Language of document : ECLI:EU:T:2015:840

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Novembru 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Settur bankarju – Ristrutturazzjoni ta’ HSH Nordbank – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ interess individwali – Azzjonista minoritarju tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Kunċett ta’ interess distint – Inammissibbiltà parzjali – Dilwizzjoni tal-kapital ”

Fil-Kawża T‑499/12,

HSH Investment Holdings Coinvest-C Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

HSH Investment Holdings FSO Sàrl, stabbilita fi il-Lussemburgu,

irrappreżentati minn H.-J. Niemeyer, H. Ehlers u C. Kovács, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja lil HSH Nordbank AG SA.29338 [(C 29/09, ex N 264/09)] (ĠU L 225, 21.8.2012, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        HSH Nordbank AG ġiet stabbilita fit-2 ta’ Ġunju 2003 mill-fużjoni tal-Hamburgische Landesbank u tal-Landesbank Schleswig-Holstein. Hija tikkostitwixxi flimkien mas-sussidjarji tagħha (iktar ’il quddiem il-“Grupp HSH”) il-Ħames Bank Reġjunali Ġermaniż.

2        Bħal ħafna istituzzjonijiet finanzjarji oħra, HSH Nordbank u l-Grupp HSH isubixxew il-konsegwenzi tal-kriżi li seħħet fl-2007 (imsejħa l-kriżi tas-“subprimes”) u li ġiet aċċentwata f’Settembru 2008 bil-falliment tal-Bank Lehman Brothers, b’tali mod li l-HSH Nordbank talab lill-Fond Speċjali Ġermaniżi għall-Istabilizzazzjoni tas-Swieq Finanzjarji (Sonderfonds Finanzmarktstabilisierung, iktar ’il quddiem il-“Fond Speċjali”) garanziji ta’ likwidità ta’ ammont ta’ EUR 30 biljun.

3        Wara li l-Awtorità Ġermaniża tal-Kontroll tas-Servizzi Finanzjarji (Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht) ħarġet l-avviż li l-ftehim ta’ din il-garanzija diffiċilment tippermetti l-osservanza tal-liġi Ġermaniża li tirrigwarda r-rekwiżiti fil-qasam tal-fondi proprji, fit-30 ta’ April 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-għoti ta’ żewġ miżuri ta’ għajnuna, jiġifieri, l-ewwel nett, rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 3 biljuni (iktar ’il quddiem ir-“rikapitalizzazzjoni”), permezz ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet ta’ HSH Nordbank u sottoskrizzjoni sħiħa ta’ dawn l-azzjonijiet minn istituzzjoni rregolata mid-dritt pubbliku, HSH Finanzfonds, maħluq u kkontrollat mil-Länder de Hambourg u mis-Schleswig-Holstein u li huma l-proprjetarji tiegħu f’partijiet indaqs, u, it-tieni nett, garanzija msejħa tat-“tieni telf” ta’ EUR 10 biljun (iktar ’il quddiem il-“garanzija ġenerali”), intiża li tipproteġi HSH Nordbank kontra t-telf li jista’ jaffettwa r-riżervi ta’ attiv imdgħajjef tiegħu u għalhekk isaħħaħ il-proporzjonijiet tal-fondi proprji tal-bank. Is-segment “l-ewwel telf” jirriżulta akkarigu ta’ HSH Nordbank stess.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2009 li tirrigwarda l-għajnuna mill-Istat N 264/09 (ĠU C 179, p. 1), il-Kummissjoni awtorizzat ir-rikapitalizzazzjoni u l-garanzija ġenerali għal perijodu ta’ sitt xhur bħala miżuri ta’ salvataġġ tal-Grupp HSH, abbażi tal-Artikolu 87(3)(b) KE, u stieden lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex jippreżentalha pjan ta’ ristrutturazzjoni f’terminu ta’ tliet xhur.

5        Iż-żewġ Länder imsmemmijin iktar ’il fuq approvaw il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni lil HSH Nordbank f’Mejju u f’Ġunju 2009. Minħabba r-rikapitalizzazzjoni, il-Fond Speċjali ta lil HSH Nordbank parti mill-garanziji ta’ likwidità li huwa kien talab, li laħaq EUR 17 biljun (iktar ’il quddiem il-“garanzija ta’ likwidità”).

6        Fl-1 ta’ Settembru 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-Grupp HSH lill-Kummissjoni.

7        Fit-22 ta’ Ottubru 2009, din tal-aħħar bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE li tirrigwarda r-rikapitalizzazzjoni u l-garanzija ġenerali. Il-partijiet ikkonċernati ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ ħmistax-il jum li jiddekorru mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, fil-21 ta’ Novembru 2009 (ĠU C 281, p. 42). F’dan il-kuntest, il-fondi ta’ investiment irrakkomandati mill-kumpannija Amerikana JC Flowers & Co. LLC, lil numru ta’ investituri fosthom ir-rikorrenti, HSH Investment Holdings Coinvest-C Sàrl u HSH Investment Holdings FSO Sàrl, fit-3 ta’ Diċembru 2009 talbu, terminu addizzjonali sabiex ikunu jistgħu jipproduċu l-osservazzjonijiet tagħhom, li ntlaqa’. L-imsemmijin osservazzjonijiet waslu għand il-Kummissjoni fis-17 ta’ Diċembru 2009, wara li nżammet laqgħa bejn din tal-aħħar u l-partijiet kollha kkonċernati, inkluża JC Flowers & Co., li tirrappreżenta b’mod partikolari lir-rikorrenti, fit-2 ta’ Diċembru 2009.

8        Il-fondi ta’ investiment irrakkomandati minn JC Flowers & Co., li kellhom globalment l-ammont ta’ 25.67 % tal-kapital ta’ HSH Nordbank qabel ir-rikapitalizzazzjoni, li baqalhom biss warajha 9.19 %, peress li ma pparteċipawx b’mod volontarju.

9        Bil-għan li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni addizzjonali dwar il-kunċett ta’ ristrutturazzjoni mixtieqa f’dan il-każ, u trażmessi fix-xahar ta’ Ottubru 2009 u x-xahar ta’ Ġunju 2011, fil-11 ta’ Lulju 2011 ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat pjan ta’ risrutturazzjoni emendat.

10      Permezz tad-Deċiżjoni 2012/477/UE tagħha, tal-20 ta’ Settembru 2011, li tirrigwarda l-għajnuna mill-Istat SA.29338 [C 29/09 (ex N 264/09)] mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur HSH Nordbank (ĠU 2012, L 225, p. 1 ; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikapitalizzazzjoni, il-garanzija ġenerali u l-garanzija ta’ likwidità jikkostitwixxu għajnuna mill-istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li hija kompatibbli mas-suq intern, sakemm ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tosserva l-impenji li ntrabtet bihom magħha, elenkati fl-Annessi I u III tad-deċiżjoni kkontestata, u l-kundizzjonijiet stabbiliti minnha, li jissemmew fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

11      Skont il-punt 1.11 tal-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Il-pagament ta’ ammont f’daqqa u ż-żieda fil-kapital”, l-HSH Finanzfonds u HSH Nordbank għandhom jemendaw il-ftehim konkluż fit-2 ta’ Ġunju 2009 dwar l-għoti ta’ qafas ta’ garanzija, jew se jissuplementawh b’dokumentazzjoni oħra “sabiex jiżguraw li HSH Finanzfonds […] ikollha pretensjoni kontra HSH [Nordbank] għal pagament ta’ ammont f’daqqa b’valur nominali ta’ EUR 500 miljun” (iktar ’il quddiem il- “pagament ta’ ammont f’daqqa”). Il-pagament ta’ ammont f’daqqa jikkonsisti fil-ħlas, minn HSH Nordbank, ta’ EUR 500 miljun lil HSH Finanzfonds, dan l-ammont għandu mbagħad jiġi assenjat, dan kif jirriżulta mill-kliem espress tal-imsemmi punt 1.11 tal-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “kontribuzzjoni in natura [fil-kapital]” ta’ HSH Nordbank. Il-punt 1.13 ta’ dan l-istess anness jispeċifika li ż-żieda tal-kapital favur HSH Finanzfonds li peress li tirrappreżenta s-somma msemmija u għandha tintervjeni “mingħajr dritt ta’ opzjoni għall-azzjonisti minoritarji” jew jekk għandha ssir permezz ta’ żieda fil-kapital imħallat (in natura u fi flus), bi dritt ta’ opzjoni għall-azzjonisti kollha iżda bil-kundizzjoni li l-HSH Finanzfonds ma tipparteċipax fiż-żieda tal-kapital fi flus kontanti.

12      Il-punt 3 tal-istess anness, intitolat “Il-projbizzjoni tad-dividendi”, jistabbilixxi li “HSH [Nordbank] mhux se tħallas dividendi fil-perjodu li jkopri sas-sena finanzjarja li tispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2014.”

13      Barra dan, il-punt 4 tal-imsemmi anness, intitolat “Il-protezzjoni tar-riżervi”, jipprevedi li, “[f]il-perjodu li jkopri mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-pagamenti ta’ dividendi ma jistgħux jaqbżu l-50 % tal-bilanċ favorevoli annwali għas-sena finanzjarja preċedenti” u “sakemm dawn ma jipperikolawx il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ Basel III dwar il-kapital tal-istituzzjonijiet tal-kreditu f’perjodu ta’ żmien medju”.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

15      Fl-1 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

16      Ir-replika tar-rikorrenti ġiet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2013. Il-kontroreplika waslet għand din tal-aħħar fil-11 ta’ Ġunju 2013.

17      Wara t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li għaldaqstant ġiet assenjata quddiemha din il-kawża.

18      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad il-ħames motiv tat-tieni parti, B.I, tar-rikors u l-ilmenti tat-tieni parti, B.II, tar-rikors bħala inammissibbli;

–        iktar sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni rtirat żewġ talbiet oħra, li hija kienet ippreżentat iktar sussidjarjament, kif ġie nnutat fil-proċess verbali tas-seduta li saret fit-22 ta’ April 2015.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

21      Ir-rikorrenti jargumentaw li huma ammissibbli sabiex iressqu dan ir-rikors, id-deċiżjoni kkontestata taffettwahom direttament u individwalment, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, bħala azzjonisti ta’ HSH Nordbank. Huma jsostnu li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-azzjonisti, kemm jekk ikunu uniċi kif ukoll jekk ma jkunux, id-dritt li jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. Huma jżidu li kienu attivament jipparteċipaw fil-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

22      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni, b’mod partikolari, mingħajr madankollu ma invokat formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li r-rikors tagħhom huwa inammissibbli.

23      L-ewwel nett, huwa importanti li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, fl-assenza ta’ interess ġuridiku, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent huwiex direttament u individwalment ikkonċernat skont id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, (is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2003, Olivieri vs Il-Kummissjoni u EMEA, T‑326/99, Ġabra, EU:T:2003:351, punt 66, u d-digriet tal-15 ta’ Mejju 2013, Post Invest Europe vs Il-Kummissjoni, T‑413/12, EU:T:2013:246, punt 17).

