Language of document : ECLI:EU:T:2015:840

Kawża T‑499/12

HSH Investment Holdings Coinvest-C Sàrl u HSH Investment Holdings FSO Sàrl

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Settur bankarju – Ristrutturazzjoni ta’ HSH Nordbank – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ interess individwali – Azzjonista minoritarju tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Kunċett ta’ interess distint – Inammissibbiltà parzjali – Dilwizzjoni tal-kapital”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Novembru 2015

1.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat minn rikorrent li ma huwiex destinatarju tal-att ikkontestat – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – att li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrent

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Locus standi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna individwali kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet – Interess individwali – Kriterji – Status ta’ parti fil-proċedura amministrattiva – Assenza ta’ pożizzjoni ta’ negozzjatur ddefinita b’mod ċar – Inammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna individwali kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet –Rikors ta’ azzjonist tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Interess ġuridiku distint minn dak tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Assenza – Inammissibbiltà

[Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(ċ)]

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikolu 296 TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet – Ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipju taċ-ċertezza legali – Assenza

(Artikolu 107(3) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 7)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Għajnuna għas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja – Kondiviżjoni tal-oneri – Iffissar tal-prezz ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet fil-kuntest ta’ rikapitalizzazzjoni li tinvolvi l-azzjonisti tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna – Possibbiltà għall-Kummissjoni li tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni garanzija ġenerali u li teżiġi li tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ kumpens – Ammissibbiltà

[Artikolu 107(3)(b) TFUE ; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2008/C 270/02]

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Għajnuna għas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja – Kondiviżjoni tal-oneri – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

[Artikolu 107(3)(b) TFUE]

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Għajnuna għas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja – Kondiviżjoni tal-oneri – Dilwizzjoni insuffiċjenti tal-parteċipazzjoni tal-azzjonisti minoritarji – Korrezzjoni mill-intermedjarju ta’ pagament wieħed favur l-azzjonista maġġoritarju – Ammissibbiltà

[Artikolu 107(3)(b) TFUE]

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna intiża li tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Evalwazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ prassi preċedenti – Esklużjoni

[Artikolu 107(3)(b) TFUE]

1.      Fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn rikorrent bħala parti mhux privileġġata, fl-assenza ta’ interess ġuridiku, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent huwiex direttament u individwalment ikkonċernat skont id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, huwa r-rikorrent li għandu l-obbligu li jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, b’mod partikolari, billi juri l-eżistenza ta’ interess personali li jikseb l-annullament tal-att ikkontestat.

Madankollu, meta rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn rikorrent bħala parti mhux privileġġata kontra att li huwa ma huwiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti ġuridiċi vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jemendaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, bil-għan li jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax tiġi kkontestata mir-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat jekk hija tikkostitwixxix att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fil-konfront tagħhom.

(ara l-punti 23, 25-27)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 29, 30, 33, 45)

3.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, għajr sabiex jiġi invokat interess ġuridiku li huwa distint minn dak ta’ impriża kkonċernata minn att tal-Unjoni u li fiha hija żżomm parti mill-kapital persuna tista’ tiddefendi l-interessi tagħha fir-rigward ta’ dan l-att biss billi teżerċita d-drittijiet ta’ membru ta’ din l-impriża, li min-naħa tagħha għandha d-dritt li tippreżenta rikors.

F’dan ir-rigward, meta r-rikors tiegħu ikun intiż sabiex jikseb l-annullament totali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq intern, azzjonista tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna ma jkollux interess ġuridiku distint minn dak ta’ din tal-aħħar.

Dan huwa partikolarment il-każ meta, l-ewwel nett, fl-assenza ta’ mingħajr il-miżuri ta’ salvataġġ kif kienu r-rikapitalizzazzjoni, il-garanzija ġenerali u l-garanzija ta’ likwidità, l-impriża benefiċjarja tal-imsemmija miżuri kienet wisq probabbli tfalli u l-azzjonisti tagħha, kienu jkunu kostretti jaraw l-ishma tagħhom mibjugħa bi prezz baxx jekk mhux imxejna, fil-kuntest tal-proċedura ta’ likwidazzjoni, kienu jitilfu l-investiment tagħhom. Sussegwentement, l-interess tal-azzjonisti li ma pparteċipawx fir-rikapitalizzazzjoni, meta dawn setgħu legalment jipparteċipaw, jikkoinċidi ma’ dak tal-impriża rrikapitalizzata, jiġifieri li jirċievu l-għajnuna mill-Istat biex tippermetti s-sostenibbiltà tal-imsemmija impriża. Fl-aħħar nett, jekk il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala inkompatibbli mas-suq intern, l-Istat Membru kien ikollu jipproċedi għall-irkupru tagħha mingħand il-benefiċjarju, ċirkustanza li kien ikollha riperkussjoni fuq is-sitwazzjoni ekonomika tar-rikorrenti proporzjonalment għall-ishma tagħhom fil-kapital tiegħu.

