Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Diċembru 2012 - DeMaCo Holland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-527/12)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: DeMaCo Holland BV (Langedijk, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: L. Linders u S. Bishop, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara r-rikors tar-rikorrenti ammissibbli u fondat;

konsegwentement, tordna lil Euratom twaqqaf immedjatament kull użu tal-proġett emendat li d-drittijiet tiegħu huma l-proprjetà tar-rikorrenti kif ukoll tħallas lill-imsemmija rikorrenti s-somma stmata b'mod provviżorju għal EUR 100 000 għal danni minħabba tort mhux kuntrattwali;

tikkundanna lil Euratom għall-eventwali spejjeż ta' din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa intiż għall-kumpens tad-dannu sostnut minħabba t-tort mhux kuntrattwali tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, għaliex din użat blueprints li huma l-proprjetà tar-rikorrenti u bagħtithom sabiex jintużaw mill-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fusion for Energy) fil-kuntest ta' proċedura ta' seħja għal offerti pubblika.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-konvenuta għamlet użu illeċitu mill-blueprints tagħha.

Il-konvenuta użat, mingħajr il-kunsens tar-rikorrenti, il-blueprints maħluqin esklużivament minn din tal-aħħar - barra minn kwalunkwe kuntest kuntrattwali bejn il-partijiet. Barra minn hekk, il-konvenuta ffaċilitat l-użu tal-blueprints minn terzi, b'mod partikolari minn Fusion for Energy.

L-użu illeċitu b'għarfien mill-konvenuta ta' blueprints tar-rikorenti jikkostitwixxi tort u jimplika ksur tad-drittijiet tal-awtur li huma l-proprjetà tar-rikorrenti.

B'dan il-mod, il-konvenuta kisbet vantaġġ ekonomiku illeċitu minn xogħol finanzjarju u intellettwali tar-rikorrenti, u dan imur kontra l-prattiki onesti fil-qasam kummerċjali u kontra l-kompetizzjoni leali.

Id-dannu sostnut huwa kompost mit-telf ta' qligħ mir-rikorrenti minħabba s-sejħa għal offerti magħmula minn Fusion for Energy, li setgħet isseħħ wara l-intervent tal-konvenuta kif ukoll kumpens għal ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tar-rikorrenti.

____________