24      Fil-fatt, l-interess ġuridiku jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull azzjoni ġudizzjarja. Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. L-interess ġuridiku ta’ rikorrent jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali, li l-azzjoni hija għalhekk adatta, permezz tar-riżultat tagħha, sabiex tagħti benefiċċju lill-parti li tkun bdietha u li din tiġġustifika interess reali u attwali fl-annullament tal-imsemmi att (is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2009, Socratec vs Il-Kummissjoni, T‑269/03, EU:T:2009:211, punt 36, u d-digriet Post Invest Europe vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, EU:T:2013:246, punt 22).

25      Skont il-ġurisprudenza, huwa r-rikorrent li għandu l-obbligu li jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu (id-digriet tal-31 ta’ Lulju 1989, S. Vs Il-Kummissjoni, C‑206/89 R, Ġabra, EU:C:1989:333, punt 8, u s-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra, EU:T:2005:129, punt 31). B’mod partikolari, r-rikorrent għandu juri l-eżistenza ta’ interess personali li jikseb l-annullament tal-att ikkontestat. Dan l-interess għandu jkun eżistenti u attwali, għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors (is-sentenzi Sniace vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq EU:T:2005:129, punt 25, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra, EU:T:2007:295, punt 34).

26      Madankollu, meta rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn rikorrent bħala parti mhux privileġġjata kontra att li huwa ma huwiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti ġuridiċi vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jemendaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post et Allemagne vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, Ġabra, EU:C:2011:656, punt 38, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Alro vs Il-Kummissjoni, T‑517/12, Ġabra, EU:T:2014:890, punt 25).

27      Għaldaqstant, bil-għan li jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax tiġi kkontestata mir-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat jekk hija tikkostitwixxix att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fil-konfront tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Deutsche Post u Allemagne vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2011:656, punt 40, u Alro vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2014:890, punt 26).

28      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tkun, inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna (is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, Ġabra, EU:T:2011:117, punt 50, u d-digriet tad-19 ta’ Frar 2013, Provincie Groningen et vs Il-Kummissjoni, T‑15/12 u T-16/12, EU:T:2013:74, punt 41).

29      Konsegwentement, meta rikors għal annullament jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, mhux mill-Istat Membru kkonċernat, iżda minn persuna fiżika jew ġuridika, l-imsemmi rikors huwa ammissibbli biss, fir-rigward ta’ għajnuna individwali u mhux skema ta’ għajnuna, sa fejn din il-persuna tkun indivdwalment u direttament ikkonċernata mill-att skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu bħalma jkun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni (is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra, EU:C:1963:17, p. 197, u tas-17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, T‑457/09, Ġabra, EU:T:2014:683, punt 80).

31      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar, għajr sabiex jiġi invokat interess ġuridiku li huwa distint minn dak ta’ impriża kkonċernata minn att tal-Unjoni u li fiha hija żżomm parti mill-kapital, persuna tista’ tiddefendi l-interessi tagħha fir-rigward ta’ dan l-att biss billi teżerċita d-drittijiet ta’ membru ta’ din l-impriża, li min-naħa tagħha għandha d-dritt li tippreżenta rikors (is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2000, Euromin vs Il-Kunsill T‑597/97, Ġabra, EU:T:2000:157, punt 50; id-digriet tas-27 ta’ Marzu 2012, European Goldfields vs Il-Kummissjoni, T‑261/11, EU:T:2012:157, punt 21; id-digriet Post Invest Europe vs Il-Kummissjoni, punt 23 iktar ’il fuq, EU:T:2013:246, punt 24, u s-sentenza Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2014:683, punt 112).

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha, tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern u għaldaqstant, bħala prinċipju, ma hijiex ta’ preġudizzju għall-benefiċjarju tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2011:117, punt 52) ma teżonerax lill-qorti tal-Unjoni milli teżamina jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tipproduċix effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il-Kummissjoni, T‑212/00, Ġabra, EU:T:2002:21, punt 38 ; is-sentenza Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2007:295, punt 36, u d-digriet Provincie Groningen et vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2013:74, punt 32).

33      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tali rikorrent jista’ jkun individwalment ikkonċernat minħabba l-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-att ikkontestat biss meta jkun inkwistjoni sitwazzjonijiet partikolari fejn huwa jokkupa pożizzjoni ta’ negozjatur stabbilita b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li qegħditu f’sitwazzjoni ta’ fatt li kienet tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-9 ta’ Settembru 2013, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria vs Il-Kummissjoni, T‑429/11, EU:T:2013:488, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi ddeterminat jekk u, jekk ikunx il-każ, sa fejn, ir-rikors huwa ammissibbli, filwaqt li jiġi ppreċiżat li ma huwiex mqiegħed fid-dubju li r-rikorrenti huma kkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata, fatt li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

35      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-Artikolu 1, li permezz tiegħu l-Kummissjoni, fil-paragrafu 1 tiegħu, tikkunsidra r-rikapitalizzazzjoni, il-garanzija ġenerali u l-garanzija ta’ likwidità bħala għajnuna mill-Istat u, fil-paragrafu 2, tqis dawn it-tliet istanzi ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern. L-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni inizjali trażmess fl-1 ta’ Settembru 2009, emendat l-aħħar bil-Komunikazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-11 ta’ Lulju 2011, li fih il-kundizzjonijiet li jidhru fl-Anness II ta’ din l-istess deċiżjoni, se jiġi eżegwit minn dan l-Istat Membru skont kalendarju ddefinit minn qabel. Dan l-anness, kif ġie espost fil-punti 11 sa 13 iktar ’il fuq, jipprevedi bħala kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, minn naħa, il-pagament ta’ ammont f’daqqa u, min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni, sussegwentement il-limitazzjoni tad-dsitribuzzjoni tad-dividendi.

36      Ir-rikorrenti jippreżentaw talbiet maqsumin f’żewġ partijiet. Fit-tieni parti tar-rikors, huma jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha u jinvokaw, insostenn ta’ dawn it-talbiet, ħames motivi. Fl-ewwel parti tar-rikors, huma jitolbu l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, permezz ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni tefgħet obbligi fuqhom, bħala azzjonisti minoritarji. Huma jinvokaw, f’dan ir-rigward, tmien motivi.

37      Għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors peress li fih talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

38      Preliminarjament, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikors qed jitressaq, mhux mill-benefiċjarju tal-miżuri tal-għajnuna, iżda minn żewġ azzjonisti minoritarji tiegħu. It-tieni nett, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern, suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet, fosthom il-pagament ta’ ammont f’daqqa u l-projbizzjoni, sussegwentement il-limitazzjoni tad-distribuzzjoni ta’ dividendi. It-tielet nett, l-obbligi li jirriżultaw minn dawn il-kundizzjonijiet jaqgħu, fid-dawl tar-redazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Anness II tagħha, fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bħala d-destinatarja ta’ din l-istess deċiżjoni kif ukoll fuq HSH Nordbank u HSH Finanzfonds bħala persuni ġuridiċi li fuqhom qed jiġu imposti l-kundizzjonijiet inkwistjoni.

39      Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk, bħala azzjonisti minoritarji, ir-rikorrenti jistgħux, fid-dawl tas-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata, jinvokaw interess ġuridiku distint minn dak ta’ HSH Nordbank, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 hawn fuq.

40      Mill-bidu nett għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern, l-interess tar-rikorrenti jikkonċidi ma’ dak ta’ HSH Nordbank.

41      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, mingħajr il-miżuri ta’ salvataġġ kif kienu r-rikapitalizzazzjoni, il-garanzija ġenerali u l-garanzija ta’ likwidità, HSH Nordbank kien wisq probabbilment ifalli u l-azzjonisti minoritarji tiegħu kostretti jaraw l-ishma tagħhom mibjugħa bi prezz baxx, jekk mhux imxejna, fil-kuntest tal-proċedura ta’ likwidazzjoni, kienu jitilfu l-investiment tagħhom fil-kapital ta’ HSH Nordbank. Sabiex tiġi stabbilita din l-affermazzjoni, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-informazzjoni kontabbli li tidher fit-tabella 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li turi li HSH Nordbank tilfet EUR 3 biljun u EUR 195 miljun fl-2008 (b’riżultat ta’ dawn il-fondi li baqgħalha skont ir-rapport annwali, kienu jlaħħqu ftit iktar minn EUR 2 biljuni) u ta’ EUR 838 miljun fl-2009. Id-defiċit kumulattiv ta’ HSH Norbank kien ilaħħaq fil-31 ta’ Diċembru 2009, għal EUR 851 miljun.

42      Sussegwentement, peress li ma pparteċipawx fir-rikapitalizzazzjoni, meta dawn setgħu legalment jipparteċipaw (ara l-premessi 255 u 256 tad-deċiżjoni kkontestata), madankollu r-rikorrenti bbenefikaw mis-salvataġġ inkwistjoni mingħajr, għall-ewwel, ma ssubixxew ebda konsegwenza oħra għajr id-dilwizzjoni tal-ishma tagħhom inkunsiderazzjoni tal-imsemmija rikapitalizzazzjoni. Għaldaqstant, l-interess tagħhom kien b’mod ċar, f’dan il-każ, jikkoinċidi ma’ dak tal-kumpannija, jiġifieri li jirċievu l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni biex tippermetti s-sostenibbiltà ta’ din tal-aħħar.

43      Fl-aħħar nett, jekk il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala inkompatibbli mas-suq intern, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet tkun obbligata li tipproċedi għall-irkupru tagħha mingħand HSH Nordbank, ċirkostanza li kien ikollha riperkussjoni fuq is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti proporzjonalment għall-ishma tagħhom fil-kapital tiegħu.

44      Għaldaqstant għandu jiġi deċiż li, peress li r-rikors tagħhom huwa bbażat fuq l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma ppruvawx l-eżistenza ta’ interess ġuridiku distint minn dak ta’ HSH Nordbank, jekk jiġi presuppost li huwa stess kellu interess li jikkontesta din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’dan il-mod bħala individwalment interessati skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

45      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif qed isostnu, ir-rikorrenti jissodisfaw dan l-aħħar kriterji minħabba s-sehem tagħhom fil-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk huwa minnu li r-rikorrenti ħadu sehem, bħall-kumplament tal-investituri fil-fondi ta’ investiment irrakkomandati minn JC Flowers & Co., fil-proċedura amministrattiva, huma ma ġewx ikkonsultati fil-kwalità ta’ negozjaturi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 hawn fuq, jew fil-kwalità ta’ benefiċjarji diretti għall-għajnuna iżda ġew ikkonsultati sempliċiment bħala partijiet ikkonċernati. Konsegwentement, f’dan il-każ, is-sehem tar-rikorrenti fl-imsemmija proċedura ma hijiex biżżejjed sabiex jiġu kkunsidrati bħala individwalment interessati skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

46      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li huma kellhom interess li jitolbu l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u li r-rikors huwa għalhekk inammissibbli fit-tieni parti tiegħu, li permezz tagħha huma qed jitolbu l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni fl-intier tagħha.