Min-naħa l-oħra, l-azzjonisti ta’ impriża benefiċjarja ta’ għajnuna għandhom interess ġuridiku distint minn dak ta’ din tal-aħħar meta r-rikors tiegħu huwa intiż li jikseb l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fosthom ċerti aspetti tal-kundizzjonijiet imposti sabiex jiġi ddikjarat li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern joħolqu preġudizzju, anki jekk potenzjali, għad-dritt ta’ proprjetà tal-azzjonisti jew jimplikaw tnaqqis fir-remunerazzjoni ta’ dawn tal-aħħar minħabba t-tnaqqis tal-valur nominali ta’ kull azzjoni.

Madankollu, fir-rigward ta’ miżura ta’ projbizzjoni jew limitazzjoni ta’ dividendi, għalkemm dawn il-miżuri għandhom x’jaqsmu mad-distribuzzjoni ta’ profitti ta’ impriża, l-interess ta’ azzjonist u tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna jikkoinċidu meta, sabiex ikun jista’ jseħħ is-salvataġġ tal-imsemmija impriża, l-interess komuni ta’ din tal-aħħar u tal-azzjonisti kollha tagħha kien li jissaħħaħ il-proporzjon tal-fondi proprji tal-impriża, sabiex b’hekk ikun jista’ jitjieb ir-rating tagħha u tattira investituri ġodda. Fil-fatt, minn naħa, kumpannija jista’ jkollha interess li tiddistribwixxi d-dividendi bil-għan li tiffidelizza l-azzjonisti tagħha kif ukoll tirrikumpensahom għall-investiment tagħhom, u, għaldaqstant, il-fatt li tiġi milquta minn miżura ta’ projbizzjoni, sussegwentement ta’ limitazzjoni ta’ din id-distribuzzjoni, tilleġittima konsegwentement lil din l-impriża li tikkontesta tali miżura. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ distribuzzjoni tad-dividendi kienu ta’ benefiċċju għaliha, peress illi hija saħħet il-fondi tagħha. Inkwantu għall-interess tal-azzjonist, dan jirriżulta bħala kontinġenti. Bħala regola ġenerali, l-interess ta’ azzjonist huwa, fit-terminu qasir, li jirċievi, fl-iqsar żmien possibbli, profitt fuq l-investiment u, għaldaqstant, id-distribuzzjoni ta’ dividendi. F’terminu medju u fit-tul, l-azzjonist ikollu l-intenzjoni li jiżviluppa l-kumpannija, pereżempju billi jwettaq profitt ikbar f’bejgħ tal-azzjonijiet tiegħu, u, f’perijodu ta’ kriżi, meta l-għan ta’ żvilupp tal-kumpannija jirriżulta impossibbli biex jitwettaq, iż-żamma u l-istabbiliment mill-ġdid ta’ din tal-aħħar.

(ara l-punti 31, 40-43, 57-59, 61-63)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 64, 65)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 68-76)

6.      Fil-qasam tal-għajnuna tal-Istat, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] li jipprevedi erba’ tipi ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jagħlqu l-proċedura formali ta’ eżami: id-deċiżjoni li permezz tagħha jiġi kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna, billi tirrikonoxxi, fejn xieraq wara modifika mill-Istat Membru kkonċernat, li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern (“deċiżjoni pożittiva”), dik li permezz tagħha l-Kummissjoni tissuġġetta deċiżjoni pożittiva għal kundizzjonijiet li jippermettulha li tirrikonoxxi l-kompatibbiltà mas-suq intern u mal-obbligi li jippermettulha tikkontrolla l-osservanza tad-deċiżjoni tagħha (“deċiżjoni kundizzjonali”), u fl-aħħar nett, id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tqis l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern (“deċiżjoni negattiva”).

