Language of document : ECLI:EU:C:2019:898

Kawża C-212/18

Prato Nevoso Termo Energy Srl

vs

Provincia di Cuneo
u
ARPA Piemonte

(talba għal deċiżjoni preliminari,
ippreżentata mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Piemonte)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2008/98/KE – Skart – Żjut veġetali użati li jkunu għaddew minn trattament kimiku – Artikolu 6(1) u (4) – Tmiem tal-istatus ta’ skart – Direttiva 2009/28/KE – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli – Artikolu 13 – Proċeduri nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ għoti ta’ liċenzji li japplikaw għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku, ta’ tisħin jew ta’ tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Użu ta’ bijolikwidi bħala sors ta’ sostenn għal impjant għall-produzzjoni ta’ enerġija elettrika”

1.        Ambjent – Skart – Direttiva 2008/98 – Tmiem tal-istatus ta’ skart – Kriterji speċifiċi – Assenza ta’ definizzjoni fil-livell tal-Unjoni – Determinazzjoni b’att nazzjonali – Ammissibbiltà – Possibbiltà għal detentur ta’ skart li jeżiġi l-konstatazzjoni tat-tmiem tal-istatus ta’ skart mill-awtorità jew il-qorti kompetenti – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/98, Artikolu 6)

(ara l-punti 32 sa 38)

2.        Ambjent – Promozzjoni tal-użu tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli –Direttiva 2009/28 – Proċeduri nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni u ta’ għoti ta’ liċenzji li japplikaw għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku, ta’ tisħin jew ta’ tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Kunċett – Proċedura ta’ adozzjoni ta’ kriterji tat-tmiem tal-istatus ta’ skart fis-sens tad-Direttiva 2008/98 – Esklużjoni

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/98, Artikolu 6(1) u (4), u 2009/28, Artikolu 13(1))

(ara l-punt 40)

3.        Ambjent – Skart – Direttiva 2008/98 – Tmiem tal-istatus ta’ skart – Kriterji speċifiċi – Assenza ta’ definizzjoni fil-livell tal-Unjoni – Determinazzjoni b’att nazzjonali – Kundizzjonijiet – Sustanza jew oġġett li jkun għadda minn operazzjoni ta’ riċiklaġġ jew operazzjoni oħra ta’ rkupru – Użu li ma għandux effetti ġenerali dannużi għall-ambjent jew is-saħħa – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ prekawzjoni

(Artikolu 191(2) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2008/98, Artikolu 6(1))

(ara l-punti 41 sa 59)

Sunt

Il-leġiżlazzjoni Taljana dwar l-awtorizzazzjoni ta’ bijolikwidi bħala karburanti tal-impjanti għall-produzzjoni tal-enerġija hija konformi mad-dritt tal-Union

Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ottubru 2019, Prato Nevoso Termo Energy (C‑212/18), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-leġiżlazzjoni Taljana li tirregola l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ bijolikwidi miksuba mit-trattament ta’ żjut veġetali bħala sors ta’ sostenn ta’ impjant għall-produzzjoni tal-enerġija ma tmurx, fil-prinċipju, kontra d-Direttiva 2008/98 (1) dwar l-iskart u lanqas kontra d-Direttiva 2009/28 (2) dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

F’dan il-każ, Prato Nevoso Termo Energy Srl (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Prato Nevoso”), li tiġġestixxi impjant għall-produzzjoni tal-enerġija termika u elettrika, talbet lill-Provinċja ta’ Cuneo (l-Italja) l-awtorizzazzjoni sabiex tissostitwixxi l-metan, bħala sors ta’ sostenn għall-impjant tagħha, b’bijolikwidu, f’dan il-każ żejt veġetali dderivat mill-ġbir u mit-trattament kimiku ta’ żjut tal-qali użati. L-awtorità nazzjonali kompetenti ċaħdet din it-talba, konformement mal-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli, minħabba li l-imsemmi żejt veġetali ma kienx jinsab fil-lista nazzjonali tal-kategoriji ta’ karburanti li jirriżultaw mill-bijomassa li jistgħu jintużaw f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi mingħajr ma jkunu meħtieġa jaderixxu ruħhom għar-regoli dwar l-irkupru tal-enerġija tal-iskart. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Taljana għandha l-effett li l-bijolikwidu dderivat mit-trattament kimiku ta’ żjut tal-qali użati għandu jitqies li huwa skart u mhux karburant. Adita b’azzjoni mressqa mill-kumpannija Prato Nevoso kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, il-qorti tar-rinviju ressqet id-domanda preliminari dwar jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi hawn fuq imsemmija.

Filwaqt li bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Tallinna Vesi (3) tat-28 ta’ Marzu 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 2008/98 dwar l-iskart ma tipprekludix, fil-prinċipju, lil Stat Membru milli jissuġġetta l-użu bħala karburant ta’ bijolikwidu dderivat mill-iskart għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-irkupru enerġetiku tal-iskart, minħabba li dan ma jaqa’ taħt ebda waħda mill-kategoriji inklużi fil-lista nazzjonali tal-karburanti awtorizzati f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mid-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri nazzjonali ta’ awtorizzazzjoni previsti mid-Direttiva 2009/28 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, sa fejn dawn ma jipprevedux il-proċeduri regolatorji ta’ adozzjoni ta’ kriterji għat-tmiem tal-istatus ta’ skart.

Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet nazzjonali setgħux, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, jikkonkludu li l-bijolikwidu inkwistjoni kellu jitqies li huwa skart. Filwaqt li rreferiet għall-għanijiet tad-Direttiva 2008/98 kif ukoll għall-funzjoni tagħha li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’kull informazzjoni utli sabiex issolvi t-tilwima mressqa quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprevedi li ċertu skart ma jibqax skart meta jkun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ riċiklaġġ u jkun jissodisfa kriterji speċifiċi li għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri fl-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet, fosthom dik li ma jkunx hemm “impatt ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem”. Fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ inċertezza xjentifika dwar ir-riskji ambjentali assoċjati mal-ħruġ tal-istatus ta’ skart ta’ sustanza, bħall-bijolikwidu inkwistjoni, tista’ twassal lil Stat Membru jiddeċiedi li ma jinkludix din is-sustanza fil-lista tal-karburanti awtorizzati f’installazzjoni li tipproduċi emissjonijiet atmosferiċi. Fil-fatt, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni stipulat fl-Artikolu 191(2) TFUE, jekk l-eżami tal-aħjar data xjentifika disponibbli jħalli inċertezza fuq il-kwistjoni dwar jekk l-użu, f’ċirkustanzi speċifiċi, ta’ sustanza li tirriżulta mill-irkupru ta’ skart ikun nieqes minn kull effett dannuż possibbli fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, l-Istat Membru għandu jastjeni milli jipprevedi kriterji għall-ħruġ tal-istatus ta’ skart ta’ din is-sustanza jew il-possibbiltà li tiġi adottata deċiżjoni individwali li tikkonstata tali ħruġ.


1      Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).


2      Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-9 ta’ Settembru 2015 (ĠU 2015, L 239, p. 1).


3      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 2019, Tallina Vesi (C‑60/18, EU:C:2019:264).