47      Barra dan, hemm lok li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel parti tiegħu, li hija bbażata fuq it-talbiet intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, permezz ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni tefgħet obbligi fuq ir-rikorrenti, bħala azzjonisti minoritarji.

48      Hekk kif jitfakkar fil-punt 38 hawn fuq, ir-redazzjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Anness II tagħha ma tirrigwardax bl-ebda mod lir-rikorrenti. Huma msemmijin biss, bħala persuni ġuridiċi, barra l-Istat membru kkonċernat, HSH Nordbank, benefiċjarju tal-miżuri tal-għajnuna inkwistjoni, u HSH Finanzfonds, azzjonista maġġoritarju ta’ HSH Nordbank. L-ammissibbiltà tar-rikors peress li għandu bħala suġġett it-talba għall-annullament tal-kundizzjonijiet imposti fuq HSH Nordbank, jiġifieri, inkwantu għal dak li qed isostnu r-rikorrenti, l-ewwel nett, il-pagament ta’ ammont f’daqqa, it-tieni nett, il-projbizzjoni ta’ distribuzzjoni ta’ dividendi u, it-tielet nett il-limitazzjoni tad-distribuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jipresupponi li r-rikorrenti juru interess ġuridiku distint minn dak ta’ HSH Nordbank, dan jimplika li l-imsemmija kundizzjonijiet jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward tagħhom.

49      Bil-għan li tiġi ddeterminata l-eżistenza eventwali ta’ dan l-interess, għandhom jiġu applikati l-kriterji esposti fis-sentenza Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq (EU:T:2014:683).

50      F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrent, azzjonista minoritarju ta’ kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat li hija kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(c) KE, bħala parzjalment ammissibbli li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar imponiet fuq l-azzjonisti li jbigħu l-kumpannija lil terz indipendenti, ċirkustanzi li għalihom kienet tfisser, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, li “jirrinunzjaw, f’termini imperattivi, għad-dritt tagħhom ta’ proprjetà” fuq l-imsemmija kumpannija (is-sentenza Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2014:683, punt 116).

51      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrilevat li “d-drittijiet mhux politiċi ta’ azzjonist ta’ kumpannija Ġermaniża b’responsabbiltà limitata huma limitati minn naħa, għat-tqassim tal-profitti tal-kumpannija u, min-naħa l-oħra, sabiex jirċievu xi bonus fil-każ ta’ stralċ tal-impriża”, il-kwalità ta’ azzjonist ma tagħtix drittijiet “fuq l-assi tal-impriż” (is-sentenza Westfälisch-Lippischer Sparkassen und Giroverband vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2014:683, punt 118).

52      Peress li HSH Nordbank hija kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ġenerali u mfakkra fil-punti 50 u 51 hawn fuq huma trasponibbli f’dan il-każ.

53      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-pagament ta’ ammont f’daqqa, għandu jiġi ppreċiżat li dan tal-aħħar twettaq b’applikazzjoni l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema “[i]l-Ġermanja tiżgura li l-pjan ta’ ristrutturar oriġinali […], jiġi implimentat bis-sħiħ, inklużi l-impenji mniżżla fl-Annessi I u III, u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II, u skont l-iskeda mniżżla fihom”.

54      Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet konġunti tal-punti 1.11 u 1.13 tal-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil-punt 11 hawn fuq, jirriżulta li l-pagament ta’ ammont f’daqqa huwa, fir-realtà, operazzjoni kumplessa, li ma hijiex limitata biss stricto sensu għall-aspett dwar il-pagament. Din l-operazzjoni tinkludi tliet aspetti distinti.

55      L-ewwel nett, HSH Nordbank wettaq pagament ta’ EUR 500 miljun favur HSH Finanzfonds, din l-operazzjoni wasslet għal tnaqqis tal-attiv tal-ewwel stabbiliment u żieda tal-attiv tat-tieni stabbiliment. It-tieni nett, din is-somma hija użata fl-istess ħin minn HSH Finanzfonds sabiex tikseb azzjonijiet ġodda ta’ HSH Nordbank u tkabbar għalhekk is-sehem tagħha f’din il-kumpannija. It-tielet nett, din iż-żieda fil-kapital esklużivament favur HSH Finanzfonds naqqset awtomatikament il-parti li tappartjeni lill-azzjonisti l-oħra, fosthom ir-rikorrenti.

56      Fir-rigward tal-ewwel aspett, għandu jiġi enfasizzat, kif huwa indikat fil-punt 51 hawn fuq, li s-sentenza Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq (EU:T:2014:683, punt 118), jistabbilixxi expressis verbis li, “taħt id-dritt Ġermaniż, il-klassifikazzjoni bħala azzjonist ma jagħtix drittijiet fuq l-assi tal-impriża”. B’mod iktar speċifiku, il-kwistjonijiet dwar it-tnaqqis tal-attiv tal-bilanċ jirrelataw mal-attività kummerċjali tal-kumpannija kkonċernata u mal-bejgħ jew għall-likwidazzjoni tal-patrimonju tagħha. Għaldaqstant hija tista’ perfettament tinvoka kwalunkwe argument li jikkontesta l-miżuri adottati f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2014:683, punt 117). Il-kundizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-attiv tal-bilanċ ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż ma għandhomx konsegwentement jaffettwaw ebda dritt tal-azzjonisti ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2014:683, punt 118). Minn dan jirriżulta, fir-rigward tal-pagament stricto sensu, li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw interess distint minn dak ta’ HSH Nordbank.

57      Fir-rigward tat-tieni aspett, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi għażla, jiġifieri, jew is-sempliċi użu tal-EUR 500 miljun għaż-żieda tal-kapital fiżiku ta’ HSH Nordbank favur HSH Finanzfonds, jew l-użu ta’ din iż-żieda kkombinata maż-żieda ta’ kapital kontanti min-naħa tal-azzjonisti minoritarji. Madankollu, skont il-punt 1.13 tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni, HSH Finanzfonds u HSH Nordbank “jistgħu jagħżlu l-forma taż-żieda tal-kapital li se tiggarantixxi implimentazzjoni aktar mgħaġġla u d-dħul fir-reġistru kummerċjali”. Mid-dispożizzjonijiet ikkombinati jirriżulta li l-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ippermettiet lill-kumpannija benefiċjarja tal-għajnuna u lill-azzjonist maġġoritarju, li jillimitaw, jekk ikun il-każ, id-dritt ta’ proprjetà ta’ azzjonisti minoritarji billi jiġi pprojbit ix-xiri ta’ azzjonijiet ġodda, b’nuqqas ta’ konformità mal-funzjonament normali ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. L-alternattiva li ntgħażlet kienet għalhekk, fil-prattika, dik tal-esklużjoni tal-azzjonisti minoritarji, fosthom ir-rikorrenti. Għaldaqstant għandu jiġi deċiż li din il-projbizzjoni, anki jekk potenzjali, tippreġudika d-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrenti (is-sentenza Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2014:683, punt 116) peress li toħloq possibbilmenet ostaklu għall-eżerċizzju tal-imsemmi dritt, l-azzjonisti minoritarji jiġu pprojbiti milli jżommu s-sehem tagħhom fil-kapital ta’ HSH Nordbank. L-imsemmija projbizzjoni tirrestrinġi wkoll, fil-proporzjon dovut, id-drittijiet soċjali tal-azzjonist, billi l-kapaċità deċiżjonali tiegħu tiġi mnaqqsa mhux mill-forzi liberi tas-suq, iżda mill-effett tad-deċiżjoni kkontestata li, fuq dan il-punt, jipproduċi effetti legali vinkolanti fuq l-azzjonisti minoritarji, li jinkludu r-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alro vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2014:890, punt 26).

58      Fir-rigward tat-tielet aspett, għandu jiġi indikat li l-allokazzjoni ta’ parti tal-likwidità ta’ HSH Nordbank lir-rikapitalizzazzjoni tagħha esklużivament favur HSH Finanzfonds tippreġudika d-drittijiet tar-rikorrenti bħala azzjonisti, mhux biss, kif ġie enfasizzat fil-punt 57 hawn fuq, minħabba rilevanza inqas ta’ dawn tal-aħħar fil-korpi deċiżjonali ta’ HSH Nordbank, iżda wkoll minħabba l-fatt li, b’relazzjoni mal-volum ta’ flus iddeterminat (il-parti tal-benefiċċji li tista’ tiġi ddistribwita bħala dividendi), ir-remunerazzjoni tagħhom se tkun inqas minħabba t-tnaqqis tal-valur nominali ta’ kull azzjoni.

59      Fl-aħħar nett, għandu jiġi deċiż, li r-rikorrenti stabbilew interess ġuridiku personali distint minn dak ta’ HSH Nordbank li jirrigwarda l-ewwel u t-tielet aspett imsemmija fil-punti 57 u 58 iktar hawn fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Westfälisch-Lippischer Sparkassen und Giroverband vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2014:683, punt 120), il-pagament ta’ ammont f’daqqa jirriżulta newtru għall-kumpannija, peress li l-iżborżar ta’ EUR 500 miljun mill-likwidità ġiet simultanjament ikkumpensata miż-żieda ta’ EUR 500 miljun tal-kapital soċjali.

60      Ir-rikors huwa għaldaqstant ammissibbli sa fejn ir-rikorrenti huma direttament u individwalment interessati mid-deċiżjoni kkontestata peress li l-Kummissjoni stabbiliet bħala kundizzjoni ż-żieda tal-kapital ta’ HSH Nordbank esklużivament favur HSH Finanzfonds.

61      Barra minn hekk, fir-rigward, tal-projbizzjoni tad-distribuzzjoni tad-dividendi sal-31 ta’ Diċembru 2014 u tal-limitazzjoni tal-ħlas tagħhom eventwali fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 13 hawn fuq bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2016, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-miżuri kienu jirrelataw mad-distribuzzjoni tal-benefiċċji tal-kumpannija fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 51 hawn fuq. Madankollu, din il-kundizzjoni neċessarja ma hijiex biżżejjed, peress li jeħtieġ li l-interess tar-rikorrenti jkun tagħhom stess, jiġifieri, li kellhom, f’dan ir-rigward, fil-kwalità tagħhom ta’ azzjonisti minoritarji, interess distint minn dak ta’ HSH Nordbank.

