Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Novembru 2012 - HSH Investment Holdings Coinvest C u HSH Investment Holdings FSO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-499/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: HSH Investment Holdings Coinvest-C Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu) u HSH Investment Holdings FSO Sàrl (Lussemburgu) (rappreżentanti: H. Niemeyer u H. Ehlers avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tal-20 ta' Settembru 2011 fil-Każ C 29/2009 (ex N 264/2009) - HSH Nordbank AG;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi segwenti kontra l-kundizzjonijiet imposti fuq l-azzjonisti minoritarji:

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta' għajnuna indipendenti favur l-azzjonisti minoritarji

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-kunċett ta' għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE meta identifikat b'mod żbaljat lir-rikorrenti bħala l-benefiċjarji tal-għajnuna. Għall-azzjonisti minoritarji, iż-żieda fil-valur tal-azzjonijiet tagħhom hija sempliċi konsegwenza ekonomika tal-għajnuna mogħtija lil HSH Nordbank u ma tikkostitwixxix għajnuna indiretta favur l-azzjonisti minoritarji.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-konstatazzjoni li r-rikorrenti kisbu vantaġġ

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' motivazzjoni taħt l-Artikolu 296(2) TFUE sa fejn ma spjegatx b'mod suffiċjenti b'liema mod ir-rikorrenti allegatament irċevew indirettament għajnuna mill-Istat u għalfejn il-valur kummerċjali ta' HSH Nordbank kien allegatament iddeterminat b'mod inkorrett. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkwantifikatx l-ammont tal-għajnuna allegatament mogħtija lill-azzjonisti minoritarji u naqset milli tiddistingwi bejn l-eżami ta' din l-għajnuna u l-eżami tal-kondiviżjoni tal-piżijiet.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-fatti fil-kuntest tal-eżami ta' jekk ir-rikorrenti kisbux vantaġġ finanzjarju

Fil-kuntest ta' dan il-motiv qiegħed jiġi allegat li l-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat il-fatti tal-każ. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-kumpannija ta' evalwazzjoni li stmat lil HSH Nordbank ma kinitx stmat b'mod għoli żżejjed il-valur kummerċjali ta' HSH Nordbank, u għalhekk il-prezz tal-ħruġ tal-azzjonijiet ordinarji, iżda wettqet din l-istima inkonformità ma' metodi rikonoxxuti fir-rigward ta' tali stima.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' teħid inkunsiderazzjoni tal-ħlasijiet bil-quddiem magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kondiviżjoni tal-piżijiet

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat fil-konfront tal-kondiviżjoni tal-piżijiet ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE u mill-Komunikazzjoni dwar ir-ristrutturazzjoni 2 sa fejn, fl-evalwazzjoni tagħha ta' jekk ir-rikorrenti humiex involuti b'mod suffiċjenti fil-kondiviżjoni tal-piżijiet, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ħlasijiet bil-quddiem magħmula minnhom.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999  u tal-prinċipju ta' ċertezza legali minħabba l-għeluq irregolari tal-proċedura ta' investigazzjoni formali

Fil-kuntest ta' dan il-motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-prinċipju ta' ċertezza legali sa fejn il-proċedura ta' investigazzjoni formali fil-konfront tar-rikorrenti ngħalqet mingħajr deċiżjoni kif prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-Komunikazzjoni dwar ir-ristrutturazzjoni minħabba l-impożizzjoni ta' kundizzjonijiet inadegwati

Fil-kuntest ta' dan il-motiv qiegħed jiġi allegat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Komunikazzjoni dwar ir-ristrutturazzjoni sa fejn timponi kundizzjonijiet li ma humiex marbuta mar-ristrutturazzjoni ta' HSH Nordbank iżda li jammontaw għal approvazzjoni moħbija ta' għajnuna indiretta.

Is-seba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità minħabba l-obbligi eċċessivi imposti fuq ir-rikorrenti

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità sa fejn, fil-kuntest tal-kondiviżjoni tal-piżijiet, imponiet obbligi eċċessivi fuqhom.

It-tmien motiv, ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament minħabba diskriminazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti

Fil-kuntest ta' dan il-motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament sa fejn fid-deċiżjoni tagħha imponiet kundizzjonijiet fuq ir-rikorrenti li ma kinux imposti f'każijiet oħra paragunabbli.

Barra minn hekk, fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi segwenti:

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-Komunikazjoni dwar l-assi indeboliti  minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-elementi inkompatibbli tal-għajnuna

Fil-kuntest ta' dan il-motiv qiegħed jiġi allegat li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Komunikazzjoni dwar l-assi indeboliti sa fejn ikkunsidrat, b'mod żbaljat, li l-garanzija favur HSH Nordbank kienet element inkompatibbli tal-għajnuna.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-valur ekonomiku attwali

Fil-kuntest ta' dan il-motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tatx motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta' kif ġie evalwat il-valur ekonomiku attwali tal-portafolli koperti mill-garanzija.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-Komunikazzjoni dwar l-assi indeboliti minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-irkupru (claw-back)

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(3)(b) FUE u l-Komunikazzjoni dwar l-assi indeboliti sa fejn evalwat b'mod żbaljat l-irkupru (claw-back).

4.    Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-irkupru (claw-back)

Fil-kuntest tar-raba' motiv qiegħed jiġi allegat li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament sa fejn qiegħdet lil HSH Nordbank f'pożizzjoni żvantaġġata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-irkupru meta mqabbla ma' każijiet oħra paragunabbli.

5.    Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-prinċipju ta' proporzjonalità minħabba l-approvazzjoni suġġetta għall-kundizzjoni li jkun hemm tnaqqis eċċessiv fil-karta tal-bilanċ

Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-prinċipju ta' proporzjonalità sa fejn issuġġettat l-approvazzjoni tagħha għall-kundizzjoni li jkun hemm tnaqqis eċċessiv fil-karta tal-bilanċ ta' HSH Nordbank.

____________

1 - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali (ĠU C 195, 19.08.2009, p. 9).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

3 - Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament ta' assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (ĠU C 72, 26.03.2009, p. 1).