjonattiva tal-multa, tali tul tal-investigazzjoni u tad-deliberazzjonijiet huwa aċċettabbli biss fil-preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Hoechst tikkunsidra madankollu li ċirkustanzi tali mhumiex preżenti f’dan il-każ.

211    Minn dan Hoechst tiddeduċi li l-proċedura amministrattiva eċċediet il-limiti tar-raġonevolezza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punti 48 et seq.), Hoechst tikkunsidra li raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedura jirrikjedu li l-ilment ibbażat fuq tul eċċessiv tal-proċedura jwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni sa fejn din tal-aħħar tiffissa l-ammont tal-multa.

212    Hoechst iżżid li s-sistema ta’ preskrizzjoni prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74 tas-26 ta’ Novembru 1974 li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] fil-proċedimenti [proċeduri] u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1), ma tipprekludix ilment ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura. Hoechst tenfasizza, f’dan ir-rigward, li r-regoli ta’ preskrizzjoni ma jipproteġux lill-impriża minn proċedura eċċessivament twila, billi l-bidu tal-investigazzjoni tinterrompi l-preskrizzjoni (Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2988/74).

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

213    Il-Kummissjoni tindika, l-ewwel, li l-motiv imressaq minn Hoechst żgur ifalli sempliċiment minħabba li jirrigwarda l-ammont tal-multa u mhux id-Deċiżjoni fl-intier tagħha. Il-Kummissjoni tippreċiża, f’dan ir-rigward, li biss ir-regola ta’ preskrizzjoni tar-Regolament Nru 2988/74 hija deċiżiva.

214    Jekk l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli, b’mod partikolari meta dan iwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet kkonċernati, kellha tiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ma jistax ikun l-istess meta huwa l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni li huwa kkontestat, inkwantu s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi hija rregolata mir-Regolament Nru 2988/74, li jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni f’dan ir-rigward.

215    Filwaqt li tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619, punti 46 sa 49), Geigy vs Il-Kummissjoni (52/69, Ġabra p. 787, punti 20 sa 22), u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra. p. I‑7869, punti 139 sa 141), il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-preżenza tar-Regolament Nru 2988/74, kull kunsiderazzjoni relatata mal-obbligu tal-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa tagħha li timponi multi f’terminu raġonevoli għandha tiġi skartata.

216    Il-Kummissjoni tindika, wara, sabiex tkun eżawrjenti, li l-iskadenza tat-terminu raġonevoli, bil-preżuppost li hija pprovata, jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni biss jekk il-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 74). Issa, f’dan il-każ, Hoechst ma spjegatx b’liema mod id-difiża tagħha kienet ġiet ostakolata permezz tat-trattament allegatament bil-mod tal-każ mill-Kummissjoni.

217    Barra minn dan, it-tul eċċessiv ta’ din il-fażi tal-proċedura amministrattiva mhuwiex, fih innifsu, tali li jippreġudika d-drittijiet tad-difiża, billi l-partijiet kkonċernati mhumiex is-suġġett ta’ ebda akkuża formali ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni sakemm jirċievu d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’mod li huma m’għandhom lanqas bżonn jiddefendu ruħhom (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar’il fuq, punt 78).

218    Fl-aħħar, il-Kummissjoni tqis li t-tul “totali” tal-proċeduri ma eċċediex tul raġonevoli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra p. II‑49, punt 43).

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

219    Għandu jiġi nnotat, l-ewwel, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li dan il-motiv huwa intiż, skont il-kliem stess tar-rikors, sabiex jikseb “l-annullament tad-Deċiżjoni sa fejn din tal-aħħar tiffissa l-ammont tal-multa”. Dan il-motiv huwa intiż għalhekk, essenzjalment, sabiex jikseb l-annullament jew, tal-inqas, it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuq Hoechst.

220    Issa, għalkemm l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli tista’ tiġġustifika, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-istess ma jistax japplika meta jkun qed jiġi kkontestat l-ammont tal-multi imposti permezz ta’ din id-deċiżjoni peress li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi hija rregolata permezz tar-Regolament Nru 2988/74, li stabbilixxa f’dan ir-rigward terminu ta’ preskrizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 321).

221    Fil-fatt, jirriżulta mit-tieni premessa tar-Regolament Nru 2988/74 li l-prinċipju tal-preskrizzjoni ġie introdott sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali. Skont din l-istess premessa, “sabiex il-materja tkun koperta totalment, huwa meħtieġ li d-dispożizzjoni għal limitazzjoni ssir mhux biss fir-rigward tas-setgħa li timponi multi jew penalitajiet [sanzjonijiet], iżda wkoll fir-rigward tas-setgħa li tinforza deċiżjonijiet, timponi multi, penalitajiet jew pagamenti ta’ penalitajiet perijodiċi; [...] dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perijodi ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni], id-data meta ż-żmien jibda jiddekorri u l-ġrajjiet li għandhom l-effett li jinterrompu jew jissospendu l-perijodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni]; [u] f’dan ir-rigward l-interessi tal-impriżi u l-assoċazzjonijiet ta’ impriżi fuq in-naħa l-waħda, u l-bżonnijiet imposti mill-prattika amministrattiva, fuq in-naħa l-oħra, għandhom ikunu kkunsidrati”. B’hekk, fir-rigward tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi, l-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 2988/74 jipprovdi li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi għandha tkun suġġetta għal perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin fil-każ tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 220 iktar’il fuq, punti 322 u 323).

222    Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, il-preskrizzjoni għandha tibda tiddekorri fil-ġurnata li fiha l-ksur ikun sar jew, fil-każ ta’ ksur kontinwat jew ripetut, mill-ġurnata li fiha l-ksur jieqaf. Il-preskrizzjoni tista’ madankollu tiġi interrotta jew sospiża, b’mod konformi mal-Artikoli 2 u 3 rispettivament tar-Regolament Nru 2988/74. Jikkostitwixxu b’mod partikolari atti li jinterrompu l-preskrizzjoni, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2988/74, it-talbiet bil-miktub għal informazzjoni mill-Kummissjoni, il-bidu tal-proċeduri mill-Kummissjoni u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tieħu effett fil-ġurnata meta l-att jiġi nnotifikat tal-inqas lil impriża waħda jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li pparteċipaw fil-ksur. Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2988/74, il-preskrizzjoni terġa’ tibda mill-ġdid ma’ kull interruzzjoni, filwaqt li madankollu, il-preskrizzjoni għandha tiskadi l-iktar tard fil-ġurnata li fiha perijodu daqs id-doppju tal-perijodu ta’ preskrizzjoni jkun skada mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew sanzjoni. Il-preskrizzjoni fil-proċeduri għandha tiġi sospiża għal dak iż-żmien li fih id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

223    Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 2988/74 stabbilixxa leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettall it-termini li fihom il-Kummissjoni għandha d-dritt, mingħajr ma tippreġudika r-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali, timponi multi fuq l-impriżi li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward ta’ multi fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, jirriżulta mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2988/74 li l-preskrizzjoni tiskadi, f’kull każ, salv sospensjoni eventwali, wara għaxar snin minn meta l-preskrizzjoni hija interrotta skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament, b’mod li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal b’mod indefinit id-deċiżjoni tagħha dwar il-multi mingħajr ma’ tinkorri r-riskju tal-iskadenza tal-preskrizzjoni (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 220 iktar’il fuq, punt 324).

224    Fil-preżenza ta’ din il-leġiżlazzjoni, kull kunsiderazzjoni relatata mal-obbligu għall-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa tagħha li timponi multi f’terminu raġonevoli għandha tiġi skartata (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 220 iktar’il fuq, punt 324; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar’il fuq, punti 46 sa 49 u Geigy vs Il-Kummissjoni, punt 215 iktar’il fuq, punti 20 sa 22).

225    F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-ksur ikkonċernat kien kontinwu. Barra minn dan, il-Kummissjoni kkunsidrat, mingħajr ma’ dan l-element ma huwa kkuntestat minn Hoechst, li l-ksur ikkonstatat kien intemm mhux iktar tard mill-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 1996. Għaldaqstant, fid-dawl tal-atti sussegwenti li jinterrompu l-preskrizzjoni, b’mod partikolari t-talbiet għal informazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u fid-dawl tal-fatt li l-perijodu totali bejn l-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 1996 u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2003 ma eċċediex għaxar snin, il-perijodu ta’ preskrizzjoni ma kienx skada meta l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni, ċirkustanza li Hoechst b’ebda mod ma kkontestat fil-kuntest ta’ din l-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar’il fuq, punt 90).

226    Għal dawn ir-raġunijiet, dan il-motiv imqajjem minn Hoechst, inkwantu huwa intiż “għall-annullament tad-Deċiżjoni sa fejn din tal-aħħar tiffissa l-ammont tal-multa”, għandu jiġi miċħud.

227    F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li l-iskadenza ta’ terminu raġonevoli, bil-preżuppost li din hija stabbilita, ma tiġġustifikax neċessarjament l-annullament tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-iskadenza tat-terminu raġonevoli tista’ tikkostitwixxi motiv għal annullament biss f’każ ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur, sakemm ikun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Barra f’din is-sitwazzjoni speċifika, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli huwa irrilevanti għall-validità tal-proċedura amministrattiva taħt ir-Regolament Nru 17 (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar’il fuq, punt 122; tal-14 ta’ Frar 2001, Sodima vs Il-Kummissjoni, T‑62/99, Ġabra p. II‑655, punt 94, u Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar’il fuq, punt 74; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punti 42 sa 44).

228    Issa, Hoechst ma sostnitx li skadenza eventwali tat-terminu raġonevoli f’dan il-każ ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn dan, bil-preżuppost li r-rikors ta’ Hoechst jista’ jiġi interpretat f’dan is-sens, l-argument żviluppat f’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat bħala ġenerali u mhuwiex tali li jistabbilixxi r-realtà ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 227 iktar’il fuq, punt 59).

229    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tnax-il motiv għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ħabi żbaljat ta’ ċerti motivi tad-Deċiżjoni

1.     Sunt tad-Deċiżjoni

230    Fil-premessa 37 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża:

“[…] Id-dħul mill-bejgħ totali magħmul minn Chisso fuq livell mondjali fl-2002 kien ta’ [YEN Ġappuniż] 117 711 biljun (EUR 973.4 miljun).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

231    Fil-premessa 42 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika :

“[…] Id-dħul mill-bejgħ totali magħmul minn Daicel fuq livell mondjali fl-2002 kien ta’ [YEN Ġappuniż] 271 341 biljun (EUR 2.2439 biljun).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

232    Fil-premessa 50 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża:

“[…] Id-dħul mill-bejgħ totali magħmul minn Nippon [Synthetic] fuq livell mondjali fl-2002 kien ta’ [YEN Ġappuniż] 38 872 biljun (EUR 321.5 miljun).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

233    Fil-premessa 55 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika:

“[…] Id-dħul mill-bejgħ totali magħmul minn Ueno fuq livell mondjali fl-2002 kien ta’ [YEN Ġappuniż] 25 034 biljun (EUR 199.5 miljun).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

234    It-tabella I tad-Deċiżjoni hija ppreżentata bil-mod li ġej:

“Daqs u importanza relattiva fis-suq tas-sorbati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Impriża

Dħul mill-bejgħ (f’miljuni ta’ EUR) u ishma tas-suq meqjusa fuq livell mondjali għas-sorbati fl-1995

Dħul mill-bejgħ (f’miljuni ta’ EUR) u ishma tas-suq meqjusa fiż-ŻEE għas-sorbati fl-1995

Chisso

[…] ( iktar minn 9.5 % u inqas minn 15 %)

[…] (iktar minn 4 % u inqas minn 15 %)

Daicel

[…] (iktar minn 9.5 % u inqas minn 15 %)

[…] (iktar minn 4 % u inqas minn 15 %)

Hoechst

42.4 (23.6 %)

21.6 (48 %)

Nippon Synthetic

[…] (iktar minn 9.5 % u inqas minn 15 %)

[…] (iktar minn 4 % u inqas minn 15 %)

Ueno

[…] (iktar minn 9.5 % u inqas minn 15 %)

[…] (iktar minn 4 % u inqas minn 15 %)

Cheminova, Eastman Chemical u oħrajn

[…] (inqas minn 30 %)

[…] (inqas minn 16 %)

Total

180 (100 %)

45 (100 %)


235    Fl-aħħar, il-premessa 352 tad-Deċiżjoni tipprovdi kif ġej:

“It-tabella I [tad-Deċiżjoni] turi li, fl-1995, Hoechst kienet tabilħaqq l-ikbar produttriċi tas-sorbati fis-suq mondjali, b’sehem tas-suq ta’ 23.6 % (48 % fiż-ŻEE). Din l-impriża hija għaldaqstant imqegħda fl-ewwel grupp. Daicel, Chisso, Nippon [Synthetic] u Ueno kollha għandhom ishma tas-suq li jvarjaw bejn 9,5 u 15 % (bejn 4 u 15 % fiż-ŻEE). Huma jinsabu għalhekk fit-tieni grupp.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

236    Is-sinjal “[…]” fil-premessi 37, 42, 50 u 55 u fit-tabella I tad-Deċiżjoni jikkorrispondi għal passaġġ moħbi, mill-Kummissjoni, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija fid-Deċiżjoni.

2.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

237    Hoechst issostni li, f’deċiżjoni definittiva li tinkludi l-impożizzjoni ta’ multa, l-iktar tard fil-verżjoni nnotifikata tagħha, m’għandux ikun hemm iktar passaġġi moħbija li jinkludu provi jew evalwazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt. Fil-każ kuntrarju, ikun hemm preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża. Hoechst tippreċiża li l-obbligu li tiġi kkomunikata l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni japplika għad-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni. Is-sitwazzjoni hija fondamentalment differenti mill-interess ġenerali għaż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-elementi li jistgħu jkollhom il-partijiet fil-proċeduri, meta mqabbla ma’ terzi.

238    F’dan il-każ, il-premessi 37, 42, 50 u 55 tad-Deċiżjoni jinkludu passaġġi moħbija. Fuq kollox, fit-tabella I tad-Deċiżjoni, l-ishma tas-suq tas-sena determinanti (1995) huma moħbija b’mod tali li Hoechst tista’ tirrikostitwixxi biss is-sehem tas-suq tagħha, u mhux il-kundizzjonijiet tas-suq applikabbli għall-impriżi l-oħra kkonċernati. Sa fejn, fil-premessa 352 tad-Deċiżjoni, il-kalkolu tal-ammont ta’ tluq tal-multa huwa ddeterminat mid-daqs tal-impriżi u mill-kundizzjonijiet tas-suq kif ġew iddefiniti fit-tabella I tad-Deċiżjoni, Hoechst u l-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistgħux jifhmu suffiċjentement punt essenzjali tad-Deċiżjoni. Barra minn dan, data relattiva għas-sena tal-1995 hija data storika li ma tistax iktar tkun kunfidenzjali, anki fil-verżjoni pubblika tad-deċiżjoni li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-fatt li trattament kunfidenzjali kien ġie mitlub u mogħti matul il-proċedura amministrattiva huwa irrilevanti għad-domanda dwar jekk il-passaġġi moħbija kkonċernati għadhomx iġġustifikati fil-kuntest tad-Deċiżjoni adottata u nnotifikata, kif jidher li tqis il-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Ottubru 2003. Hoechst tistaqsi dwar il-ġustifikazzjoni li data tali tinżamm kunfidenzjali, preċiżament fir-rigward tagħha, peress li hija ilha li ċediet il-parti ta’ attivitajiet tagħha fis-settur tas-sorbati u rtirat mis-suq ikkonċernat.

239    Anki jekk il-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li twettaq kalkolu aritmetiku tal-ammont tal-multi, dan ma jfissirx li hija m’għandhiex il-fakultà li tagħmel dan. Min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni tipproċedi għal kalkoli tali, hija obbligata tikkomunikahom lid-destinatarji tad-deċiżjoni.

240    Barra minn dan, filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar’il fuq (punti 219, 227 u s-segwenti), Hoechst tikkunsidra li kull destinatarju ta’ deċiżjoni li timponi multa għandu d-dritt għal trattament non-diskriminatorju li josserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kuntest ta’ kalkolu tal-multi bbażat fuq kategorizzazzjoni magħmula skont l-ishma tas-suq. Huwa ovvju li l-iżbalji li seħħew f’dan il-proċess jinteressaw mhux biss lill-impriżi li, fit-tieni kategorija, ġew ikkundannati jħallsu multi għoljin wisq, iżda wkoll dawk tal-ewwel kategorija li forsi ġew imposti fuqhom multi wisq għoljin. In-natura sproporzjonata tal-bażijiet ta’ kalkolu għall-impriżi li kienu ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija ta’ multi tista’ tkun il-konsegwenza diretta tal-ammont relattivament baxx tal-bażijiet ta’ kalkolu użati fit-tieni kategorija, u bil-kontra.

241    Hoechst tenfasizza, barra minn dan, li ebda wieħed mill-passaġġi moħbija ma ġie ssostitwit minn sunti jew minn tidwiriet suffiċjentement preċiżi li kienu jippermettulha tifhem eżattament il-motivi tad-Deċiżjoni.

242    Hoechst tindika wkoll li hija kkontestat, b’ittra tal-10 ta’ Ottubru 2003 indirizzata lill-uffiċjal tas-seduta u lill-Kummissjoni, il-fatt li l-passaġġi msemmija tad-Deċiżjoni kienu moħbija żbaljatament. Il-Kummissjoni reaġixxiet għal din it-talba b’ittra ta’ ċaħda rċevuta minn Hoechst fl-10 ta’ Novembru 2003. Hoechst irrispondiet b’ittra tal-11 ta’ Novembru 2003 u l-Kummissjoni, b’ittra tas-17 ta’ Novembru 2003, indikat lil Hoechst li d-deċiżjoni nnotifikata kienet kompluta. Kieku l-Kummissjoni kellha ssostni li hija adottat deċiżjoni intiża biss għal Hoechst, jkollha ssir talba għal minuti tas-seduta tal-laqgħa tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2003 biex ikun magħruf in-numru u l-forma tad-deċiżjonijiet adottati f’din id-data f’dan il-każ. Dan ikun adatt b’mod partikolari, peress li l-Kummissjoni tbiegħdet mill-approċċ abitwali tagħha fi proċeduri simili għal din, li jinfluwixxi fuq ir-regolarità formali tad-Deċiżjoni. Madankollu, anki f’dan il-każ, il-ħabi tal-premessi preċedentement iċċitati ma kienx iġġustifikat.

243    Minn dan Hoechst tikkonkludi li d-Deċiżjoni hija vvizzjata b’nuqqas serju ta’ motivazzjoni, li jikkostitwixxi wkoll preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa tagħha, sa fejn mhuwiex possibbli li jiġu rikostitwiti l-premessi ta’ fatt li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni. Hoechst tenfasizza f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar’il fuq, ivverifikat b’mod preċiż il-kategorizzazzjoni tal-Kummissjoni u kkoriġiet numru ta’ żbalji ta’ kalkolu. Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li differenzazzjonijiet ta’ ishma tas-suq ta’ 2 % ikkostitwixxew motiv suffiċjenti ta’ annullament tad-deċiżjonijiet inizjali tal-Kummissjoni dwar it-tqassim f’kategoriji u l-ammont ta’ tluq tal-multi. Il-Kummissjoni hija għalhekk strettament marbuta bil-kriterji ta’ ffissar tal-ammont tal-multi kkunsidrati matul il-proċedura amministrattiva, li l-applikazzjoni non-diskriminatorja tagħhom hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju individwali komplet.

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

244    Skont il-Kummissjoni, l-interessi leġittimi tal-impriżi kkonċernati għall-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom m’għandhomx biss ikunu meħuda inkunsiderazzjoni matul il-proċedura amministrattiva u kif ukoll fil-ħin tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 21 (2) tar-Regolament Nru 17, iżda wkoll matul in-notifikazzjoni tagħha. Din tal-aħħar ma tistax tikkostitwixxi deroga.

245    Il-passaġġi moħbija fil-premessi 37, 42, 50 u 55 u fit-tabella I tad-Deċiżjoni jinkludu informazzjoni dwar l-impriżi li huma partijiet fil-proċeduri, li talbu sabiex jibbenefikaw minn trattament kunfidenzjali, li ġie aċċettat mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Il-fatt li Hoechst hija destinatarja tad-Deċiżjoni ma jiċħadx lid-destinatarji l-oħra mill-interess leġittimu tagħhom għaż-żamma tal-kunfidenzjalità. Il-Kummissjoni tenfasizza li Hoechst infisha, b’ittra tas-16 ta’ Diċembru 2003, talbet sabiex id-dħul mill-bejgħ u l-ishma tas-suq li jikkonċernawha jiġu moħbija fil-verżjoni tad-Deċiżjoni intiża għall-pubblikazzjoni u, jekk ikun il-każ, li dawn jiġu ssostitwiti permezz ta’ limitu ta’ dħul mill-bejgħ suffiċjentement wiesa’.

246    Huwa irrilevanti li jkun magħruf jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkontesta din il-pożizzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-preparattivi tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, minħabba li l-informazzjoni kkonċernata ma kkostitwixxitx iktar sigrieti kummerċjali. Skont il-Kummissjoni, id-Deċiżjoni, kif ġiet adottata u nnotifikata lil Hoechst, tissodisfa l-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 253 KE fir-rigward ta’ motivazzjoni.

247    L-ewwel, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 208 iktar’il fuq (punti 463 u 464), u għas-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar’il fuq (punt 1 558), il-Kummissjoni tinnota li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa huwa osservat sakemm il-Kummissjoni tindika l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur. Lanqas mhuwa meħtieġ li jiġu msemmija fid-deċiżjoni l-kalkoli eventwalment imwettqa sabiex jiġu applikati dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni.

248    F’kull każ, anki li kieku kien meħtieġ li jiġu pprovduti dawn it-tip ta’ preċiżjonijiet, il-Kummissjoni kienet osservat pjenament dan ir-rekwiżit. F’dan il-każ, il-Kummissjoni bdiet billi pproċediet għal konstatazzjonijiet ġenerali dwar il-gravità tal-ksur u billi ppreżentat l-aspetti partikolari tal-akkordju, li minnu kien jidher li dan kien ksur serju ħafna (premessa 344 tad-Deċiżjoni), li l-multa previdibbli għalih tammonta tal-inqas għal EUR 20 miljun (premessa 354 tad-Deċiżjoni). Sussegwentement, billi tenfasizza d-differenzi kunsiderevoli fil-pożizzjoni tal-impriżi fis-suq, il-Kummissjoni spjegat li kien jeħtieġ li dan l-ammont jiġi adattat skont l-importanza relattiva tal-partijiet ikkonċernati fis-suq ikkonċernat u għalhekk skont il-kapaċità tagħhom li jikkawżaw dannu sinjifikanti għall-kompetizzjoni (premessi 345 u 346 tad-Deċiżjoni). L-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tipproċedi għal dan l-aġġustament, b’mod partikolari sabiex taqsam lill-impriżi f’żewġ gruppi, huma indikati fid-Deċiżjoni fil-premessi 349 sa 353.

249    Minn dan jirriżulta, fid-dawl tad-data li tinsab fit-Tabella I tad-Deċiżjoni, li s-sehem tas-suq ta’ Hoechst jinsab fuq livell nettament iktar għoli minn dak tal-partijiet l-oħra fil-proċeduri. Din id-differenza waslet għall-klassifikazzjoni ta’ Hoechst fl-ewwel grupp. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessi 352 u s-segwenti tad-Deċiżjoni li, minħabba l-pożizzjoni ta’ Hoechst fis-suq, il-Kummissjoni bdiet minnha meta hija kkalkolat l-ammont ta’ tluq tal-multi għal kull impriża. L-ammont ta’ tluq tal-multi għall-impriżi l-oħra kien ġie stabbilit sussegwentement. Dan huwa iktar baxx, billi dawn l-impriżi okkupaw pożizzjoni inqas b’saħħitha minn Hoechst fis-suq. Peress li Hoechst ma tikkontestax li hija kienet tabilħaqq l-ikbar impriża fis-suq, id-data preċiża fuq l-ishma tas-suq ta’ impriżi oħra ma tikkontribwixxix sabiex tiġġustifika l-ammont ta’ tluq tal-multa imposta fuq Hoechst. Din tista’ biss tkun importanti mill-perspettiva tal-impriżi l-oħra, billi din tippermettilhom jkunu jafu eżattament il-pożizzjoni tagħhom meta mqabbla ma’ Hoechst.

250    Barra minn dan, Hoechst hija perfettament f’pożizzjoni li tiddetermina hija stess id-differenza bejn il-pożizzjoni tagħha u dik tal-impriżi tat-tieni grupp abbażi tal-preżentazzjoni tat-Tabella I tad-Deċiżjoni. L-ishma tas-suq preċiżi tal-impriżi tat-tieni grupp huma biss interessanti fid-dawl ta’ differenzjar supplementari fi ħdan it-tieni kategorija, li madankollu ġie deċiż li ssir rinunċja għalih, kif ġie spjegat fil-premessa 353 tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tindika li dan l-element ma jeffettwax lil Hoechst.

251    Fir-rigward tar-riferenza magħmula fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar’il fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li Hoechst tipprova tiddeduċi minn żball possibbli ta’ trattament li jirrigwarda l-impriżi kklassifikati fit-tieni kategorija, li hija nfisha kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni tenfasizza f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, f’din il-kawża, li impriża kellha tiġi kklassifikata f’kategorija oħra u limitat ruħha sabiex tikklassifikaha b’mod differenti filwaqt li żammet il-kategoriji stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-iżball ta’ klassifikazzjoni ta’ impriża f’kategorija jwassal għalhekk biss għall-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ din l-impriża f’kategorija oħra u mhux għall-annullament tal-klassifikazzjoni tal-impriżi kollha.

252    Il-Kummissjoni ssostni għalhekk li diskriminazzjoni eventwali fi ħdan it-tieni kategorija ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward ta’ Hoechst bħala impriża tal-ewwel kategorija.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

253    Preliminarjament, fid-dawl tal-kliem użat minn Hoechst fil-kitbiet tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-motiv huwa intiż, essenzjalment, sabiex jikkonstata nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-premessi 37, 42, 50 u 55 u tat-Tabella I tad-Deċiżjoni. Għalhekk, Hoechst tippreċiża li l-fatt li ħbiet passaġġi tad-Deċiżjoni jikkostitwixxi ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha permezz ta’ motivazzjoni li tista’ tinftiehem. Dan iqiegħed lil Hoechst u kif ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-impossibbiltà li jifhmu b’mod suffiċjenti punt essenzjali tad-Deċiżjoni. Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi analizzat, skont Hoechst, f’relazzjoni mal-premessa 352 tad-Deċiżjoni li tirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji differenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ tluq tal-multa. Għaldaqstant, Hoechst issostni li n-nuqqas ta’ motivazzjoni rrilevat preċedentement wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża.

254    Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn in-nuqqas ta’ motivazzjoni mressaq minn Hoechst jirrigwarda elementi li ppermettew lill-Kummissjoni tkejjel il-gravità tal-ksur, dan il-motiv huwa intiż, sostanzjalment, sabiex jikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta.

255    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17, li jipprevedi l-pubblikazzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet, jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-impriżi sabiex is-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati.

256    Wara, għandu jiġi mfakkar li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit tal-motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Mhuwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att ikkonċernat, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

257    Ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi dan l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 73, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 208 iktar’il fuq, punt 463).

258    F’dan il-każ, mingħajr mhuwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-passaġġi moħbija kienu jinkludu, jew le, sigrieti kummerċjali, għandu jiġi osservat li l-premessi 37, 42, 50 u 55 u t-Tabella I tad-Deċiżjoni, moqrija fid-dawl tal-premessa 352 tagħha, jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha.

259    L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 352 tad-Deċiżjoni tinkludi elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tikklassifika l-impriżi kkonċernati f’żewġ kategoriji, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ tluq tal-multi, abbażi tal-gravità tal-ksur.

260    Fil-premessa 352 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża għalhekk li Hoechst kienet tabilħaqq l-ikbar produttriċi ta’ sorbati fis-suq mondjali. Hija ssemmi wkoll l-post ta’ Hoechst fis-suq tas-sorbati taż-ŻEE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li Hoechst kellha tiġi kklassifikata fl-ewwel kategorija ta’ impriżi.

261    Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ishma tas-suq mondjali indikati għas-sena 1995 fit-Tabella I tad-Deċiżjoni, ishma tas-suq li nkisbu minn data fuq id-dħul mill-bejgħ mondjali li jirrigwarda l-prodott ikkonċernat (premessa 351 tad-Deċiżjoni).

262    Huma l-passaġġi moħbija tat-Tabella I tad-Deċiżjoni li huma kkontestati minn Hoechst.

263    Issa, it-Tabella I tad-Deċiżjoni tinkludi, b’mod suffiċjentement komprensibbli, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni li hija ħadet fil-premessa 352 tad-Deċiżjoni.