62      Minn naħa, fuq dan il-punt, għandu jiġi indikat li kumpannija jista’ jkollha interess li tiddistribwixxi d-dividendi bil-għan li tiffidelizza l-azzjonisti tagħha kif ukoll tirrikumpensahom għall-investiment tagħhom, u, għaldaqstant, il-fatt li tiġi milquta minn miżura ta’ projbizzjoni, sussegwentement ta’ limitazzjoni ta’ din id-distribuzzjoni, tilleġittima konsegwentement lil din il-kumpannija li tikkontesta tali miżura. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ distribuzzjoni tad-dividendi kienu ta’ benefċċju għaliha, peress illi hija saħħet il-fondi tagħha, li kien l-għan intiż mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ HSH Nordbank. Inkwantu għall-interess tal-azzjonist, dan jirriżulta bħala kontinġenti. Bħala regola ġenerali, l-interess ta’ azzjonist huwa, fit-terminu qasir, li jirċievi, fl-iqsar żmien possibbli, profitt fuq l-investiment u, għaldaqstant, id-distribuzzjoni ta’ dividendi. F’terminu medju u fit-tul, l-azzjonist ikollu l-intenzjoni li jiżviluppa l-kumpannija, pereżempju billi jwettaq profitt ikbar f’bejgħ tal-azzjonijiet tiegħu, u, f’perijodu ta’ kriżi, meta l-għan ta’ żvilupp tal-kumpannija jirriżulta impossibbli biex jitwettaq, iż-żamma u l-istabbiliment mill-ġdid ta’ din tal-aħħar.

63      F’dan il-każ, l-interessi tal-azzjonisti, minoritarji jew maġġoritarji, u dawk tal-kumpannija jidhru konverġenti, fil-fatt mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li, sabiex seta’ jseħħ is-salvataġġ ta’ HSH Nordbank, l-interess komuni ta’ din tal-aħħar u tal-azzjonisti kollha kien li jissaħħaħ il-proporzjon tal-fondi proprji tal-kumpanniji, sabiex b’hekk ikun jista’ jitjieb ir-rating tagħha u tattira investituri ġodda. Għaldaqstant hemm lok li jiġi meħud l-interess tagħha stess fir-rigward tal-projbizzjoni, sussegwentement tal-limitazzjoni, tad-distribuzzjoni tad-dividendi. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar ma humiex individwalment interessati mid-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt.

64      Barra minn hekk, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jinvokax motivi korroboranti, u lanqas argumenti preċiżi, insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għall-annullament tal-imsemmija projbizzjoni u limitazzjoni.

65      Minn dan jirriżulta li, għajr għal dak li jirrigwarda t-talba għal annullament tal-kundizzjoni intiża għaż-żieda tal-kapital ta’ HSH Nordbank esklużivament favur HSH Finanzfonds, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti ppruvaw li huma direttament u individwalment interessati skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors huwa inammissibbli. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma humiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, barra minn hekk, fir‑rigward tal-kundizzjoni intiża għall-projbizzjoni, sussegwentement il-limitazzjoni, tad-distribuzzjoni tad-dividendi, ir-rikors ma fih l-ebda preċiżazzjoni mitluba mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

 Fuq il-mertu

 Fuq il-motivi “ġenerali” tal-ewwel parti tar-rikors

66      Fost it-tmien motivi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel parti tar-rikors tagħhom u li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli, għandhom jiġu eżaminati, l-ewwel nett, il-motivi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ġenerali”, iżda fid-dawl tal-konklużjoni li tidher fil-punt 65 hawn fuq, jiġifieri biss sa fejn jirrigwardaw il-pagament ta’ ammont f’daqqa.

–       Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

67      Fl-ewwel lok, għandha tingħata attenzjoni lit-tieni motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296(2) TFUE sa fejn ma spjegatx b’mod suffiċjenti b’liema mod huma allegatament irċevew indirettament għajnuna mill-Istat u għalfejn il-valur kummerċjali ta’ HSH Nordbank kien allegatament iddeterminat b’mod inkorrett.

68      Preliminarjament, għandu jiġi espost fil-qasir, għaliex ir-rikorrenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala benefiċjarji indiretti ta’ għajnuna mill-Istat. F’dan il-każ, l-azzjonisti minoritarji ta’ HSH Nordbank ibbenefikaw, bl-intermedjazzjoni ta’ din il-persuna ġuridika li tagħha huma azzjonisti, mill-miżuri ta’ għajnuna li bbenefikaw minnha direttament u nominattivament, b’mod partikolari mir-rikapitalizzazzjoni, u dan mingħajr parteċipazzjoni fl-imsemmija rikapitalizzazzjoni, kuntrarjament għall-azzjonisti prinċipali ta’ HSH Nordbank. Il-Kummissjoni kkunsidrat (ara b’mod partikolari l-premessi 245 u 275 tad-deċiżjoni kkontestata) li kienet tkun għajnuna indiretta kieku hija ma rrikorrietx għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata, intiżi li jirrendu l-għajnuna diretta (l-unika waħda li kienet is-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali) kompatibbli mas-suq intern.

69      Għandu jiġi rrilevat, li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li permezz tagħha qed jiġi lmentat lill-Kummissjoni li ma spjegatx għala r-rikorrenti għandhom jitqiesu bħala benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat indiretta, hija żbaljata fil-fatt. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 247 sa 262 tad-deċiżjoni kkontestata, għala din l-għajnuna indiretta hija kkostitwita mill-assenza ta’ tqassim ġdid tal-oneri bejn l-azzjonisti u x’inhuma r-raġunijiet li hija qieset sabiex tirrifjuta l-oġġezzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-partijiet terzi.

70      Għalhekk, fil-premessa 247 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa indikat li “[l]-oriġini tal-vantaġġ indirettament konferit lill-azzjonisti minoritarji kienet ir-rinunzja mis-sidien tas-settur pubbliku ta’ dik il-parteċipazzjoni azzjonarja addizzjonali f’HSH [Nordbank] illi kienu jirċievu li kieku l-prezz tal-ishma l-ġodda kien ġie ddeterminat kif suppost” u li kienet teżisti “rabta [kawżali] bejn l-għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi mill-Istat lil HSH [Nordbank] u l-vantaġġ mogħti lill-azzjonisti minoritarji”. Fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża li, kuntrarjament għal dak li jidher fl-oġġezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-vantaġġ lill-azzjonisti minoritarji kien ġej mill-Istat, peress li waqt l-adozzjoni mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tad-deċiżjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni, inklużi n-numru ta’ ishma u l-prezz tagħhom, ittieħdet fil-laqgħa tal-azzjonisti “s-sidien tas-settur pubbliku bħala azzjonisti, u dawn [kienu] aġixxew fil-funzjoni tagħhom bħala entitajiet pubbliċi”.

71      Il-premessi 249 sa 253 tad-deċiżjoni kkontestata huma intiżi sabiex juru l-fatt li jekk ma tiġix irrimedjata, in-natura wisq limitata tad-dilwizzjoni tal-kapital wara r-rikapitalizzazzjoni tikkostitwixxi għajnuna.

72      Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li t-tqabbil ma’ waħda tad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha fil-qasam tat-tqassim tal-oneri bejn l-azzjonisti ma kinitx rilevanti (premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata) u indikat li, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula mill-azzjonisti minoritarji seħħ qabel il-miżuri ta’ għajnuna, u, b’mod partikolari, qabel ir-rikapitalizzazzjoni, huma setgħu biss jibqgħu mingħajr effett fuq il-legalità tal-korrezzjonijiet li kellhom isiru lill-imsemmija miżuri (premessi 255 u 256 tad-deċiżjoni kkontestata).

73      Għaldaqstant, fil-premessa 262 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonkludiet li jeżisti “benefiċċju potenzjali li rċevew l-azzjonisti minoritarj” u, għaldaqstant, li hemm “ħtieġa għal kondiviżjoni xierqa tal-piżijiet”. Għaldaqstant, minn dan jirriżulta b’mod ċar li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa infondat fl-ewwel parti tiegħu.

74      Barra dan, fir-rigward tat-tieni parti, mill-eżami tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ma għandhiex tintlaqa’. Fil-fatt, kif ġie evokat fil-punt 71 hawn fuq, il-kwistjoni tal-valur ta’ HSH Nordbank u, sussegwentement, tal-prezz unitarju tal-azzjonijiet li jiffurmaw il-kapital tiegħu, hija ttrattata fil-premessi 249 sa 253 tal-imsemmija deċiżjoni. Qed jiġi enfasizzat li l-analiżi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-azzjonisti pubbliċi ta’ HSH Nordbank, hija bbażata fuq rapport ta’ evalwazzjoni magħmul minn kumpannija ta’ awdituri rinomata (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni”), kien fih diversi lacunae (premessa 250 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri l-fatt li l-imsemmija evalwazzjoni ibbażat ruħha fuq pjan tal-operat li ma jiħux inkunsiderazzjoni n-neċessità li jkun “[j]issodisfa r-rekwiżiti kapitali regolatorji” (premessa 251 tad-deċiżjoni kkontestata) u, għaldaqstant, li HSH Nordbank jiġi rrustrutturat sostanzjalment.

75      Il-Kummissjoni tirrileva, b’mod partikolari, li l-ipoteżi ta’ normalizzazzjoni tas-swieq fl-2011, li tidher f’dan il-pjan tal-operat , ma setgħetx tiġi ‘kkunsidrata bħala konservattiva’ (l-istess premessa). Hija tenfasizza wkoll (premessa 252 tad-deċiżjoni kkontestata) li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-azzjonisti pubbliċi ta’ HSH Nordbank ma ħadux inkunsiderazzjoni r-riżervi li għamlu l-awturi tar-rapport ta’ evalwazzjoni nnifishom, b’mod partikolari l-fatt li t-tnaqqis tar-rating ta’ HSH Nordbank minn A għal BBB+ bi prospetti negattivi “ma kienx rifless fl-ippjanar tal-finanzjament li fuqu kienet ibbażata l-valwazzjoni, u b’konsegwenza ta’ dan ma ġiex ikkunsidrat fl-ikkalkular tal-valur indikattiv” ta’ din il-kumpannija. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ir-ritorn għar-rating A fl-2013 huwa bbażat, fuq ipoteżi żbaljata. Il-Kummissjoni żżid, fl-istess premessa, li l-imsemmi rapport ippreżenta preċiżament in-neċessità li jiġu integrati l-istanzi ta’ ristrutturazzjoni li kienu jkunu preskriti fil-kuntest fil-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Fl-aħħar nett, hija tikkonkludi, huwa żball li l-valur tal-impriża ġie kkalkulat, fir-rapport ta’ evalwazzjoni, peress li kkunsidra bħala fatt li l-garanzija ġenerali se tiġi eżegwita (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li huwa preċiżament l-għan tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni li tiddetermina jekk il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u, jekk jikkostitwixxu għajnuna, jekk hijiex kompatibbli mas-suq intern u skont liema kundizzjonijiet.

76      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, konsegwentement, din għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

77      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tipproċedi, sussegwentement, għall-eżami tal-motiv l-ieħor ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, jiġifieri dak tal-eżistenza ta’ difett proċedurali, li jirriżulta mill-għeluq irregolari tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni.