Deċiżjoni li permezz tagħha għajnuna mill-Istat mogħtija lil impriża tkun kompatibbli mas-suq intern biss bil-kundizzjoni li jiġu adottati korrezzjonijiet fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-oneri bejn l-azzjonisti, sabiex tiġi msaħħa l-kontribuzzjoni tal-azzjonisti minoritarji, tikkostitwixxi deċiżjoni kundizzjonali skont l-Artikolu 7(4) tar-regolament Nru 659/1999. F’dan il-kuntest, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandhiex bżonn li tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat indiretta konċessa favur l-azzjonisti minoritarji, peress li huwa preċiżament bil-għan li jiġi evitat li tali għajnuna tiġi fis-seħħ li ġew adottati l-imsemmija korrezzjonijiet.

Għalhekk, ma kisritx l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 659/1999, u lanqas il-prinċipju taċ-ċertezza legali billi ma ddeċidietx, fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestat, fuq l-eżistenza ta’ għajnuna indiretta favur azzjonisti minoritarji, peress li huwa bil-għan li tiġi evitata din l-eventwalità li ġew imposti l-korrezzjonijiet fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-oneri bejn l-azzjonisti, sabiex tiġi msaħħa l-kontribuzzjoni tal-azzjonisti minoritarji.

(ara l-punti 79-81)

7.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għall-iffissar tal-prezz tal-ħruġ tal-azzjonijiet fil-kuntest ta’ rikapitalizzazzjoni li tinvolvi l-azzjonisti tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni garanzija ġenerali u teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ kumpens.

Fil-fatt, li dawn tal-aħħar, bħaċ-ċessjoni ta’ portafolli jew ta’ partijiet ta’ attivitajiet, fi kwalunkwe każ, kienu jiġu imposti mis-suq u mill-banek, ladarba ntlaħaq il-prinċipju tal-vijabbiltà tal-impriża, sabiex tiżdied il-vijabbiltà ta’ din tal-aħħar. F’dan il-kuntest, meta rapport ta’ evalwazzjoni jkollu bħala għan li jiddetermina l-valur tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna fl-assenza tal-imsemmija għajnuna, sabiex jiġi ffissat fuq din il-bażi l-prezz ta’ ħruġ tal-azzjonijiet intiżi li jiffinanzjaw il-miżuri ta’ għajnuna , huwa normali li l-imsemmija impriża tieħu inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-valur tagħha, il-limiti marbuta mal-proċeduri li operatur ekonomiku prudenti u informat għandu jantiċipa. Ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna, li ma jikkorrispondux għal elementi tal-valur ekonomiku tal-impriża fis-suq, iżda jikkostitwixxu faċilitajiet eċċezzjonali intiżi sabiex jevitaw il-falliment ta’ din tal-aħħar u jippermettu l-istabbiliment tagħha mill-ġdid f’ċertu terminu.

F’dan ir-rigward, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja dinjija, l-għoti ta’ garanzija mill-Istat għandu jitqies bħala miżura ta’ emerġenza u, għaldaqstant, neċessarjament temporanja, tali garanzija għandha neċessarjament ukoll tkun akkumpanjata minn miżuri ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ likwidazzjoni tal-benefiċjarju.

Jekk huwa loġiku u utli li l-impriża li ngħatat l-għajnuna informat lill-isħab kummerċjali tagħha u mal-banek dik li kellha tkun is-sitwazzjoni finanzjarja ladarba tkun ingħatat il-garanzija ġenerali ma jittieħed inkunsiderazzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-azzjonijiet ġodda maħruġa fil-kuntest tar-rikapitalizzazzjoni mingħajr ma jiġi soprvalutat awtomatikament l-imsemmi valur.

(ara l-punt 101)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 108, 111-113)

9.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, sabiex tiġi żgurata kondiviżjoni tal-oneri bejn l-azzjonisti minoritarji u stabbiliment pubbliku azzjonista maġġoritarju ta’ impriża benefiċjarja tal-għajnuna, pagament wieħed li jikkonsisti fil-ħlas minn din l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna ta’ somma lill-imsemmi stabbiliment pubbliku intiża li tkun relatata ma’ żieda tal-kapital fiżiku tal-impriża li tkun ingħatat l-għajnuna, minkejja li għandu bħala konsegwenza ekonomika li jnaqqas il-valur tas-sehem tal-azzjonisti minoritarji fi ħdan il-kapital tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna, huwa madankollu legalment leġittimu peress li dan jorbot lil dawn tal-aħħar mal-isforz proporzjonali ma’ dak tal-azzjonisti pubbliċi fil-mument tar-rikapitalizzazzjoni, b’tali mod li l-azzjonisti minoritarji ma jibbenefikawx indirettament minn għajnuna u li l-miżuri inkwistjoni jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern.

(ara l-punt 123)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 126-131)