264    Għandu jiġi mfakkar li l-konklużjoni tal-premessa 352 tad-Deċiżjoni hija bbażata, kif ġie indikat preċedentement, fuq l-ishma tas-suq mondjali li jirrigwardaw il-prodott ikkonċernat għas-sena 1995.

265    F’dan ir-rigward, it-Tabella I tad-Deċiżjoni tinkludi limiti ta’ ishma tas-suq, għas-sena 1995, li ppermettu lill-Kummissjoni tiddistingwi żewġ tipi ta’ impriżi: l-impriżi Ġappuniżi, l-ewwel nett, li kellhom ishma tas-suq bejn 9.5 u 15 % fl-1995 u Hoechst, it-tieni nett, li s-sehem tas-suq tagħha kien ta’ iktar minn 20 %. Dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni, moqrija fid-dawl tal-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 352 tad-Deċiżjoni, huma suffiċjentement komprensibbli.

266    Barra minn dan, anki jekk id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati kien ġie moħbi fit-Tabella I tad-Deċiżjoni, huwa possibbli li jiġi ddeterminat l-estent tiegħu fir-rigward tal-limiti ta’ dħul mill-bejgħ li jinsab fl-imsemmija tabella. Fil-fatt, it-Tabella I tad-Deċiżjoni tinkludi linja intitolata “Total” li tinkludi d-dħul mill-bejgħ u l-ishma tas-suq addizzjonali tal-impriżi kkonċernati. Fuq din il-bażi, limitu tad-dħul mill-bejgħ ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati jista’ jiġi kkalkolat.

267    Għal dawn ir-raġunijiet, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball f’dan ir-rigward, kwistjoni li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-ħames motiv, hemm lok li jiġi meqjus li t-Tabella I u l-premessa 352 tad-Deċiżjoni jinkludu l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettew lill-Kummissjoni tkejjel il-gravità tal-ksur.

268    Fir-rigward tal-premessi 37, 42, 50 u 55 tad-Deċiżjoni, għandu jiġi rrilevat li dawn mhumiex imsemmija mill-premessa 352 tad-Deċiżjoni, l-unika premessa invokata minn Hoechst li tittratta l-gravità tal-ksur u l-klassifikazzjoni tal-impriżi kkonċernati f’diversi kategoriji.

269    Barra minn dan, Hoechst ma indikatx b’liema mod dawn il-premessi jinkludu elementi ta’ evalwazzjoni li ġew użati mill-Kummissjoni sabiex evalwa l-gravità, jew tabilħaqq it-tul tal-ksur. Hoechst tillimita ruħha sabiex tindika li l-premessi 37, 42, 50 u 55 tad-Deċiżjoni jinkludu passaġġi moħbija.

270    F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jippermetti li jiġi maħsub li l-elementi moħbija tal-premessi 37, 42, 50 u 55 tad-Deċiżjoni għandhom iwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret, f’dan il-każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha skont il-ġurisprudenza preċedentement iċċitata.

271    F’kull każ, il-passaġġi moħbija tal-premessi 37, 42, 50 u 55 tad-Deċiżjoni jkopru, parzjalment, l-istess data bħal dik li tinsab fit-Tabella I tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, il-premessi 37, 42, 50 u 55 tad-Deċiżjoni jinkludu data dwar Chisso, Daicel, Nippon Synthetic u Ueno rispettivament u jikkorrispondu għall-premessa 46 tad-Deċiżjoni għal dak li jikkonċerna lil Hoechst. Issa, skont il-verżjoni tad-Deċiżjoni nnotifikata lil Hoechst, li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, il-premessa 46 tad-Deċiżjoni tinkludi b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna lil Hoechst, data relattiva għad-dħul mill-bejgħ mondjali u fuq livell taż-ŻEE għas-sena 1995, magħmul fis-suq tas-sorbati, data li tikkorrispondi għal dik li tinsab fit-Tabella I tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, għar-raġunijiet esposti fil-punti 263 sa 267 iktar’il fuq, ma jistax jiġi aċċettat nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

272    Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ Hoechst fl-ewwel kategorija mhijiex ivvizzjata b’ebda difett peress li Hoechst ma tikkontestax li, fl-1995, hija kellha sehem tas-suq mondjali iktar sinjifikanti minn dak tal-impriżi l-oħra kkonċernati. Għaldaqstant, żball eventwali fil-klassifikazzjoni tal-impriżi oħra fit-tieni kategorija huwa bla effett.

273    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni mressaq minn Hoechst għandu jiġi miċħud. Minn dan jirriżulta wkoll li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, li jirriżulta minn dan l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, ma jistax jiġi aċċettat.

274    Rigward, fl-aħħar, l-allegazzjonijiet ta’ Hoechst li l-Kummissjoni nnotifikat lill-impriżi kkonċernati deċiżjoni li, fil-forma tagħha, ippreżentat xi differenzi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn id-differenzi fil-forma huma relatati mal-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi kkonċernati. Madankollu, il-fatt li elementi tad-Deċiżjoni setgħu kienu moħbija, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, matul in-notifikazzjoni finali lill-impriżi kkonċernati ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni tagħha hija vvizzjata minn xi irregolarità f’dan ir-rigward. F’kull każ, Hoechst ma tressaq ebda element ċirkonstanzjali li jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-Deċiżjoni, kif din kienet ġiet innotifikata lill-impriżi kkonċernati, tinkludi, b’mod partikolari, differenzi ta’ motivazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, mhemmx lok li tiġi milqugħa t-talba ta’ Hoechst intiża sabiex tikseb il-produzzjoni tal-minuti tal-laqgħa tal-Kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2003.

275    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ dritt fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

1.     Sunt tad-Deċiżjoni

276    Fil-premessa 321 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-ammont bażiku tal-multa huwa ddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur.

277    L-ewwel, sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq in-natura tal-ksur (premessi 323 sa 326 tad-Deċiżjoni), fuq l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq tas-sorbati taż-ŻEE (premessi 327 sa 342 tad-Deċiżjoni) u fuq id-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti (premessa 343 tad-Deċiżjoni).

278    Fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni li l-ksur ikkonċernat ikkonsista prinċipalment fi prattiki ta’ ffissar tal-prezzijiet u ta’ qsim tas-suq. Barra minn dan, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ftehim kollużivi kienu, essenzjalment, stabbiliti, immexxija u inkuraġġuti fuq livell għoli ħafna fl-impriżi kkonċernati u kienu implementati għall-uniku profitt tal-produtturi parteċipanti, għad-detriment tal-klijenti tagħhom u, finalment, tal-pubbliku inġenerali (premessa 323 tad-Deċiżjoni).

279    Fir-rigward tal-impatt reali tal-ksur fuq is-suq tas-sorbati, il-Kummissjoni tindika b’mod partikolari li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti reali ta’ ftehim huwa superfluwu, inkwantu jirriżulta li dan tal-aħħar għandu bħala għan li jimpedixxi, jirrestrinġi jew jiddistorta l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Il-Kummissjoni tippreċiża madankollu li, f’dan il-każ, il-ksur kellu impatt reali fuq is-suq tas-sorbati taż-ŻEE (premessa 327 tad-Deċiżjoni).

280    Il-Kummissjoni tikkonkludi li, f’dan il-każ, il-ksur jista’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna (premessa 344 tad-Deċiżjoni).

281    Wara, il-Kummissjoni tadotta trattament differenzjat bejn l-impriżi skont il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tas-sorbati, għas-sena 1995 (premessi 345 sa 355 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni tippreċiża li, fl-1995, Hoechst kienet tabilħaqq l-ikbar produttriċi tas-sorbati fis-suq mondjali, b’sehem tas-suq għola minn 20 % (għola minn 45 % fiż-ŻEE). Għal din ir-raġuni, Hoechst kienet ġiet imqegħda fl-ewwel grupp. Daicel, Chisso, Nippon Synthetic u Ueno kellhom kollha ishma tas-suq li jvarjaw bejn 9.5 u 15 % (bejn 4 u 15 % fiż-ŻEE). Huma kienu ġew imqegħda fit-tieni grupp (premessa 352 tad-Deċiżjoni).

282    Fil-premessa 354 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li l-multa li tista’ tiġi imposta għal ksur serju ħafna hija għola minn EUR 20 miljun.

283    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-premessa 355 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tiffissa l-ammont ta’ tluq tal-multi għal EUR 20 miljun għall-impriżi tal-ewwel grupp (Hoechst) u għal EUR 6.66 miljun għall-impriżi tat-tieni grupp (Daicel, Chisso, Nippon Synthetic u Ueno).

284    Fl-aħħar, sabiex il-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti fuq l-impriżi kbar u sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn tal-aħħar ikollhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom biex jirrikonoxxu li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont id-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tipproċedi għal aġġustament supplementari tal-ammont ta’ tluq fil-każ ta’ Hoechst. Fil-premessa 357 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva, f’dan ir-rigward, li hemm lok li jiġi miżjud l-ammont ta’ tluq tal-multa, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kriterju tal-importanza relattiva fis-suq ikkonċernat, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni “id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont ta’ tluq tal-multa għal Hoechst huwa miżjud b’100 % għal EUR 40 miljun.

285    It-tieni, rigward it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni tirrileva li Chisso, Daicel, Hoechst u Ueno kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-31 ta’ Ottubru 1996. Dawn l-impriżi kienu għalhekk wettqu ksur ta’ tul twil ta’ 17-il sena u 10 xhur. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ammont ta’ tluq għandu jiżdied b’175 % (premessa 359 tad-Deċiżjoni).

286    B’kunsiderazzjoni għall-gravità u t-tul tal-ksur, l-ammont bażiku tal-multa huwa ffissat, għal Hoechst, għal EUR 110 miljun (premessa 361 tad-Deċiżjoni).

2.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

287    Fil-ħames motiv tagħha, Hoechst tikkontesta n-natura u kif ukoll it-tul tal-ksur li kienu ġew meqjusa mill-Kummissjoni, f’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa.

288    Hoechst tindika, preliminarjament, li l-ammont tal-multa kkalkolat qabel it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha, jiġifieri EUR 198 miljun, jikkorrispondi għal kważi ħames darbiet il-volum globali tas-suq fiż-ŻEE għal 1995, ikkonstatat fit-tabella I tad-Deċiżjoni, jiġifieri EUR 44.6 miljun. Tali multa hija kompletament sproporzjonata.

289    Barra minn dan, Hoechst tenfasizza li l-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali fil-kuntest tar-Regolament Nru 17 sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, iżda l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali mhuwiex kompletament liberu minħabba l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-linji gwida li l-Kummissjoni għandha tosserva fil-kalkolu tal-multa (Hoechst tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il-Kummissjoni, T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punt 38).

 Fuq in-natura tal-ksur

290    Preliminarjament, filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għall-Punt 1 A tal-linji gwida u għas-sentenza Daesang u Sewon Europe vs Il-Kummissjoni, punt 289 iktar’il fuq (punt 38), Hoechst tippreċiża li l-ammont bażiku tal-multa huwa ffissat skont il-gravità u t-tul tal-ksur. Il-gravità tal-ksur hija ddeterminata skont sensiela ta’ kriterji indikati fil-linji gwida. Dawn il-kriterji jinkludu n-natura stess tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq u d-daqs ġeografika tas-suq, kif ukoll il-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi li joħolqu dannu sinjifikanti lill-kompetituri u lill-konsumaturi.

291    Fuq il-mertu, Hoechst tqajjem erba’ lmenti kontra n-natura serja ħafna tal-ksur imsemmija fid-Deċiżjoni. L-ewwel, Hoechst tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tatribwixxilha, b’mod żbaljat, effetti preġudikabbli. It-tieni, hija tqis li ebda mid-diretturi tagħha fuq l-ogħla livell ma pparteċipa fil-ksur. It-tielet, Hoechst issostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ dritt billi qasmet lill-impriżi f’diversi kategoriji. Ir-raba’, hija tikkritika l-multiplikatur b’finalità dissważiva li ġie użat mill-Kummissjoni.

–       Fuq l-effetti tal-ksur

292    Hoechst tindika li l-Kummissjoni tippreżumi li l-akkordju inkwistjoni kkawża dannu lill-konsumaturi. Din is-suppożizzjoni hija motiv essenzjali li wassal sabiex tiġi imposta sanzjoni kbira fuq l-impriżi kkonċernati. Hoechst tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-premessi 333 sa 336 u 340 sa 341 tad-Deċiżjoni kif ukoll għal komunikat stampa tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2003.

293    B’mod partikolari, Hoechst tikkunsidra li l-effetti allegatament dannużi tal-akkordju inkwistjoni kienu ġew meqjusa bħala wieħed mit-tliet elementi (natura tal-ksur, impatt u estent tal-akkordju fiż-ŻEE kollha) li serva sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur (premessa 344 tad-Deċiżjoni). Peress li ebda tweżin ta’ dawn l-elementi ma jirriżulta fid-Deċiżjoni, Hoechst tikkonkludi minn dan li terz tal-ammont totali tal-multa ġie ffissat fuq il-bażi tal-effetti allegatament dannużi tal-akkordju inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma rnexxilhix iġġib il-prova ta’ impatt negattiv tal-ksur f’dan il-każ.

294    B’hekk, il-premessi 105, 109, 333 sa 337 u 342 tad-Deċiżjoni ma jinkludu ebda prova tal-impatt negattiv tal-ksur.

295    Fir-rigward tal-premessa 105 tad-Deċiżjoni, Hoechst tikkunsidra li l-fatt li, għal perijodi twal, il-prezzijiet immirati ma kinux ġew milħuqa, għandu pjuttost jiġi kkunsidrat bħala indizju jew prova li l-ftehim fuq il-prezzijiet ma ffunzjonawx. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 163 sa 188 tad-Deċiżjoni. Barra minn dan, Hoechst tirreferi għall-elementi li jinsabu fil-premessi 210, 217, 224 u 228 tad-Deċiżjoni u tenfasizza li, għal ħames snin konsekuttivi, ebda żieda fil-prezzijiet immirati ma ġiet miksuba.

296    Fir-rigward tal-premessa 109 tad-Deċiżjoni, din hija bbażata biss fuq stima ta’ Chisso.

297    Rigward il-premessi 333 u 334 tad-Deċiżjoni, Hoechst tenfasizza li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-effetti tal-akkordju fuq is-suq inkwistjoni f’din il-kawża ma jistgħux jiġu kkalkolati bi preċiżjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonstata wkoll li l-ftehim inkwistjoni kellu bla ebda dubju konsegwenzi reali għas-suq tas-sorbati taż-ŻEE. L-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward huma l-bogħod milli jkunu probanti. B’mod partikolari, Hoechst ma tifhimx kif tnaqqis miftiehem tal-prezzijiet, invokat mill-Kummissjoni, jista’ jkollu effetti dannużi għall-kompetizzjoni, u iktar u iktar kif dan jista’ jservi ta’ prova ta’ dannu kkawżat lil terzi. Hoechst tenfasizza, barra minn dan, li impatt effettiv jista’ jiġi kkunsidrat biss jekk, l-ewwel nett, kien stabbilixxiet li l-prezzijiet immirati kienu għola mill-prezzijiet ipotetiċi tas-suq, u, it-tieni nett, jekk dawn il-prezzijiet kienu ġew milħuqa tal-inqas parzjalment. Dawn l-elementi mhumiex preżenti f’dan il-każ.

298    Rigward il-premessa 335 tad-Deċiżjoni, Hoechst issostni li l-fatt li l-volumi ta’ bejgħ imniżżla fit-tabella tal-premessa 112 tad-Deċiżjoni (Tabella II) jikkoinċidu mal-kwoti miftiehma jista’ jipprovdi indizju dwar il-funzjonament tajjeb tal-ftehim kieku ma kienx hemm “kwantitajiet griżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri kwantitajiet mibjugħa u mhux iddikjarati lill-membri tal-akkordju. Issa, f’dan il-każ, dawn il-“kwantitajiet griżi” eżistew, b’mod partikolari fil-każ ta’ Hoechst. Barra minn dan, Hoechst tikkunsidra li l-Kummissjoni kien imissha pprovat, barra minn dan, li dawn il-konkordanzi ta’ volumi kienu wasslu għal skarsità artifiċjali tal-offerta u, għalhekk, għal prezzijiet abbużivi fir-rigward tax-xerrejja.

299    Rigward il-premessa 336 tad-Deċiżjoni, ikun żbaljat li jiġi preżunt li l-produtturi tas-sorbati kienu f’miżura li jikkontrollaw mhux biss is-suq tas-sorbati, iżda wkoll f’parti kbira dak tal-aġenti ta’ preservazzjoni. Hoechst tindika f’dan ir-rigward li ma jeżisti preċiżament ebda suq waħdu tal-aġenti ta’ preservazzjoni.

300    Fl-aħħar, rigward il-premessi 337 u 342 tad-Deċiżjoni, ikun kuntradittorju li jiġi affermat, minn naħa, li l-ftehim inkwistjoni kienu implementati matul il-perijodu ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li l-eżistenza ta’ fatturi esterni, li setgħu influwenzaw huma wkoll l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-prodott, trendi diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet fuq l-importanza relattiva tal-kawżi possibbli kollha. Il-konklużjoni li tinsab fil-premessa 341 tad-Deċiżjoni, li l-implimentazzjoni intenzjonata tal-ftehim kellha impatt reali fuq is-suq tas-sorbati, hija, f’dawn iċ-ċirkustanzi, żbaljata.

–       Fuq il-parteċipazzjoni ta’ diretturi ta’ livell għoli fil-ftehim antikompetittivi

301    Il-Kummissjoni tqis li l-ftehim antikompetittivi ġew stabbiliti, immexxija u inkoraġġuti mid-diretturi tal-impriżi kkonċernati fuq l-għola livell (premessa 323 tad-Deċiżjoni).

302    Skont Hoechst, din l-affermazzjoni hija kuntrarja għall-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 253 KE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kien imissha stabbilixxiet liema fatturi kienu fil-bażi tal-konklużjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs Il-Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra p. II‑1613, punt 210).

303    Barra minn dan, huwa ineżatt li l-persuni li pparteċipaw fl-akkordju kienu diretturi fuq l-għola livell, tal-inqas għal dak li jirrigwarda Hoechst. Filwaqt li tirreferi għall-motivi tas-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar’il fuq (punti 33 sa 38), Hoechst tenfasizza li ż-żewġ kollaboraturi tagħha tal-għola grad, imsemmija fil-premessa 96 tad-Deċiżjoni, okkupaw il-post ta’ diretturi ta’ bejgħ ta’ wieħed mit-tmien sa tnax-il qasam kummerċjali ta’ Hoechst. Kull wieħed minn dawn it-tnejn kien suġġett għal direttur tas-settur u għal direttur tal-bejgħ tas-settur kummerċjali kkonċernat, billi t-tnejn li huma għadhom jappartjenu għal livell inqas mil-livell direttorjali. Il-kollaboraturi l-oħra msemmija fid-Deċiżjoni kienu okkupaw il-karigi ta’ maniġer ta’ grad inqas jew ma kellhom ebda funzjoni ta’ tmexxija.

304    Fl-aħħar, anki jekk kollaboraturi ta’ impriżi oħra kkonċernati kellhom jiġu kkunsidrati bħala diretturi fuq l-għola livell, dan ma jistax jirriżulta f’żieda tal-ammont bażiku tal-multa għal Hoechst. Fil-fatt, il-gravità tal-ksur ta’ Hoechst ma tistax tiddependi mis-sitwazzjoni tal-impjegati tal-impriżi l-oħra li ħadu sehem fil-ksur.

–       Fuq il-qsim tal-impriżi f’kategoriji

305    Hoechst tindika l-ewwel li d-differenzjar tal-ammonti ta’ tluq, iffissati għal EUR 20 miljun għal Hoechst u għal EUR 6.6 miljun għall-impriżi l-oħra kollha kkonċernati, mhuwiex aċċettabbli fid-dawl tan-natura tal-ksur, li huwa identiku għall-impriżi kollha.

306    Barra minn dan, filwaqt li tirreferi għas-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 220 iktar’il fuq (punti 405 u segwenti), Hoechst tenfasizza li l-qsim tal-impriżi f’kategoriji, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont ta’ tluq, għandu qabel kollox josserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

307    F’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbilixxiet gradazzjoni tal-ammonti ta’ tluq tal-impriżi skont il-kapaċità preżupposta tagħhom li jikkawżaw dannu għall-kompetizzjoni u skont il-kontribuzzjoni tagħhom għad-dannu allegatament ikkawżat lill-kompetizzjoni (premessa 349 tad-Deċiżjoni). Hija kienet għażlet bħala kriterju ta’ miżura s-sehem tas-suq ta’ kull impriża fis-suq mondjali tas-sorbati (premessa 350 tad-Deċiżjoni).

308    F’dan ir-rigward, l-ewwel, Hoechst tirrileva li kull wieħed mill-erba’ produtturi Ġappuniżi kellu ishma tas-suq li jilħqu sa 15 %, li jista’ jikkostitwixxi, meta jiġu mgħaduda flimkien, sehem tas-suq mondjali ekwivalenti għal iktar mid-doppju ta’ dak ta’ Hoechst. Fid-dawl tas-solidità tal-akkordju tal-produtturi Ġappuniżi dwar l-esportazzjoni u tal-komportament tagħhom dejjem perfettament miftiehem fil-laqgħat tal-akkordju, Hoechst kellha importanza sekondarja fl-evoluzzjoni tas-suq mondjali. B’hekk, billi tibbaża ruħha fuq il-limitu tal-ishma tas-suq tal-produtturi Ġappuniżi, Hoechst tqis li l-ammont bażiku kien imissu kien, għal dawn il-produtturi, minn 1.61 sa 2.54 drabi iktar għoli minn tagħha. Dan kien jikkorrispondi, bil-preżuppost ta’ multa adegwata għall-produtturi Ġappuniżi (u inkluż Chisso), għal ammont bażiku ta’ bejn EUR 10.4 u EUR 16.65 miljun, u għalhekk – jekk l-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess – għal tnaqqis ta’ multa ta’ bejn EUR 16.58 u EUR 47.52 miljun għal Hoechst.

309    It-tieni, f’kull każ u anki jekk jiġi kkunsidrat is-sehem tas-suq ta’ kull produttur Ġappuniż meħud separatament, il-kalkolu tal-multa għal 1 % ta’ sehem tas-suq jikkorrispondi għal ammont ta’ tluq ta’ bejn EUR 0.44 u EUR 0.7 miljun. Hoechst kienet żvantaġġjata, għaliex, kieku l-Kummissjoni kienet applikat l-istess kriterji għaliha, l-ammont ta’ tluq kellu jkun bejn EUR 10.38 u EUR 16.52 miljun. Jekk l-affarijiet l-oħra kollha jibqgħu l-istess, ikun hemm għaldaqstant eċċess fil-multa ta’ bejn EUR 17.3 u EUR 47.62 miljun.

310    It-tielet, paragun ma’ deċiżjonijiet reċenti oħra juru li l-Kummissjoni tbegħdet, f’dan il-każ, mill-prinċipji tagħha dwar l-iffissar ta’ multi permezz ta’ kategoriji. Hoechst tirreferi f’dan ir-rigward għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/460/KE, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra SGL Carbon AG, Le Carbone-Lorraine SA, Ibiden Co., Ltd, Tokai Carbon Co., Ltd, Toyo Tanso Co., Ltd, GrafTech International, Ltd, NSCC Techno Carbon Co., Ltd, Nippon Steel Chemical Co., Ltd, Intech EDM BV u Intech EDM AG (Każ COMP/E-2/37.667 – Grafiti speċjali), li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, punt 118 iktar’il fuq. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet b’mod partikolari ffissat multi ta’ ammont ta’ tluq ta’ EUR 20 miljun għal impriża li kellha sehem tas-suq bejn 30 u 40 % u ta’ EUR 14 miljun għal impriża li kellha sehem tas-suq bejn 21 u 27 %. Barra minn dan, fl-istess deċiżjoni, minħabba akkordju ieħor dwar il-grafit speċjali mbuttat’il barra, iż-żewġ impriżi ssanzjonati, li s-sehem tas-suq tagħhom kien bejn 25 u 35 %, ġew imposti multi ta’ ammont ta’ tluq ta’ EUR 15 miljun kull waħda. Hoechst toffri bħala prova l-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni (wara l-pubblikazzjoni tagħha) kif ukoll ix-xhieda ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni. Filwaqt li tikkunsidra dawn il-prinċipji, Hoechst tqis li l-ammont bażiku li ġie meqjus għaliha f’dan il-każ kien imissu kien ħafna inqas għoli (EUR 24.75 jew EUR 29.7 skont jekk l-ammont ta’ tluq huwiex ta’ EUR 14 jew ta’ EUR 15 miljun, filwaqt li l-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess).

–       Fuq il-fattur ta’ żieda għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ Hoechst

311    Il-Kummissjoni reġgħet issuġġettat lil Hoechst għal nuqqas ta’ trattament ugwali meta hija mmultiplikat l-ammont ta’ tluq tagħha ta’ EUR 20 miljun b’fattur ta’ grupp ekwivalenti għal tnejn. Impriżi oħra kkonċernati bid-Deċiżjoni kienu u għadhom impriżi kbar li joperaw fil-livell internazzjonali. Barra minn dan, it-tnaqqis kbir tad-daqs ta’ Hoechst, li seħħ sadakittant u li wassal id-dħul mill-bejgħ tagħha ta’ grupp għal madwar EUR 9 biljuni għas-sena ta’ riferenza 2002 kif ukoll ir-restrizzjoni tagħha għal attività ta’ holding u l-bejgħ lil terzi tal-parti ta’ attivitajiet tagħha fis-sorbati, irendu nulla l-ġustifikazzjoni ta’ żieda estrema tal-multa. Fi kwalunkwe każ, skont Hoechst, fattur ta’ tnejn ma kienx imissu ġie użat bħala multiplikatur.

 Fuq it-tul tal-ksur

312    Hoechst tikkunsidra li ż-żieda fil-multa għat-tul tal-ksur ta’ 175 % deċiża mill-Kummissjoni, hija esorbitanti u sproporzjonata.

313    L-ewwel, iż-żidiet minħabba t-tul tal-ksur li jeċċedu 100 % huma fundamentalment kuntrarji għall-metodu ta’ kalkolu tal-multi stabbilit mill-Kummissjoni fil-linji gwida. Hoechst tinnota li l-fatturi marbuta mal-gravità tal-ksur jippermettu l-iffissar ta’ ammont bażiku li, fi tieni stadju, hu adattat skont it-tul tal-ksur. Fuq dan l-aħħar aspett, il-Punt 1 B tal-linji gwida jipprevedi biss madankollu “[żieda kbira]” tal-ammont bażiku, u mhux l-iffissar ta’ ammont interament ġdid f’ordni ta’ daqs totalment differenti minn dak tal-ammont bażiku.

314    It-tieni, iż-żieda minħabba t-tul tal-ksur tieħu inkunsiderazzjoni, għat-tieni darba, il-gravità tal-ksur. Hoechst tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-ftehim fuq il-prezzijiet u l-volumi huma tipikament ksur ta’ tul twil. Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni tqiegħed dawn il-ftehim fl-għola kategorija ta’ “ksur serju ħafna”, hija ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni għat-tieni darba din in-natura serja tal-ksur fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tat-tul tal-ksur.

315    It-tielet, Hoechst tqiegħed fundamentalment fid-dubju l-fatt li żieda direttament proporzjonata, li tammonta b’mod statiku għal 10 % fis-sena, tkun tista’ tiġi applikata fuq perijodu twil sabiex jiġi sanzjonat ftehim. Hoechst tenfasizza f’dan ir-rigward li, fil-kuntest ta’ reati ta’ tul twil ikkunsidrati bħala ksur wieħed, is-sistemi kollha ta’ sanzjonijiet jipprevedu fatturi ta’ żieda tal-piena li l-livell tagħha jonqos b’mod esponenzjali hekk kif it-tul jiżdied. Dan l-approċċ josserva wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, jekk huwa ġust li r-reati kriminali li twettqu ħafna fil-passat jiġu preskritti f’mument partikolari, allura l-miżura tas-sanzjoni ma tistax tinjora dan l-istess prinċipju. Hoechst iżżid, li anki jekk il-“prinċipju tan-ness kawżali”, imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/74, kien għadu applikat fid-dritt Komunitarju, dan ma jistax iwassal għal żidiet bla limiti tal-multi imposti.

316    Fl-aħħar, iż-żieda applikata hija sproporzjonata meta mqabbla mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni.

317    Hoechst tirreferi l-ewwel għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/273/KE, tat-28 ta’ Jannar 1988, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.733 – VW) (JO L 124, p. 60), li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet li żieda ta’ 10 % għal kull sena ta’ ksur hija adegwata biss jekk il-gravità tal-ksur tibqa’ l-istess fuq it-tul kollu tiegħu. F’dan il-każ, ebda konstatazzjoni li tipprova jew li turi tali fatt ma ġiet imressqa, li huwa kuntrarju għall-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha.