–       Fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 u l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jirriżulta mill-għeluq irregolari tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni

78      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), u l-prinċipju ta’ ċertezza legali ġew miksura bil-fatt tal-għeluq irregolari tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma adottat ebda mid-deċiżjonijiet elenkati fl-imsemmi Artikolu 7(1) sabiex tagħlaq il-proċedura inkwistjoni li tirrigwarda l-eventwali għajnuna illegali li tagħha huma benefiċjarji l-azzjonisti minoritarji. Huma jargumentaw li, minkejja li l-Kummissjoni tista’ tħalli l-proċedura formali ta’ investigazzjoni miftuħa, l-istituzzjoni kkonċernata għandha madankollu tindika, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, għal-liema miżuri hija tkun għalqet din il-proċedura, dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-għajnuna indiretta inkwistjoni.

79      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jirreferi għall-Artikolu 7(2) sa (5) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi erba’ tipi ta’ deċiżjonijiet: id-deċiżjoni li permezz tagħha jiġi kkunsidrat li l-miżura notifikata ma tikkostitwixxix għajnuna (paragrafu 2), billi tirrikonoxxi, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern (“deċiżjoni posittiva”, iddefinita fil-paragrafu 3), dik li permezz tagħha l-Kummissjoni tissuġġetta deċiżjoni posittiva għal kundizzjonijiet li jippermettulha li tikkunsidra l-kompatibbiltà mas-suq intern u mal-obbligi li jippermettulha tikkontrolla l-osservanza tad-deċiżjoni tagħha (“deċiżjoni kundizzjonali”, prevista fil-paragrafu 4) u, fl-aħħar nett, id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tqis l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern (“deċiżjoni negattiva”, imsemmija fil-paragrafu 5). Ir-rikorrenti jargumentaw korrettament li l-proċedura formali ta’ investigazzjoni għandha titwettaq skont waħda minn dawn l-erba’ tipi ta’ deċiżjonijiet.

80      Madankollu, huwa żbaljat li jindikaw li dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-għajnuna indiretta eventwalment konsentita lill-azzjonisti minoritarji u, b’mod partikolari, li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma jgħid xejn fuq dan il-punt. Fil-fatt huwa stabbilit li din tal-aħħar hija deċiżjoni kundizzjonali, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil HSH Nordbank hija kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern biss bil-kundizzjoni li l-korrezzjonijiet jiġu adottati fir-rigward tat-tqassim tal-oneri bejn l-azzjonisti, sabiex tiġi msaħħa l-kontribuzzjoni tal-azzjonisti minoritarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn li tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat indiretta konċessa favur l-azzjonisti minoritarji, peress li huwa preċiżament bil-għan li jiġi evitat li tali għajnuna tiġi fis-seħħ li ġie adottat il-pagament ta’ ammont f’daqqa.

81      Għalhekk, hija ma kisritx l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u lanqas il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi ma semmiet xejn fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ għajnuna indiretta favur l-azzjonisti minoritarji, fosthom ir-rikorrenti, peress li huwa bil-għan li tiġi evitata din l-eventwalità li ġew imposti l-kundizzjonijiet ddettaljati fil-punti 11 sa 13 hawn fuq. Dan ir-raġunament ma jmurx kontra bl-ebda mod għal dak imsemmi mill-premessa 73 u l-punt 5 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, imsemmija fil-punt 7 hawn fuq, sa fejn din hija intiża sempliċiment li tippermetti lill-Kummissjoni li tivverifika jekk l-imsemmija għajnuna indiretta tistax isseħħ, li skont din l-istituzzjoni, kien jiġri f’każ li ma kinux jeżistu l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata.

82      Minn dan jirriżulta li dan il-motiv ma jistax jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq il-motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq l-assenza tal-għajnuna awtonoma favur l-azzjonisti minoritarji, sussegwentement, l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-fatti waqt l-eżami tal-eventwali benefiċċju mogħti lil dawn tal-aħħar u, fl-aħħar nett, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prestazzjonijiet ipprovduti minn qabel mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tqassim tal-oneri

83      L-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien, sa fejn it-tlieta li huma jittrattaw l-evalwazzjoni ta’ fondatezza tat-turija tal-Kummissjoni inkwantu għall-eżistenza eventwali ta’ għajnuna indiretta favur l-azzjonisti minoritarji, fosthom ir-rikorrenti. Dawn il-motivi jikkostitwixxu, fir-rigward tal-mertu, il-kumpliment tal-motiv dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni, li l-eżami tiegħu ppermetta li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet immotivat suffiċjentement fid-dritt l-assjem ta’ dawn il-kwistjonijiet. Issa jirrigwarda l-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

84      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-għajnuna indiretta allegata ma tikkostitwixxix għajnuna awtonoma, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza li ġejja mis-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2002, Pays-Bas vs Il-Kummissjoni (C‑382/99, Ġabra, EU:C:2002:363, punti 62 et seq.), u tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C‑126/01, Ġabra, EU:C:2003:622, punti 28 et seq.), bil-għan li jargumentaw li tista’ teżisti biss għajnuna indiretta meta l-benefiċċju ekonomiku jiġi ttrasferit mill-benefiċjarju inizjali (HSH Nordbank f’dan il-każ) lil benefiċjarji oħra (l-azzjonisti minoritarji fil-każ partikolari). Madankollu, huma jqisu li din il-ġurisprudenza hija inapplikabbli fiċ-ċirkustanzi attwali, peress li l-benefiċċju ekonomiku li għandhom, bħall-azzjonisti minoritarji l-oħra, li kienu bbenefikaw minnu jikkostitwixxi biss “is-sempliċi rifless ekonomiku tal-appoġġ mogħti lil HSH Nordbank”.

85      Dan l-ilment iqajjem żewġ oġġezzjonijiet, li jwassal għaċ-ċaħda tiegħu. L-ewwel nett, kif ġie espost fil-kuntest fl-eżami tal-motiv dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni ma riditx turi l-eżistenza ta’ għajnuna indiretta bħala tali, iżda li din l-għajnuna eventwali setgħat ġiet fis-seħħ jekk ma jsirux korrezzjonijiet għall-għajnuna mogħtija lil HSH Nordbank. Il-premessa prinċipali tar-raġunament tar-rikorrenti hija għaldaqstant mhux eżatta. It-tieni nett, jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni riedet turi l-eżistenza ta’ għajnuna bħala tali favur l-azzjonisti minoritarji, għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti ma teskludix l-ipoteżi ta’ trasferiment parzjali tal-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarju inizjali.

86      Għaldaqstant l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

87      It-tieni nett, fir-rigward tal-iżball ta’ evalwazzjoni allegat fir-rigward għar-rikonoxximent ta’ benefiċċju favur l-azzjonisti minoritarji, ir-rikorrenti jargumentaw li kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, ir-rapport ta’ evalwazzjoni kien ibbażat fuq metodi rrikonoxxuti. B’mod partikolari, huma jikkontestaw li kien neċessraju li jirrikorru f’dan il-każ, għal evalwazzjoni “konservattiva” u jqisu li din il-pożizzjoni ta’ prinċipju tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huma jenfasizzaw li kemm fil-każ ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, ta’ stħarriġ tal-provi invokati, tal-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, kif ukoll l-kwistjoni ta’ jekk għandhomx in-natura li jsostnu l-konklużjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni għandhom jiġu deċiżi mill-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti jqisu li r-rapport ta’ evalwazzjoni juri valur tal-impriża oġġettiv u, għaldaqstant, newtru, huma jsostnu li l-evalwazzjonijiet futuri inċerti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod li jiżvantaġġaw unilaterlament l-interessi ta’ parti waħda, li kieku jseħħ fl-ipoteżi ta’ previżjoni iktar konservattiva.

88      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti:

–        fil-mument tal-evalwazzjoni kien realistiku li mill-2011 kienet se sseħħ normalizzazzjoni tal-kuntest ġenerali tal-kundizzjonijiet ekonomiċi;

–        it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni barra dawk li tagħhom HSH Nordbank kien diġà suġġett għallihom ma kienx oġġettivament iġġustifikat u ma kienx ikollu ebda effett fuq ir-riżultat, peress li l-ishma u l-portafolli intiżi li jiddeterminaw il-valur tal-impriża ġew evalwati fid-dawl tal-valur tas-suq tagħhom u tat-tnaqqis tal-valur tal-impriża indikat mill-Kummissjoni, jikkorrispondi biss fir-realtà, f’każ ta’ bejgħ bi prezz inqas tal-valur tas-suq;

–        bl-istess mod kien oġġettivament iġġustifikat li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tar-rating ta’ HSH Nordbank minn aġenzija tar-rating, peress li l-imsemmi tnaqqis ma kellu ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-valur tal-impriża ;

–        tittieħed inkunsiderazzjoni l-garanzija ġenerali kien oġġettivament iġġustifikat;

–        it-tnaqqis tal-prezz tal-ħruġ tal-azzjonijiet ordinarji fil-mument tar-rikapitalizzazzjoni ma kienx oġġettivament iġġustifikat.

89      Hawnhekk huwa importanti li jitfakkar f’liema kuntest qed isir l-argument tar-rikorrenti. Kif jirriżulta mill-punt 32 tar-risposta, fil-mument tar-rikapitalizzazzjoni, il-prezz ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda ġie ffissat għal EUR 19 għal kull unità, abbażi tar-rapport ta’ evalwazzjoni, skont liema l-valur tal-impriża kien ivarja bejn EUR 2.01 biljun sa EUR 2.94 biljun, dan ifisser li l-prezz ta’ kull azzjoni kienet tvarja bejn EUR 19.1 sa EUR 27.8. Għldaqstant, il-prezz miżmum huwa ftit inqas minn dak previst fl-ipoteżi l-baxxa li tissemma fir-rapport ta’ evalwazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni qieset kemm l-ammont ta’ EUR 19 għal kull azzjoni “kien għoli żżejjed” (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata u punt 32 tar-risposta).

90      Għar-raġunijiet imressqa fil-punti 87 u 88 hawn fuq, ir-rikorrenti, jikkunsidraw li l-evalwazzjoni tal-valur tal-impriża ta’ HSH Nordbank, u, konsegwentement, il-prezz unitarju tal-azzjonijiet li jiffurmaw il-kapital tagħha, huma konformi mad-dritt.

91      Hemm bżonn issir dikjarazzjoni fuq kull wieħed mill-ħames argumenti mressqa fil-punt 88 hawn fuq, billi jiġi ppreċiżat li l-fatti bħala tali ma humiex ikkontestati.

