Language of document : ECLI:EU:C:2019:204

Kawża C-724/17

Vantaan kaupunki

vs

Skanska Industrial Solutions Oy et

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Marzu 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju pprojbit minn dan l-artikolu – Determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli għall-ħlas tal-kumpens – Suċċessjoni ta’ entitajiet ġuridiċi – Kunċett ta’ impriża – Kriterju tal-kontinwità ekonomika”

1.        Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Modalitajiet ta’ eżerċizzju

(Artikolu 101(1) TFUE)

(ara l-punti 24 sa 27, 43, 44)

2.        Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Determinazzjoni tal-entità responsabbli għall-kumpens tad-dannu subit – Applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Impriża – Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/104, dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali – Impriżi responsabbli in solidum – Assenza ta’ effett

(Artikolu 101 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104/UE, Artikolu 11(1))

(ara l-punti 28 sa 35)

3.        Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Determinazzjoni tal-entità responsabbli għall-kumpens tad-dannu subit – Impriża – Kunċett – Unità ekonomika – Entità kkostitwita minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Ristrutturazzjoni ta’ Impriża – Persuna ġuridika responsabbli għat-tmexxija tal-impriża matul il-ksur – Tmiem tal-eżistenza minħabba assorbiment minn impriża oħra  – Imputazzjoni tar-responsabbiltà lix-xerrej  – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punti 36 sa 40)

4.        Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Determinazzjoni tal-entità responsabbli għall-kumpens tad-dannu subit – Impriża – Eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika – Ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tal-impożizzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ multi – Applikabbiltà għal kawża għad-danni

(Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punti 41 sa 47)

5.        Akkordji – Projbizzjoni – Effett dirett – Dritt tal-individwi li jitolbu kumpens għad-dannu subit – Determinazzjoni tal-entità responsabbli għall-kumpens tad-dannu subit – Impriża – Identiċità ekonomika bejn il-kumpannija li ħadet sehem fil-ksur u l-kumpannija li akkwistatha

(Artikolu 101 TFUE)

(ara l-punti 48 sa 51 u d-dispożittiv)

6.        Domandi preliminari – Interpretazzjoni – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta' interpretazzjoni – Effett retroattiv – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Kundizzjonijiet – Sinjifikat għall-Istat Membru kkonċernat tal-konsegwenzi finanzjarji tas-sentenza – Riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti f’bona fide – Tħeġġiġ tal-individwi u tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni – Aġiri adottati minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni li eventwalment ikkontribwixxew għall-inċertezza – Kundizzjonijiet mhux issodisfatti

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 54 sa 58)

Sunt

Fis-sentenza Skanska Industrial Solutions et (C-724/17), mogħtija fl-14 ta’ Marzu 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jittrattaw l-akkordji u ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn l-azzjonijiet kollha tal-kumpanniji li pparteċipaw f’akkordju nxtraw minn kumpanniji oħra, li xoljew dawn l-ewwel kumpanniji u komplew l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, il-kumpanniji xerrejja jistgħu jinżammu responsabbli għad-danni kkawżati minn dan l-akkordju.

F’dan il-każ, fil-Finlandja kien ġie implimentat akkordju bejn l-1994 u l-2002. Dan kien jirrigwarda t-tqassim tas-swieq, it-tariffi u l-ippreżentar ta’ offerti għal kuntratti, kien ikopri t-totalità ta’ dan l-Istat Membru u seta’ jaffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Bejn l-2000 u l-2003, il-kumpanniji konvenuti xtraw l-azzjonijiet kollha ta’ diversi parteċipanti fl-akkordju, li huma sussegwentement xoljew wara proċeduri ta’ stralċ volontarju. Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Settembru 2009, il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Finlandja kkundannat lill-parteċipanti fl-akkordju għall-ksur tal-liġi Finlandiża dwar ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-akkordji. Abbażi ta’ din is-sentenza, il-belt ta’ Vantaa ressqet rikors għad-danni biex tikseb, mingħand il-kumpanniji xerrejja, kumpens għad-dannu kkawżat mill-akkordju. Dan ir-rikors ġie miċħud peress li r-regoli ta’ responsabbiltà ċivili stabbiliti fid-dritt Finlandiż jipprevedu li hija biss l-entità ġuridika li kkawżat id-dannu li hija responsabbli.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment saqsiet jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-akkordji għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kumpanniji xerrejja jistgħux jinżammu responsabbli għad-danni kkawżati minn dan l-akkordju.

Il-qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-entità li għandha tikkumpensa d-dannu kkawżat minn akkordju hija direttament irregolata mid-dritt tal-Unjoni. Peress li r-responsabbiltà għal dannu li jirriżulta minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ta’ natura ratione personae, hija l-impriża li tikser dawn ir-regoli li għandha tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-ksur. L-entitajiet li għandhom jikkumpensaw id-dannu kkawżat minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE huma l-impriżi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li pparteċipaw f’dan l-akkordju jew f’din il-prattika.

Issa, il-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament u jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

Għalhekk, meta entità li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil legali jew organizzattiv, dan it-tibdil ma għandux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà tal-aġir li jmur kontra dawn ir-regoli tal-entità preċedenti jekk, mil-lat ekonomiku, hemm identiċità bejnha u bejn l-entità l-ġdida. Fil-fatt, jekk impriżi, responsabbli għad-danni kkawżati minn tali ksur, ikunu jistgħu jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom permezz tas-sempliċi fatt li l-identità tagħhom ġiet modifikata wara ristrutturazzjonijiet, ċessjonijiet jew bidliet legali jew organizzattivi oħra, l-għan imfittex minn din is-sistema kif ukoll l-effett utli tal-imsemmija regoli jkunu kompromessi.

F’dan il-każ, jidher li hemm kontinwità ekonomika bejn il-kumpanniji xerrejja, minn naħa, u l-kumpanniji li pparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni, min-naħa l-oħara. Għalhekk il-kumpanniji xerrejja ħadu r-responsabbiltà ta’ dawn il-kumpanniji tal-aħħar għad-danni kkawżati minn dan l-akkordju.