318    Hoechst wara tirreferi għal numru ta’ deċiżjonijiet li fihom il-Kummissjoni żidet l-ammont bażiku mill-bidu tat-tieni sena biss, inkwantu l-linji gwida jipprevedu żieda biss għal perijodi ta’ ksur li jeċċedu tul meqjus bħala “medju”. B’mod partikolari, Hoechst tirreferi għaż-żieda adottata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni1999/60/KE, tal-21 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/35.691/E-4 –Pajpijiet preisolati) (ĠU 1999, L 24, p. 1), u tirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang Corporation vs Il-Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 137). Minn dan Hoechst tikkonkludi li żieda ta’ 165 % biss setgħet tiġi kkunsidrata f’dan il-każ.

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

319    Preliminarjament, u sabiex tirrispondi għall-argumenti żviluppati minn Hoechst fl-introduzzjoni tal-ħames motiv tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-paragun bejn il-multa u d-dħul mill-bejgħ globali tas-sorbati fis-suq taż-ŻEE fl-1995 mhuwiex validu. Fil-fatt, id-dħul mill-bejgħ magħmul f’sena fis-suq ma jirrivelax ir-riperkussjonijiet negattivi li ftehim li dam iktar minn 17-il sena seta’ kellu. Barra minn dan, l-ammont tal-multa qabel it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Hoechst jiġi spjegat f’dan il-każ minn sensiela sħiħa ta’ fatturi. Barra minn dan, EUR 20 miljuni jikkorrispondu għall-ammont ta’ tluq minimu msemmi fil-linji gwida f’każ ta’ ksur serju ħafna. Din is-somma hija wkoll konformi mal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ammont ta’ tluq speċifiku jikkostitwixxi biss ammont intermedjarju li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-metodu ddefinit mil-linji gwida, huwa sussegwentement is-suġġett ta’ adattazzjonijiet skont it-tul tal-ksur u ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti kkonstatati (sentenza Cheil Jedang Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 318 iktar’il fuq, punt 95).

 Fuq l-effetti tal-ksur

320    Skont il-Kummissjoni, hija setgħet tikkunsidra bħala inkontestat il-fatt li l-prezzijiet imposti mill-akkordju kienu prinċipalment tal-inqas għola mill-prezzijiet tas-suq, f’kull każ fir-rigward ta’ Hoechst. Il-Kummissjoni tenfasizza f’dan ir-rigward li Hoechst kellha ċ-ċans tikkummenta dwar il-konklużjonijiet li jinsabu fil-premessi 105, 109 u 288 tad-Deċiżjoni, li jikkorrispondu għall-punti 78, 82 u 265 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ukoll innotat li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni r-“riperkussjonijiet fuq is-suq” b’mod konformi mal-linji gwida (punti 291 u 295). Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Hoechst limitat ruħha sabiex tiddikjara, fir-rigward ta’ dawn ir-riperkussjonijiet, li dawn kienu irrilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur. Hoechst kienet ukoll espliċitament iddikjarat, fir-risposta tagħha, li hija ma kkontestatx il-fatti sostanzjali tal-akkordju fuq is-sorbati, kif kienu deskritti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni (premessi 29 u 451 tad-Deċiżjoni).

321    Il-Kummissjoni tenfasizza sussegwentement li, f’dan il-każ, l-impriżi kkonċernati kienu ffissaw miri ta’ prezzijiet li l-klijenti kienu disposti li jħallsu (premessa 102 tad-Deċiżjoni). Dawn il-prezzijiet ma jikkorrispondux għal determinazzjoni ħielsa minn kull membru tal-akkordju. Barra minn hekk Hoechst ma tiċħadx serjament li l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza stabbiliti kienu effettivament ippermettew li jintlaħqu globalment l-miri ta’ prezzijiet jew tal-inqas li l-partijiet attivament għamlu ħilithom biex jilħquhom (premessi 331 u 334 tad-Deċiżjoni). Skont il-Kummissjoni, il-prezzijiet immirati kellhom sistematikament jiġu użati bħala bażi ta’ negozjar (premessa 104 tad-Deċiżjoni), X’imdaqqiet, il-parteċipanti kkonstataw espressament li l-miri ta’ prezzijiet kienu ġew osservati (premessa 205 tad-Deċiżjoni).

322    Il-Kummissjoni ħalliet madankollu sospiża l-kwistjoni tad-differenza bejn il-prezzijiet imposti mill-akkordju u dawk li setgħu jiġu mistennija f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni normali (premessi 333 u 340 sa 342 tad-Deċiżjoni). Mhuwiex indikat fid-Deċiżjoni li l-prezzijiet żdiedu b’mod kontinwu, iżda biss li l-miri ta’ prezzijiet kienu ġew iffissati b’mod li jistgħu jiġu mistennija prezzijiet iktar għoljin minn dawk tas-suq. Skont il-Kummissjoni, dan seta’ jinkludi tnaqqis ta’ prezzijiet, li l-effett tiegħu kien madankollu biss li jattenwa r-riperkussjonijiet tat-tbaxxija tal-prezzijiet tas-suq għall-membri tal-akkordju (premessa 224 tad-Deċiżjoni).

323    Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-akkordju fuq il-volum ta’ bejgħ, Hoechst ma tikkontestax konkretament iċ-ċifri mniżżla fit-Tabella II tad-Deċiżjoni. L-affermazzjoni ta’ Hoechst (kuntrarja għall-premessa 419 tad-Deċiżjoni) li eżistew “kwantitajiet griżi” iktar sinjifikanti fost produtturi oħra milli fost Ueno, b’mod partikolari fostha, hija totalment impreċiża. Barra minn dan, il-problema tal-kwantitajiet griżi dehret biss fl-aħħar tal-1992, u għalhekk lejn it-tmiem tal-akkordju (premessi 112 u 193 tad-Deċiżjoni). Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, f’dan il-każ, l-offerta kienet adattata għad-domanda u tirreferi għall-premessi 108 u 109 tad-Deċiżjoni.

324    Fir-rigward tar-rimarki ta’ Hoechst dwar is-swieq inkwistjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li hija sempliċement fakkret, fil-premessa 336 tad-Deċiżjoni, li s-sorbati kienu l-preżervattivi l-iżjed użati u li ebda preżervattiv ieħor ma seta’ jissostitwixxihom perfettament. Kien għalhekk leġittimu li jiġi konkluż li l-manifatturi tas-sorbati setgħu jikkontrollaw ukoll “fil-parti l-kbira” is-settur tal-preżervattivi. Il-Kummissjoni żżid li hija ma stabbilixxietx definittivament jekk eżistix suq distint tas-sorbati. Anki jekk dan kien il-każ, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tibqa’ valida.

325    Fl-aħħar, rigward l-importanza tal-konsegwenzi dannużi tal-ksur fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, l-ipoteżi ta’ Hoechst li dawn il-konsegwenzi jammontaw eżattament għal terz hija kompletament infondata. Il-komunikat stampa tal-Kummissjoni invokat minn Hoechst jinkludi biss preżentazzjoni mqassra tad-Deċiżjoni u m’għandux jiġi mifhum bħala li jfisser li r-riperkussjonijiet inkwistjoni kellhom rwol deċiżiv fil-kalkolu tal-multi. Dan l-aspett mhuwa lanqas imsemmi fil-parti tal-komunikat intitolata “Kalkolu tal-multi”. Barra minn dan, għandha tingħata iktar importanza għall-elementi li jaqgħu taħt l-iskop ta’ komportament milli għal dawk dwar l-effetti tiegħu, b’mod partikolari meta dawn jirreferu għal ksur intrinsikament serju, bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 636).

 Fuq il-parteċipazzjoni tad-diretturi ta’ livell għoli fil-ftehim antikompetittivi

326    Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li Hoechst viżibbilment fehmet dak li tkopri l-espressjoni “fuq l-għola livell” u li, barra minn dan, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreċiżat li l-ftehim kienu ġew stabbiliti, immexxija u inkoraġġuti fuq l-għola livell fl-impriżi kkonċernati. Hoechst ma kkontestatx dawn il-konstatazzjonijiet u ma kienx meħtieġ li jiġi approfondit dan il-punt.

327    Fuq il-mertu, wieħed ma jistax jiddeduċi mis-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar’il fuq, definizzjoni tal-kunċett ta’ “l-għola livell”, applikabbli għal kull sitwazzjoni, u li teskludi kull persuna li teżerċita funzjonijiet inqas għolja minn dawk ikkonċernati f’din is-sentenza. Fil-premessa 323 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha l-għan li turi li l-akkordju ma kienx organizzat minn kollaboraturi ta’ kariga baxxa, iżda minn persuni li jinsabu f’livell ta’ ġerarkija kapaċi li jikkonferixxi awtorità u stabbilità lill-akkordju. Id-diretturi tal-bejgħ tad-dipartiment ikkonċernat ta’ Hoechst jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

 Fuq it-tqassim tal-impriżi f’kategoriji

328    Hoechst tinterpreta ħażin il-fatt li l-linji gwida huma bbażati fuq il-piż speċifiku ta’ kull impriża (Punt 1 A, ir-raba’, is-sitt u s-seba’ paragrafi). Il-fatt li l-manifatturi Ġappuniżi ltaqgħu regolarment qabel il-laqgħat komuni u abitwalment ukoll wara dawn il-laqgħat mhux neċessarjament ifisser li dawn jikkostitwixxu impriża waħda li hija l-istess.

329    Barra minn dan, il-Kummissjoni tfakkar li, meta qasmet l-impriżi f’kategoriji, hija bdiet minn Hoechst, li fir-rigward tagħha imponiet multa minima suġġerita għall-ksur serju ħafna. L-argument ta’ Hoechst intiż sabiex jiġi sostnut li l-ammont ta’ tluq tal-multa għall-impriżi tat-tieni kategorija, li jammonta għal terz tal-ammont ta’ tluq tagħha, huwa baxx wisq, ma jistax jiġi aċċettat, billi ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, T‑16/99, Ġabra p. II‑1633, punt 350). Barra minn dan, fl-iffissar tal-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali u hija ma tistax tiġi obbligata tapplika, għal dan il-għan, formola matematika preċiża (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 220 iktar’il fuq, punti 252 u 383). Huwa għalhekk immaterjali li l-ammont ta’ tluq tal-multa għall-impriżi tat-tieni kategorija ma kienx ġie adattat b’mod eżattament proporzjonali għall-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati.

330    Rigward il-prattika deċiżjonali invokata minn Hoechst, il-Kummissjoni ssostni li din il-prattika ma sservix, fiha nfisha, ta’ qafas ġuridiku għall-multi fir-rigward tal-kompetizzjoni, billi dan huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 17, u li l-elementi ta’ paragun jistgħu jkollhom biss natura indikattiva peress li d-data ċirkostanzjali tal-kawżi ta’ kompetizzjoni, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati mhumiex identiċi. Il-Kummissjoni tirreferi, fuq dawn il-punti, għas-sentenza JCB Service vs Il-Kummissjoni, punt 218 iktar’il fuq (punti 187 u 188). Għaldaqstant, il-paragun magħmul minn Hoechst huwa irrilevanti.

 Fuq il-fattur ta’ żieda sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ Hoechst

331    Il-Kummissjoni ssostni li l-iffissar ta’ fattur b’finalità dissważiva huwa konformi mal-ġurisprudenza u mal-prattika deċiżjonali. Il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar’il fuq (punti 162 u s-segwenti).

332    Dan il-fattur jikkunsidra d-daqs u r-riżorsi tal-impriża kkonċernata, li huma pari mal-importanza tagħha. Fl-2002, Hoechst kienet tal-inqas erba’ darbiet ikbar minn Daicel, l-impriża li tiġi warajha immedjatament f’termini ta’ dħul mill-bejgħ. Min-naħa l-oħra, in-natura tal-attività ta’ Hoechst fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni hija irrilevanti. Il-fatt li Hoechst ċediet il-parti ta’ attivitajiet tagħha fil-qasam tas-sorbati lil parti terza kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fil-paragun rilevanti tad-daqs tal-impriżi inkwistjoni.

 Fuq it-tul tal-ksur

333    Rigward l-argumenti ta’ Hoechst dwar il-metodu previst mil-linji gwida, il-Kummissjoni tindika li żieda ta’ 10 % fis-sena hija prevista fil-Punt 1 B tal-linji gwida, u dan biex tissanzjona realment ir-restrizzjonijiet li pproduċew b’mod durattiv effetti dannużi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ċ-ċans tenfasizza anki reċentement li huwa konformi mal-interess ġenerali li jiġu evitati, mikxufa u kif ukoll issanzjonati l-prattiki u l-ftehim antikompetittivi (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq, punt 54).

334    Il-Kummissjoni tenfasizza, barra minn dan, li ż-żieda prevista għat-tul tal-ksur mhijiex suġġetta għal limitu assolut (bħall-100 % sostnut minn Hoechst) u tirreferi, fuq dan il-punt, għall-prattika deċiżjonali tagħha f’numru ta’ kawżi.

335    Barra minn dan, il-kriterji ta’ gravità u ta’ tul tal-ksur jikkoeżistu b’mod awtonomu. Flimkien, dawn jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont bażiku. Il-fatt li tiġi ddefinita ż-żieda dovuta għat-tul tal-ksur skont il-kriterju ta’ gravità ikun inkuntradizzjoni man-natura awtonoma taż-żewġ kriterji u għalhekk inadatt.

336    Barra minn dan, kuntrarjament għall-opinjoni ta’ Hoechst, il-kategorija tal-ksur serju ħafna mhija b’ebda mod irriżervata għar-restrizzjonijiet orizzontali ta’ tul twil. Għaldaqstant, għandu jiġi kompletament ikkunsidrat it-tul reali tal-ksur.

337    Il-kunsiderazzjonijiet fir-rigward ta’ preskrizzjoni huma wkoll irrilevanti. Il-preskrizzjoni f’każ ta’ ksur durattiv jew kontinwu tiskatta biss fid-data li fiha l-ksur jiġi fit-tmiem tiegħu.

338    Rigward l-argument li, f’kull każ, biss żieda ta’ 165 % tkun meqjusa minħabba li l-ewwel sena tal-ksur ma tgħoddx, il-Kummissjoni tirrispondi li ż-żieda ta’ 10 % fis-sena hija perfettament konformi mal-prinċipji msemmija fil-linji gwida. Huwa biss previst f’dan ir-rigward li, għall-ksur ta’ żmien qasir, b’mod ġenerali ta’ ksur ta’ inqas minn sena, ebda żieda mhija applikata (sentenza Cheil Jedang Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 318 iktar’il fuq, punt 133). Paragun tal-kliem tat-tieni u tat-tielet inċiżi tal-Punt 1 B tal-linji gwida juri li, f’każ ta’ ksur ta’ iktar minn sena, iż-żieda hija meqjusa li hija applikabbli “għal kull sena” tal-ksur, u għalhekk l-ewwel sena inkluża.

339    Fl-aħħar, rigward, il-prattika deċiżjonali invokata minn Hoechst, li permezz tagħha ġiet imposta żieda ta’ inqas minn 10 % fis-sena, il-Kummissjoni tirrileva li l-kawża li tat lok għas-sentenza Cheil Jedang Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 318 iktar’il fuq, kellha l-karatteristika partikolari li ż-żieda minħabba t-tul ammontat għal 10 % għal ċerti impriżi u għal inqas minn 10 % għal impriżi oħra, b’mod li d-deċiżjoni ma kinitx koerenti (punt 139 tas-sentenza). Il-Kummissjoni żżid li l-fatt li hija kienet applikat, fil-passat, ċerta rata ta’ żieda tal-ammont tal-multa, skont it-tul tal-ksur, ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli din ir-rata fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 17 u fil-linji gwida, jekk dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 277).

340    Barra minn dan, fl-aħħar deċiżjonijiet li Hoechst issemmi, il-Kummissjoni kienet indubjament żiedet il-multa b’10 % fis-sena għat-tul tal-ksur. Hemm lok, f’dan ir-rigward, li tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ Hoechst li ż-żieda ta’ 10 % fis-sena hija f’kull każ inadattata peress li l-intensità tal-ksur varja. Minn naħa, is-silta tad-deċiżjoni ċċitata minn Hoechst sabiex turi dan il-bdil fl-intensità tal-ksur ma ppermettitiex l-inqas konklużjoni f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, iż-żieda tal-multa ta’ 10 % għal kull sena ta’ ksur tibqa’ ġġustifikata anki jekk il-ksur seta’ varja matul il-perijodu kkonċernat, ladarba l-ksur ta’ natura serja ħafna kompla (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 339 iktar’il fuq, punt 278).

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

341    Preliminarjament, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-ħames motiv imqajjem minn Hoechst huwa bbażat fuq żewġ partijiet. L-ewwel parti hija intitolata “Natura tal-ksur”. It-tieni parti hija intitolata “Tul tal-ksur”. Madankollu, l-ewwel parti tirrigwarda, fil-fatt, l-elementi kostituttivi tal-“gravità” tal-ksur, li jintegraw in-natura tal-ksur. Hemm għalhekk lok li jiġi mifhum li Hoechst tikkontesta, fil-fatt, fl-ewwel parti, l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni rigward il-gravità tal-ksur.

342    Sussegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument ġenerali ta’ Hoechst li l-ammont tal-multa tagħha, ikkalkolat qabel l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, huwa sproporzjonat sa fejn dan jikkorrispondi għal kważi ħames darbiet il-volum globali tas-suq fiż-ŻEE, għas-sena tal-1995, ikkonstatat fit-Tabella I tad-Deċiżjoni. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li, fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, punt 47, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 151). Barra minn dan, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, l-ammont tal-multa huwa ddeterminat fuq il-bażi tal-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu. Barra minn dan, l-imsemmi ammont huwa r-riżultat ta’ sensiela ta’ evalwazzjonijiet iċċifrati magħmula mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-linji gwida. Id-determinazzjoni ta’ dan l-ammont hija, b’mod partikolari, ir-riżultat ta’ diversi ċirkustanzi relatati mal-komportament individwali tal-impriża inkwistjoni, bħall-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punti 82 u 85). Ma jistax jiġi dedott minn dan il-qafas ġuridiku li l-Kummissjoni għandha tiżgura proporzjon bejn l-ammont tal-multa, hekk ikkalkolat, u l-volum globali tas-suq tal-prodott ikkonċernat fiż-ŻEE, għal sena partikolari tal-ksur (f’dan il-każ l-1995), anki meta l-ksur ikkonċernat dam iktar minn 17-il sena u l-ammont tal-multa jiddependi wkoll minn ċirkustanzi oħra marbuta mal-komportament individwali tal-impriża. Minn dan jirriżulta li l-argument ġenerali ta’ Hoechst f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

a)     Fuq il-gravità tal-ksur

343    Għandu jiġi mfakkar li l-linji gwida jipprevedu, b’mod partikolari, li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura nfisha tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jkun ikkalkolat u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huwa għalhekk ikklassifikat fi tliet kategoriji, li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-ksur ftit serju, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna (Punt 1A, l-ewwel u t-tieni paragrafi).

344    Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita abbażi numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrenti ta’ kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 208 iktar’il fuq, punt 465, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241).

 Fuq l-effett tal-akkordju fuq is-suq tas-sorbati taż-ŻEE

345    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li t-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, imsemmija fil-punt 343 iktar’il fuq, m’għandhomx l-istess piż fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol primordjali, b’mod partikolari, sabiex tikkaratterizza l-ksur ikklassifikat bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida li ftehim jew prattiki miftehma li jirrigwardaw b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ b’volum jistgħu, fuq il-bażi biss tan-natura proprja tagħhom, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun meħtieġ li tali komportament ikun ikkaratterizzat minn impatt partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 178).

346    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li Hoechst ma tqiegħedx inkwisjtoni l-iskop illegali tal-akkordju, jiġifieri l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet, l-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ b’volum, id-definizzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni u ta’ kontroll kif ukoll in-nuqqas ta’ provvista ta’ teknoloġija lill-kandidati meta jidħlu fis-suq.

347    It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt reali tal-akkordju fuq is-suq fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tafferma, fil-premessa 327 tad-Deċiżjoni, li mhuwiex meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-effetti reali meta l-għan antikompetittiv ta’ akkordju huwa stabbilit, hija tikkonstata madankollu, fil-premessi 333 sa 336 tad-Deċiżjoni, l-eżistenza ta’ effetti tali f’dan il-każ, u dan anki jekk hija tiddikjara fil-premessa 333 li mhuwiex possibbli li tikkwantifikahom bi preċiżjoni. Dawn l-effetti jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-implementazzjoni tal-ftehim inkwistjoni. Il-Kummissjoni tfakkar, f’dan ir-rigward, fil-premessi 330 sa 332 tad-Deċiżjoni, filwaqt li tirreferi għall-Parti I tagħha, li l-ftehim inkwistjoni kienu ġew attentivament implementati. Il-premessi 334 u 336, li jittrattaw l-effetti reali tal-akkordju fuq is-suq jirreferu, ukoll, għall-implementazzjoni tal-ftehim inkwistjoni. Fil-premessa 337 tad-Deċiżjoni, li tinkludi l-konklużjoni dwar l-iżviluppi li jirrigwardaw l-impatt reali tal-akkordju fuq is-suq, il-Kummissjoni tindika li din l-“implementazzjoni permanenti kellha effett fuq is-suq tas-sorbati”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

348    Il-konklużjoni tal-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-akkordju mhijiex ikkontestata minn Hoechst quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Hemm lok li jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, fir-rigward b’mod partikolari ta’ akkordju fuq il-prezzijiet, huwa leġittimu għall-Kummissjoni li tiddeduċi li l-ksur ħalla xi effetti, mill-fatt li l-membri tal-akkordju ħadu miżuri sabiex japplikaw il-prezzijiet miftiehma. Min-naħa l-oħra, meta l-implementazzjoni ta’ akkordju hija stabbilita, il-Kummissjoni ma tistax tiġi mitluba turi sistematikament li l-ftehim effettivament ippermettew lill-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni għola minn dak li jkun ipprevala fin-nuqqas ta’ akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar’il fuq, punti 743 sa 745). Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Hoechst ma jistgħux iqegħdu f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni rigward l-effetti tal-akkordju li jirriżultaw mill-implementazzjoni tal-ftehim inkwistjoni.

349    Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li l-akkordju kellu bħala għan, b’mod partikolari, li jiffissa miri ta’ prezzijiet. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-iffissar ta’ prezz, anke jekk sempliċement indikattiv, jaffettwa l-kompetizzjoni minħabba l-fatt li jippermetti lill-parteċipanti kollha tal-akkodju jipprevedu kważi b’ċertezza liema ser tkun il-politika ta’ prezz tal-kompetituri tagħhom. B’mod iktar ġenerali, tali akkordji jammontaw għal intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat Fil-fatt, billi esprimew rieda komuni li japplikaw ċertu livell ta’ prezz għall-prodotti tagħhom, il-produtturi kkonċernati ma jiddeterminawx iktar b’mod indipendenti l-politika tagħhom fis-suq, u għaldaqstant jippreġudikaw il-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubach vs Il-Kummissjoni, T-64/02, Ġabra p. II-5137, punt 81). Minn dan jirriżulta li, billi ffissa b’mod partikolari miri ta’ prezzijiet, l-akkordju inkwistjoni neċessarjament affettwa l-kompetizzjoni.

350    Barra minn dan, it-Tabella II tad-Deċiżjoni turi li l-kwoti ta’ bejgħ miftiehma bejn il-partijiet fl-akkordju kienu ġew implementati, kif il-Kummissjoni tirrileva fil-premessa 335 tagħha. Iċ-ċifri mniżżla f’din it-tabella mhumiex ikkontestati minn Hoechst li tirrileva biss li xi “kwantitajiet griżi” – jiġifieri kwantitajiet mibjugħa u mhux iddikjarati lill-membri tal-akkordju – joħolqu dubju dwar il-funzjonament tajjeb tal-ftehim inkwistjoni. Jirriżulta mill-premessi 112 u 193 tad-Deċiżjoni li d-diskussjonijiet tal-membri tal-akkordju dwar eventwali “kwantitajiet griżi” irrigwardaw volumi ta’ bejgħ ta’ produtturi Ġappuniżi mhux imniżżla fl-“istatistiċi uffiċjali”, jiġifieri d-data, ippubblikata, tal-esportazzjonijiet ta’ dawn il-produtturi. B’mod partikolari, fil-premessa 335 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva li tali “kwantitajiet griżi” jistgħu jiġu attribwiti lil Ueno. Għaldaqstant, anki jekk jiġi supponut li tali “kwantitajiet griżi” kellhom effett fuq iċ-ċifri ta’ bejgħ ta’ Ueno, jew fuq dawk ta’ produtturi Ġappuniżi oħra, imniżżla fit-Tabella II tad-Deċiżjoni, dawn l-istess kwantitajiet ma jkollhomx effett fuq iċ-ċifri ta’ bejgħ ta’ Hoechst. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-akkordju kellu, tal-inqas, effett li jillimita jew jikkontrolla l-opportunitajiet ta’ kompetitur preżenti fuq is-suq taż-ŻEE. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-affermazzjonijiet ta’ Hoechst li hija kienet ukoll biegħet “kwantitajiet griżi” tal-prodott ikkonċernat, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn mhumiex sostnuti minn ebda element oġġettiv, li, wara kollox, ma kienx ġie pprovdut fi żmien utli lill-Kummissjoni.

351    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Hoechst fir-rigward tal-effett tal-akkordju fuq is-suq tas-sorbati taż-ŻEE.

 Fuq il-parteċipazzjoni ta’ diretturi ta’ livell għoli ta’ Hoechst fl-akkordju

352    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehim kollużivi inkwistjoni kienu, fil-parti l-kbira, stabbiliti, immexxija u inkuraġġuti fuq livell għoli ħafna fl-impriżi kkonċernati, hija msemmija fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura tal-ksur inkwistjoni.

353    Madankollu, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li din il-konstatazzjoni, jekk tkun żbaljata għal Hoechst, tista’, waħedha, tqiegħed f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ksur inkwistjoni, ikkaratterizzat b’mod partikolari permezz tal-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet u tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ bejgħ b’volum, kien, min-natura proprja tiegħu, serju ħafna.

354    F’kull każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tibbaża evidentement fuq il-listi tal-impjegati tal-impriżi kkonċernati li pparteċipaw għal-laqgħat, li huma mniżżla fil-premessi 88, 91, u 96 sa 98 tad-Deċiżjoni. Fir-rigward ta’ Hoechst, fil-premessa 96 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li r-rappreżentanti tagħha fil-laqgħat komuni kienu, b’mod partikolari, diretturi tal-bejgħ jew persuni responsabbli mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. In-nuqqas ta’ motivazzjoni mqajjem minn Hoechst għandu għalhekk, f’dan ir-rigward, jiġi miċħud.

355    Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li l-lista tal-impjegati ta’ Hoechst, imsemmija fil-premessa 96 tad-Deċiżjoni, isemmiet diġà fil-punt 62 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn dan, fil-punt 295 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li hija kienet ser tikkunsidra l-fatt li l-ftehim kollużivi kienu stabbiliti, immexxija u inkuraġġuti fuq livell għoli ħafna fl-impriżi kkonċernati

356    Dawn l-elementi fattwali ma ġewx ikkontestati minn Hoechst matul il-proċedura amministrattiva.

357    Xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li “diretturi tal-bejgħ” kienu jappartjenu għal “livell għoli ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fl-organizzazzjoni tal-impriżi kkonċernati. B’mod partikolari, Hoechst tillimita ruħha sabiex tikkontesta din il-konklużjoni billi tindika li d-diretturi tal-bejgħ stess huma suġġetti għal diretturi oħra, mingħajr ma tressaq elementi konkreti insostenn ta’ din l-affermazzjoni, elementi li b’ebda mod ma ġew trażmessi fi żmien utli lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-fatt li d-diretturi tal-bejgħ stess huma suġġetti għal diretturi oħra ma jimplikax neċessarjament, fih innifsu, li huma ma kinux diretturi ta’ “livell għoli ħafna”.

358    Rigward, fl-aħħar, ir-riferenza magħmula minn Hoechst għas-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar’il fuq (punti 33 sa 38), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet irreferiet għar-rwol li kellu d-“direttorat tal-grupp” tal-impriża kkonċernata, li jiddifferenzja din il-kawża mill-preżenti każ.

359    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Hoechst rigward il-parteċipazzjoni tad-diretturi tagħha ta’ livell għoli fl-akkordju.

 Fuq it-tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji

360    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li d-differenzjar effettwat fir-rigward tal-akkordju fuq is-suq tas-sorbati kkonsista f’li tiġi ddeterminata, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Punt 1 A tal-linji gwida, il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju bl-għan tal-klassifikazzjoni tagħha fil-kategorija adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar’il fuq, punt 225).