92      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-natura żbaljata tal-ipoteżi ta’ normalizzazzjoni tas-suq mill-2011, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ġustament tfakkar, fil-punt 38 tar-risposta, li hija bl-ebda mod ma hija marbuta bir-regoli applikati mid-ditti tal-awditjar meta jkunu qed jagħmlu r-rapporti tagħhom. Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li jaffermaw ir-rikorrenti, l-imsemmija regoli huma intiżi sabiex jipprevjenu ir-riskji, u għaldaqstant huma prudenti, ċirkustanzi li ġustament fakkret il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, din l-ipoteżi setgħet effettivament tiġi kklassifikata bħala imprudenti fil-mument tal-iffissar tal-prezzijiet tal-azzjonijiet, peress li, minn naħa, mir-rapport ta’ evalwazzjoni jirriżulta li r-rata ta’ tkabbir mistennija fl-2009 u fl-2010 tikkorrispondi għal kollass (2009), imbagħad għal titjieb ħafif (2010), ċirustanza li ma kinitx tippermetti previżjoni għal ritorn ta’ tkabbir eknomiku normali fl-2011, u, min-naħa l-oħra, dan l-istess rapport ma fih ebda dikjarazzjoni jew raġunament li jsostni din l-istess l-ipoteżi, peress li jillimita ruħu li jindika li l-pjan tal-operat kien jipprevedi tali ritorn. Għaldaqstant, l-ewwel argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

93      Fit-tieni lok, fir-rigward, tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-prezz tal-ħruġ tal-azzjonijiet ġodda, il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ kumpens, għandu jiġi deċiż li huma l-awtoritajiet Ġermaniżi li kellhom, fil-mument ta’ adozzjoni tal-miżura tal-għajnuna li kienet tikkostitwixxi r-rikapitalizzazzjoni, li jantiċipaw l-eżami tal-Kummissjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Jekk huwa minnu li ċerti miżuri ta’ ristrutturazzjoni ġew proposti fir-rapport ta’ evalwazzjoni, dan kellu l-għan li jippermetti lil HSH Nordbank li jikkonforma ruħu biss għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, b’mod partikolari, fid-dawl tal-intervent mistenni mill-Fond Speċjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat ġustament, fil-premessa 252 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rapport ta’ evalwazzjoni stess jindika huwa stess in-neċessità li jiġu previsti miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ kumpens addizzjonali, mingħajr madankollu ma jinġibdu l-konsegwenzi fid-determinazzjoni tal-prezz unitarju tal-azzjonijiet ta’ HSH Nordbank.

94      Konsegwentement, l-azzjonisti minoritarji ta’ dan tal-aħħar, fosthom ir-rikorrenti, ma jistgħux jibbażaw argument mill-imsemmi rapport, a fortiori sabiex isostnu li huma ma setgħux jantiċipaw l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt magħruf sew minnhom u li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-operaturi ekonomiċi prudenti u infurmati li kellhom ikunu huma fir-rigward tal-miżuri ta’ natura li taffettwa l-interessi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, C‑194/09 P, Ġabra, EU:C:2011:497, punt 71, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Eurallumina vs Il-Kummissjoni, T‑308/11, EU:T:2014:894, punt 59).

95      Huwa wkoll żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-ristrutturazzjoni u tal-kumpens ma setax jaffettwa d-determinazzjoni tal-valur tal-impriża ta’ HSH Nordbank fl-assenza ta’ bejgħ bi prezz inqas mill-prezz tas-suq. Fil-fatt, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, l-istudju li qed jibbażaw ruħhom fuqu r-rikorrenti, li jidher fl-Anness A 3 tar-rikors, huwa bbażat fuq il-premessa li l-bejjiegħ jippreżerva l-possibbiltà li ma jbigħx, possibbiltà li, mid-definizzjoni tagħha stess, hija eskluża fil-każ ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li din timplika l-obbligu ta’ bejgħ ta’ ċerti portafolli u oqsma ta’ attività f’terminu impost. Bl-istess mod, ma jistax jiġi sostnut li d-deċiżjoni minn HSH Nordbank tal-attivitajiet ġodda tagħha ma kellhiex effett fuq il-valur tal-impriża, peress li din id-deċiżjoni kellha bħala konsegwenza mekkanika t-tnaqqis kontinwat tal-istocks ibbażat fuq l-iskadenzi tal-attivi li jiffurmaw il-portfolli kkonċernati mill-imsemmija attivitajiet. Id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ effett ta’ din id-deċiżjoni kienet rilevanti biss f’każ ta’ rendiment suffiċjenti tal-imsemmija attivi sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ finanzjament tagħhom stess jew ta’ sostituzzjoni ta’ dawn l-attivitajiet b’oħrajn, iktar riċenti u suffiċjentement sostenibbli. Madankollu, ir-rikorrenti ma stabbilew bl-ebda mod li dawn il-kundizzjonijiet ġew sodisfatti. Għaldaqstant, anki t-tieni argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

96      Fit-tielet lok, fir-rigward, tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis tar-rating ta’ HSH Nordbank minn aġenzija, għandha tinċaħad bħala ineżatta d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti skont liema tali tnaqqis seta jibqa’ mingħajr effett biss fuq id-determinazzjoni tal-valur tal-impriża ta’ HSH Nordbank. Kuntrarjament, għandu jitfakkar li dawn ir-ratings għandhom bħala għan u, fil-maġġoranza tal-każijiet, bħala effett li jirriflettu bl-iktar mod preċiż possibbli l-valur ta’ impriża, u l-evoluzjoni permanenti ta’ dan il-valur.

97      Dak premess, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis ta’ rating jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat mill-perspettiva ekonomika jekk l-impriża kkonċernata jkollha elementi li jinvalidaw ir-raġunijiet tal-imsemmi tnaqqis, pereżempju ratings oħra ta’ aġenziji li jagħtu opinjoni kuntrarja. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għaż-żamma tar-rating A minn żewġ aġenziji oħra. Mill-fatti esposti fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ewwel aġenzija naqqset ir-rating tagħha ta’ HSH Nordbank f’Mejju 2009, iż-żewġ aġenziji l-oħra għamlu l-istess ħaġa biss sena wara, f’Mejju u Lulju 2010. Madankollu, ir-ratings kollha kienu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, peress li r-rikapitalizzazzjoni u l-garanzija ġenerali ngħataw f’Mejju u f’Ġunju 2009 u l-proċedura formali ta’ investigazzjoni nfetħet fit-22 ta’ Ottubru 2009. Il-Kummissjoni tiġġustifika l-analiżi tagħha permezz tal-fatt li s-sempliċi tnaqqis tar-rating huwa biżżejjed, b’mod ġenerali, sabiex iżid l-ispiża tal-kreditu għall-impriża kkonċernata. Fis-seduta hija ppreċiżat, li, fil-mument tal-kriżi tas‑subprimes, il-ftit investituri li kien għad baqa’ kienu sensibbli għat-tnaqqis tar-rating, anki jekk aġenzija waħda tkun tat l-allarm. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, l-ewwel teħid ta’ pożizzjoni f’din il-perspettiva, kellu importanza partikolari.

98      Mingħajr ma tiġi mminimizzata l-importanza ta’ dan l-aħħar argument, għandu jiġi madankollu miċħud. Fil-fatt, f’dan il-każ il-fiduċja li kellhom is-swieq, fis-sostenibbiltà tal-impriża, almenu sa’ Mejju 2010, kienet tirriżulta miż-żamma tar-rating tal-imsemmija impriża minn diversi aġenziji (f’dan il-każ, minn tnejn minn tliet aġenziji il-“kbar”). Konsegwentement, huwa żbaljat li l-Kummissjoni kkunsidrat li t-telf tar-rating “A” lejn ir-rating “BBB+” insostenn tar-raġunament tagħha li wassalha għall-konklużjoni li l-valur tal-impriża ta’ HSH Nordbank ġie sopravalutat.

99      L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati qabel jiġi ddeterminat l-effett ta’ din l-analiżi żbaljata fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

100    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-fatt li ġiet ikkunsidrata bħala miksuba, u ġiet eżegwita l-garanzija ġenerali, filwaqt li l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ jekk din tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u, jekk ikun il-każ, jekk din l-għajnuna kinitx kompatibbli mas-suq intern, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ex ante ta’ din il-miżuri sabiex jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku tal-impriża, peress li “id-dettalji li jirrigwardaw il-garanzija ġenerali, bħall-ispejjeż, l-ammont u t-tul, kienu diġà magħrufa” minn HSH Nordbank. Fil-fatt, il-fatt li l-kontenut ta’ dawn il-miżuri kien magħruf u li din il-kumpannija kienet informat lill-interlokuturi tagħha sabiex isserħilhom rashom fuq il-vijabbiltà ekonomika ma jippermetti bl-ebda mod li jiġi dedott li l-Kummissjoni kkunsidrat l-imsemmija miżuri bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, barra minn hekk, bħalma huwa l-każ, b’riżerva għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet. Fi kliem ieħor, kieku kien possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri inkwistjoni bħala garanzija tal-vijabbiltà ekonomika ta’ HSH Nordbank, dan ma kienx madankollu jikkostitwixxi bażi legali rilevanti sabiex jiġu integrati bħala wieħed mill-parametri tad-determinazzjoni tal-valur ekonomiku tal-impriża qabel ir-rikonoxximent tal-legalità tal-imsemmijin miżuri fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Affermazzjoni kuntrarja tneħħi l-essenza u tiċħad ir-raison d’être tal-proċedura applikabbli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

101    Għandu wkoll tiġi kkunsidrata bħala irrilevanti id-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni ma setgħetx fl-istess ħin tirrifjuta li tittieħed inkunsiderazzjoni l-garanzija ġenerali u teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ kumpens. Għandu hawnhekk, jiġi enfasizzat li dawn tal-aħħar, bħaċ-ċessjoni ta’ portafolli jew ta’ partijiet ta’ attivitajiet, fi kwalunkwe każ, kienu jiġu imposti mis-suq u mill-banek, ladarba miksub il-prinċipju tal-vijabbiltà tal-impriża, sabiex tiżdied il-vijabbiltà ta’ din tal-aħħar. F’dan il-kuntest, kif ġustament fakkret il-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha, ir-rapport ta’ evalwazzjoni kellha bħala għan li jiġi ddeterminat il-valur ta’ HSH Nordbank mingħajr għajnuna, bil-għan li jiġu ffissati fuq din il‑bażi il-prezz tal-azzjonijiet intiżi speċifikament, sabiex jiffinanzjaw il-miżuri tal-għajnuna. Għaldaqstant huwa normali li HSH Nordbank ħa inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-valur tal-impriża, tal-limiti marbuta mal-proċeduri li operatur ekonomiku prudenti u infurmat kellu jipprevedi. Ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tal-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, li ma jikkorrispondux għal elementi tal-valur tal-impriża fis-suq, iżda jikkostitwixxu faċilitajiet eċċezzjonali intiżi sabiex jevitaw il-falliment ta’ din tal-aħħar u jippermettu l-istabbiliment tagħha mill-ġdid f’ċertu terminu. Għalhekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li skont il-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti” (ĠU 2008, C 270, p. 8), l-għoti ta’ garanzija mill-Istat għandu jitqies bħala miżura ta’ emerġenza u, għaldaqstant, neċessarjament temporanju, tali garanzija għandha neċessarjament ukoll tkun akkumpanjata minn miżuri ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ likwidazzjoni tal-benefiċjarju (is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, Ġabra, EU:C:2015:151, punt 70). Barra dan, xejn ma jippermetti li jiġi ddikjarat li dawn il-miżuri jiġu kkunsidrati bħala legali mill-Kummissjoni, jiġifieri meqjusin bħala għajnuna mill-Istat, jew ikkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, huwa biss b’mod kundizzjonali li l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna ġiet irrikonoxxuta, filwaqt li r-rikorrenti jikkontestaw dawn il-kundizzjonijiet. Għalhekk, għandu jiġi indikat mill-ġdid li, jekk kien loġiku u utli li HSH Nordbank kien jikkondividi mal-isħab kummerċjali tiegħu u mal-banek dik li kellha tkun is-sitwazzjoni finanzjarja ladarba tkun ingħatat il-garanzija ġenerali, din tal-aħħar ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-azzjonijiet ġodda maħruġa fil-kuntest tar-rikapitalizzazzjoni mingħajr ma jiġi soprvalutat awtomatikament l-imsemmi valur.

