Language of document : ECLI:EU:C:2019:671

Kawża C417/18

AW et  

vs

Lietuvos valstybė, irrappreżentat mil-Lietuvos Respublikos ryšių reguliavimo tarnyba, mill-Bendrasis pagalbos centras u mil-Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerija

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal5 ta’ Settembru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/22/KE – Servizz universali u drittijiet tal-utenti fir-rigward tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Artikolu 26(5) – Numru uniku Ewropew għal sejħa ta’ emerġenza – Tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni dwar il-post fejn jinsab min iċempel”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Servizz universali u drittijiet tal-utenti – Direttiva 2002/22 – Obbligu tal-impriżi kkonċernati li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità li tittratta t-telefonati ta’ emerġenza lill-112 mingħajr ħlas, l-informazzjoni dwar il-post fejn jinsab min iċempel – Portata – Telefonata minn telefon ċellulari mingħajr kard SIM – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22, Artikolu 26(5))

(ara l-punti 22 sa 24, u d-dispożittiv 1)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Servizz universali u drittijiet tal-utenti – Direttiva 2002/22 – Stabbiliment tal-kriterji dwar il-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post fejn jinsab min iċempel in-numru uniku Ewropew għal sejħa ta’ emerġenza 112 – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri – Limiti – Obbligu li jiġi żgurat l-istabbiliment tal-post fejn jinsab min iċempel b’mod suffiċjentement affidabbli u preċiż sabiex tippermetti lis-servizzi ta’ emerġenza jintervjenu – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22, Artikolu 26(5))

(ara l-punti 29 sa 34, u d-dispożittiv 2)

3.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet mogħtija lill-individwi – Ksur minn Stat Membru – Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi – Kundizzjonijiet – Dritt nazzjonali li jikkunsidra bħala insuffiċjenti l-eżistenza ta’ rabta kawżali indiretta bejn ksur tad-dritt nazzjonali u d-dannu mġarrab għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat – Suffiċjenza ta’ tali rabta kawżali indiretta bejn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lill-Istat Membru u d-dannu mġarrab mill-individwi għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-imsemmi Stat Membru

(ara l-punti 38 sa 41 u d-dispożittiv 3)

(ara l-punti 38 sa 41, u d-dispożittiv 3)

Sunt

L-impriżi ta’ telekomunikazzjoni għandhom jittrażmettu bla ħlas lill-awtorità li tittratta s-sejħiet ta’ emerġenza lill-112 l-informazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-pożizzjoni ta’ min iċempel

Fis-sentenza AW et (Telefonati lill-112) (C‑417/18), mogħtija fil-5 ta’ Settembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità li tittratta s-sejħiet ta’ emerġenza lill-112 mingħajr ħlas, l-informazzjoni dwar il-post fejn jinsab min iċempel, fil-limiti tal-possibbiltajiet tekniċi, anki jekk is-sejħa tkun saret minn telefon ċellulari li ma fihx kard SIM. Barra minn hekk, din l-informazzjoni għandha tkun affidabbli u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lis-servizzi ta’ emerġenza jintervjenu. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat il-kundizzjonijiet li jippermettu l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Żagħżugħa ta’ 17-il sena kienet inħatfet f’subborg ta’ Panevėžys (il-Litwanja), ġiet stuprata u nħarqet ħajja fil-kompartiment tal-bagalji ta’ karozza. Peress li kienet magħluqa ġewwa dan il-kompartiment tal-bagalji, hija kienet sejħet, bl-użu ta’ telefon ċellulari, iċ-ċentru Litwan li jirċievi telefonati ta’ emerġenza, bin-numru uniku Ewropew għal sejħa ta’ emerġenza “112” madwar tnax-il darba, sabiex titlob l-għajnuna. Madankollu, l-apparat taċ-ċentru li jirċievi telefonati ta’ emerġenza ma kienx juri n-numru tat-telefon ċellulari użat, li pprekluda lill-impjegati ta’ dan iċ-ċentru milli jistabbilixxu l-pożizzjoni tagħha. Ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk it-telefon ċellulari użat mill-vittma kienx fih kard SIM u lanqas għalfejn in-numru tagħha ma kienx viżibbli fiċ-ċentru li jirċievi telefonati ta’ emerġenza.

Qraba tal-vittma ppreżentaw rikors intiż għall-kundanna tal-Istat Litwan għall-kumpens għad-dannu morali mġarrab minnhom. Huma jikkritikaw lir-Repubblika tal-Litwanja li ma żguratx b’mod korrett l-implimentazzjoni prattika tal-Artikolu 26(5) tad-Direttiva 2002/22 (1) li tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-impriżi kkonċernati jittrażmettu bla ħlas lill-awtorità li tittratta s-sejħiet ta’ emerġenza l-informazzjoni dwar il-post fejn jinsab min iċempel hekk kif is-sejħa tasal għand l-imsemmija awtorità.

Il-Qorti Amministrattiva ta’ Vilnjus, il-Litwanja, li hija adita bil-kawża, għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-obbligu ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni tal-post fejn jinsab min iċempel il-112.

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-obbligu previst fl-Artikolu 26(5) tad-Direttiva 2002/22 japplika għall-Istati Membri, fil-limiti tal-possibbiltajiet tekniċi, anki jekk is-sejħa tkun saret minn telefon ċellulari li ma fihx kard SIM.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 26(5) tad-Direttiva 2002/22 tagħti lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-kriterji relatati mal-preċiżjoni u mal-affidabbiltà tal-informazzjoni tal-post fejn jinsab min iċempel il-112. Madankollu, il-kriterji li huma jiddefinixxu għandhom jiżguraw, fil-limiti tal-possibbiltajiet tekniċi, l-istabbiliment tal-pożizzjoni ta’ min iċempel b’mod affidabbli u preċiż daqs kemm ikun neċessarju sabiex is-servizzi ta’ emerġenza jkunu jistgħu jagħtuh l-għajnuna b’mod utli. Peress li tali evalwazzjoni hija ta’ natura teknika ħafna u hija marbuta mill-qrib mal-ispeċifiċitajiet tan-netwerk ta’ telekomunikazzjoni mobbli Litwan, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmilha.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba dannu kkawżat minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, ċertament, fost dawn il-kundizzjonijiet tinsab dik tal-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn il-ksur ta’ dan id-dritt u d-dannu mġarrab minn dawn l-individwi. Madankollu, huwa fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà li l-Istat għandu jikkumpensa l-konsegwenzi tad-dannu kkawżat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw talbiet simili ta’ natura interna. Konsegwentement, meta, konformement mad-dritt intern ta’ Stat Membru, l-eżistenza ta’ rabta kawżali indiretta bejn l-illegalità mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u d-dannu mġarrab minn individwu tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Istat, tali rabta kawżali indiretta bejn ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil dan l-Istat Membru u d-dannu mġarrab minn individwu, għandha wkoll titqies bħala suffiċjenti, għall-finijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-imsemmi Stat Membru għal dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni.


1      Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU 2002, L 105, p. 5), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 10).