361    Fil-premessa 349 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-metodu magħżul jippermetti li tiġi stmata l-kapaċità relattiva ta’ kull impriża, il-kontribuzzjoni tagħha għad-dannu globali għall-kompetizzjoni fiż-ŻEE u l-kontribuzzjoni tagħha għall-effikaċità tal-akkordju fl-intier tiegħu.

362    F’dan il-każ, il-Kummissjoni evalwat il-kontribuzzjoni individwali tal-impriżi kkonċernati billi bbażat ruħha fuq is-sehem tas-suq miżmum minn kull waħda minnhom fl-1995, għall-prodott inkwistjoni fuq livell mondjali.

363    Hoechst ma tikkontestax il-fatt li l-Kummissjoni qasmet l-impriżi kkonċernati f’kategoriji, u lanqas il-metodu applikat għal dan il-għan. Hoechst issostni prinċipalment trattament mhux ugwali mal-impriżi Ġappuniżi, fir-rigward tal-ammonti ta’ tluq ikkunsidrati abbażi tal-kategoriji.

364    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li, meta l-Kummissjoni tipproċedi għal tqassim f’kategoriji, hija għandha tosserva l-prinċipju ta’ trattament ugwali li skontu huwa pprojbit li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati b’mod identiku, sakemm trattament tali mhuwiex oġġettivament iġġustifikat (sentenzi CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 220 iktar’il fuq, punt 406, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar’il fuq, punt 219).

365    L-ewwel, jirriżulta b’mod ċar mid-Deċiżjoni li, wara li kienet ikkonkludiet li l-ksur ikkonċernat kien “serju ħafna” (premessa 344 tad-Deċiżjoni), il-Kummissjoni kkunsidrat li Hoechst kienet, fl-1995, l-ikbar produttriċi tas-sorbati fis-suq mondjali u qegħditha fl-ewwel kategorija ta’ impriżi (premessa 352 tad-Deċiżjoni). Hoechst ma tikkontestax il-konstatazzjoni li hija kienet l-ikbar produttriċi tas-sorbati, għas-sena 1995, li, barra minn hekk, hija kkonfermata mid-data li tinsab fit-Tabella I tad-Deċiżjoni. Rigward l-argument ta’ Hoechst li hija kien imissha ġiet imqabbla mal-erba’ produtturi Ġappuniżi, meqjusa flimkien, hemm lok li jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni, minkejja li miktuba f’forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala faxxikolu ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw fir-rigward tal-impriżi destinatarji l-ksur akkużati bih u li, skont il-każ, jimponul fuqhom multi, kif sostnut, barra minn dan, mill-kliem tad-dispożittiv tagħha, u b’mod partikolari mill-Artikoli 1 u 3 tagħha (digriet Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar’il fuq, punt 16). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li analizzat s-sitwazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi kkonċernati b’mod separat.

366    It-tieni, fil-premessa 354 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta għal ksur serju ħafna huwa għola minn EUR 20 miljun.

367    It-tielet, fil-premessa 355 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tiffissa l-ammont ta’ tluq tal-multi għal EUR 20 miljun għall-impriżi tal-ewwel grupp (Hoechst) u għal EUR 6.66 miljun għall-impriżi tat-tieni grupp (Daicel, Chisso, Nippon Synthetic u Ueno).

368    Jirriżulta minn dan li, sabiex tadotta trattament differenzjat bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni bdiet billi tiffissa, għall-impriżi tal-ewwel kategorija (jiġifieri Hoechst li kienet, skont id-Deċiżjoni, l-ikbar produttriċi tas-sorbati fl-1995), l-ammont ta’ EUR 20 miljun previst mil-linji gwida. Il-Kummissjoni ddeterminat, sussegwentement, fuq din il-bażi, l-ammont ikkunsidrat għall-impriżi tat-tieni kategorija.

369    Xejn, fid-Deċiżjoni, ma jippermetti l-konklużjoni li l-ammont ikkunsidrat għall-impriżi tal-ewwel kategorija kien ġie ffissat abbażi tal-ammont ikkunsidrat għall-impriżi tat-tieni kategorija. Bl-istess mod, xejn, fid-Deċiżjoni, ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-ammont ta’ EUR 20 miljun ikkunsidrat għall-impriżi tal-ewwel kategorija kien ir-riżultat ta’ formula matematika li tapplika ammont ta’ multa għal kull parti ta’ dħul mill-bejgħ, kuntrarjament għal dak li tidher li qed tissuġġerixxi Hoechst.

370    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki bil-preżuppost li l-ammont ta’ EUR 6.66 miljun għall-impriżi tat-tieni kategorija huwa żgħir wisq jew li ċerti impriżi f’din it-tieni kategorija kien imisshom ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija, din tkun illegalità mwettqa favur l-impriżi tat-tieni kategorija.

371    Għandu jiġi enfasizzat li l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li skontu ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 160, u Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, punt 329 iktar’il fuq, punt 350).

372    Fl-aħħar, fir-rigward tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni invokata minn Hoechst, għandu jiġi mfakkar li din ma sservix, fiha nfisha, ta’ qafas ġuridiku għall-multi fir-rigward tal-kompetizzjoni, peress li dan tal-aħħar huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 17 u fil-linji gwida (ara s-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 339 iktar’il fuq, punt 292, u l-ġurisprudenza ċċitata), u li, barra minn dan, l-operaturi ma jistgħux ikollhom aspettattiva leġittima fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi alterata mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 344 iktar’il fuq, punt 171).

373    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr mhemm lok li tiġi milqugħa t-talba ta’ Hoechst intiża għaċ-ċitazzjoni tax-xhieda peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti tal-proċess, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Hoechst rigward it-tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji.

 Fuq il-fattur ta’ żieda sabiex jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali ta’ Hoechst

374    Sabiex jiġu kkunsidrati “id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża”, l-ammont ta’ tluq tal-multa għal Hoechst ġie miżjud b’100 % għal EUR 40 miljun (premessa 357 tad-Deċiżjoni).

375    Din iż-żieda hija intiża, skont il-premessa 356 tad-Deċiżjoni, sabiex tikseb effett dissważiv suffiċjenti fuq l-impriżi l-kbar u sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-impriżi jkollhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom biex jirrikonoxxu li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont id-dritt tal-kompetizzjoni.

376    F’dan ir-rigward, il-linji gwida jipprevedu li, apparti n-natura proprja tal-ksur, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq u d-daqs ġeografiku tas-suq, huwa meħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità effettiva ekonomika tal-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu sinjifikanti lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentement dissważiv (ir-raba’ paragrafu tal-Punt 1 A).

377    Jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi ta’ dimensjoni kbira jistgħu anki jirrikonoxxu iktar faċilment li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont id-dritt tal-kompetizzjoni (il-ħames paragrafu tal-Punt 1 A).

378    F’dan il-każ, għalkemm il-premessi 356 u 357 tad-Deċiżjoni jinsabu taħt it-Titolu “Effett dissważiv suffiċjenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jirriżulta mill-premessa 356 tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, minn naħa, il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Punt 1 A tal-linji gwida, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-impriżi ta’ dimensjoni kbira, bħal Hoechst, jistgħu jirrikonoxxu iktar faċilment li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont id-dritt tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Punt 1 A tal-linji gwida, sabiex tapplika żieda ta’ 100 % tal-ammont ta’ tluq tal-multa.

379    Rigward l-ewwel element, jiġifieri l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, dan jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt imfittex fuq l-impriża li fuqha din hija imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont l-eżiġenzi bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà rrilevat b’hekk, fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar’il fuq, li, minħabba d-dħul mill-bejgħ globali enormi tagħha meta mqabbel ma’ dak tal-membri l-oħrajn fl-akkordju, għal waħda mill-impriżi kkonċernati f’din il-kawża jkun iktar faċli tikseb il-fondi neċessarji għall-pagament tal-multa tagħha, fatt li jiġġustifika, fid-dawl tal-effett dissważiv suffiċjenti ta’ din tal-aħħar, l-applikazzjoni ta’ multiplikatur (punt 241). F’dan il-kuntest, ir-riżorsi finanzjarji tal-impriża għandhom jiġu evalwati, sabiex jintlaħaq korrettament l-għan ta’ dissważjoni, u dan filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-ġurnata li fiha l-multa tiġi imposta. F’dan ir-rigward, għall-istess motivi, jeħtieġ li jiġi nnotat li, fl-ambitu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-limitu massimu tal-multa ffissat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata huwa stabbilit abbażi tad-dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena finanzjarja li tippreċedi d-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 85).

380    Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tippreċiżax liema data ġiet użata bħala bażi għall-konklużjoni tagħha rigward il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa ta’ Hoechst ikollha effett suffiċjentement dissważiv.

381    Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tinkludi madankollu d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati għas-sena 2002 (premessi 37, 42, 46, 50 u 55), sena li tikkorrispondi għall-aħħar sena finanzjarja li tippreċedi l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tirreferi barra minn hekk għas-sena 2002 fil-kitbiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Id-dħul mill-bejgħ globali ammonta, għal dik is-sena, għal EUR 9.2 biljun għal Hoechst, EUR 2.243 biljun għal Daicel, EUR 973.4 miljun għal Chisso, EUR 321.5 miljun għal Nippon Synthetic u EUR 199.5 miljun għal Ueno. Hoechst kienet għalhekk effettivament, fl-2002, bil-qabda l-ikbar mill-kumpanniji kkonċernati mid-Deċiżjoni. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ globali tagħha kien tal-inqas erba’ darbiet akbar minn dak tat-tieni impriża kkonċernata, mil-lat ta’ daqs, jiġifieri Daicel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tipprova tiżgura li l-multa kellha effett dissważiv għal Hoechst.

382    Fir-rigward tat-tieni element meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa, jiġifieri l-infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li jkollhom l-impriżi sabiex ikunu jistgħu jirrikonoxxu iktar faċilment li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, b’kuntrast ma’ dak li ġie espost preċedentement, li dan huwa maħsub biex jippenalizza iktar lill-impriżi l-kbar li huma preżunti li għandhom tagħrif u mezzi strutturali suffiċjenti sabiex ikunu jafu li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u sabiex jevalwaw il-benefiċċji potenzjali tiegħu. Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, f’din l-ipoteżi, id-dħul mill-bejgħ li fuqu l-Kummissjoni tistabbilixxi d-daqs tal-impriżi inkwistjoni, u għaldaqstant il-kapaċità tagħhom li jiddeterminaw in-natura u l-konsegwenzi tal-komportament tagħhom, għandu jirreferi għas-sitwazzjoni tagħhom fil-mument tal-ksur.

383    F’dan il-każ, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tippreċiżax liema data ġiet użata biex tibbaża fuqha l-konklużjoni tagħha li Hoechst setgħet faċilment tirrikonoxxi li l-komportament tagħha jikkostitwixxi ksur u tkun konxja tal-konsegwenzi ta’ dan skont il-liġi tal-kompetizzjoni.

384    Madankollu, huwa stabbilit li d-dħul mill-bejgħ mondjali ta’ Hoechst kien ta’ EUR 28.181 biljun fl-1995, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa qabel it-tmiem tal-ksur (premessa 46 tad-Deċiżjoni). Ma jistax jiġi sostnut li, fuq din il-bażi, Hoechst ma kellhiex l-infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li kellhom l-impriżi ta’ dimensjoni kbira, fatt li Hoechst ma tisħaqx li ma kellhiex. Il-fatt li l-impriżi l-oħra kkonċernati setgħu kienu wkoll, fl-1995, impriżi ta’ dimensjoni kbira ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

385    Jirriżulta minn dak li jippreċedi li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta ddeċidiet li tapplika fattur ta’ żieda f’dan il-każ.

386    L-argumenti l-oħra mressqa minn Hoechst ma jistgħux iqegħdu f’dubju din il-konklużjoni. B’mod partikolari, il-fatt li d-daqs ta’ Hoechst naqas ħafna li wassal id-dħul mill-bejgħ tagħha għal EUR 9 biljuni, fl-2002, jew li Hoechst ċediet il-parti ta’ attivatjiet tagħha fis-settur tas-sorbati qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni mhuwiex ta’ natura li jinfluwixxi fuq il-legalità tal-applikazzjoni tal-fattur ta’ żieda f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, it-tnaqqis tad-daqs ta’ Hoechst ma jqiegħedx f’dubju il-fatt li d-dħul mill-bejgħ mondjali tagħha kien ta’ EUR 28,181 biljun fl-1995, jiġifieri l-aħħar sena sħiħa tal-ksur. Min-naħa l-oħra, iċ-ċessjoni tal-parti ta’ attivitajiet fis-settur tas-sorbati ma tqiegħedx f’dubju il-fatt li, fl-2002, sena li tikkorrispondi għall-aħħar sena finanzjarja li tippreċedi l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, Hoechst kienet l-ikbar waħda mill-impriżi kkonċernati.

387    Rigward il-fatt allegat minn Hoechst li ma kellhux ikun fattur ta’ 100 % li kien imissu ġie applikat f’dan il-każ, dan ma jistrieħ fuq ebda element ċirkonstanzjat. F’kull każ, l-ewwel, xejn ma jħalli li jiġi kkunsidrat li ż-żieda magħmula mill-Kummissjoni teċċedi l-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mil-linji gwida. It-tieni, għandu jiġi mfakkar li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ Hoechst, fl-2002, kien tal-inqas erba’ darbiet ikbar minn dak tat-tieni impriża kkonċernata, mil-lat ta’ daqs, jiġifieri Daicel. Il-fattur ikkunsidrat mill-Kummissjoni jirrifletti, f’dan ir-rigward, id-differenza ta’ dħul mill-bejgħ globali, fl-2002, bejn Hoechst u l-impriżi l-oħra kkonċernati. Barra minn dan, fir-rigward tal-fatt li Hoechst kellha, fl-1995, tagħrif u infrastrutturi ġuridiċi u ekonomiċi li faċilment ippermettewlha tirrikonoxxi li l-komportament tagħha jikkostitwixxi ksur u tkun konxja tal-konsegwenzi ta’ dan, u jekk jiġi preżunt li l-impriżi l-oħra kkonċernati kienu wkoll, fl-1995, impriżi ta’ dimensjoni kbira, mhemmx lok, f’dan ir-rigward, li ssir distinzjoni bejn żewġ impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom jiġġustifika f’kull każ li jkunu kklassifikati bħala impriżi kbar li għandhom tali infrastrutturi. Jirriżulta minn dawn l-elementi li l-fattur ta’ 100 % applikat mill-Kummissjoni ma jistax jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, bħala sproporzjonat.

388    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Hoechst li jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ żieda ta’ 100 % sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża.

389    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ħames motiv.

b)     Fuq it-tul tal-ksur

390    Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, it-tul tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi ħatja ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

391    Fir-rigward tal-fattur dwar it-tul tal-ksur, il-linji gwida jistabbilixxu distinzjoni bejn il-ksur ta’ tul qasir (ġeneralment inqas minn sena), li għalih l-ammont ta’ tluq ikkunsidrat skont il-gravità m’għandux jiġi miżjud, il-ksur ta’ tul medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiġi miżjud b’50 % u l-ksur ta’ tul twil (ġeneralment iktar minn ħames snin), li għalih dan l-ammont jista’ jiġi miżjud għal kull sena b’10 % (l-ewwel inċiż sat-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Punt 1 B).

392    F’dan il-każ, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva fil-premessa 359, li Chisso, Daicel, Hoechst u Ueno kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE mill-31 ta’ Diċembru 1978 sal-31 ta’ Ottubru 1996. Hoechst ma tikkontestax dan l-element, u lanqas il-fatt li l-ksur ikkonċernat ġie kklassifikat bħala ta’ “tul twil” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mill-Kummissjoni.

393    Jirriżulta minn dan li, kif il-Kummissjoni tirrileva ġustament fid-Deċiżjoni, il-ksur inkwistjoni dam 17-il sena u 10 xhur.

394    Għaldaqstant, iż-żieda ta’ 175 % applikata fir-rigward ta’ Hoechst mhijiex kuntrarja, fiha nfisha, għal linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cheil Jedang Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 318 iktar’il fuq, punt 137).

395    Fir-rigward tal-argument ta’ Hoechst li l-linji gwida jipprevedu biss “[żieda kbira]”, u mhuwiex l-iffissar ta’ ammont interament ġdid, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li ż-żieda magħmula mill-Kummissjoni teċċedi l-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mil-linji gwida. L-użu tal-kliem “żieda kbira” ma jippermettix li jiġi konkluż, kif issostni Hoechst, li ż-żidiet li jeċċedu 100 % jmorru kontra l-metodu ta’ kalkolu previst mil-linji gwida. Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li s-setgħat mogħtija mill-Kummissjoni permezz tar-Regolament Nru 17 għandhom bħala skop li jippermettulha twettaq il-funzjoni tagħha, mogħti lilha mill-Artikolu 81 KE, li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. F’dan il-kuntest, huwa konformi mal-interess ġenerali li jiġu evitati, mikxufa u kif ukoll issanzjonati l-prattiki u l-ftehim antikompetittivi (sentenza Aalborg Portland et vs il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq, punt 54).

396    Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk it-tielet inċiż tal-Punt 1 B tal-linji gwida ma jipprevedix żieda awtomatika ta’ 10 % fis-sena għall-ksur ta’ tul twil, huwa jħalli, f’dan ir-rigward, marġni diskrezzjonali lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cheil Jedang Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 318 iktar’il fuq, punt 134). L-argumenti mressqa minn Hoechst insostenn tal-motiv tagħha mhuwiex intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn il-linji gwida jipprevedu li l-ksur ta’ tul ta’ iktar minn ħames snin għandu jitqies li huwa ksur ta’ tul twil, u li tali ksur jiġġustifika li tiġi applikata żieda li tista’ tiġi stabbilita għal kull sena għal 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur, ebda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jista’ jiġi rrilevat fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur li Hoechst ħadet sehem fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Strintzis Lines Shipping vs Il-Kummissjoni, T‑65/99, Ġabra p. II‑5433, punt 194).

397    Għal dak li jirrigwarda l-fatt imressaq minn Hoechst li l-akkordji fuq il-prezzijiet u fuq il-volumi huma tipikament ksur ta’ tul twil u li, għaldaqstant, iż-żieda għat-tul tal-ksur tikkunsidra darbtejn il-gravità tal-ksur, għandu jiġi mfakkar li, anki jekk jiġi preżunt li ċerti tipi ta’ akkordji huma intrinsikament stabbiliti sabiex iservu fit-tul, għandha dejjem issir distinzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, bejn it-tul tal-funzjonament effettiv tagħhom u l-gravità tagħhom kif tirriżulta min-natura proprja tagħhom (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar’il fuq, punt 275). Għaldaqstant, iż-żieda għat-tul tal-ksur ma tikkunsidrax, darbtejn, il-gravità tal-ksur.

398    Dwar iċ-ċirkustanza allegata li l-fatti li jkunu ilhom li seħħew jiġu preskritti f’mument partikoli u li, għaldaqstant, il-livell taż-żieda għandu jonqos b’mod esponenzjali bil-mogħdija taż-żmien, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li ż-żieda adottata mill-Kummissjoni ma teċċedix il-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mil-linji gwida u li l-azzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx preskritta f’dan il-każ fid-dawl tar-Regolament Nru 2988/74 (ara l-punt 225 iktar’il fuq).

399    Rigward, fl-aħħar, il-prattika preċedenti tal-Kummissjoni u b’mod partikolari l-fatt li, f’ċerti każijiet, hija kienet żiedet l-ammont ta’ tluq tal-multa mit-tieni sena biss, għandu jiġi mfakkar li din il-prattika ma sservix, fiha nfisha, ta’ qafas ġuridiku għall-multi fir-rigward tal-kompetizzjoni, peress li dan tal-aħħar huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 17 u fil-linji gwida, (ara s-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 339 iktar’il fuq, punt 292, u l-ġurisprudenza ċċitata), u li, barra minn dan, l-operaturi ma jistgħux ikollhom aspettattiva leġittima fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi alterata mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenzi Delacre et vs Il-Kummissjoni, punt 372 iktar’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 344 iktar’il fuq, punt 171). Barra minn dan, il-linji gwida jipprevedu biss, għall-ksur ta’ tul qasir (ġeneralment inqas minn sena), li ebda żieda ma tiġi applikata. Min-naħa l-oħra, għall-ksur ta’ tul twil, il-linji gwida jippermettu li tiġi applikata żieda ta’ 10 %, “għal kull sena”. Fid-dawl tal-kliem użat mil-linji gwida f’dan ir-rigward, mhemm ebda raġuni li jiġi meqjus li l-ewwel sena tal-ksur għandha tkun sistematikament eskluża mill-kalkolu magħmul mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, rigward il-ksur ta’ tul medju, is-sentenza Cheil Jedang Corporation vs Il-Kummissjoni, punt 318 iktar’il fuq, punt 133).

400    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, il-ħames motiv kollu kemm huwa.

D –  Fuq it-tieni u s-sitt motivi, dwar l-ilment ibbażat fuq ir-rwol ta’ mexxej meqjus bħala ċirkustanza aggravanti fid-Deċiżjoni

401    Permezz tat-tieni motiv tagħha, Hoechst tinvoka ksur tad-dritt tas-smigħ fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ir-rwol ta’ mexxej, meqjus bħala ċirkustanza aggravanti fid-Deċiżjoni. Permezz tas-sitt motiv tagħha, Hoechst tqis li ż-żieda bbażata fuq il-kwalità ta’ mexxej hija inġustifikata.

402    L-ewwel, għandu jiġi analizzat it-tieni motiv.

1.     Sunt tad-Deċiżjoni

403    Fil-premessi 363 sa 367 tad-Deċiżjoni, moqrija fid-dawl tal-premessi 92 sa 95 tagħha, il-Kummissjoni tindika li, fil-każ ta’ Hoechst, il-gravità tal-ksur hija msaħħa permezz tar-rwol ta’ mexxej tal-akkordju li din l-impriża kellha.

404    B’mod iktar partikolari, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva li Hoechst kienet, ma’ Daicel, element ta’ forza importanti u waħda mill-membri l-iktar attivi tal-kartell, fid-dawl b’mod partikolari tal-pożizzjoni tagħha fis-suq. Hoechst kienet għalhekk irnexxilha tibbenefika l-iktar mill-akkordju u timponi l-propożizzjonijiet tagħha fuq il-produtturi Ġappuniżi, per eżempju fl-1992, fejn hija kienet ipproponiet li tistabbilixxi differenza fil-prezz bejn l-aċidu sorbiku u s-sorbat tal-potassju, proposta segwita mill-produtturi Ġappuniżi fl-1994.

405    Barra minn dan, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li Hoechst kienet responsabbli, ma’ Daicel, sabiex tippjana u tippresjedi l-laqgħat komuni. Hija kienet ospitat il-laqgħat fl-Ewropa, li hija kienet organizzat u ffinanzjat. Hoechst organizzat ukoll ċerti laqgħat barra mill-Komunità. Hija kellha kuntatti regolari ma’ Daicel għal skambju ta’ informazzjoni. Barra minn dan, Hoechst ħadet diversi inizjattivi sabiex tiżgura b’mod effikaċi li l-kwoti ta’ volum jiġu osservati (per eżempju billi pproponiet il-ħolqien fl-Iżvizzera ta’ korp newtrali responsabbli għall-ġbir taċ-ċifri ta’ bejgħ tal- produtturi Ġappuniżi jew billi żiedet unilateralment 600 tunnellata għal kwota tagħha fl-1995 minħabba l-eżistenza ta’ “kwantitajiet griżi”). Barra minn dan, bħala membru tal-Chemical Industrial Products Export Co-operative (CIPEC), Hoechst kellha aċċess għall-istatistiċi fuq l-esportazzjonijiet Ġappuniżi.

406    Hoechst kienet ukoll irnexxilha, skont id-Deċiżjoni, tiżgura l-kontroll tal-parti Ewropea tal-akkordju, b’mod partikolari billi żammet kuntatti regolari u eżklużivi mal-unika impriża Ewropea l-oħra f’dan is-settur.

407    Fl-aħħar, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li, f’Novembru 1996, meta nżammet l-aħħar laqgħa komuni, Hoechst ipprovat, ma’ Daicel, tikkonvinċi l-membri l-oħra jkomplu l-laqgħat u l-ftehim.

408    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ mexxej li kellha Hoechst, il-Kummissjoni żżid l-ammont bażiku tal-multa bi 30 % biex tirrifletti ċ-ċirkustanzi aggravanti.

2.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

409    Hoechst tirrileva li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-allegata pożizzjoni tagħha ta’ “ko-mexxej”, sabiex tiffissa l-ammont tal-multa tagħha.

410    Hoechst tikkritika lill-Kummissjoni li ma kinitx semgħetha fir-rigward tal-evalwazzjoni ġuridika li hija kienet ser tagħmel dwar l-allegat komportament tagħha bħala mexxejja. B’mod partikolari, Hoechst tenfasizza li l-Kummissjoni ma bagħtitilhix dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward.

411    Qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi l-okkażjoni li jiddefendu ruħhom biżżejjed fir-rigward tal-oġġezzjonijiet li jsirulhom. Dan ifisser li l-akkużi fil-fatt u fid-dritt li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tindirizzalhom għandhom jiġu kkomunikati lid-destinatarji futuri tad-deċiżjoni permezz ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (Hoechst tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 70 iktar’il fuq, punti 193 u 194).

412    F’dan il-każ, mhemm xejn fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lil Hoechst li jindika li l-Kummissjoni kienet ser tqis iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ mexxej. Il-Kummissjoni lanqas ma kienet, wara li bagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, għarfet li hija kellha l-intenzjoni testendi l-ilmenti tagħha kontra Hoechst billi tikklassifikaha bħala mexxejja. Hoechst kienet barra minn hekk enfasizzat li, fin-nuqqas ta’ lmenti f’dan ir-rigward, hija ma ratx il-bżonn li tindirizza l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ mexxej (Hoechst tirreferi għar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Hoechst għamlet l-istess rimarki matul is-seduta tal-24 ta’ April 2003.

413    Dan il-pass bil-moħbi tal-Kummissjoni huwa iktar u iktar inkomprensibbli għaliex l-argumenti invokati f’dan ir-rigward fid-Deċiżjoni setgħu ġew ippreżentati fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li dawn mhuwiex ibbażati fuq elementi li wasslu għal konjizzjoni tal-Kummissjoni biss ulterjorment. Il-Kummissjoni kienet għalhekk mhux biss kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Hoechst, iżda wkoll id-dritt għal proċess ekwu. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ strumenti jirrikjedi li l-elementi essenzjali tad-deċiżjoni ulterjuri jkunu trażmessi simultanjament mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mhux biss fir-rigward tal-fatti u tal-mezzi ta’ prova invokati iktar tard, iżda wkoll fir-rigward tal-evalwazzjoni ġuridika tagħhom.

414    Huwa ċar li, li kieku Hoechst kellha konjizzjoni ta’ lment tali fir-rigward tagħha, hija ma kinitx tistenna l-proċeduri ġudizzjarji iżda, kienet tiddefendi ruħha mill-istadju tal-proċedura amministrattiva. Ikun barra minn dan assurd li l-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet pro domo, b’mod preventiv, dwar il-fatt li l-kundizzjonijiet fattwali rikjesti mhumiex sodisfatti.

415    Hoechst tikkonkludi minn dan li l-klassifikazzjoni ta’ mexxej, meqjusa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ma tistax tiġi aċċettata. Iż-żieda tal-multa, ibbażata fuq din il-klassifikazzjoni, hija għalhekk illegali. L-istess japplika għall-argumenti mressqa fil-premessi tad-Deċiżjoni li jsostnu li minħabba din il-pożizzjoni ta’ “mexxej”, l-applikazzjoni tat-Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 kienet ġuridikament eskluża.

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

416    Il-Kummissjoni tenfasizza li d-drittijiet tad-difiża huma osservati peress li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma żżomx lill-persuni kkonċernati responsabbli għal ksur differenti minn dak ikkontemplat fir-rendikont tal-ilmenti u tikkunsidra biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-okkażjoni jispjegaw ruħhom. Ir-rendikont tal-ilmenti jissodisfa dan ir-rekwiżit peress li jsemmi, anki jekk sommarjament, iżda b’mod ċar, il-fatti essenzjali li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom (il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 26 ut 94, u għas-sentenza Atlantic Container Line et vs IL-Kummissjoni, punt 70 iktar’il fuq, punti 138, 191 et seq).

417    Skont il-Kummissjoni, f’dan il-każ, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien fiha diġà deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ dritt u ta’ fatt li ġew meħuda inkunsiderazzjoni fid-Deċiżjoni għall-kalkolu tal-multa. Għalhekk, fil-punt 296 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ser tikkunsidra b’mod partikolari r-“rwol ta’ kull parteċipant, b’mod partikolari r-rwol ta’ mexxej ta’ ċerti impriżi”. Fil-punt 60 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Hoechst hija espressament akkużata li kellha “rwol ta’ mexxej” flimkien ma’ Daicel fil-laqgħat komuni (il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-punt 64 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Fil-punt 282 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Hoechst hija ppreżentata bħala waħda mill-“parteċipanti prinċipali” fl-akkordju.