102    Għaldaqstant, ir-raba’ argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

103    Fil-ħames u l-aħħar lok, fir-rigward, tan-natura mhux ġustifikata tat-tnaqqis tal-prezz ta’ ħruġ tal-azzjonijiet ġodda, ir-rikorrenti jsostnu li dan il-prezz huwa fir-realtà, ukoll baxx wisq, billi bbażaw ruħhom fuq il-prezz medju għal kull azzjoni ta’ EUR 23.50 li jirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni. Dan l-aħħar argument għandu jiġi analizzat, fil-prattika, bħala konklużjoni tal-erba’ argumenti preċedenti, għandu jiġi deċiż li, fid-dawl tal-assjem ta’ motivi miżmuma mill-Kummissjoni, b’eċċezzjoni għal dak dwar it-tnaqqis tar-rating minn waħda biss mit-tliet aġenziji l-iktar importanti, din l-istituzzjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha rilevanti u ma għamlitx l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li l-valur ta’ EUR 19 għal kull azzjoni kien wisq għoli u kellu jiġi kkumpensat minn tqassim ġdid ta’ oneri bejn l-azzjonisti.

104    Għaldaqstant, anki t-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

105    It-tielet nett, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-prestazzjonijiet minn qabel ipprovduti mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tqassim tal‑oneri, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, f’din il-kawża hija biss inkwistjoni d-deċiżjoni kkontestata (ċirkustanza li teskludi l-assjem tal-aġir tal-azzjonisti ta’ HSH Nordbank qabel ma dan iddeċieda li jirrikorri għall-intervent tal-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-miżuri ta’ salvataġġ), mhux barra minn hekk bħala li tirrikonoxxi li l-miżuri inkwistjoni tal-għajnuna mill-Istat, iżda bħala li hija timponi fuq l-azzjonisti minoritarji ta’ HSH Nordbank ċertu numru ta’ kundizzjonijiet dwar tqassim mill-ġdid ta’ oneri bejn l-azzjonisti bil-għan li jirrendu l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern. Il-fatt li r-rikorrenti intervjenew, bħal wara kollox l-kumplament tal-azzjonisti l-oħra, preċedentement għar-rikapitalizzazzjoni jista’ biss jibqa’ mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-legalità tal-imsemmija kundizzjonijiet. Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi indikat, kif għamlet il-Kummissjoni, li peress li ż-żieda ta’ kapital ġie deċiż fl-2008, l-azzjonisti ta’ HSH Nordbank kien qed jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-investiment tagħhom kien se jħallihom profitt. Huma kienu qed jikkunsidraw, fil-fatt, li dan kien se joħroġ mill-kriżi finanzjarja mingħajr problemi u indikaw għalhekk lill-Kummissjoni li aġixxew konformement mal-prinċipju tal-investitur ekonomiku li jopera fil-kundizzjonijiet ta’ suq, kunsiderazzjoni li magħha kienet qed taqbel il-Kummissjoni (ara premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li dan il-motiv huwa rilevanti, xorta għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tat-tqassim mill-ġdid tal-oneri

106    Permezz tas-seba’ motiv tal-ewwel parti tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie miksur, peress li l-Kummissjoni, minn naħa, naqset milli tivverifika jekk il-prinċipju ġiex osservat fid-dawl ta’ tqassim ġdid tal-oneri li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, hija effettivament kisret l-imsemmi prinċipju billi imponiet fuqhom il-pagament ta’ ammont f’daqqa.

107    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, l-ewwel parti tal-motiv huwa żbaljat fil-fatt.

108    Għalhekk, il-Kummissjoni tirrileva li qabel ma tiġġustifika r-rikors għall-kundizzjonijiet imposti fuq l-azzjonisti minoritarji, li “l-pjan ta’ ristrutturar modifikat fih miżuri addizzjonali li jtejbu konsiderevolment il-kondiviżjoni tal-piżijiet mill-azzjonisti minoritarji” (premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata), li “il-miżuri addizzjonali dwar ir-remunerazzjoni tal-irpar mir-riskju imposti mill-Kummissjoni […] se jżidu l-grad tal-kondiviżjoni tal-piżijiet” (premessa 259 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “il-kondiviżjoni tal-piżijiet mill-azzjonisti minoritarji se tkun imtejba ulterjorment permezz tar-restrizzjoni fuq ir-remunerazzjoni tal-istrumenti tal-kapital” (premessa 260 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra dan, hija tfakkar li, madankollu, fid-dawl tal-għan li jikkonsisti fil-“kondiviżjoni tal-piżijiet mill-azzjonisti minoritarji” (premessa 261 tad-deċiżjoni kkontestata), il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern jekk xi dispożizzjonijiet ġodda li jtejbu s-sehem tal-azzjonisti minoritarji fit-tqassim tal-oneru ma jkunux jistgħu jiġu deċiżi. Hija espressament tenfasizza, fil-premessa 262 tad-deċiżjoni kkontestata, li projbizzjoni ta’ ħlas ta’ dividendi għandha “tkun proporzjonali, [...] għandha tkun limitata”. Fil-premessa 263 tad-deċiżjoni kkontestata, hija trid, fi kliemha stess, “kontribuzzjoni proprja adegwata u kondiviżjoni tal-piżijiet”, li titraduċi ruħha impliċitament, iżda neċessarjament, fil-fatt li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa għaldaqstant mhux eżatt li din l-istituzzjoni naqset milli teżamina jekk l-imsemmi prinċipju ġiex osservat.

109    It-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin.

110    Il-Kummissjoni oġġezzjonat, kemm fl-espożizzjonjiet bil-miktub tagħha kif ukoll matul is-seduta, li r-rikorrenti ma humiex fondati meta jikkontestaw miżuri li, essenzjalment, iqegħduhom f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik li kienet tirriżulta fl-assenza tal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna. Madankollu, peress li ġie stabbilit l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fil-kundizzjonijiet iddefiniti fil-punti 56 sa 60 hawn fuq, l-eżami tal-legalità tal-kundizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni – u, b’mod partikolari, l-eżami tal-osservanza tagħhom tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – għandha titwettaq mill-qorti tal-Unjoni, skont, minn naħa, il-motivi mqajma mir-rikorrenti u ddikjarati ammissibbli u rilevanti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-motivi ta’ ordni pubbliku.

111    Fir-rigward tal-mertu, jidher li dan il-prinċipju ġie osservat mill-Kummissjoni f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, b’mod evażiv. Il-Kummissjoni la naqset li tenumera sa fejn l-azzjonisti minoritarji ma kellhomx biżżejjed sehem fit-tqassim tal-oneri u lanqas li tiddetermina liema kien l-ammont ta’ oneri tal-azzjonisti li rriżulta fil-pagament ta’ ammont f’daqqa f’forma ta’ azzjonijiet.

112    F’dan ir-rigward, kif ġie indikat b’mod rilevanti fir-risposta, għandu jiġi rrilevat li l-kwantifikazzjoni tal-insuffiċjenza ta’ parteċipazzjoni fit-tqassim tal-oneri tal-azzjonisti minoritarji jirriżulta b’mod ċar mill-qari flimkien tal-premessi 40 u 253 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri għal dak li jirrigwarda d-differenza bejn il-prezz unitarju ta’ EUR 19 għal kull azzjoni effettivament ikkunsidrata f’dan il-każ u dak rettifikat mill-Kummissjoni (EUR 9.1, jiġifieri EUR 13.6 meta jitnaqqas il-benefiċċju tal-garanzija ġenerali, bi tnaqqis ta’ EUR 4.5 fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar it-tnaqqis tal-prezz ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda tad-dividend ta’ 10 % mhux likwidati matul il-perijodu 2009-2012). F’dak li jirrigwarda l-valur tal-pagament ta’ ammont f’daqqa f’forma ta’ azzjonijiet, il-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi d-dettalji neċessarji lir-rikorrenti.

113    Għaldaqstant ma hemm ebda dubju li l-Kummissjoni osservat sew il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-motivi “speċifiċi” tal-ewwel parti tar-rikors

114    It-tieni nett, għandhom jiġu eżaminati l-mezzi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “speċifiċi”, iżda, hawnhekk ukoll, biss sa fejn dawn jirrigwardaw il-pagament ta’ ammont f’daqqa.

115    F’dan ir-rigward, is-sitt motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Kommunikazzjoni tagħha li Kummissjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, C 72, p. 1) li tipprevedi għad-deċiżjoni kkontestata l-kundizzjonijiet u l-obbligi li ma kinux marbuta mar-ristrutturazzjoni ta’ HSH Nordbank, iżda li kienu jikkostitwixxu awtorizzazzjoni kundizzjonali b’għajnuna indiretta moħbija, hija, fir-realtà, esklużivament diretta kontra l-pagament ta’ ammont f’daqqa. F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru ċertu numru ta kunsiderazzjonijiet.

116    Il-pagament ta’ ammont f’daqqa ġie kkunsidrat fil-premessi 245 sa 259 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-taqsima intitolata “Il-kondiviżjoni tal-piżijiet minn azzjonisti minoritarji”. Il-Kummissjoni tirreferi għall-elementi li jidhru fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni (premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata), qabel ma tirrifjuta l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-partijiet l-oħra kkonċernati, fosthom l-azzjonisti minoritarji (jiġifieri l-assoċjazzjonijiet tal-banek tat-tfaddil ta’ Schleswig-Holstein u l-kumpanniji assistiti minn JC Flowers & Co., fosthom ir-rikorrenti).

