Language of document : ECLI:EU:T:2019:69

Kawża T287/17

Swemac Innovation AB

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tas-7 ta’ Frar 2019

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea SWEMAC – Isem tal-kumpannija jew isem kummerċjali nazzjonali preċedenti SWEMAC Medical Appliances AB – Raġuni relattiva għal rifjut – Dekadenza minħabba tolleranza– Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 60(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001) – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

1.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Eżami mill-ġdid tal-fatti fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

(ara l-punt 18)

2.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni – Legalità tad-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell – Teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tal-leġiżlazzjoni, tal-ġurisprudenza jew tal-kummentarji nazzjonali – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65)

(ara l-punt 20)

3.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ dritt preċedenti inkluż fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament 207/2009 – Kundizzjonijiet – Interpretazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni – Evalwazzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali li jirregola s-sinjal invokat

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(4) u Artikolu 53(1)(c))

(ara l-punti 35 sa 37)

4.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-eżistenza ta’ dritt nazzjonali preċedenti – Oneru tal-prova

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(4), 53(1)(c) u 56; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, Artikolu 1, Regola 37(b)(ii))

(ara l-punti 38 sa 40)

5.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Użu tat-trade mark li jista’ jiġi pprojbit skont dritt preċedenti ieħor – Stħarriġ eżerċitat mill-istanzi kompetenti tal-Uffiċċju u mill-Qorti Ġenerali dwar id-dritt nazzjonali applikabbli – Stabbiliment tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(4), 53(1)(c))

(ara l-punti 41 sa 43)

6.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ dritt nazzjonali preċedenti inkluż fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament 207/2009 – Kunflitt bejn id-dritt preċedenti, isem kummerċjali rreġistrat u isem kummerċjali ieħor, jew trade mark mhux irreġistrata fil-livell nazzjonali – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(4) u Artikolu 53(1)(c))

(ara l-punti 52 sa 58)

7.      Dritt nazzjonali – Riferiment għal-liġijiet nazzjonali – Dritt Svediż – Dritt tat-trade marks

(ara l-punt 60)

8.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ dritt nazzjonali preċedenti inkluż fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament 207/2009 – Trade mark verbali SWEMAC u isem kummerċjali SWEMAC Medical Appliances AB

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(4) u Artikolu 53(1)(c))

(ara l-punti 61 sa 66)

9.      Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet relattivi ta’ invalidità – Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti – Koeżistenza ta’ trade marks preċedenti fis-suq – Effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(1)(b) u 53(1)(a))

(ara l-punt 74)

10.    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Dekadenza minħabba tolleranza – Terminu ta’ dekadenza – Bidu tad-dekorrenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 54(2))

(ara l-punti 83 sa 85)

11.    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Ċessjoni, revoka u invalidità – Dekadenza minħabba tolleranza – Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 54(2))

(ara l-punti 90, 91)

Sunt

Fil-kawża li waslet għas-sentenza tas-7 ta’ Frar 2019, Swemac Innovation vs EUIPO-SWEMAC (T‑287/17), il-Qorti Ġenerali ġiet adita mill-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea SWEMAC b’talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tiddikjara l-invalidità tal-imsemmija trade mark minħabba l-eżistenza ta’ sinjal preċedenti, jiġifieri l-isem kummerċjali Svediż preċedenti Swemac Medical Appliances AB.

Il-kawża tqajjem b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-fatt li hija tista’ tinvoka dritt eqdem mis-sinjal preċedenti jimplikax li l-persuna li tapplika għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, proprjetarja tas-sinjal preċedenti, ma tistax tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti, b’tali mod li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) ma tkunx issodisfatta.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, skont il-ġurisprudenza, meta l-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata jkollu dritt preċedenti li jista’ jinvalida t-trade mark preċedenti li fuqu tkun ibbażata applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, huwa għandu, skont il-każ, jindirizza lill-awtorità jew lill-qorti nazzjonali kompetenti sabiex jikseb, jekk ikun jixtieq, l-invalidità ta’ din it-trade mark.

Barra minn hekk, hija tfakkar il-ġurisprudenza, stabbilita fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, li l-fatt li l-proprjetarju ta’ trade mark ikkontestata huwa l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali saħansitra eqdem mit-trade mark preċedenti ma għandu fih innifsu l-ebda effett sa fejn il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil-livell tal-Unjoni ma għandhomx l-għan li jsolvu kunflitti f’livell nazzjonali

Fil-fatt, il-validità ta’ trade mark nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, iżda biss fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija fl-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, għalkemm huwa l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) li għandu jivverifika, abbażi ta’ provi, li għandhom jiġu prodotti mill-parti li qiegħda topponi, l-eżistenza tat-trade mark nazzjonali invokata insostenn tal-oppożizzjoni, huwa ma għandux jirriżolvi kunflitt bejn din it-trade mark u trade mark oħra fil-livell nazzjonali, liema kunflitt jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali.

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, sakemm it-trade mark nazzjonali preċedenti hija effettivament protetta, l-eżistenza ta’ reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti jew ta’ dritt ieħor preċedenti għal din tal-aħħar ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-oppożizzjoni ppreżentata kontra applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, anki jekk it-trade mark tal-Unjoni Ewropea mitluba hija identika għal trade mark nazzjonali preċedenti tar-rikorrenti jew għal dritt ieħor li huwa preċedenti għat-trade mark nazzjonali li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li hija diġà ddeċidiet li, anki jekk id-drittijiet fuq l-ismijiet tad-domain preċedenti jistgħu jkunu assimilati għal reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti, fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi fuq kunflitt bejn trade mark nazzjonali preċedenti u drittijiet fuq l-ismijiet tad-domain preċedenti, peress li tali kunflitt ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali.

Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li din il-ġurisprudenza tiġi applikata b’analoġija għal dan il-każ. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, minkejja l-obbligi li huwa suġġett għalihom l-EUIPO u r-rwol tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li ma huma la l-EUIPO u lanqas il-Qorti Ġenerali li għandhom jiddeċiedu dwar kunflitt bejn is-sinjal preċedenti u isem tal-kumpannija ieħor jew trade mark mhux irreġistrata fil-livell nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra trade mark tal-Unjoni Ewropea.

Skont il-Qorti Ġenerali, minn dan isegwi li l-kwistjoni tad-dritt preċedenti għandha tiġi eżaminata fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, u mhux fir-rigward tad-drittijiet preċedenti allegati li l-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, jista’ jkollu fil-konfront tal-persuna li titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità, proprjetarja tas-sinjal preċedenti. Għaldaqstant, l-uniku dritt preċedenti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima għandu jkun is-sinjal preċedenti.


1      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).