418    Barra minn dan, Hoechst kienet ġiet infurmata minn qabel bil-fatti kollha li jwasslu għall-klassifikazzjoni tagħha bħala mexxejja tal-akkordju, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (b’mod partikolari fil-punti 60, 77, 79, 94, 166, 178, 179, 210 etseq u 282 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Il-Kummissjoni ssemmi wkoll il-premessi 347 sa 367 tad-Deċiżjoni, b’riferenza għall-premessi 92 sa 95 tagħha.

419    Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li Hoechst kellha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni fuq l-ilment ibbażat fuq ir-rwol tagħha ta’ mexxej qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, kif barra minn hekk hija kienet għamlet fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll matul is-seduta. Il-fatt li Hoechst ma qablitx ma’ dan l-ilment u ppruvat tirribattih fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li dan l-ilment kien sar kontriha.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

420    Għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal penalitajiet perijodiċi, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi osservat, anki fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-Laroche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Arbed vs Il-Kummissjoni, C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687, punt 19; sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar’il fuq, punt 32).

421    Dan il-prinċipju jirrikjedi b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjsua kontriha, bħall-fatti allegati, il-klassifikazzjoni li tingħatalhom u l-elementi ta’ prova li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara s-sentenza Arbed vs Il-Kummissjoni, punt 420 iktar’il fuq, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).

422    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha li tosserva d-dritt tal-impriżi li jiġu mismugħa sakemm hija tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet, li hija se teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u sakemm hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li dan twettaq b’mod “intenzjonat jew b’riżultat ta’ negliġenza”. B’dan il-mod, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li tiġi imposta multa fuqhom (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 344 iktar’il fuq, punt 428; ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 199, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar’il fuq, punt 139; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21).

423    Għandu wkoll jiġi mfakkar li r-rwol ta’ “mexxej” ta’ impriża waħda jew ta’ diversi impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, f’dak illi l-impriżi li kellhom rwol bħal dan għandhom, minħabba f’hekk, jerfgħu responsabbiltà partikolari meta mqabbla ma’ impriżi oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar’il fuq, punt 301, u BASF vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar’il fuq, punt 281; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr‑Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 291). B’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji, il-Punt 2 tal-linji gwida jistabbilixxi, taħt l-intestatura ta’ “Ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw żieda tal-ammont bażiku tal-multa u li tinkludi, b’mod partikolari, ir-“rwol ta’ mexxej fil-, jew provokatur tal-ksur” (it-tielet inċiż). F’dan il-kuntest, biex tkun ikklassifikata bħala mexxej, l-impriża kkonċernata għandha tkun forza li tagħti spinta lill-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar’il fuq, punt 374).

424    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk l-elementi kollha ta’ fatt li ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni sabiex tissostanzja l-ilment ta’ mexxej kienu diġà preżenti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dawn l-elementi kienu msemmija f’diversi punti ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma’ ebda ness ma ġie stabbilit bejniethom, u wkoll mingħajr ma l-Kummissjoni ma tathom xi klassifikazzjoni. Huwa biss fl-istadju tad-Deċiżjoni li dawn l-elementi nġabru f’parti waħda u li l-ilment ta’ mexxej kontra Hoechst irriżulta b’mod ċar.

425    B’mod iktar preċiż, il-punt 60 biss tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fost il-punti msemmija mill-Kummissjoni insostenn tad-difiża tagħha, juża l-kelma “mexxej” (“leader” fil-verżjoni Ingliża u “führende Rolle” fil-verżjoni Ġermaniża tal-imsemmija dikjarazzjoni) fir-rigward ta’ Hoechst. Madankollu, l-fażi kkonċernata, fl-intier tagħha, tinqara kif ġej: “Hoechst kienet, ma’ Daicel, mexxejja tal-laqgħat komuni li nżammu mal-erba’ produtturi Ġappuniżi”. Sentenza simili kienet tinsab fil-punt 64 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ Daicel (“[Daicel] […] kienet mexxejja tal-laqgħat komuni ma’ Hoechst”). Madankollu, is-sentenza ċċitata iktar’il fuq li tinsab fil-punt 60 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ tfisser li Hoechst kien kellha rwol partikolari fiż-żamma tal-laqgħat komuni – kif juru barra minn hekk l-elementi l-oħra msemmija fl-istess punt u li jirrigwardaw l-organizzazzjoni materjali ta’ dawn il-laqgħat – mingħajr madankollu ma tħalli li jiġi mifhum b’mod ċar jekk Hoechst kinitx “mexxej fil-ksur” fis-sens tal-linji gwida. Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkorroborata mill-fatt li l-Kummissjoni bidlet it-terminoloġija użata fil-kuntest tad-Deċiżjoni. Għalhekk, fil-premessa 92 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tgħid: “Flimkien ma’ Daicel, Hoechst kienet responsabbli sabiex tiffissa u tippresjedi l-laqgħat komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-istess modifika ġiet inserita fir-rigward ta’ Daicel, fejn il-Kummissjoni tindika fid-Deċiżjoni: “Flimkien ma’ Hoechst, Daicel kienet responsabbli sabiex tiffissa u tippresjedi l-laqgħat komuni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (premessa 89). Barra minn dan, filwaqt li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li Hoechst kienet, flimkien ma’ Daicel, responsabbli sabiex “tiffissa” il-laqgħat komuni, din il-funzjoni dehret li kienet attribwita, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, biss lil Daicel, kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din id-dikjarazzjoni li jgħid kif ġej: “[Daicel] organizzat il-laqgħat preparatorji, kienet responsabbli sabiex tiffissa l-laqgħat komuni u kienet mexxejja tal-laqgħat komuni, flimkien ma’ Hoechst”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

426     It-tieni, fir-rigward tal-fatt, irrilevat fil-punt 77 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li Hoechst kienet “normalment” l-ewwel li ħabbret il-prezz ġdid fl-Ewropa, segwita mill-produtturi Ġappuniżi, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li membru ta’ akkordju jkun l-ewwel li jħabbar prezz ġdid jew żieda fil-prezz ma jistax jitqies bħala indizju tar-rwol tiegħu ta’ mexxej tal-akkordju, meta ċ-ċirkustanzi tal-każ juru li l-prezz jew iż-żieda inkwistjoni ġew iffissati minn qabel bi ftehim komuni mal-membri l-oħrajn tal-akkordju u li dawn tal-aħħar iddeċiedew ukoll min fosthom ser iħabbar l-ewwel, peress li din in-nominazzjoni turi li l-fatt li impriża tkun l-ewwel biex tħabbar il-prezz jew iż-żieda huwa biss att ta’ konformità stretta ma’ skema predefinita bi qbil komuni u mhux inizjattiva spontanja li tagħti spinta lill-akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar’il fuq, punt 427). F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 150, 158 u 190 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ċertu tħabbir ta’ prezzijiet kien ipprogrammat mill-membri tal-akkordju li pprevedew, skont il-każ, liema impriża tkun l-ewwel biex tħabbar l-prezz. Il-punt 77 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreċitat ma ppermettiex għalhekk li jiġi konkluż b’mod ċar, fid-dawl tal-elementi l-oħra li jinsabu f’din id-dikjarazzjoni, li t-tħabbir ta’ prezz minn Hoechst ikkorrisponda għal inizjattiva spontanja li tagħti spinta lill-akkordju.

427    It-tielet, fir-rigward tal-fatt, irrilevat fil-punt 94 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li Daicel u Hoechst qablu fuq l-aġenda tal-laqgħat komuni, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punt 207 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-aġendi tal-laqgħat komuni kienu l-ewwel redatti, matul il-laqgħat preparatorji, mill-produtturi Ġappuniżi u proposti, sussegwentement, lil Hoechst. Dawn il-laqgħat preparatorji ppermettew wkoll lill-produtturi Ġappuniżi, kif jirriżulta mill-punt 204 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jaqblu fuq il-prezzijiet immirati u fuq il-kwoti ta’ volum li kienu, sussegwentement, proposti lil Hoechst.

428    Ir-raba’, fir-rigward tal-fatt, ikkonstatat fil-punt 166 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li Hoechst kellha aċċess, bħala membru tas-CIPEC, għall-istatistiċi ta’ esportazzjoni Ġappuniżi, filwaqt li l-produtturi Ġappuniżi ma setgħux ikollhom aċċess għall-istatistiċi uffiċjali Ġermaniżi, dan ma jistax jiġi interpretat, fih innifsu, bħala li jfisser li Hoechst kienet forza li tat spinta lill-akkordju.

429    Il-ħames, fir-rigward tal-kuntatti bilaterali ta’ Hoecsht mal-produtturi Ġappuniżi msemmija fil-punti 210 u 211 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk dawn il-kuntatti kienu fil-parti l-kbira ma’ Daicel, Hoechst kellha wkoll relazzjonijiet ma’ Ueno u Nippon Synthetic, kif jirrileva l-punt 211 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fir-rigward tal-kuntatti bilaterali l-oħra msemmija fil-punti 212 et seq tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 219 u 220 ta’ din id-dikjarazzjoni, xi wħud minn dawn kienu r-riżultat tal-volontà tal-membri kollha tal-akkordju, jew tabilħaqq tal-produtturi Ġappuniżi biss.

430    Is-sitta, fir-rigward tas-sentenza li tinsab fil-punt 282 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u miġjuba għall-attenzjoni mill-Kummissjoni, li tgħid li Hoechst kienet waħda mill-awturi prinċipali tal-akkordju, din għandha tiġi mqiegħda fil-kuntest tagħha. Fil-fatt, il-punti 281 et seq tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma bla dubju ta’ xejn intiżi sabiex jippreċiżaw l-estent tar-responsabbiltajiet ta’ Hoechst, minn naħa, u ta’ Nutrinova, min-naħa l-oħra, sa fejn din l-aħħar impriża kompliet il-parti ta’ attivitajiet fis-settur tas-sorbati ta’ Hoechst minn Settembru 1997. Din is-sentenza ma tistax tinftiehem, f’kull każ b’mod suffiċjentement preċiż, bħala li tiddefinixxi xi rwol ta’ mexxej imwettaq minn Hoechst.

431    Tabilħaqq, xi elementi fattwali rrilevati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’mod partikolari fil-punti 79 (proposta li tiġi stabbilita differenza ta’ prezz bejn l-aċidu sorbiku u s-sorbat tal-potassju), 178 (proposta li tiġi miżjuda l-kwota ta’ volum ta’ Hoechst) u 179 (proposta li d-data ta’ bejgħ tal-produtturi Ġappuniżi tiġi fdata lil organizzazzjoni newtrali), jirriflettu inizjattivi okkażjonali ta’ Hoechst. Madankollu, meħuda flimkien, l-elementi msemmija mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, u li jsostnu l-konklużjoni li hija waslet għaliha fid-Deċiżjoni fuq ir-rwol ta’ mexxej li kellu Hoechst, ma kinux biżżejjed preċiżi fir-rigward tal-portata u tal-klassifikazzjoni tagħhom.

432    Barra minn dan, anki jekk il-Kummissjoni setgħet tat x’jiġi mifhum, fil-punt 295 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ mexxej li kellhom “ċertu impriżi”, din l-indikazzjoni ma kinitx biżżejjed, fid-dawl tal-impreċiżjoni tal-kumplament tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex tippermetti lil Hoechst tiddetermina jekk hija kinitx, jew le, ikkonċernata minn klassifikazzjoni eventwali ta’ mexxej.

433    Għar-raġunijiet kollha li jippreċedu, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk il-fatti kkontestati lil Hoechst kienu indirizzati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni ma kklassifikathomx b’mod biżżejjed preċiż sabiex tippermetti lir-rikorrenti tiddefendi ruħha b’mod effikaċi.

434    Għandu wkoll jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Hoechst ippreċiżat:

“Hoechst/Nutrinova ma kellhiex rwol determinanti fl-akkordju. Il-kelma “mexxej” ikkontemplata fil-punt 60 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mhijiex ċara f’dan ir-rigward [...] Ir-riferenza għal “mexxej” fil-punt 60 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tirrigwarda eżklużivament ir-rwol ta’ Hoechst/Nutrinova bħala dik li tospita u torganizza l-laqgħat komuni li nżammu fl-Ewropa.”

435    Bl-istess mod, matul is-seduta tal-24 ta’ April 2003, il-konsulenti ta’ Hoechst u ta’ Nutrinova ddikjaraw li din l-impriża ssodisfat il-kundizzjonijiet kollha sabiex tikseb l-immunità mill-multa, billi ppreċiżaw dan li ġej:

“Fir-rigward tar-rwol ta’ Hoechst u ta’ Nutrinova bħala dawk li jilqgħu għandhom il-laqgħat komuni miżmuma fl-Ewropa, għandu jiġi nnotat li peress li l-klijenti tiegħi kienu l-unika impriża Ewropea li pparteċipat f’dawn il-laqgħat komuni, kien sempliċiment naturali li huma jkunu responsabbli mill-organizzazzjoni tal-laqgħat fl-Ewropa. Madankollu, dan ma jimplika ebda rwol ta’ mexxej fl-akkordju.”

436    Jirriżulta minn dan li l-impreċiżjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ mexxej fir-rigward ta’ Hoechst wasslet lil din l-impriża sabiex tikkonċentra fuq l-organizzazzjoni tal-laqgħat komuni, l-uniku suġġett indirizzat inizjalment mill-Kummissjoni fil-punt 60 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ iktar preċiżjoni, u fid-dawl tat-tferrix tal-elementi fattwali l-oħra fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Hoechst ma kinitx imqiegħda f’pożizzjoni li tadotta difiża effikaċi fuq dan il-punt.

437    Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kellha konjizzjoni tal-impreċiżjoni tal-kelma “mexxej” użata fil-punt 60 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li hija mmodifikat it-terminoloġija użata fil-kuntest tad-Deċiżjoni.

438    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tieni motiv għandu jiġi milqugħ. Għaldaqstant, mingħajr mhemm għalfejn li jiġi analizzat is-sitt motiv, id-Deċiżjoni għandha tiġi mibdula, sa fejn din tapplika ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ mexxej kontra Hoechst.

439    Il-konsegwenzi konkreti ta’ dan il-bdil ser jiġu ddeterminati ulterjorment.

E –  Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-natura inġustifikata taż-żieda tal-multa għal reċidiva

1.     Sunt tad-Deċiżjoni

440    Il-premessa 363 tad-Deċiżjoni tipprevedi dan li ġej:

“Fil-każ ta’ Hoechst, il-gravità tal-ksur hija msaħħa permezz taċ-ċirkustanzi segwenti:

a)      Hoechst kellha rwol ta’ mexxej tal-akkordju (premessi 92 sa 95) ;

b)      Hoechst kienet is-suġġett ta’ deċiżjonijiet preċedenti li jikkonkludu għal ksur tal-istess tip.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

441    In-nota fl-aħħar tal-paġina Nru 211 inserita taħt il-premessa 363 tad-Deċiżjoni taqra’ kif ġej:

“Ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 94/599/CE (PVC II) (ĠU L 239, 14.9.1994, p. 14), 89/191/KEE (PVC I) (ĠU L 74, 17.3.1989, p. 21), 86/398/KEE (Polypropylène) (ĠU L 230, 18.8.1986, p. 1) u 69/243/KEE (Materjal li jagħti l-kulur) (ĠU L 195, 7.8.1969, p. 11).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

442    Fil-premessa 368 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika:

“Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-ammont tal-multa jkollu effett dissważiv suffiċjenti. Il-Kummissjoni tinnota li, fid-deċiżjonijiet preċedenti li Hoechst kienet destinatarja tagħhom, din tal-aħħar kienet ġiet mistiedna sabiex ittemm il-komportament antikompetittiv tagħha u tastjeni milli tirrepetih (ara l-premessa 363). Dan kien imissu wassalha sabiex tagħti attenzjoni partikolari għall-osservanza tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u sabiex tastjeni minn kull ksur intenzjonat. Il-fatt li hija rrepetiet l-istess komportament juri li l-multi preċedenti ma kellhomx effett dissważiv biżżejjed fuqha sabiex hija tbiddel il-komportament tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

443    Filwaqt li tirrispondi għall-argumenti mressqa minn Hoechst, il-Kummissjoni tippreċiża fil-premessa 372 tad-Deċiżjoni:

“Fir-rigward tal-kwalità ta’ reċidivista ta’ Hoechst, il-Kummissjoni tirrileva li l-aħħar deċiżjoni li tordna lil din l-impriża ttemm il-komportament antikompetittiv tagħha u tastjeni milli tirrepetih tmur lura għal Lulju 1994. Wara din id-deċiżjoni, Hoechst kompliet il-ksur li huwa s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri għal iktar minn sentejn. Dan juri b’mod ċar li d-deċiżjoni preċedenti ma ddiswadithiex milli tipparteċipa f’akkordju simili.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

444    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kwalità ta’ reċidivista ta’ Hoechst, il-Kummissjoni żżid l-ammont bażiku tal-multa b’50 % sabiex tirrifletti ċ-ċirkustanzi aggravanti (premessa 373 tad-Deċiżjoni).

2.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

445    Hoechst tindika li l-Kummissjoni żiedet b’50 %, minħabba reċidiva, l-ammont bażiku tal-multa tagħha ta’ EUR 110 miljun. Hoechst tikkunsidra li din iż-żieda hija ta’ ammont sproporzjonat u ma tarax liema raġuni tippermetti li tiġi imposta fuqha żieda għal reċidiva relatata ma’ ksur tal-passat.

446    L-ewwel, Hoechst tenfasizza li l-proċeduri preċedenti msemmija fil-premessa 363 tad-Deċiżjoni [jiġifieri dawk li wasslu rispettivament għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/599/KE, tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KE (IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14) imsejħa “deċiżjoni PVC II”, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/191/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.866 – PEBD) (ĠU 1989, L 74, p. 21), imsejħa “deċiżjoni PVC I”, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.149 – Polypropylène) (ĠU L 230, p. 1), u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 69/243/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1969, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-KEE (IV/26.267 – Materjal li jagħti l-kulur) (ĠU L 195, p. 11)], m’għandhom ebda ness mal-kawża inkwistjoni. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tad-deċiżjoni PVC II, Hoechst tikkunsidra li din id-deċiżjoni ma tagħmilx ħlief tirrepeti d-deċiżjoni PVC I, li kienet ġiet deċiża bħala invalida mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u wara annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn dan, id-deċiżjonijiet PVC I u PVC II jirrigwardaw fatti preċedenti, peress li dawn intemmu fl-1984. Huwa għalhekk żbaljat li l-Kummissjoni ppruvat, fil-premessa 372 tad-Deċiżjoni, tistabbilixxi relazzjoni bejn id-deċiżjoni PVC II u din il-kawża. Ma’ dan għandu jiġi inkluż il-fatt li l-attività preċedenti ta’ Hoechst fis-settur tal-addittivi tal-ikel m’għandha x’taqsam xejn mal-attivitajiet fis-settur tal-PVC. Hoechst tindika wkoll li l-Kummissjoni bdiet reċentement tistabbilixxi responsabbiltà kollettiva ta’ grupp billi timponi żidiet ta’ 10 % fis-sena għall-perijodu bejn id-deċiżjoni li timponi multa f’każ u t-tmiem tal-ksur li huwa s-suġġett ta’ każ ieħor. Hoechst tirreferi, f’dan ir-rigward, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/471/KE, tas-27 ta’ Novembru 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE kontra BPB PLC, Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG, Société Lafarge SA u Gyproc Benelux NV (Każ COMP/E-1/37.152 – Plasterbords) (ĠU 2005, L 166, p. 8). Din il-prattika taqa’ fil-kuntest ta’ ksur ġdid imwettaq b’mod konxju mill-istess direttorat ta’ grupp, u dan minkejja t-trażżin ta’ komportament parallel. Madankollu, f’dan il-każ, is-simultanjetà bejn id-deċiżjoni PVC II u l-ksur ikkonċernat f’din il-kawża tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tadotta d-deċiżjoni PVC II biss ħdax-il sena wara t-tmiem tal-ksur ikkonċernat f’dan l-aħħar każ.

447    It-tieni, il-każiijiet imsemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 363 tad-Deċiżjoni jirrigwardaw komportament li ġie fit-tmiem tiegħu mhux iktar tard mill-1984. Għaldaqstant dawn jirrigwardaw fatti preskritti. Hoechst tenfasizza li d-deċiżjoni Materjal li jagħti l-kulur ilha li saret definittiva 30 sena b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija għalhekk qadima wisq biex tippermetti l-konklużjoni ta’ reċidiva. Hoechst iżżid li l-fatti msemmija permezz tad-deċiżjoni Polypropylène ġew definittivament deċiżi biss f’Lulju 1999, u dawk imsemmija permezz tad-deċiżjonijiet PVC I u PVC II f’Ottubru 2002, u għalhekk ħafna wara t-tmiem tal-fatti ta’ din il-kawża.

448    It-tielet, anki jekk finalment kellu jiġi kkunsidrat li ksur divers mwettaq b’mod indipendenti fi grupp u mingħajr ness soġġettiv bejniethom jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti, iż-żieda applikata hija sproporzjonata. B’mod partikolari, il-fatt li Hoechst tagħmel parti minn grupp kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni darbtejn mill-Kummissjoni: l-ewwel darba billi stabbilit l-ammont ta’ tluq tal-multa għal EUR 20 miljun u t-tieni darba billi żiedet l-imsemmi ammont b’100 % minħabba d-daqs tal-grupp Hoechst. Mhuwiex ekwu li jsiru żidiet oħra. B’mod komparattiv, Hoechst għandha tbati ammont bażiku prattikament erbattax-il darba iktar għoli minn Daicel, minħabba l-istruttura ta’ grupp tagħha, filwaqt li d-dħul mill-bejgħ tagħha huwa biss erba’ darbiet ikbar. Hoechst tenfasizza wkoll li fil-proċeduri li taw lok għad-deċiżjoni Plasterbords, żieda ta’ 10 % fis-sena kienet ġiet imposta għall-perijodu bejn id-deċiżjoni preċedenti li timponi multa u t-tmiem tal-ksur fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. F’dan il-każ, iż-żieda applikata hija ta’ 22 % fis-sena.

449    Sussidjarjament, Hoechst issostni li żieda għal reċidiva mhijiex ekwa meta l-impriża kkonċernata tikkoopera totalment fil-proċedura amministrattiva. L-iskop tas-sanzjoni ma jiġġustifikax din iż-żieda.

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

450    Filwaqt li tirreferi għas-sentenzi Thyssen Stahl vs IL-Kummissjoni, punt 325 iktar’il fuq (punt 617), u Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 339 iktar’il fuq (punt 284), il-Kummissjoni tenfasizza li l-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif inhu miftiehem f’ċertu numru ta’ sistemi legali nazzjonali, jimplika li persuna kkommettiet ksur mill-ġdid wara li kienet ġiet issanzjonata għal ksur simili.

451    F’dan il-każ, il-proċeduri li taw lok għad-deċiżjonijiet PVC I, PVC II u Materjal li jagħti l-kulur imsemmija fid-deċiżjoni kienu kollha rrigwardaw akkordji fuq prezzijiet jew kwoti. Dan huwa għalhekk ksur simili għal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża.

452    Mhuwiex ta’ rilevanza kbira, f’dan il-kuntest, li ċertu ksur (bħal dak li ta lok għad-deċiżjoni Materjal li jagħti l-kulur) huwa qadim. Iż-żieda minħabba reċidiva ma sservix biex taggrava a posteriori sanzjonijiet passati, iżda sabiex tikkundanna b’mod effikaċi l-każijiet ta’ reċidiva. Il-Kummissjoni tenfasizza b’mod partikolari li hija għandha tħares in-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha (sentenza Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar’il fuq, punt 245) u li r-reċidiva tagħmel parti mill-kriterji rilevanti sabiex tkun determinata l-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq, punt 91). Il-Kummissjoni żżid li mhemm l-ebda dubju f’dan il-każ dwar il-kontinwità tal-impriża li ssir referenza għaliha fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-premessa 363 tad-Deċiżjoni.

453    Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li ssostni Hoechst, il-Kummissjoni tikkunsidra li żieda għal reċidiva tista’ tiġi imposta meta l-ksur inkwistjoni ġie mwettaq anki jekk id-deċiżjoni fuq il-ksur issanzjonat preċedentement ma kinitx għadha saret res judicata. Twissija tingħata minn meta ssir in-notifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u mhux biss meta din id-deċiżjoni ssir res judicata. Bl-istess mod, iż-żieda tal-ammont ta’ tluq minħabba d-dimensjoni tal-grupp ta’ Hoechst ma tipprekludix żieda tal-ammont bażiku għal reċidiva. Iż-żieda imposta minħabba d-daqs tal-grupp m’għandha ebda ness mat-trażżin ta’ ksur passat. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ksur passat ma jikkostitwixxix għalhekk “piena dopja”.

454    Huwa wkoll indifferenti li Hoechst temmet l-operazzjonijiet kummerċjali tagħha fis-suq ikkonċernat wara t-tmiem tal-ksur, peress li hija kienet attiva fih matul il-ksur kollu.

455    Huwa għalhekk irrilevanti li l-ksur preċedenti rrigwarda setturi oħra għajr dak tas-sorbati. Is-sanzjonijiet applikati għall-attivitajiet kollużorji li jikkonċernaw prodott huma intiżi sabiex jiddiswadu lill-impriżi milli jiksru l-projbizzjoni inkwistjoni, indipendentement mill-prodott inkwistjoni.

456    Fir-rigward tal-ammont taż-żieda għal reċidiva, il-Kummissjoni tfakkar li hija għandha marġni diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59), u li hija mhijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża. Il-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward għal diversi deċiżjonijiet f’kawżi oħra li jimplementaw l-Artikolu 81 KE, kif ukoll għas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 339 iktar’il fuq (punt 292), fejn żidiet ta’ 50 % kienu ġew applikati jew awtorizzati.

457    Il-paragun bejn dan il-każ u l-każ li ta lok għad-deċiżjoni Plasterbords huwa irrilevanti sa fejn, bejn l-1969 u l-1994, Hoechst kienet ġiet “imwissija” numru ta’ drabi, mingħajr ma siltet il-konsegwenzi neċessarji. Mhuwiex għaldaqstant eżaġerat li l-ammont bażiku tal-multa jiġi miżjud b’50 %.

458    Fl-aħħar, il-fatt li kienet applikata l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 ma jfissirx li r-reċidiva ta’ Hoechst ma tibqax iktar ċirkustanza aggravanti. Skont il-Kummissjoni, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li kkooperaw mal-Kummissjoni jistgħu jingħataw tnaqqis tal-multa tagħhom. Din il-Komunikazzjoni ma tistax madankollu tiġġustifika n-nuqqas ta’ sanzjoni f’każ ta’ reċidiva.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

459    Il-punt 2 tal-linji gwida jsemmi, bħala eżempju ta’ ċirkustanzi aggravanti, ir-“ksur ripetut tal-istess tip magħmul mill-istess impriża”.

460    Il-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif inhu miftiehem f’ċertu numru ta’ sistemi ġuridiċi nazzjonali, jimplika li persuna kkommettiet ksur mill-ġdid wara li kienet ġiet issanzjonata għal ksur simili (sentenzi Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 325 iktar’il fuq, punt 617, u Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 339 iktar’il fuq, punt 284).

461    Reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati waqt l-analiżi tal-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq, punt 91, u tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I-1331, punt 26).

462    Il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda l-għażla ta’ elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-għan dissważiv tal-multi, u dan mingħajr mhuwa neċessarju li hija tillimita ruħha għal lista vinkolanti u eżawrjenti ta’ kriterji li jridu bil-fors jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jagħmlu parti mill-imsemmija setgħa tal-Kummissjoni u din tal-aħħar mhijiex marbuta minn terminu ta’ preskrizzjoni eventwali għal tali konstatazzjoni (sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 461 iktar’il fuq, punti 37 u 38).

463    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li Hoechst ma tikkontestax li l-erba’ deċiżjonijiet preċedenti msemmija mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni sabiex tiġġustifika r-reċidiva jirrigwardawha u jkopru ksur tal-istess tip bħal dak ta’ din il-kawża.