117    Skont il-Kummissjoni, l-azzjonijiet miżmuma mill-azzjonisti minoritarji li ma ħadux sehem fir-rikapitalizzazzjoni ġew dilwiti b’mod insuffiċjenti, fi kliem ieħor il-prezz unitarju tagħhom kien għoli wisq, minħabba tqassim tal-oneri adegwat fil-kuntest tas-salvataġġ ta’ HSH Nordbank, li kien jippermetti li l-miżuri ta’ għajnuna jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern. Hija tqis ukoll li l-vantaġġ indirettament konferit lill-azzjonisti minoritarji, mill-assenza tal-kundizzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata seta’ fih innifsu jitqies bħala għajnuna mill-Istat, sa fejn, jekk il-prezz tal-azzjonijiet kien ġie ffissat korrettament, l-azzjonisti pubbliċi (jiġifieri l-Länder ta’ Hambourg u ta’ Schleswig-Holstein) kienu jibbenefikaw minn sehem addizzjonali fil-kapital ta’ HSH Nordbank, li huma kienu rrifjutaw (premessi 247 u 248 tad-deċiżjoni kkontestata).

118    Il-Kummissjoni tiċħad ukoll l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-azzjonisti minoritarji li jirrigwardaw ir-rilevanza tal-evalwazzjoni inizjali tal-prezz u tan-numru tal-azzjonijiet. Skont dawn il-partijiet, il-parametri inkwistjoni, stabbiliti abbażi tar-rapport ta’ evalwazzjoni, kienu rilevanti, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li l-ommissjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti fir-rapport wassal għal sopravalutazzjoni tal-prezz ta’ kull azzjoni fil-mument tar-rikapitalizzazzjoni (premessi 249 u 250 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni tesprimi n-nuqqas ta’ qbil tagħha maż-żewġ ipoteżijiet kkunsidrati fir-rapport ta’ evalwazzjoni sabiex jiġi ffissat il-preżż unitarju tal-azzjonijiet (premessi 251 u 252 tad-deċiżjoni kkontestata), dik tan-normalizzazzjoni tas-swieq fl-2011 u dik tal-irkupru tar-rating A mal-aġenziji tar-rating (fl-2009, HSH Nordbank kienet id-deklassifikata għar-rating BBB+ bi prospett negattiv), li hija tqis bħala ottimista b’mod irraġonevoli.

119    Minn dan hija tiddeduċi n-neċessità ta’ korrezzjoni bl-intermedjazzjoni tal-pagament ta’ ammont f’daqqa, sabiex tikseb il-grad mixtieq ta’ dilwizzjoni tas-sehem tal-azzjonisti minoritarji fil-kapital ta’ HSH Nordbank (premessa 259 tad-deċiżjoni kkontestata).

120    Ir-rikorrenti jargumentaw, fil-kuntest tas-sitt motiv tagħhom, li l-pagament ta’ ammont f’daqqa, bħala oneru fuq azzjonisti minoritarji, li huma jiffurmaw parti minnhom, ma huwiex ta’ natura li jikkostitwixxi kontribuzzjoni ta’ HSH Nordbank fir-rimbors tal-element ta’ għajnuna kkunsidrat bħala inkompatibbli fl-istat, mas-suq intern fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata. Huma jikkunsidraw li l-miżuri adottati ma jikkostitwixxux fluss ta’ ħlas lura lil min jgħati l-għajnuna.

121    Il-Kummissjoni tfakkar b’mod rilevanti li HSH Finanzfonds “taqdi rwol doppju, ta’ azzjonist ta’ […] HSH Nordbank, minn naħa, u ta’ dak li jagħti l-għajnuna min-naħa l-oħra.” F’dan il-kuntest, fil-kuntest tal-pagament ta’ ammont f’daqqa, EUR 500 miljun ġew imħallsa lil HSH Finanzfonds minn HSH Nordbank, billi dawn fl-istess ħin jitnaqqsu mill-attiv ta’ dan tal-aħħar. Din is-somma ġiet imħallsa taħt forma ta’ azzjonijiet, iż-żieda ta’ kapital seħħet proporzjonalment. Minn dan jirriżulta li l-attiv ta’ HSH Finanzfonds żdied b’EUR 500 miljun wara din l-operazzjoni u li, peress li HSH Nordbank kellu l-istess somma meħuda mill-attivi (qabel ma din ġiet reintegrata fil-kapital soċjali tiegħu), l-azzjonisti kollha kellhom l-valur ta’ kull azzjoni tas-sehem tagħhom fi ħdan l-imsemmi kapital imnaqqas.

122    Jekk huwa minnu, konsegwentement, li l-Kummissjoni kisbet li l-kapital investit mill-azzjonisti minoritarji, fosthom ir-rikorrenti, kien sostna parti mit-telf, bil-għan li jippermetti tqassim tal-oneri bejn l-azzjonisti minoritarji u l-azzjonista maġġoritarju HSH Finanzfonds, ir-rikorrenti ma humiex fondati li jsostnu li din ir-ridistribuzzjoni kienet mhux ġustifikata, kif ġie deċiż fil-punt 113 hawn fuq. Barra dan, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar, il-pagament ta’ ammont f’daqqa jipproduċi effetti fuq l-azzjonisti kollha u mhux biss fuq kategorija speċifika ta’ azzjonisti, anki jekk iċ-ċirkostanza li l-azzjonista maġġoritarju, li, bħala tali, jikkontribwixxi għaldaqstant huwa wkoll għar-ridistribuzzjoni tal-ammont ta’ EUR 500 miljun skont il-valur tal-azzjonijiet li kellu diġà, huwa wkoll il-benefiċjarju tal-azzjonijiet ġodda maħruġa, tista’ tagħti l-impressjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, hija esklużivament viżjoni distorta tal-pagament ta’ ammont f’daqqa, peress li hija biss fil-kwalità tagħha ta’ dik li tagħti l-għajnuna ppenalizzata mis-sopravalutazzjoni tal-valur tal-impriża li HSH Finanzfonds irċiviet l-azzjonijiet ġodda, u mhux fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista. Kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, kien ikun possibbli, sabiex jerġa’ jinħoloq il-bilanċ li jinħoloq organu ġdid stabbilit bid-dritt pubbliku li ma jkunx azzjonista, iżda biss destinatarju tal-kapital, u kien iseħħ għalhekk, li jkun hemm l-istess sehem tal-oneri bejn l-azzjonisti kollha favur l-entità li tat l-għajnuna, irrappreżentata mill-imsemmi organu.

123    Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li l-pagament ta’ ammont f’daqqa, minkejja li għandu bħala konsegwenza ekonomika li jnaqqas il-valur tas-sehem tal-azzjonisti minoritarji fi ħdan il-kapital ta’ HSH Nordbank, huwa madankollu legalment leġittimu peress li dan jorbtu mal-isforz proporzjonali ma’ dak tal-azzjonisti pubbliċi fil-mument tar-rikapitalizzazzjoni, b’tali mod li l-azzjonisti minoritarji ma jibbenefikawx indirettament minn għajnuna u li l-miżuri inkwistjoni jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern.

124    Is-sitt motiv tal-ewwel parti tar-rikors għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

125    Fil-kuntest tat-tmien motiv tal-ewwel parti tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

126    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax taffettwa l-validità ta’ deċiżjoni sussegwenti, li tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-Trattat (is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, Ġabra, EU:C:2010:291, punt 21, u Eurallumina vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, EU:T:2014:894, punt 80).

127    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li ġejjin.

128    Fir-rigward tal-paragun mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Mejju 2009, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li l-grupp Ġenerali, li ma ħax sehem fiż-żieda tal-kapital, lanqas biss kien kostrett li jikkontribwixxi għall-oneri, “għajr għas-sospensjoni ta’ eventwali dividendi matul żewġ eżerċizzji”. Minn dan għandu jiġi dedott li dan l-ewwel paragun jirrigwarda għalhekk, fir-realtà, biss il-fondatezza tal-pagament ta’ ammont f’daqqa. Peress li din il-fondatezza ġiet stabbilita matul l-eżami tas-sitt motiv, tali paragun huwa ddestinat li ma jirnexxix.

129    It-tieni paragun għandu jsir skont l-istess premessa impliċita, ir-rikorrenti jsostnu li, f’din il-kawża li fiha ċerti azzjonisti ma ħadux sehem fiż-żieda tal-kapital, l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni “ma (kinitx) tippermetti(...) li ssir taf jekk (l-imsemmija) azzjonisti (kienux) ipparteċipaw fit-tqassim tal-oneri permezz ta’ sempliċi projbizzjoni ta’ dividendi jew billi ġew imposti fuqhom oneri addizzjonali”

130    Fil-kuntest tat-tielet paragun, ir-rikorrenti jfakkru li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li, fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Diċembru 2011, li tirrigwarda l-għajnuna mill-Istat SA.31883 (ex N 516/10), “il-banek ta’ tfaddil tal-Bavarja jistgħu jsostnu oneru addizzjonali peress li huma ma jirċevux iktar remunerazzjoni annwali għas-sehem tagħhom passiv u li huma jkollhom jirrinunzjaw għall-ħlas tad-dividendi minħabba l-projbizzjoni ta’ dawn tal-aħħar” u jqisu li dawn l-oneri “ma humiex paragunabbli mal-oneri li l-azzjonisti minoritarji ta’ HSH Nordbank huma obbligati li jsostnu minħabba l-fatt tal-pagament ta’ ammont f’daqqa u tal-limitazzjoni tad-dividendi”.

131    F’dan il-każ, ma hijiex l-illegalità tal-projbizzjoni, sussegwentement tal-limitazzjoni, tad-distribuzzjoni tad-dividendi li hija kkontestata bħala tali, peress li din il-kontestazzjoni, fi kwalunkwe każ, hija ammissibbli f’dan il-każ, kif ġie stabbilit fil-punt 65 hawn fuq, iżda l-illegalità li tirriżulta miż-żieda tagħhom mal-oneru li jirrappreżenta l-pagament ta’ ammont f’daqqa. Konsegwentement, għall-istess motivi relatati mal-ewwel paragun, it-tieni u t-tielet paraguni ma jistgħux jirnexxu. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jurux li din iż-żieda hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li hija tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-imsemmi prinċipju f’dan il-każ ġie osservat, kif jirrżulta mill-konklużjoni li tidher fil-punt 113 hawn fuq.

132    Sussegwentement, it-tmien motiv tal-ewwel parti tar-rikors għandha tiġi miċħuda.

133    Komplessivament, ir-rikorrenti ma stabbilewx li pagament ta’ ammont f’daqqa, li kellu biss bħala għan, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, li jagħti l-għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, kien jikkostitwixxi kundizzjoni sproporzjonata u li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

134    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala parzjalment, inammissibbli u, parzjalment infondat.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      HSH Investment Holdings Coinvest-C Sàrl u HSH Investment Holdings FSO Sàrl huma kkundannati għall-ispejjeż.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Novembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.