464    Fir-rigward tad-deċiżjonijiet Materjal li jagħti l-kulur (adottata fl-24 ta’ Lulju 1969) u Polypropylène (adottata fit-23 ta’ April 1986), għandu jiġi rrilevat li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni beda għaxar snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni Materjal li jagħti l-kulur u li, fir-rigward tad-deċiżjoni Polypropylène, din tal-aħħar ġiet adottata matul il-perijodu tal-imsemmi ksur. Barra minn dan, għalkemm Hoechst kienet is-suġġett ta’ kundanna fil-kuntest tad-deċiżjoni Polypropylène fl-1986, hija kompliet il-komportament illegali tagħha fis-suq tas-sorbati, u dan għal għaxar snin. Ir-repetizzjoni minn Hoechst ta’ komportament illegali juri tendenza ta’ din tal-aħħar li ma waslitx għall-konsegwenzi approprjati ta’ konstatazzjoni fir-rigward tagħha ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar’il fuq, punt 355). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, Hoechst setgħet tistenna li l-Kummissjoni tikkunsidra d-deċiżjonijiet preċedenti iktar’il fuq imsemmija fil-kuntest ta’ klassifikazzjoni possibbli ta’ reċidiva f’dan il-każ. Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq id-deċiżjonijiet Materjal li jagħti l-kulur u Polypropylène sabiex tikkonstata r-reċidiva ta’ Hoechst fil-kuntest ta’ din il-kawża.

465    Fir-rigward tad-deċiżjoni PVC I (adottata fil-21 ta’ Diċembru 1988), għandu jiġi nnotat li din id-deċiżjoni kienet ġiet iddikjarata nulla mill-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tas-27 ta’ Frar 1992, BASF et vs Il-Kummissjoni, T‑79/89, T‑84/89 sa T‑86/89, T‑89/89, T‑91/89, T‑92/89, T‑94/89, T‑96/89, T‑98/89, T‑102/89 u T‑104/89, Ġabra p. II‑315), u, finalment, annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1994, Commission vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555), u dan qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni f’dan il-każ. Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-annullament deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 231 KE jipprevedi li jekk l-azzjoni tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara d-deċiżjoni bħala nulla. Barra minn dan, anki jekk id-deċiżjoni PVC II, adottata mill-Kummissjoni wara l-annullament tad-deċiżjoni PVC I, tirrigwarda fil-parti l-kbira l-elementi fattwali ta’ din l-aħħar deċiżjoni, din tiddistingwi ruħha minnha, b’mod partikolari, inkwantu din tistabbilixxi li l-ftehim jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jmur lura għal madwar ix-xahar ta’ Awwissu tas-sena 1980 filwaqt li d-deċiżjoni PVC I ippreċiżat li l-ftehim jew il-prattika miftiehma inkwistjoni jmur lura għal madwar Settembru 1976. L-istess japplika għall-ammont tal-multi kkunsidrati għal Hoechst (ECU 1 miljun fid-deċiżjoni PVC I u EUR 1.5 miljun fid-deċiżjoni PVC II). Jirriżulta minn dan li ż-żewġ deċiżjonijiet ma jistgħux jitqiesu li huma identiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball meta rreferiet għad-deċiżjoni PVC I, fid-Deċiżjoni, sabiex tikkonstata r-reċidiva ta’ Hoechst.

466    Fir-rigward tad-deċiżjoni PVC II, din tal-aħħar tabilħaqq ġiet adottata fis-27 ta’ Lulju 1994, jiġifieri matul il-perijodu tal-ksur, iżda kienet is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji li waslu, wara t-tmiem tal-ksur inkwistjoni f’din il-kawża, għas-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 208 iktar’il fuq, u tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar’il fuq. Għandu madankollu jiġi enfasizzat li, fuq livell Komunitarju, u skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 256 KE, id-deċiżjoni PVC II kellha saħħa eżekuttiva, peress li din kienet tinkludi obbligu pekunjarju fuq persuni li mhumiex l-Istati, u dan minkejja l-preżentata tar-rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, skont l-Artikolu 242 KE, azzjoni mressqa quddiem il-qorti Komunitarja ma għandhiex l-effett ta’ sospensjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, Ġabra p. II‑2169, punti 50 u 51; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, Ġabra p. II‑1357, punt 121]. Barra minn dan, huwa stabbilit li Hoechst ma talbitx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni PVC II b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 242 KE. Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Qorti tal-Ġustizzja, li barra minn hekk huma konfermattivi, ġew deċiżi qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Jirriżulta minn dan li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni PVC II sabiex tikkonstata r-reċidiva ta’ Hoechst.

467    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li, sabiex tikkonstata r-reċidiva ta’ Hoechst, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq id-deċiżjonijiet Materjal li jagħti l-kulur, Polypropylène u PVC II, iżda mhux fuq id-deċiżjoni PVC I.

468    Madankollu, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fid-dawl tad-deċiżjoni PVC I ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-klassifikazzjoni ta’ reċidiva kkunsidrata f’dan il-każ, u lanqas ir-rata ta’ żieda applikata.

469    Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ reċidiva, din tal-aħħar hija suffiċjentement sostnuta mid-deċiżjonijiet Materjal li jagħti l-kulur, Polypropylène u PVC II.

470    Fir-rigward tar-rata ta’ żieda applikata f’dan il-każ, xejn ma jindika fid-Deċiżjoni li l-konstatazzjoni mill-Kummissjoni li r-reċidiva tirriżulta minn numru ta’ preċedenti tat lok għal żieda tal-ammont tal-multa għal ċirkustanza aggravanti superjuri għal dik li kienet tiġi stabbilita fil-każ li preċedent wieħed biss kien ġie identifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Danone vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar’il fuq, punt 366).

471    Barra minn dan, fir-rigward tal-argument ta’ Hoechst li ż-żieda applikata hija sproporzjonata, inkluż meta mqabbla ma’ impriżi oħra msemmija fid-Deċiżjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali u li hija mhijiex obbligata tapplika formula matematika preċiża. Barra minn dan, il-Kummissjoni għandha, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha. Ir-reċidiva hija ċirkustanza li tiġġustifika żieda konsiderabbli tal-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, ir-reċidiva tikkostitwixxi l-prova li s-sanzjoni preċedentement imposta ma kinitx suffiċjentement dissważiva. F’dan il-każ, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li ż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa b’50 % sabiex il-komportament ta’ Hoechst jitqarreb lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat hija sproporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 339 iktar’il fuq, punt 293).

472    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-klassifikazzjoni ta’ reċidiva kkunsidrata f’dan il-każ kif ukoll ir-rata ta’ żieda applikata huma fondati.

473    L-argumenti l-oħra mqajma minn Hoechst ma jistgħux jaffettwaw din il-konklużjoni.

474    Fir-rigward tal-fatt li l-attività preċedenti ta’ Hoechst fis-settur tal-additivi tal-ikel m’għandhiex x’taqsam mal-attivitajiet tagħha fis-settur tal-PVC, għandu jiġi enfasizzat li l-linji gwida jqisu r-reċidiva tal-istess impriża bħala “ksur tal-istess tip”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ladarba impriża twettaq ksur tal-istess tip, anki jekk is-settur ekonomiku huwa differenti, ċirkustanza aggravanti tista’ tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni. L-argument ta’ Hoechst f’dan ir-rigward ma jistax, għaldaqstant, jiġi milqugħ.

475    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet, f’każ ieħor preċedenti għad-Deċiżjoni, li tistabbilixxi responsabbiltà kollettiva ta’ grupp billi timponi żidiet ta’ 10 % fis-sena għall-perijodu bejn id-deċiżjoni li timponi multa f’każ u t-tmiem tal-ksur ta’ każ ieħor, għandu jiġi mfakkar li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix, fiha nfisha, ta’ qafas ġuridiku għall-multi fir-rigward tal-kompetizzjoni, peress li dan tal-aħħar huwa ddefinit biss fir-Regolament Nru 17 u fil-linji gwida (ara s-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 339 iktar’il fuq, punt 292, u l-ġurisprudenza ċċitata), u li, barra minn dan, l-operaturi ma jistgħux ikollhom aspettattiva leġittima fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi alterata mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenzi Delacre et vs Il-Kummissjoni, punt 372 iktar’il fuq, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 344 iktar’il fuq, punt 171).

476    Fl-aħħar, kif tinnota l-Kummissjoni, il-fatt li kienet applikata l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 ma jfissirx li r-reċidiva ta’ Hoechst ma tibqax iktar ċirkustanza aggravanti. Għaldaqstant, l-argument imressaq minn Hoechst, li żieda għal reċidiva mhijiex ekwa meta l-impriża kkonċernata tikkoopera totalment matul il-proċedura amministrattiva, huwa bla effett.

477    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

F –  Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni analoġika tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 skont “prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli”

1.     Sunt tad-Deċiżjoni

478    Fil-punt 12.2.3 tad-Deċiżjoni, dwar l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, il-Kummissjoni tirrileva li Hoechst tikkunsidra bħala applikabbli f’dan il-każ l-Avviż [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [dwar in-non-impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji] (ĠU C 45, p. 3, iktar’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”).

479    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ppreżentati minn Hoechst billi tenfasizza li l-punt 28 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprevedi li l-imsemmija komunikazzjoni tapplika mill-14 ta’ Frar 2002 fil-kawżi kollha fejn l-ebda impriża ma bbenefikat mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Issa, f’dan il-każ, numru ta’ impriżi – inkluż Hoechst – kienu kkuntattjaw il-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija għalhekk inapplikabbli (premessi 431 u 432 tad-Deċiżjoni).

480    Sussegwentement, fir-rigward tal-“prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli”, invokat minn Hoechst, l-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li n-notifiki dwar il-kooperazzjoni ma jaffettwawx il-kuntest ġuridiku kkostitwit mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Peress li l-“prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli” jirrikjedi tibdil tal-kuntest ġuridiku li jiddetermina l-ammont tal-multi, dan il-prinċipju huwa inapplikabbli f’dan il-każ (premessa 434 tad-Deċiżjoni). Barra minn dan, l-impriżi kkonċernati li offrew il-kooperazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni kisbu aspettattiva leġittima fil-fatt li din il-kooperazzjoni hija bbażata eżklużivament fuq il-Komunikazzjoni tal-1996, li kienet l-unika waħda applikabbli f’dak iż-żmien (premessa 435 tad-Deċiżjoni).

481    It-tieni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-approċċ adottat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/210/KE, tal-14 ta’ Ottubru 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KE (Każ IV/F‑3/33.708 - Bristish Sugar plc, Każ IV/F - 3/33.709 - Tate & Lyle plc, Każ IV/F - 3/33.710 - Napier Brown & Company Ltd, Każ IV/F - 3/33.711 - James Budgett Sugars Ltd) (ĠU 1999, L 76, p. 1), mhuwiex applikabbli f’dan il-każ peress li s-sitwazzjonijiet huma differenti. Il-Kummissjoni tippreċiża fuq dan il-punt li, fil-każ ta’ British Sugar vs Tate & Lyle, kienet għadha ma eżistitx sistema ta’ klemenza meta l-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 (premessa 436 tad-Deċiżjoni).

482    It-tielet, mhuwiex possibbli li jiġi konkluż li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija globalment iktar favorevoli mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Il-fatt li l-emenda magħmula tagħti jew ma tagħtix vantaġġ lil impriża partikolari jiddependi ħafna mis-sitwazzjoni partikolari tagħha (premessa 437 tad-Deċiżjoni).

2.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

483    Hoechst issostni li hija kien imissha kisbet immunità b’applikazzjoni, b’analoġija, tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Hoechst tenfasizza li hija diġà esponiet dawn l-argumenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

484    Hoechst tindika li hija kienet diġà bdiet tikkoopera fil-ħarifa tal-1998, meta eżistiet biss il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Għandu madankollu jiġi kkunsidrat il-fatt li, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt kriminali, il-leġiżlazzjoni l-iktar favorevoli għandha tiġi applikata. Billi l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija iktar favorevoli mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, hija l-ewwel waħda li għandha tiġi applikata.

485    Skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kull impriża li pparteċipat f’akkordju, u għalhekk anki “mexxej”, tista’ tagħmel talba għal immunità. Hoechst tenfasizza li l-esklużjoni ta’ tnaqqis sinjifikanti tal-multa fir-rigward tal-mexxejja, skont it-Titolu B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, ma ġietx inkluża fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Barra minn dan, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija iktar favorevoli għall-ewwel impriża li tikkoopera fis-sens li din tirrikjedi biss minn din tal-aħħar il-preżentazzjoni ta’ provi li jippermettu lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tordna verifiki skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17. Sabiex it-talba għal immunità tirnexxi, lanqas mhuwa meħtieġ li jiġu kkommunikati l-provi kollha li jinsabu fil-pussess tal-impriża. Il-komunikazzjoni ta’ provi tali tista’ ssir anki oralment, skont prattika stabbilita tal-Kummissjoni, jekk l-impriża tinvoka r-riskju li d-dokumenti jiġu kkomunikati lill-Istati Uniti.

486    F’dan il-każ, l-informazzjoni li Hoechst tat fid-29 ta’ Ottubru 1998 kienet biżżejjed sabiex tingħatalha l-immunità skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Hoechst kienet għalhekk l-ewwel li ppreżentat it-talba formali tagħha għal immunità u l-ewwel ukoll, li għamlet id-dikjarazzjonijiet orali meħtieġa lill-Kummissjoni. Kieku l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 kienet applikabbli, il-Kummissjoni kienet, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tibgħat lil Hoechst fil-bidu tas-sena 1999 ittra li tagħtiha immunità provviżorja. It-talba tagħha għal immunità kienet b’hekk tirnexxi fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni fil-punt 437 tad-Deċiżjoni.

487    Hoechst tindika sussegwentement li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, il-“prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli” huwa applikabbli fil-proċeduri kriminali kif ukoll fil-proċeduri amministrattivi. Hoechst tirreferi b’mod partikolari għar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, p. 1), li jipprevedi li “[e]bda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha” u li, “[f]il-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv”.

488    Hoechst iżżid li l-“prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli” ġie applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Farmers’ Union et (C‑354/95, Ġabra p. I‑4559, punti 40 u 41), u li dan jagħmel parti mit-tradizzjoni ġuridika komuni għall-Istati Membri. Hoechst tipprovdi f’dan ir-rigward studju komparattiv li ġie ppreżentat matul il-proċedura amministrattiva.

489    Hoechst tenfasizza, barra minn dan, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet dan il-prinċipju fid-deċiżjoni British Sugar vs Tate & Lyle, punt 481 iktar’il fuq, billi ppreċiżat li “il-Komunikazzjoni [dwar il-kooperazzjoni tal-1996] hija direttament applikabbli biss għall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni li seħħew wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, tat-18 ta’ Lulju 1996” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li “[f]il-każijiet l-oħra kollha ta’ kooperazzjoni, il-Komunikazzjoni tiġi applikata b’analoġija, li jfisser li kull trattament favorevoli fis-sens tal-Komunikazzjoni [dwar il-kooperazzjoni tal-1996] jkun jiddependi mit-twettiq tal-kundizzjonijiet ta’ kooperazzjoni kollha kif definiti fil-Komunikazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

490    Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat dawn il-prinċipji fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni (T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punti 157 et seq).

491    Bl-istess mod, Hoechst tindika li, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/421/KE, tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Wieland Werke AG, Outokumpu Copper Products OY, Outokumpu Oyj, KM Europa Metal AG, Tréfimétaux SA u Europa Metalli SpA (Każ COMP/E‑1/38.240 – Tubi industrijali) (ĠU 2004, L 125, p. 50), imsejħa “deċiżjoni Tubi industrijali tar-ram”, din ippreċiżat, li “kuntrarjament għall-punt 23 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-[kooperazzjoni], il-Komunikazzjoni tal-1996 dwar il-[kooperazzjoni] ma tipprevedix kumpens speċifiku għal min jitlob li jibbenefika minn miżuri ta’ klemenza li jiżvela fatti li qabel ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni u li jaffettwaw il-gravità jew it-tul tal-kartell” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, “[g]ħalhekk, huwa xieraq li tali kooperazzjoni tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti minn fatturi attenwanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 384 tad-deċiżjoni Tubi industrijali tar-ram). Għaldaqstant, il-Kummissjoni naqqset l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq impriża (Outokumpu) ta’ EUR 38.98 għal 22.22 miljun “għall-kooperazzjoni effikaċi tagħha barra mill-Komunikazzjoni tal-1996 dwar il-[kooperazzjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 387 tad-deċiżjoni Tubi industrijali tar-ram). Il-Kummissjoni kienet indikat, f’dan ir-rigward, li “Outokumpu ma [kellhiex] tiġi ppenalizzata għall-kooperazzjoni tagħha billi tiġi imposta fuqha multa ikbar minn dik li hija kien ikollha tħallas fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, “[g]ħal din ir-raġuni, l-ammont bażiku tal-multa ta’ Outokumpu [kien] imnaqqas b’somma fissa ta’ EUR 22.22 miljun b’mod li jkun identiku għall-ammont ipotetiku tal-multa li kienet tkun imposta fuq Outokumpu għal ksur ta’ tul ta’ erba’ snin” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 386 tad-deċiżjoni Tubi industrijali tar-ram).

492    Hoechst iżżid li, anki jekk wieħed ried jitlaq mill-prinċipju li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ parti terzi li jeħtieġ li jiġu protetti, dan il-punt m’għandu ebda rwol f’dan il-każ. Fil-fatt, biss Chisso tista’ tippretendi l-kwalità ta’ parti terza denja ta’ protezzjoni. Madankollu, Chisso ma kinitx akkużata li kienet mexxejja u l-kwalità ta’ atti ta’ kooperazzjoni ma kinitx ġiet irrifjutata fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet orali ta’ Chisso. Għall-kuntrarju, Chisso kellha l-possibbiltà u ġie rikonoxxut lilha d-dritt li tippretendi li l-kontribuzzjonijiet orali u bil-miktub li hija tressaq volontarjament fil-kors tal-investigazzjoni jiġu meħuda inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanzi attenwanti. L-aspettattiva leġittima ta’ Chisso lanqas ma kienet tkun abbużata kieku l-Kummissjoni kienet applikat dawn il-prinċipji għal Hoechst u kieku dan kien wassal għal eżenzjoni minn multa favuriha b’applikazzjoni ta’ xi waħda miż-żewġ Notifiki dwar il-kooperazzjoni (jew b’applikazzjoni tat-tnejn). Fiż-żewġ każijiet, l-atti ta’ kooperazzjoni ta’ Hoechst kien imisshom wasslu għal eżenzjoni mill-multa filwaqt li dawk ta’ Chisso, li seħħew iktar tard, kien imisshom wasslu għal tnaqqis tal-multa.

493    Hoechst tikkonkludi minn dan li għalkemm il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tagħti immunità minn multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, hija kien imissha għamlet dan b’applikazzjoni, permezz ta’ analoġija, tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

494    Hoechst iżżid li, kuntrarjament għar-risposta tal-Kummissjoni għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 kienet tippermettilha tikseb immunità.

495    L-ewwel, skont Hoechst, Chisso ma kinitx ipprovdit, f’Ottubru/Novembru 1998, id-dokumenti kollha li setgħu jiġu ppreżentati. Dan l-ilment m’għandux għalhekk jiġi indirizzat biss lil Hoechst. Barra minn dan, Hoechst tindika li l-uffiċjali tal-Kummissjoni responsabbli mill-fajl ma ħtiġux minnufih il-preżentazzjoni tad-dokumenti ddikjarati u sottomessi iktar tard. Huma lanqas ma kienu talbu, f’dak iż-żmien, li tiġi redatta lista ta’ dokumenti li ser ikunu preżentati iktar tard.

496    It-tieni, ikun assurd li jiġi meqjus li l-elementi kkomunikati minn Hoechst fid-29 ta’ Ottubru 1998 ma kinux biżżejjed sabiex tiġi adottata deċiżjoni li tordna li jsiru verifiki skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17. Hoecsht tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tipprova l-eżistenza tal-akkordju mingħajr ma kellha bżonn tordna verifika. Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex elementi speċifiċi fuq l-impriżi kkonċernati (b’mod partikolari l-indirizz tal-uffiċċji), Hoechst tirrileva li l-Kummissjoni indirizzat talbiet għal informazzjoni lill-imsemmija impriżi. Hija għalhekk kienet diġà taf, f’dak iż-żmien u grazzi għall-kooperazzjoni ta’ Hoechst, lil min tindirizza tali talbiet għal informazzjoni.

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

497    Għall-Kummissjoni, l-applikazzjoni tal-“prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli” tippreżupponi emenda tal-bażi ġuridika li hija determinanti għall-impożizzjoni tal-multa. Issa, ebda emenda ta’ dan it-tip ma saret. B’mod partikolari, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma kienx ġie emendat bil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Din tal-aħħar tiddefinixxi biss il-kriterji għall-għotja ta’ trattament preferenzjali lil ċerti impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni mingħajr madankollu ma talterixxi l-kuntest ġuridiku intiż sabiex jiddetermina l-multi li għandhom jiġu imposti. Il-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward, b’analoġija, għas-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 422 iktar’il fuq (punt 233).

498    Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li, anki jekk fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha hija marbuta bil-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fis-seħħ, hija mabruta biha biss sakemm dawn ir-regoli jkunu applikabbli. Il-Kummissjoni tenfasizza f’dan il-kuntest li dawn ir-regoli joħolqu aspettattiva leġittima fir-rigward tal-impriżi inkwistjoni. F’dan il-każ, l-aspettattiva leġittima tal-impriżi fir-rigward tat-trattament favorevoli li jirriżulta mill-kooperazzjoni kienet esklużivament ibbażata fuq il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fis-seħħ f’dak iż-żmien, jiġifieri l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Sa fejn il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 ma ħolqitx aspettattiva leġittima unikament fir-rigward ta’ Hoechst, l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija eskluża.

499    Barra minn dan, f’dan il-każ, mhumiex ikkonċernati dispożizzjonijiet kriminali materjali, iżda dispożizzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw it-tneħħija ta’ sanzjoni. Il-“prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli” ma jistax jiġi applikat fir-rigward ta’ Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Kemm id-dispożizzjonijiet preċedenti kif ukoll id-dispożizzjonijiet ġodda huma bbażati fuq il-prinċipju li l-immunità tista’ tiġi mogħtija biss lil impriża waħda. Applikazzjoni tal-“prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli” jkollha bħala konsegwenza li, fil-każ fejn żewġ impriżi kkonkludew ftehim illegali u talbu l-immunità, fejn waħda minnhom kienet l-ewwel sabiex tikkoopera taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 u l-oħra taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ikun jeħtieġ bilfors li tingħata l-immunità liż-żewġ impriżi. Dan iwassal għal nuqqas totali ta’ sanzjoni għaż-żewġ partijiet fl-akkordju, li bl-ebda mod ma jista’ jkun l-għan ta’ komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

500    Barra minn dan, din il-kawża tiddistingwi ruħha minn dik li tat lok għad-Deċiżjoni 1999/210 (punt 481 iktar’il fuq). F’dak iż-żmien, il-Kummissjoni kienet applikat il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 b’analoġija, fil-proċedimenti għaddejjin li matulhom il-kooperazzjoni kellha lok qabel il-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni. F’dan il-każ, skont il-Kummissjoni, tali approċċ ma kienx indikat, billi l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 innifsu tikkontjeni, fil-punt 28, linji gwida ċari dwar it-trattament ta’ każijiet tranżitorji. Dawn il-linji gwida jiggarantixxu t-trattament ugwali tal-impriżi interessati kollha.

501    Fir-rigward tad-deċiżjoni Tubi industrijali tar-ram, imsemmija fil-punt 491 iktar’il fuq u invokata minn Hoechst, il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma applikatx il-“prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli” fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Hija kienet ikkunsidrat biss, skont is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, li ċirkustanza li tiġġustifika, skont is-sistema ġdida, kumpens partikolari kkostitwit kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

502    Il-Kummissjoni żżid, f’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li, anki jekk wieħed jitlaq mill-ipoteżi ta’ applikazzjoni tan-Notifka dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għal din il-kawża, Hoechst ma setgħetx tibbenefika minn immunità, tabilħaqq minn tnaqqis iktar importanti mill-multa li ġiet imposta fuqha.

503    Fir-rigward tal-immunità minn multa, l-ewwel, il-Kummissjoni tirrileva li Hoechst ma pprovditx, f’Ottubru/Novembru 1998, l-elementi ta’ prova kollha li hija ddisponit minnhom, u dan kuntrarjament għall-inċiż (a) tal-punt 13 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Għall-istess motivi, l-inċiż (b) tal-punt 13 ta’ din il-Komunikazzjoni ma setax jiġi applikat sa fejn il-Kummissjoni ma kinitx irċeviet lista deskrittiva li tirrifletti eżattament in-natura tal-elementi ta’ prova rilevanti. Barra minn dan, Hoechst kien messha ntrabtet li tissottometti dawn l-elementi ta’ prova f’“data miftiehma iktar tard”. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, fil-ħarifa ta’ 1998, Hoechst ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 13 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Jekk wieħed jitlaq mill-konstatazzjoni li Hoechst ipprovdit f’Marzu u f’April 1999 l-elementi ta’ prova kollha li ddisponit minnhom, hija setgħet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 13 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.biss f’dak il-mument. Madankollu, il-Kummissjoni kienet diġà ddisponit minn provi suffiċjenti sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE, li kien ipprekluda lil Hoechst, fid-dawl tal-punt 10 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, milli tkun tista’ tibbenefika minn immunità ta’ multa.

504    It-tieni, fin-nuqqas ta’ informazzjoni dettaljata fuq il-persuni li jirrappreżentaw l-impriżi li ħadu parti fl-akkordju, kif ukoll fil-kiri tal-uffiċċji, il-Kummissjoni ma setgħetx, skont l-inċiż (a) tal-punt 8 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, tadotta deċiżjoni li tordna li jsiru verifiki skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17. Dan iktar u iktar billi l-impriżi l-oħra implikati kienu Ġappuniżi u billi Hoechst kienet iddikjarat, barra minn dan, li ma eżistiet ebda indikazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-akkordju ta’ xi operatur Ewropew ieħor.

505    It-tielet, billi tadotta l-punt 456 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li Hoechst ipprovdit, matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998, verżjoni impreċiża tal-fatti u li hija insistit b’mod qarrieqi fuq in-natura moderata tal-akkordju. Din id-deskrizzjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “element ta’ prova” li tippermetti lill-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE, fis-sens tal-inċiż (b) tal-punt 8 ta’ tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

506    Fir-rigward tat-tnaqqis tal-multa, il-Kummissjoni tenfasizza li dan ma jistax jeċċedi l-50 % skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u li jista’ anki jkun inqas. Dan it-tnaqqis jieħ inkunsiderazzjoni d-data u l-livell ta’ valur miżjud tal-elementi ta’ prova kkonċernati. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ssostni li d-dikjarazzjoni qarrieqa ta’ Hoechst dwar in-natura moderata tal-akkordju ġiet meqjusa kontriha, u li kienet ingħatat tnaqqis ta’ inqas minn 50 %.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

507    Preliminarjament, għandha tiġi skartata applikazzjoni “b’analoġija” tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, sa fejn il-kooperazzjoni ta’ Hoechst matul il-proċedura kienet irregolata permezz tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Din is-sitwazzjoni hija distinta, f’dan ir-rigward, mill-każijiet imsemmija minn Hoechst li fihom il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 setgħet tiġi applikata, b’analoġija, għal sitwazzjonijiet li bdew qabel l-adozzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni, iżda li ma kinux suġġetti għal ebda regola ġuridika oħra.

508    Sa fejn il-motiv ta’ Hoechst jista’ jiġi mifhum bħala li jqajjem, fil-fatt, kunflitt ta’ leġiżlazzjonijiet matul iż-żmien, huwa biżżejjed jekk jiġi kkonstatat li tali kunflitt ma jistax jeżisti. Fil-fatt, il-punt 28 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprevedi b’mod ċar li l-imsemmija komunikazzjoni tapplika mill-14 ta’ Frar 2002 għall-kawżi kollha li fihom ebda impriża “ma għamlet użu mi[ll-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996]”. Madankollu, f’dan il-każ, l-impriżi kkonċernati, inkluż Hoechst, għamlu użu mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

509    Għandu jiġi rrilevat, mill-bidu nett, li l-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati bdiet fl-aħħar tas-sena 1998, jiġifieri f’mument li fih biss il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 kienet applikabbli, iżda kompliet wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, billi l-aħħar talba għal informazzjoni ntbagħtet mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Diċembru 2002. Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li huwa biss fl-istadju tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni li l-Kummissjoni tat deċiżjoni definittiva dwar il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati u, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni dwar liema impriża setgħet tibbenefika, jekk ikun il-każ, minn immunità ta’ multa. Għaldaqstant, l-atti ta’ kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati, fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, ipproduċew l-effetti tagħhom wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Madankollu, fil-każ ta’ sitwazzjonijiet ġuridiċi li għadhom ma pproduċewx l-effetti tagħhom, regola ġdida għandha tiġi applikata immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li taqa’ taħt l-iskema tar-regola preċedenti “fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑512/99, Ġabra p. I‑845, punt 46). Billi tali dispożizzjonijiet tranżitorji jeżistu f’dan il-każ, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u għandu jiġi kkunsidrat li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 kienet applikabbli.

510    Din il-konklużjoni tippermetti, barra minn dan, li jiġu sodisfatti l-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tnissel aspettattivi leġittimi fil-fatt li wieħed jista’ jibbenefika minn ċertu perċentwali ta’ tnaqqis (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 344 iktar’il fuq, punt 188). Barra minn dan, meta jitqiesu t-termini tal-inċiż (b) tat-Titolu B tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, din tal-aħħar għandha l-għan li tirrikumpensa bi tnaqqis ferm sostanzjali tal-multa biss lill-impriża li fir-realtà tkun l-“ewwel” li tipprovdi elementi ta’ prova determinanti (ara s-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar’il fuq, punt 550, u l-ġurisprudenza ċċitata).

511    Barra minn dan, u mingħajr mhemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju invokat minn Hoechst huwiex applikabbli għan-Notifiki tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa kumpless, fis-sens li dan jemenda l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 fuq diversi punti, kemm fuq livell tar-regoli ta’ mertu kif ukoll tar-regoli tal-proċedura. Ċerti emendi huma iktar favorevoli għall-impriżi kkonċernati. Emendi oħra, minn naħa l-oħra, mhumiex. Barra minn dan, l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tvarja skont il-każ. Mhuwiex għaldaqstant possibbli li l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tiġi kklassifikata bħala li hija, globalment, iktar favorevoli mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

512    Barra minn dan, u b’mod speċifiku, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 f’dan il-każ ma jwassalx bilfors għal riżultat iktar favorevoli għal Hoechst.

513    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tibbenefika minn immunità ta’ multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, l-impriża għandha tipprovdi “immedjatament” il-Kummissjoni bil-provi kollha li jirrelataw mal-ksur issuspettat li qegħdin għad-dispożizzjoni tagħha fiż-żmien tas-sottomissjoni, “jew” tippreżenta inizjalment dawn il-provi f’termini ipotetiċi, u f’dan il-każ l-impriża għandha tippreżenta lista deskrittiva tal-provi li tipproponi li tiżvela f’data miftehma wara. Din il-lista għandha tirrifletti b’mod akkurat in-natura u l-kontenut tal-provi [punt 13, inċiż (a) u b), tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002].

514    F’dan il-każ, u għar-raġunijiet esposti fil-punti 574 sa 578 iktar’il quddiem, għandu jiġi kkonstatat li Hoechst ma pprovditx immedjatament il-provi li ddisponit minnhom. Ma jirriżulta lanqas mill-fajl li Hoechst ipprovdit xi elementi li kien jippermettu lill-Kummissjoni li jkollha tagħrif dwar in-natura u l-kontenut tal-provi li kienu fil-pussess tagħha u li setgħu ġew żvelati ulterjorment.

515    Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 f’dan il-każ mhuwiex bilfors kienet twassal għal immunità minn multa għal Hoechst.

516    Barra minn dan, u sa fejn il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tipprevedi, barra mill-kuntest tal-immunità, tnaqqis massimu tal-multa ta’ 50 %, l-applikazzjoni tagħha ma kinitx bilfors twassal għal tnaqqis tal-multa ta’ Hoechst superjuri għal dak li diġà kien ġie mogħti lilha.

517    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud.

G –  Fuq it-tmien u d-disa’ motivi, dwar l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

518    Permezz tat-tmiem motiv, Hoechst tqis li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata fid-determinazzjoni tagħha ta’ liema impriża kienet l-ewwel li kkooperat f’dan il-każ. Permezz tad-disa’ motiv tagħha, Hoechst tqis li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ħażina tal-kontenut tal-kooperazzjoni tagħha.

519    Għandu jiġi analizzat, l-ewwel, it-tmien motiv.

1.     Sunt tad-Deċiżjoni

520    Huwa indikat, fil-kuntest tal-punt 12.2.3 tad-Deċiżjoni, dwar l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, dan li ġej (premessa 440 tad-Deċiżjoni):

“Matul il-laqgħa li saret fit-13 ta’ Novembru 1998, Chisso ppreżentat deskrizzjoni orali tal-attivitajiet tal-akkordju u pprovdit provi bil-miktub […] Il-Kummissjoni tikkunsidra li Chisso kienet, f’din l-okkażjoni, l-ewwel impriża biex tipprovdi elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju kkonstatat permezz ta’ din id-deċiżjoni. L-elementi mressqa lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Novembru 1998 ikkonsistew, b’mod partikolari, f’noti bil-miktub dwar ċertu numru ta’ laqgħat tal-akkordju. Id-deskrizzjoni orali tal-attivitajiet tal-akkordju ppermettew lill-Kummissjoni sabiex tqiegħed id-dokumenti fil-kuntest reali tagħhom. L-informazzjoni pprovduta minn Chisso ppermettit lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-eżistenza u l-kontenut tal-parti l-kbira tal-laqgħat tal-kartell u tidentifika l-parteċipanti, kif inhu spjegat fil-Parti I.”

521    Fir-rigward ta’ Hoechst, huwa ppreċiżat, fil-premessa 451 tad-Deċiżjoni, li, “[m]ingħajr ma kienet l-ewwel impriża sabiex tipprovdi elementi determinanti lill-Kummissjoni, Hoechst ikkontribwit, fi stadju prematur, sabiex tistabbilixxi aspetti importanti tal-ksur u, wara li kienet irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija ma kkontestatx il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-allegazzjonijiet tagħha”.

2.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

522    Anki jekk tammetti l-applikabbiltà tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, Hoechst issostni li hija kellha tiġi meqjusa bħala l-ewwel impriża li kkooperat mal-Kummissjoni u li pprovdit il-provi essenzjali tal-akkordju.

523    Filwaqt li tanalizza l-fatti kronoloġikament, Hoechst tenfasizza li l-avukati ta’ Chisso ltaqgħu mal-Kummissjoni fid-29 ta’ Settembru 1998, fil-kuntest ta’ każ ieħor. Jirriżulta mill-proċess ta’ din il-laqgħa li l-avukati ta’ Chisso evokaw sussidjarjament li huma rrappreżentaw ukoll impriża oħra li uriet ix-xewqa tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni dwar akkordju li jirrigwarda l-aċidu sorbiku.

524    L-avukati ta’ Chisso ma kinux madankollu disposti, u lanqas awtorizzati, sabiex jiżvelaw l-identità ta’ din l-impriża f’din id-data. Dan jirriżulta b’mod partikolari miż-żewġ noti interni tal-Kummissjoni tal-1 u tat-2 ta’ Ottubru 1998. Il-fatt li l-awtur tan-noti interni tan-noti interni kien preżenti għal-laqgħa wara l-bidu tagħha ma jippermettix li jiġi konkluż li l-identità ta’ Chisso kienet ġiet żvelata qabel, b’mod partikolari lill-Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni meta seħħew il-fatti. Barra minn dan, l-isem ta’ impriża oħra fin-nota interna tat-2 ta’ Ottubru 1998 ma jikkostitwixxix żball tipografiku tal-Kummissjoni u ma mhuwiex għalhekk, fil-fatt, dak ta’ Chisso.

525    Hoechst tikkunsidra wkoll li ebda talba ma saret, f’din id-data, li tissodisfa r-rekwiżiti tat-Titolu E, paragrafu 1, tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, u li ebda prova ma ġiet imressqa jew trażmessa matul din il-laqgħa. Barra minn dan, ebda element tal-ksur ma kien ġie deskritt u l-ismijiet tal-impriżi li pparteċipaw lanqas ma kienu ġew ikkomunikati.

526    Fit-23 ta’ Ottubru 1998, l-avukati ta’ Hoechst u ta’ Notrinova ċemplu lill-Kummissjoni sabiex jitolbu li ssir laqgħa.

527    Fid-29 ta’ Ottubru 1998, matul il-laqgħa mal-Kummissjoni, l-avukati ta’ Hoechst u ta’ Nutrinova kienu talbu formalment li l-impriżi li huma rrappreżentaw jitqiesu li huma xhieda prinċipali tal-kooperazzjoni. Huma ddeskrivew, f’dan il-kuntest, l-elementi essenzjali tal-akkordju fuq is-sorbati, jiġifieri l-prodotti kkonċernati, l-impriżi implikati, l-aġir antikompetittiv u l-perijodu kkonċernat. Din id-deskrizzjoni orali tal-fatti essenzjali kienet b’hekk ġiet aċċettata mill-Kummissjoni bħala li hija att ta’ kooperazzjoni. Paragun mal-konstatazzjonijiet ulterjuri tad-Deċiżjoni turi li l-informazzjoni trażmessa minn Hoechst f’din id-data ġiet użata mingħajr restrizzjoni fid-Deċiżjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx għamlet konstatazzjonijiet fid-Deċiżjoni li jirrigwardaw l-istruttura tal-akkordju li huma fondamentalment differenti mill-informazzjoni mogħtija minn Hoechst fid-29 ta’ Ottubru 1998.

528    Fit-13 ta’ Novembru 1998, l-avukati ta’ Chisso kienu għamlu, għall-ewwel darba, sunt orali dwar l-akkordju fuq is-sorbati. Huwa biss f’din id-data li l-identità ta’ Chisso kienet ġiet żvelata.

529    Sussegwentement, Hoechst kienet bagħtet numru ta’ komunikazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni, jiġifieri f’Diċembru 1998, f’Marzu u f’April 1999 u kif ukoll f’diversi waqtiet fi stadju iktar tard. Il-kontribuzzjoni ta’ Hoechst tad-19 ta’ Marzu 1999 kienet l-ewwel kontribuzzjoni bil-miktub li tikkonferma, fil-forma ta’ “dikjarazzjoni ta’ kumpannija”, l-elementi kostituttivi tal-akkordju.

530    L-ewwel dikjarazzjoni ta’ kumpannija li toriġina minn Chisso kienet saret biss fl-20 ta’ April 1999. Ebda mill-impriżi l-oħra li pparteċipaw fil-ksur ma kienet ikkuntattjat il-Kummissjoni matul din l-ewwel fażi tal-proċedura.

531     Dawn il-fatti juru li Hoechst kienet l-ewwel sabiex tipprovdi lill-Kummissjoni “elementi ta’ prova determinanti”, fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, u dan oralment.

532    Hoechst iżżid li huwa konformi mal-prattika tal-Kummissjoni li impriża tiġi meqjusa bħala li hija l-ewwel biex tikkoopera, anki jekk hija tipprovdi l-ewwel provi orali, sakemm dawn tal-aħħar jissodisfaw il-kriterju ta’ “elementi determinanti” u li dawn huma sussegwentement ikkonfermati bil-miktub u kompletati. Dawn il-provi orali jippermettu diġà lill-Kummissjoni li tagħmel investigazzjoni u li twettaq verifiki jew li tibgħat talbiet għal informazzjoni. Il-forma bil-miktub tal-kooperazzjoni mhijiex rikjesta mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 jew mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

533    Hoechst tenfasizza f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni kellha attitudni ta’ preklużjoni sa fejn, l-ewwel, hija kienet wegħdet li twissi lil Chisso jekk impriżi oħra jkunu ppreċedewha u t-tieni, hija kienet f’daqqa waħda rrifjutat li tirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet orali bħala atti ta’ kooperazzjoni, b’mod li terġa’ lura mill-attitudni preċedenti tagħha. Hoechst tirreferi, fuq dan l-aħħar punt, għall-ittra tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Jannar 1999, li permezz tagħha hija qieset li Hoechst kienet waqfet milli tikkoopera, għall-ittra mibgħuta minn Hoechst fit-28 ta’ Jannar 1999, li tesprimi l-inkomprensjoni f’dan ir-rigward, għall-konversazzjoni telefonika tal-5 ta’ Marzu 1999 u li matulha l-Kummissjoni kienet indikat li ż-żmien tal-laqgħat “mingħajr tmiem” kien spiċċa, kif ukoll għall-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Marzu 1999, li permezz tagħha hija kienet irrifjutat li tirċievi xhieda orali minn naħa ta’ Hoechst. Din l-attitudni tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal proċess ekwu u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Hoechst tirrileva wkoll li, minn dak iż-żmien, il-prattika tal-Kummissjoni tikkonsisti sabiex tirrikonoxxi t-talbiet u l-atti ta’ kooperazzjoni tal-impriżi taħt forma orali. L-attitudni tal-Kummissjoni tagħti wkoll impressjoni arbitrarja sa fejn, a contrario, ix-xhieda orali ta’ Chisso ġiet aċċettata.

534    F’kull każ, anki jekk il-Kummissjoni – kuntrarjament għall-prattika tagħha ta’ dak iż-żmien u dik iktar reċenti –kellha tikkunsidra biss l-informazzjoni bil-miktub, il-komunikazzjoni bil-miktub ta’ Hoechst tad-19 ta’ Marzu 1999 kien l-ewwel dokument bil-miktub imressaq f’isem ta’ impriża u li tikkonferma l-indikazzjonijiet mogħtija oralment.

535    Il-produzzjoni ta’ rendikonti ta’ laqgħat minn Chisso fit-13 ta’ Novembru 1998 ma tistax tiġi kklassifikata bħala l-ewwel kooperazzjoni bil-miktub inkwantu dawn id-dokumenti huma inkomprensibbli u għandhom sens biss permezz tas-sunt tal-fatti pprovdut l-ewwel minn Hoechst, fid-29 ta’ Ottubru 1998. In-nuqqas ta’ forza probanti tad-dokumenti pprovduti minn Chisso jirriżulta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni qieset neċessarju li tipproċedi għal seduta ġdida tal-impjegati ta’ Chisso fid-9 ta’ Diċembru 1998. Barra minn dan, ir-rendikonti pprovduti minn Chisso jirreferu biss għal xi laqgħat tas-snin tal-1995 u tal-1996. Għall-perijodu ħafna itwal li jibda mill-1978 sa l-1994, Chisso ma kinitx bagħtet fit-13 ta’ Novembru 1998 ebda dokument bil-miktub. Barra minn dan, dawn l-“elementi ta’ prova” mhumiex użati fid-Deċiżjoni sabiex tiġi stabbilita l-attività tal-akkordju. Huma mhumiex għaldaqstant “determinanti”.

536    Hoechst tenfasizza, f’dan ir-rigward, li, f’nota interna tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 1998, ikkomunikata fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl, huwa indikat li l-avukati ta’ Chisso “kienu l-ewwel sabiex joffru l-kooperazzjoni tagħhom u ġew maqbuża permezz ta’ avvenimenti li ġew wara fil-kuntest li fihom impriżi oħra pprovdew informazzjoni utli qabilhom”.

537    Hoechst iżżid li l-Kummissjoni ma tistax tikkontestalha l-fatt li l-ispjegazzjonijiet mogħtija fuq il-ftehim jitbiegħdu fuq ċerti punti mill-fatti msemmija fid-Deċiżjoni u, simultanjament, taċċetta li l-informazzjoni pprovduta minn Chisso, li tawha l-immunità, ma tkoprix it-tul kollu tal-ksur u lanqas id-dettalji kollha tal-akkordju.

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

538    Il-Kummissjoni tenfasizza qabel kollox, fir-rigward tan-nota interna tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 1998, invokata minn Hoechst, li l-evalwazzjoni informali tal-uffiċjali tal-Kummissjoni fi stadju prematur tal-proċedura ma għandux jippreġudika d-deċiżjoni tal-Kummissjoni nfisha.

539    Għall-kumplament, il-Kummissjoni tixtieq tikkoreġi l-mod kif Hoechst tiddeskrivi s-suċċessjoni tal-fatti f’dan il-każ.

540    L-ewwel, fir-rigward tal-laqgħa tad-29 ta’ Settembru 1998 – li rrigwardat żewġ kawżi, inkluż dik dwar is-sorbati, u li saret bejn l-16.30 u l-18.30 -, il-Kummissjoni tiddikjara li l-avukati aġixxew f’isem Chisso, kif jirriżulta mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni.

541    Il-Kummissjoni tfakkar, f’dan ir-rigward, li jeżistu żewġ noti interni dwar din il-laqgħa.

542    Fir-rigward tan-nota interna tat-2 ta’ Ottubru 1998, dwar laqgħa fuq l-aċidu sorbiku, il-Kummissjoni tindika li l-Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, iltaqa’ mal-avukati ta’ Chisso bejn l-16.30 u l-17.30. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li din in-nota interna ssemmi l-“kumpannija Chisso”. Dan jipprova li l-avukati ta’ Chisso ċċitaw il-klijenta tagħhom b’isimha. Kieku ma kinux għamlu hekk, l-awtur tan-nota ma kienx jiġi informat bl-identità ta’ din l-impriża. Il-fatt li n-nota interna tat-2 ta’ Ottubru 1998 tagħmel referenza għal “impriża mhuwiex magħrufa” mhuwiex kuntradittorju. Dan jindika biss taħt liema referenza l-laqgħa mal-avukati kienet ġiet miftehma. Barra minn dan, il-fatt li din in-nota ssemmi impriża oħra implikata fil-kuntest ta’ proċedura oħra huwa sempliċi żball tipografiku. L-impriża intiża kienet, fir-realtà, Chisso.

543    Fir-rigward tan-nota interna tal-1 ta’ Ottubru 1998 (li tkopri żewġ kawżi inkluż dik dwar l-aċidu sorbiku), il-Kummissjoni tinnota li żewġ uffiċjali kienu preżenti għal-laqgħa minn 17.30. Il-fatt li din in-nota ssemmi li l-impriża li xtaqet tipprovdi informazzjoni dwar akkordju fil-qasam tas-sorbati ma ġietx identifikata jiġġustifika ruħu permezz taċ-ċirkustanza li Chisso ma kinitx ġiet imsemmija quddiem iż-żewġ uffiċjali kkonċernati, li wieħed minnhom huwa l-awtur tan-nota interna.

544    It-tieni, ikun żbaljat li jiġi affermat li Hoechst iddeskrivit l-elementi prinċipali tal-akkordju dwar is-sorbati matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998. Hoechst kienet barra minn dan ippreċiżat hija nfisha f’ittra tas-27 ta’ Ottubru 1998 li dinkienet “l-ewwel diskussjoni intiża sabiex tiċċara d-dettalji l-oħra”. Skont in-nota interna tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 1998, Hoechst kienet indikat, mill-bidu tal-laqgħa, li kellha bżonn iktar żmien sabiex tinforma ruħha biżżejjed fid-dettall, bl-għan li tipprovdi informazzjoni kompleta.

545    L-informazzjoni pprovduta minn Hoechst matul din il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 kienet ġenerali ħafna u l-fatti deskritti kienu f’termini vagi. Barra minn dan, Hoechst kienet semmiet laqgħat kull sitt xhur li matulhom ebda ftehim speċifiku ma kien ġie konkluż. Hija kienet ukoll qajmet in-natura informali u konvivjali tal-laqgħat (premessa 456 tad-Deċiżjoni).

546    Fil-parti rilevanti tas-sunt tal-fatti tad-Deċiżjoni (premessi 79 sa 251), il-Kummissjoni ma rriferitx darba biss għad-dikjarazzjonijiet ta’ Hoechst magħmula fid-29 ta’ Ottubru 1998. Ir-rimarki ta’ Hoechst dwar il-ftehim kienu differenti u dan anki konsiderabilment mill-fatti indikati fid-Deċiżjoni.

547    It-tielet, il-Kummissjoni tenfasizza li Hoechst ma kinitx disposta, sad-19 ta’ Marzu 1999, sabiex tikkoopera pjenament. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-ittri tal-21 ta’ Diċembru 1998 u tat-28 ta’ Jannar 1999 li fihom Hoechst informat lill-Kummissjoni li, minħabba proċedimenti penali u ċivili pendenti fl-Istati Uniti, hija kienet iddeċidit li ma tipprovdix l-informazzjoni utli kollha f’dan il-mument partikolari, l-istess bħad-dokumenti jew il-provi tal-akkordju li hija ddisponit minnhom. Fl-ittra tad-19 ta’ Jannar 1999, il-Kummissjoni kienet madankollu ppreċiżat li din l-attitudni kkostitwit rifjut li tikkoopera fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. Billi aġixxit b’dan il-mod, Hoechst kienet irriskjat li tiġi imposta multa fuqha.

548    Kuntrarjament għal dak li qisha qed issostni Hoechst, il-Kummissjoni tenfasizza li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet orali ma kisirx il-prattika osservata f’dak iż-żmien. Din il-prattika kienet tbiddlet biss wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

549    Barra minn dan, fir-rigward tal-ilment dwar il-preklużjoni matul il-proċedura, il-Kummissjoni tenfasizza li, fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Marzu 1999, invokata minn Hoechst, hija ppreċiżat li jekk din tal-aħħar xtaqet tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, hija kellha tal-inqas tipprovdi informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-akkordju. Dawn it-termini huma dawk tal-ewwel inċiż tat-Taqsima D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996. L-ittra tad-29 ta’ Marzu 1999 tindika għalhekk li sadakittant, Hoechst ma ssodisfatx ukoll, fl-opinjoni tal-uffiċjali tal-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ dan l-ewwel inċiż. Ma jirriżulta xejn iktar mir-rendikont, stabbilit mill-avukati ta’ Hoechst, ta’ ċerti partijiet tal-konversazzjoni telefonika tal-5 ta’ Marzu 1999 mal-uffiċjal tal-Kummissjoni inkarigat bil-kawża. Dan mhuwiex każ ta’ preklużjoni, iżda tas-sunt korrett tas-sitwazzjoni konformi mal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

550    Ir-raba’, il-Kummissjoni ssostni li jkun ineżatt li jiġi affermat li Chisso bagħtet xi dokumenti, ftit wisq, matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998. Fin-nota interna tad-19 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni tirreferi għal diversi dokumenti li jirrigwardaw il-kuntatti bejn kompetituri matul is-snin 1995 u 1996. Dawn id-dokumenti huma aġendi ta’ laqgħat u noti personali. Barra minn dan, Chisso kienet ressqet tabelli bil-miri ta’ prezzijiet miftiehma għat-tul kollu tal-akkordju. Dawn il-provi bil-miktub, li ġew ukoll spjegati oralment, kellhom importanza deċiżiva għall-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni (premessa 440 tad-Deċiżjoni), billi dawn kienu ppermettu, għall-ewwel darba matul il-proċedura amministrattiva, li jiġi pprovat il-ksur imwettaq, anki jekk dawn il-provi ma jkoprux it-tul kollu kkonstatat u lanqas id-dettalji tal-akkordju. It-twissija mwegħda lil Chisso matul din il-laqgħa ma tippermettix li jiġi dedott li din l-impriża kienet għadha ma ssodifatx sal-ġurnata ta’ llum il-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-immunità. L-iktar l-iktar jista’ jiġi dedott li ma kienx ċert jekk Chisso tiksibx l-immunità fuq il-bażi tal-atti ta’ kooperazzjoni tagħha sal-ġurnata ta’ llum.

551    Minn naħa l-oħra, kien biss fid-19 ta’ Marzu 1999 li Hoechst ipprovdit informazzjoni lill-Kummissjoni li setgħet tiġi meqjusa bħala bidu ta’ kooperazzjoni effettiva. Madankollu, l-ittra tad-19 ta’ Marzu 1999 ma tikkontjenix deskrizzjoni dettaljata tal-laqgħat u tal-proċeduri tal-akkordju. Hoechst kienet ipprovdit dawn id-dettalji biss fit-28 ta’ April 1999, f’risposta għal domandi preċiżi tal-Kummissjoni.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

552    Għandu jiġi mfakkar li t-taqsima B tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 tipprevedi, fost kundizzjonijiet oħra, li l-impriża li “hija l-ewwel li tipprovdi elementi determinanti sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju” [taqsima B(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996], tibbenefika minn tnaqqis ta’ almenu 75 % tal-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, tnaqqis li jista’ jammonta għan-non-impożizzjoni totali ta’ multa.

553    Jirriżulta mit-test innifsu tat-taqsima B(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 li l-“ewwel” impriża mhux bilfors tkun ipprovdiet l-elementi kollha li jipprovaw id-dettalji kollha ta’ kif jaħdem l-akkordju, iżda li huwa biżżejjed li jitressqu “xi” elementi ta’ prova determinanti. Dan it-test ma jitlobx li l-elementi pprovduti jkunu, waħedhom, “suffiċjenti” għall-elaborazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew saħansitra għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar’il fuq, punt 362). Madankollu, għalkemm l-elementi ta’ prova msemmija fit-taqsima B(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 mhux neċessarjament iridu jkunu suffiċjenti fihom infushom biex jipprovaw l-eżistenza tal-akkordju, dawn għandhom madankollu jkunu determinanti għal dan l-istess fini. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jikkonsistu sempliċement f’sors ta’ orjentazzjoni għall-investigazzjonijiet li tkun ser tmexxi l-Kummissjoni, iżda f'elementi li jistgħu jintużaw direttament bħala bażi probatorja prinċipali għal deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar’il fuq, punt 493).

554    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-elementi ta’ prova determinanti għall-finijiet tat-taqsima B(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 jistgħu jingħataw ukoll verbalment (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 120 iktar’il fuq, punt 506).

555    Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tiddisponi minn ċertu marġni diskrezzjonali fl-evalwazzjoni dwar jekk il-kooperazzjoni kkonċernata kinitx “determinanti” sabiex tiffaċilitalha l-funzjoni tagħha li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u li ġġib dan il-ksur fit-tmiem, peress li huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni diskrezzjonali li jista’ jiġi prekluż (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar’il fuq, punt 362).

556    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludit li Chisso kienet l-ewwel impriża li pprovdit elementi determinanti li jipprovaw l-eżistenza tal-akkordju.

557    F’dan il-kuntest, l-ewwel, għandu jiġi mfakkar li, fil-premessa 440 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ssostni li “[m]atul laqgħa li nżammet fit-13 ta’ Novembru 1998, Chisso ddeskriviet oralment l-attivitajiet tal-akkordju u pprovdiet provi bil-miktub” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li hija “tikkunsidra li, f’din l-okkażjoni, Chisso kienet l-ewwel impriża sabiex tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi ppuvata l-eżistenza tal-akkordju kkonstatat permezz ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Minn dan isegwi li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq id-deskrizzjoni orali tal-attivitajiet tal-akkordju u fuq il-provi bil-miktub pprovduti matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, u mhux iktar tard, sabiex tikkonkludi li Chisso kienet l-ewwel impriża sabiex tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju.

558    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li, matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, Chisso pprovdiet deskrizzjoni orali dettaljata tal-attivitajiet tal-akkordju. Jirriżulta mir-rendikont ta’ din il-laqgħa, redatt mill-Kummissjoni, li Chisso indikat liema kienu l-parteċipanti fl-akkordju, it-tul ta’ dan tal-aħħar, 19-il data ta’ laqgħat u l-lok ġeografiku tagħhom, l-għan u l-funzjonament tal-akkordju. Fuq dawn l-aħħar żewġ punti, Chisso ppreċiżat, b’mod partikolari, li l-impriżi kkonċernati kienu kkonkludew ftehim fuq il-prezzijiet u fuq il-volumi ta’ sorbati u li, matul it-tul tal-akkordju, huma kienu jafu li l-attivitajiet tagħhom kienu illegali. Chisso ppreċiżat ukoll il-metodu ta’ ffissar tal-kwoti u l-problemi li eventwalment iltaqgħu magħhom, l-iżvolġiment tal-laqgħat u tal-laqgħat preparatorji bejn il-produtturi Ġappuniżi, l-isem tal-impjegati ta’ Chisso li pparteċipaw fil-laqgħat kif ukoll dak ta’ ċertu impjegati ta’ impriżi oħra kkonċernati, il-kontenut tal-kuntatti bejn Hoechst u Daicel u s-sistema ta’ monitoraġġ tal-laqgħat u tal-metodu ta’ ffissar tal-prezzijiet immirati.

559    It-tielet, għandu jiġi enfasizzat li, barra minn deskrizzjoni orali ddettaljata tal-attivitajiet tal-akkordju, Chisso kienet ipprovdiet ukoll, matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, elementi dokumentati li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni (total ta’ 156 paġna). B’mod iktar partikolari, Chisso bagħtet noti ddettaljati (noti bil-miktub bil-Ġappuniż bit-traduzzjoni tagħhom bl-Ingliż) meħuda matul il-laqgħat tal-akkordju tal-Ħarifa u tar-Rebbiegħa tas-snin 1995 u 1996 (li kienu jirriflettu l-livell tal-prezzijiet immirati stabbiliti bejn il-membri tal-akkordju), l-aġendi ta’ dawn il-laqgħat, il-business cards tal-persuni li pparteċipaw għal laqgħat kif ukoll il-volumi tal-kwoti ta’ bejgħ miftiehma għas-snin 1992 sa l-1995.

560    Kuntrarjament għal dak li ssostni Hoechst, dawn id-dokumenti kienu ġew użati mill-Kummissjoni, billi diversi paġni huma msemmija fid-Deċiżjoni, fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-iżvolġiment u tar-riżultati konkreti tal-laqgħat komuni (ara, b’mod partikolari, in-noti tal-aħħar tal-paġna Nri 82, 140, 141, 144 u 150 tad-Deċiżjoni). Għaldaqstant, dawn id-dokumenti kienu rilevanti sabiex tiġi pprovata, fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, l-“eżistenza tal-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

561    Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li ssostni Hoechst, dawn id-dokumenti kienu suffiċjentement ċari, minkejja l-fatt li impjegat ta’ Chisso, li kien ipparteċipa għal-laqgħat komuni, għamel xi preċiżjonijiet matul il-laqgħa li saret fid-9 ta’ Diċembru 1998 mas-servizzi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mir-rendikont ta’ din il-laqgħa, redatt mill-Kummissjoni, il-preċiżjonijiet mogħtija fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti ma kinux jikkonċernaw il-komprensjoni ġenerali tagħhom, iżda ċerti dettalji relatati, b’mod partikolari, mal-użu ta’ abbrevjazzjonijiet.

562    Ir-raba’, għandu jiġi rrilevat li Hoechst iltaqgħet mas-servizzi tal-Kummissjoni fid-29 ta’ Ottubru 1998, jiġifieri qabel Chisso, sabiex tiddeskrivi oralment il-laqgħat inkwistjoni. B’mod partikolari, Hoechst semmiet il-parteċipanti għal-laqgħat, it-tul approsimattiv ta’ dawn il-laqgħat (tal-aħħar tas-snin 70/bidu tas-snin 80 sas-snin 1995/1996), il-frekwenza tal-laqgħat u l-iskop tagħhom.

563    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, matul din il-laqgħa, Hoechst ma pprovdiet ebda dokument bil-miktub li jsostni d-dikjarazzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rappreżentant ta’ Hoechst semma, skont ir-rendikont redatt mill-Kummissjoni u li mhuwiex ikkontestat minn Hoechst, “id-diffikultajiet kbar li Nutrinova kellha sabiex issib id-dettalji rilevanti kollha ta’ dawn il-laqgħat”.

564    Barra minn dan, fl-istess rendikont, huwa indikat li “[l-]iskop ta’ dawn il-laqgħat ma kienx it-tqassim tal-klijenti jew l-iffissar tal-prezzijiet, fis-sens strett tal-kelma” u li “[e]bda sistema ta’ monitoraġġ ma kienet teżisti” jew ukoll li l-avukat ta’ Hoechst “kien kategoriku dwar il-fatt li l-livell tal-ftehim matul dawn il-laqgħat kien moderat u atipiku ta’ akkordju li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet jew it-tqassim tal-klijenti”.

565    Bl-istess mod, fir-rendikont tal-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 redatt minn Hoechst, huwa ppreċiżat li “[i]d-diskussjonijiet bejn Hoechst/Nutrinova u l-Ġappuniżi ma kinux dwar it-tqassim tal-klijenti, l-akkordji fuq is-sejħiet għall-offerti jew l-iffissar ta’ prezzijiet fis-sens strett tal-kelma”.

566    F’ebda mument, matul din il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998, Hoechst ma ppreċiżat li l-laqgħat komuni kellhom bħala skop li jallokaw kwoti ta’ bejgħ b’volum, għall-Ewropa, lill-impriżi kkonċernati, u lanqas li sistema ta’ monitoraġġ tal-laqgħat kienet ġiet stabbilita, kif madankollu ġie konkluż fid-Deċiżjoni, fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma dawn l-elementi ma kienu ġew ikkontestati minn Hoechst. Fir-rigward tal-kwoti ta’ bejgħ, Hoelchst semmiet biss, fir-rendikont iċċitat iktar’il fuq, taħt l-intestatura “rata ta’ żjieda”, li “il-kompetituri kellhom diskussjonijiet dwar il-mod ta’ kif huma jaraw it-tkabbir tas-suq u li jkun kapaċi jipprovdi għaż-żieda tad-domanda”.

567    Fl-aħħar, Hoechst ippreċiżat, fir-rendikont tagħha mogħti fil-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998, li “[l-]laqgħat ma kinux organizzati b’mod sistematiku u [li] l-aġendi kienu simili ħafna”.

568    Jirriżulta minn dawn l-elementi kollha li, l-ewwel, Chisso pprovdiet, matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet u tal-funzjonament tal-akkordju. It-tieni, id-deskrizzjoni ta’ Chisso kienet sostnuta minn dokumenti li kienu rilevanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju. It-tielet, jirriżulta mil-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 li Hoechst, tabilħaqq, tat preżentazzjoni tal-laqgħat ikkonċernati, iżda li din il-preżentazzjoni, minn naħa, kienet inqas dettaljata minn dik ta’ Chisso, u min-naħa l-oħra, ma kinitx tirrifletti korrettament l-iskop u l-funzjonament tal-akkordju kkonċernat u, fl-aħħar, ma kinitx sostnuta minn ebda element doumentarju.

569    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li Chisso kienet l-ewwel impriża lil tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju.

570    Ebda mill-argumenti mqajma minn Hoechst ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

571    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni wegħdet lil Chisso, matul il-laqgħa tat-13 ta’ Novembru 1998, li twissiha jekk impriżi oħra jkunu ppreċedewha , u kif diġà ġie indikat fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv, din iċ-ċirkustanza ma tistax taffettwa l-konstatazzjoni tal-fatt li Chisso kienet l-ewwel impriża, matul din il-laqgħa, sabiex tipprovdi elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju.

572    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kienet rrifjutat f’daqqa waħda li tirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet orali ta’ Hoechst bħala atti ta’ kooperazzjoni, b’mod partikolari l-elementi mressqa minn Hoechst matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 5 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tinnota espressament li, fid-29 ta’ Ottubru 1998, matul laqgħa bejn l-avukati ta’ Hoechst u ta’ Nutrinova u s-servizzi tal-Kummissjoni, kienet saret deskrizzjoni orali tas-suq ikkonċernat, tal-produtturi, tal-ishma tas-suq, tal-proċeduri fl-Istati Uniti u tal-attivitajiet tal-akkordju. Imkien fid-Deċiżjoni, mhuwa ppreċiżat li l-kontribuzzjoni orali ta’ Hoechst matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, f’mument partikolari tal-proċeduri, li l-kooperazzjoni ta’ Hoechst ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996 ma jbiddilx il-konklużjoni li l-kontribuzzjoni orali ta’ Hoechst, matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1999, kienet finalment ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-Deċiżjoni.

573    F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li Hoechst tagħmel riferenza, fil-kitbiet tagħha, għal ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 1999 li fiha hija ppreċiżat dan li ġej:

“Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu biss jieħdu att tal-bdil ta’ pożizzjoni tiegħek u tal-fatt li Nutrinova m’għandhiex iktar l-intenzjoni tikkoopera skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni [...] L-informazzjoni fuq is-sorbati, kif imressqa minn Nutrinova sal-lum ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ġiet ipprovduta fil-kuntest ta’ din il-Komunikazzjoni.”

574    Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 mas-servizzi tal-Kummissjoni, Hoechst ittamat li tkun tista’ tipprovdi kontribuzzjoni bil-miktub sa l-aħħar tas-sena 1998. Madankollu, f’ittra tal-21 ta’ Diċembru 1998, li għaliha l-Kummissjoni tirrispondi ġustament fl-ittra tad-19 ta’ Jannar 1999, Hoechst kienet indikat, barra l-fatt li kooperazzjoni permezz ta’ xhieda orali ma setgħetx tiġi kkunsidrata, dan li ġej:

“Sfortunatament, ma nistax inżomm il-wegħda tiegħi li nipprovdilek rapport komplet tal-fatti qabel l-aħħar tas-sena [...] Peress li l-proċeduri Amerikani għadhom pendenti, il-konsulent tiegħi fl-Istati Uniti indikali li żvelar komplet lill-Kummissjoni, kif ikkunsidrat inizjalment matul il-laqgħat tagħna f’Ottubru, jikkomprometti serjament l-interessi ta’ Nutrinova (kif ukoll dawk ta’ xi wħud mill-membri tagħha) fl-Istati Uniti.”

575    Jirriżulta minn dan li Hoechst kienet indikat b’mod ċar l-impossibbiltà tagħha li tikkoopera iktar, f’dan l-istadju tal-proċeduri, mal-Kummissjoni, kemm jekk permezz ta’ kooperazzjoni bil-miktub jew permezz ta’ xhieda orali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li setgħet ikkunsidrat, f’dan l-istadju tal-proċeduri, li Hoechst ma kinitx qed tikkoopera pjenament u li, f’dawn il-kundizzjonijiet, l-atti ta’ kooperazzjoni preċedenti setgħu, jekk ikun il-każ, jiġu kkunsidrati bħala insuffiċjenti fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

576    Il-pożizzjoni ta’ Hoechst kienet ġiet irripetuta, sussegwentement, f’ittra tat-28 ta’ Jannar 1999 li fiha hija ppreċiżat:

“Nutrinova, minkejja li hija tixtieq dejjem tikkoopera interament u minnufih mal-Kummissjoni, ma tistax tagħmel dan mingħajr ma toħloq riskji serji u insupportabbli għaliha nfisha u għall-impjegati preżenti u/jew preċedenti tagħha fid-dawl tad-dritt Amerikan.”

577    Il-fatt li l-Kummissjoni, matul konversazzjoni telefonika tal-5 ta’ Marzu 1999 jew b’ittra tad-29 ta’ Marzu 1999, ippreċiżat li kontribuzzjoni orali ġdida ma tkunx suffiċjenti, kien ir-riżultat tal-inċertezza fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ Hoechst f’dan l-istadju tal-proċeduri u kien intiż sabiex jiġbed l-attenzjoni ta’ Hoechst fuq il-fatt li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, hija kellha tressaq iktar elementi probanti fir-rigward tal-eżistenza tal-akkordju.

578    Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra finalment il-kontribuzzjonijiet orali ta’ Hoechst bħala atti ta’ kooperazzjoni u li, f’kull każ, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva kienet ir-riżultat tal-inċertezza fir-rigward tal-kooperazzjoni effettiva ta’ Hoechst fil-bidu tal-proċeduri, peress li Hoechst ippreċiżat, wara kollox, u inizjalment, li x-xhieda tal-impjegati tagħha quddiem il-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkunsidrata.

579    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tmien motiv għandhom jiġu miċħuda.

580    F’dawn il-kundizzjonijiet, mhemmx lok li jiġi eżaminat id-disa’ motiv imqajjem minn Hoechst inkwantu, billi ma kinitx l-ewwel impriża li pprovdiet elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju, Hoechst ma setgħetx tispera li tikseb tnaqqis ta’ multa ikbar minn dak li ngħatalha taħt it-Titolu D tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, jiġifieri 50 % tal-ammont tal-multa li kienet tkun imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

581    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ċerti irregolaritajiet proċedurali jistgħu x’imdaqqiet jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa anki jekk huma ma jistgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 211 iktar’il fuq, punti 26 sa 48, u s-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 216 iktar’il fuq, punti 436 sa 438).

582    F’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, ikkonstatat fil-punt 137 iktar’il fuq, ksur li wkoll kien ġie invokat minn Hoechst fil-kuntest tat-tmien u tad-disa’ motivi. Għaldaqstant, fid-dawl tal-importanza tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-imsemmija prinċipji fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi, u fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li tnaqqas il-multa imposta fuq Hoechst b’10 %.

583    Il-konsegwenzi konkreti ta’ dan il-bdil ser jiġu ddeterminati ulterjorment.

H –  Fuq il-ħdax -il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem

1.     Sunt tad-Deċiżjoni

584    Fil-premessi 314 sa 316 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tippreċiża, sostanzjalment, li l-eżerċizzju mill-Istati Uniti (jew kull Stat terz) tal-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward ta’ akkordju ma jistax b’ebda mod jillimita jew jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni taħt id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni m’għandhiex l-intenzjoni, f’kull każ, tissanzjona lill-impriżi kkonċernati għall-istess fatti bħall-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi. Bl-istess mod, il-proċeduri mressqa u s-sanzjonijiet imposti mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani u Kanadiżi, min-naħa l-oħra, ma għandhomx, bla dubju ta’ xejn l-istess għanijiet.

2.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti ta’ Hoechst

585    Hoechst tikkunsidra li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ne bis in idem meta, fil-premessa 315 tad-Deċiżjoni, hija kkunsidrat li t-tnaqqis tas-sanzjoni Amerikana, imposta fl-istess każ, ma kienx neċessarju. Il-Kummissjoni kienet esprimiet l-opinjoni li, f’ebda każ, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jista’ jiġi applikat fil-kuntest tar-relazzjoni bejn id-dritt Komunitarju u d-dritt tal-Istati Uniti fuq l-akkordji. Issa, skont Hoechst, ebda sentenza sal-lum ma ppreċiżat li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma seta’ qatt jiġi applikat f’dan il-każ.

586    Iktar preċiżament, Hoechst tiddeduċi mill-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281), li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa applikabbli fil-kuntest tar-relazzjoni bejn id-dritt Komunitarju u d-dritt tal-Istati Uniti fuq l-akkordji. Barra minn dan, it-tieni sentenza tas-sommarju tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li “it-teħid inkunsiderazzjoni eventwali mill-Kummissjoni ta’ sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta’ Stat terz jippreżupponi li l-fatti kkunsidrati kontra l-impriża akkużata mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet tal-Istat terz inkwistjoni, min-naħa l-oħra, huma identiċi”.

587    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax li s-sanzjonijiet deċiżi kontra Hoechst fl-Istati Uniti jirrigwardaw sitwazzjoni ta’ fatt li hija identika għal dik li fuqha hija bbażata d-Deċiżjoni. F’dan ir-rigward, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma ssemmix l-elementi tal-laqgħat komuni u tal-ftehim li jirrelataw mas-swieq extra-Komunitarji. Madankollu, fil-premessi 4, 65 sa 72, 81, 90, 92, 100, 107, 120, 121, 138, 217, 232, 246, 349, 352, 397 u 450 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tagħti indikazzjonijiet ċari li jistabbilixxu n-natura unika tal-ksur.

588    Jekk il-Kummissjoni kellha tikkontesta l-“preżenza ta’ idem” f’din il-kawża, Hoechst toffri, bħala prova, il-ftehim konkluż fit-3 ta’ Mejju 1999 mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikana u titlob li jkunu ċċitati bħala xhieda l-prokuratur responsabbli mill-kawża fl-Istati Uniti u persuna oħra li tista’ tkun iċċitata minn Hoechst.

589    F’kull każ, Hoechst tikkunsidra li tnaqqis tas-sanzjoni Amerikana huwa meħtieġ għal motivi ta’ ekwità, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “ġustizzja naturali” applikabbli mid-deċiżjoni Walt Wilhelm (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1969, Walt Wilhelm et, 14/68, Ġabra p. 1).

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

590    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li Hoechst ma tidhirx iktar li trid tqajjem il-kwistjoni tas-sanzjoni imposta mill-Kanada, iżda biss dik imposta mill-Istati Uniti.

591    Sussegwentement, filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għas-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq (punt 338), il-Kummissjoni tindika li l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni tripla ta’ identiċità tal-fatti, ta’ identiċità ta’ min iwettaq il-ksur u ta’ identiċità tal-interess ġuridiku protett. Dan il-prinċipju jipprojbixxi għaldaqstant li tiġi ssanzjonata l-istess persuna iktar minn darba għall-istess komportament illegali sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku

592    F’dan il-każ, la l-fatti u lanqas l-interess ġuridiku protett mhuma identiċi.

593    Fir-rigward tal-fatti, l-inċiż (d) tal-punt 4 tal-Ftehim konkluż fit-3 ta’ Mejju 1999 mal-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikana jikkonstata espliċitament li s-sorbati kkonċernati minn dan l-akkordju kienu mibjugħa minn Hoechst jew mis-sussidjarji tagħha u minn membri oħra tal-akkordju lil klijenti fid-distrett tat-tramuntana tal-Kalifornja. Minn dan jirriżulta li l-att issanzjonat permezz tal-ftehim ġudizzjarju (Plea Agreement) mhuwiex il-ftehim kollużiv fih innifsu, iżda l-implementazzjoni tiegħu fl-Istati Uniti. Il-Kummissjoni tfakkar f’dan ir-rigward li l-prinċipju ta’ territorjalità japplika kemm fid-dritt Amerikan u kemm fid-dritt Ewropew dwar l-akkordji. Mill-ftehim ġudizzjarju konkluż bejn Hoechst u l-Istati Uniti ma jirriżultax li dan ikopri wkoll il-miżuri ta’ applikazzjoni u l-effetti tal-ftehim kollużiv barra mill-pajjiż u b’mod partikolari fiż-ŻEE. Il-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 315 tad-Deċiżjoni hija għalhekk korretta. Is-sentenza Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, punt 586 iktar’il fuq, ċaħdet ukoll kull ksur tal-prinċipju ne bis in idem minħabba nuqqas ta’ identiċità tal-fatti f’każ bħal dan.

594    Fir-rigward tal-interess ġuridiku protett, u b’referenza għall-premessa 316 tad-Deċiżjoni kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597 (punt 90), il-Kummissjoni tenfasizza li l-proċeduri u s-sanzjonijiet tal-awtoritajiet Komunitarji, minn naħa, u tal-awtoritajiet Amerikani, min-naħa l-oħra, m’għandhomx l-istess għan. Filwaqt li fl-ewwel każ l-għan huwa li tinżamm kompetizzjoni mhux distorta fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew fiż-ŻEE, fit-tieni każ, il-protezzjoni mfittxija tirrigwarda s-suq Amerikan.

595    Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li, fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar’il fuq (punti 130 sa 148), il-Qorti tal-Prim’Istanza espliċitament iddikjarat li kien possibbli għall-Kummissjoni li timponi multa fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, mingħajr ma jkollha tqis is-sanzjonijiet Amerikani korrispondenti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dawn il-limiti. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma applikabbli f’dan il-każ.

596    Il-Kummissjoni żżid, sabiex tkun eżawrjenti, li ebda kunsiderazzjoni ta’ ekwità mhija favur tnaqqis tas-sanzjoni Amerikana. Sitwazzjoni bħal dik li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Walt Wilhelm et, punt 589 iktar’il fuq (punt 11), sabiex tikkunsidra, fid-dritt Komunitarju, l-ewwel sanzjonijiet imposti billi ispirat ruħha mill-Artikolu 90(2) FA, fid-dawl tal-interdipendenza mill-qrib tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri u tas-suq komuni, ma teżistix fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti (il-Kummissjoni tirreferi, f’dan il-kuntest, għas-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 594, punt 99).

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

597    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li dan il-motiv ġie mqajjem biss fir-rigward tal-fatt li l-multa imposta fl-Istati Uniti ma kinitx ġiet imnaqqsa minn dik imposta fil-livell Komunitarju. Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li dan il-motiv ma jirrigwardax il-multa imposta fil-Kanada.

598    Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, ukoll imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li l-qorti tiżgura l-osservanza tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 26).

599    Barra minn dan, mhux talli l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni sanzjoni imposta mill-awtoritajiet ta’ Stat terz f’każ li l-fatti allegati kontra impriża minn din l-istituzzjoni u mill-imsemmija awtoritajiet ikunu identiċi, iżda talli l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet l-identiċità tal-fatti allegati mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta’ Stat terz kundizzjoni meħtieġa minn qabel għall-istħarriġ imsemmi iktar’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punti 48 u 49, u SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 598 iktar’il fuq, punt 27).

600    Iktar preċiżament, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kienet suġġetta għal kundizzjoni tripla ta’ identiċità tal-fatti, unità ta’ min jikser il-liġi u unità tal-interess ġuridiku protett. Dan il-prinċipju jipprojbixxi għaldaqstant li l-istess persuna tiġi ssanzjonata għal iktar minn darba għall-istess komportament illegali sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar’il fuq, punt 338).

601    F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma japplikax għal sitwazzjonijiet li fihom is-sistemi ġuridiċi u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati terzi intervenew fil-kuntest tal-kompetenzi speċifiċi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 598 iktar’il fuq, punt 32).

602    F’dan il-każ, anki jekk f’ċerti premessi tad-Deċiżjoni, imressqa minn Hoechst, il-Kummissjoni tindika li l-fatti kkonċernati għandhom l-oriġini tagħhom fl-istess grupp ta’ ftehim u li s-suq tas-sorbati seta’ jiġi evalwat fuq livell mondjali, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-akkordji tippreżupponi l-eżistenza ta’ ftehim, deċiżjoni jew prattika miftiehma “li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri” jew “bejn il-partijiet kontraenti” tal-Ftehim ŻEE kif ukoll “li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni” jew it-“territorju” kopert mill-Ftehim ŻEE (Artikolu 81(1) KE u Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE). L-azzjoni tal-Kummissjoni hija għaldaqstant intiża sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni libera fi ħdan is-suq komuni li tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, għan fundamentali tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 598 iktar’il fuq, punt 31). Il-Kummissjoni tikkonkludi, f’dan ir-rigward, li l-komportament antikompetittiv inkwistjoni kellu bħala għan u bħala effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fil-Komunità u fiż-ŻEE (premessi 280 sa 288 tad-Deċiżjoni) u li, barra minn dan, il-ftehim kontinwu bejn il-produtturi tas-sorbati kellu effett kunsiderevoli fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u bejn il-partijiet kontraenti fil-Ftehim ŻEE (premessi 289 sa 294 tad-Deċiżjoni). Fuq din il-bażi, fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impriżi kkonċernati kisru l-Artikolu 81(1) KE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

603    Min-naħa l-oħra, għalkemm jirriżulta mill-Ftehim konkluż fit-3 ta’ Mejju 1999 bejn Hoechst u l-Ministeru tal-Ġustizzja Amerikana li l-fatti allegati kienu jirrigwardaw akkordju fuq is-sorbati mibjugħa “fl-Istati Uniti u band’oħra”, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li l-ftehim iċċitat iktar’il fuq jippreċiża wkoll li s-sorbati inkwistjoni kienu mibjugħa minn Hoechst jew mis-sussidjarji tagħha lil konsumaturi li jinsabu fid-distrett tat-tramuntana tal-Kalifornja u t-tieni, li b’ebda mod mhuwa stabbilit li l-proċeduri mibdija fl-Istati Uniti kienu rrigwardaw l-applikazzjoni jew l-effetti tal-akkordju għajr fl-Istati Uniti u b’mod partikolari fiż-ŻEE, li, barra minn hekk, ikun bla dubju ta’ xejn daħal fuq il-ġurisdizzjoni territorjali tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 594 iktar’il fuq, punt 103, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 165 iktar’il fuq, punt 143).

604    Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet Amerikani u Komunitarji tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jiddistingwu ruħhom, f’dan il-każ, fir-rigward tal-interess ġuridiku protett.

605    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jistax jiġi applikat. Għall-istess raġunijiet, kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ ekwità, li jiġġustifikaw skont Hoechst li tiġi kkunsidrata l-multa imposta fl-Istati Uniti fil-kuntest tal-multa imposta mill-Kummissjoni, għandhom jiġu miċħuda. Barra minn dan, billi l-Qorti tal-Prim’ Istanza tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti tal-fajl, mhemmx lok li tiġi milqugħa t-talba ta’ Hoechst intiża għaċ-ċitazzjoni ta’ xhieda.

606    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-ħdax-il motiv għandu jiġi miċħud.

IV –  Fuq l-ammont finali tal-multa imposta fuq Hoechst

607    Kif jirriżulta mill-punti 420 sa 439 iktar’il fuq, jeħtieġ li d-Deċiżjoni tiġi mibdula, inkwantu din tqis iċ-ċirkustanza aggravanti ta’ mexxej kontra Hoechst.

608    Barra minn dan, kif jirriżulta mill-punt 582 iktar’il fuq, u sabiex jiġi kkunsidrat l-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, irrilevat fil-punt 137 iktar’il fuq, hemm lok li tiġi mnaqqsa l-multa imposta fuq Hoechst b’10 %.

609    Għall-kumplament, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni, kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni, jibqgħu kif inhuma.

610    L-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa għalhekk ikkalkolat kif ġej: l-ammont ta’ tluq tal-multa (EUR 20 miljun) huwa miżjud b’100 % fid-dawl tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ Hoechst fl-1995 u fl-2002, jiġifieri total ta’ EUR 40 miljun. Sabiex jiġi kkunsidrat it-tul tal-ksur, dan l-ammont huwa miżjud b’175 %. L-ammont bażiku tal-multa huwa għalhekk ta’ EUR 110 miljun. Dan l-ammont bażiku tal-multa huwa miżjud b’50 % minħabba l-kwalità ta’ reċidivista ta’ Hoechst, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 165 miljun. Dan l-ammont totali huwa fl-aħħar imnaqqas b’50 % skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, jiġifieri EUR 82.5 miljun, imbagħad b’10 % biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-1996, irrilevat fil-punt 137 iktar’il fuq, li jwassal għal ammont finali ta’ multa ta’ EUR 74.25 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

611    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’ Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq Hoechst GmbH huwa stabbilit għal EUR 74.25 miljun.

2)      Għall-kumplament ir-rikors huwa miċħud.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Vilaras

Dehousse

Šváby

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-18 ta’ Ġunju 2008.

E. Coulon

 

       M. Vilaras

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I – Fuq il-motivi intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni fl-intier tagħha sa fejn din tirrigwarda lil Hoechst

A – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jiskaġunaw

1. Sunt tal-proċedura amministrattiva u tad-Deċiżjoni

2. L-argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti dwar il-kuntatti bejn il-Kummissjoni u Chisso

Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002 bl-annessi tagħha

Fuq it-talba li jitwettqu investigazzjonijiet ġodda

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

Fuq ir-rifjut ta’ aċċess għal ċerti dokumenti

Fuq it-talba li jitwettqu investigazzjonijiet ġodda

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a) Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trattament ugwali

b) Fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

Fuq l-ittra ta’ Chisso tas-17 ta’ Diċembru 2002 bl-annessi tagħha

Fuq id-dokumenti interni dwar il-kuntatti telefoniċi li saru bejn il-Kummissjoni u Chisso, minn Settembru 1998 sa April 1999

B – Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura inkompleta tar-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta

1. L-argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

II – Fuq it-tlettax il-motiv, intiż għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni sa fejn dan jirrigwarda lil Hoechst

A – L-argumenti tal-partijiet

1. L-argumenti ta’ Hoechst

2. L-argumenti tal-Kummissjoni

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

III – Fuq il-motivi intiżi għat-tnaqqis tal-multa ta’ Hoechst

A – Fuq it-tnax-il motiv, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura

1. Sunt tal-proċedura amministrattiva

2. Argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

B – Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ħabi żbaljat ta’ ċerti motivi tad-Deċiżjoni

1. Sunt tad-Deċiżjoni

2. L-argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

C – Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ dritt fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

1. Sunt tad-Deċiżjoni

2. L-argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

Fuq in-natura tal-ksur

– Fuq l-effetti tal-ksur

– Fuq il-parteċipazzjoni ta’ diretturi ta’ livell għoli fil-ftehim antikompetittivi

– Fuq il-qsim tal-impriżi f’kategoriji

– Fuq il-fattur ta’ żieda għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ Hoechst

Fuq it-tul tal-ksur

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

Fuq l-effetti tal-ksur

Fuq il-parteċipazzjoni tad-diretturi ta’ livell għoli fil-ftehim antikompetittivi

Fuq it-tqassim tal-impriżi f’kategoriji

Fuq il-fattur ta’ żieda sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali ta’ Hoechst

Fuq it-tul tal-ksur

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

a) Fuq il-gravità tal-ksur

Fuq l-effett tal-akkordju fuq is-suq tas-sorbati taż-ŻEE

Fuq il-parteċipazzjoni ta’ diretturi ta’ livell għoli ta’ Hoechst fl-akkordju

Fuq it-tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji

Fuq il-fattur ta’ żieda sabiex jiġu kkunsidrati d-daqs u r-riżorsi globali ta’ Hoechst

b) Fuq it-tul tal-ksur

D – Fuq it-tieni u s-sitt motivi, dwar l-ilment ibbażat fuq ir-rwol ta’ mexxej meqjus bħala ċirkustanza aggravanti fid-Deċiżjoni

1. Sunt tad-Deċiżjoni

2. L-argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

E – Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-natura inġustifikata taż-żieda tal-multa għal reċidiva

1. Sunt tad-Deċiżjoni

2. L-argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

F – Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni analoġika tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 skont “prinċipju tad-dispożizzjoni l-iktar favorevoli”

1. Sunt tad-Deċiżjoni

2. L-argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

G – Fuq it-tmien u d-disa’ motivi, dwar l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

1. Sunt tad-Deċiżjoni

2. L-argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

H – Fuq il-ħdax -il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem

1. Sunt tad-Deċiżjoni

2. L-argumenti tal-partijiet

a) L-argumenti ta’ Hoechst

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

IV – Fuq l-ammont finali tal-multa imposta fuq Hoechst

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż.