Language of document : ECLI:EU:T:2010:123

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

25 ta’ Marzu 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade marks Komunitarji figurattivi Golden Eagle u Golden Eagle Deluxe – Trade marks internazzjonali u nazzjonali figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw kikkra u kafeni – Raġuni relattiva għal rifjut – Xebh tas-sinjali – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawżi magħquda T‑5/08 sa T‑7/08,

Société des produits Nestlé SA, stabbilita f’Vevey (l-Isvizzera), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn R. Pethke, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Master Beverage Industries Pte Ltd, stabbilita f’Singapor (Singapor), irrappreżentata minn N. Clarembeaux, D. Vervaet u P. Maeyaert, avukati,

li għandha bħala suġġett rikorsi ppreżentati kontra tliet deċiżjonijiet tat-Tieni Awla tal-Bord tal-Appell tal-UASI tal-1 ta’ Ottubru 2007 (Każijiet R 563/2006‑2, R 568/2006‑2 u R 1312/2006‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Société des produits Nestlé SA u Master Beverage Industries Pte Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Jannar 2008,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ġunju 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Ġunju 2008,

wara li rat id-digriet tat-23 ta’ Mejju 2008 li jgħaqqad il-Kawżi T‑5/08, T‑6/08 u T‑7/08,

wara s-seduta tat-30 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ Mejju 2003, l-intervenjenti, Master Beverage Industries Pte Ltd, ippreżentat tliet applikazzjonijiet għal trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1. p. 146), kif emendat [issostwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78,. p. 1)].

2        It-tliet trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem, flimkien, it-“trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni”) huma s-sinjali figurattivi segwenti:

–        fil-Kawża T‑5/08 (applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 3157005), is-sinjal Golden Eagle bil-kuluri kannella ċar, kannella skur, aħmar, isfar, deheb, abjad, fidda u blu (iktar ’il quddiem it-“trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1”), irrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        fil-Kawża T‑6/08 (applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 3156924), is-sinjal Golden Eagle Deluxe bil-kuluri kannella skur, kannella ċar, aħmar, deheb, abjad u isfar (iktar ’il quddiem it-“trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 2”), irrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        fil-Kawża T‑7/08 (applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 3157534), is-sinjal Golden Eagle Deluxe bil-kuluri kannella skur, kannella ċar, aħmar, deheb, abjad u isfar (iktar ’il quddiem it-“trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 3”), irrappreżentata kif ġej:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 30 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għad-deskrizzjoni segwenti: “Kafè, kafè artifiċjali, xarbiet abbażi tal-kafè, kafè bil-ħalib”.

4        L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 5/2004, tat-2 ta’ Frar 2004, dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 2 fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 83/2003, tal-24 ta’ Novembru 2003, u dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 3 fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 82/2003, tas‑17 ta’ Novembru 2003.

5        Fl-1 ta’ April 2004, ir-rikorrenti, Société des produits Nestlé SA, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1. Barra minn hekk, hija ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 2 fit-23 ta’ Frar 2004 u kontra dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 3 fis-17 ta’ Frar 2004.

6        L-oppożizzjonijiet kienu b’mod partikolari bbażati fuq it-trade marks internazzjonali u nazzjonali preċedenti li jirrappreżentaw kikkra ħamra fuq qiegħ ta’ kafeni (iktar ’il quddiem it-“trade marks preċedenti”).

7        Dawn jikkonċernaw trade mark internazzjonali figurattiva, bil-kuluri aħmar, iswed, kannella, abjad, oranġjo u deheb, irreġistrata bin-numru IR 726641 u rrappreżentata kif ġej:

Image not found

8        Din it-trade mark ġiet irreġistrata fit-18 ta’ Jannar 2000, skont il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali tat-trade marks, tal-14 ta’ April 1891, kif irrivedut u emendat, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Kafè u estratti tal-kafè, taħlit abbażi ta’ kafè u estratti tal-kafè, kafè solubbli, kafè bla kafeina, estratti tal-kafè bla kafeina”.

9        Din hija protetta, b’mod partikolari, fis-segwenti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea: il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Portugall.

10      Dan is-sinjal ġie wkoll irreġistrat bħala trade mark nazzjonali fil-Greċja fit-8 ta’ Mejju 2000, bin-numru 142377 għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice, b’mod partikolari għal prodotti “kafè, estratti tal-kafè u preparazzjonijiet abbażi tal-kafè, kafè artifiċjali u estratti tal-kafè artifiċjali”.

11      Barra minn hekk, l-oppożizzjonijiet jikkonċernaw ukoll it-trade mark internazzjonali figurattiva, deskritta bil-kuluri aħmar, kannella u deheb, irreġistrata bin-numru IR 633089 u rrappreżentata bl-iswed u bl-abjad kif ġej:

Image not found

12      Din it-trade mark ġiet irreġistrata fid-9 ta’ Marzu 1995, skont il-Ftehim ta’ Madrid, għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 skont il-Ftehim ta’ Nice u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Kafè u estratti tal-kafè, taħlit abbażi ta’ kafè u estratti tal-kafè, kafè solubbli, kafè bla kafeina, estratti tal-kafè bla kafeina”.

13      Din hija protetta, b’mod partikolari, fis-segwenti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea: il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Portugall.

14      Barra minn hekk, dan is-sinjal ġie rreġistrat bħala trade mark nazzjonali, għall-istess prodotti, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni, jiġifieri d-Danimarka (reġistrazzjoni tat-3 ta’ Frar 1995 bin-numru 976.1995), il-Greċja (reġistrazzjoni tas-17 ta’ Awwissu 1999 bin-numru 122009) u l-Finlandja (reġistrazzjoni tal-20 ta’ Settembru 1995 bin-numru 140164).

15      L-oppożizzjonijiet kienu bbażati fuq il-prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq protetti mit-trade marks preċedenti u intiżi kontra l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji.

16      Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjonijiet kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009).

17      Bid-deċiżjonijiet tas-27 ta’ Frar 2006 (Kawża T‑5/08), tas-27 ta’ Marzu 2006 (Kawża T‑6/08) u tas-6 ta’ Settembru 2006 (Kawża T‑7/08), id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni rrifjutat l-oppożizzjonijiet.

18      Fil-25 ta’ April 2006 (Kawżi T‑5/08 u T‑6/08) u tal-5 ta’ Ottubru 2006 (Kawża T‑7/08), ir-rikorrenti ppreżentat appell minn kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

19      Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tal-1 ta’ Ottubru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikorsi. Huwa essenzjalment ikkunsidra li l-oppożizzjonijiet kienu infondati, peress li t-trade marks inkwistjoni ma kinux simili.

 It-talbiet tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tiddeċiedi li l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks għandhom jiġu miċħuda;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell.

21      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tordna r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti quddiem il-Bord tal-Appell.

23      Waqt is-seduta, bħala tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, l-intervenjenti indikat li t-tieni kap tat-talbiet tagħha, intiż sabiex tiġi ordnata r-reġistrazzjoni tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, kien fil-fatt inseparabbli mill-ewwel kap tat-talbiet tagħha, u ta’ dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta.

 Id-dritt

24      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, rispettivament.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

25      Ir-rikorrenti ssostni li l-oppożizzjonijiet tagħha kellhom jintlaqgħu fuq il-bażi tat-trade marks preċedenti (ara l-punti 7 sa 14 iktar ’il fuq). Hija ssostni li tuża dawn it-trade marks figurattivi fuq kull reċipjent tal-kafè instantanju Nescafé mibjugħ bl-isem “Classic”, li minnu tbigħ 50 000 tunnellata fis-sena fl-Unjoni Ewropea, għall-valur ta’ iktar minn EUR biljun.

26      Hija tikkunsidra li l-Bord tal-Appell żbalja meta qies li t-trade marks inkwistjoni ma humiex simili. It-trade marks preċedenti huma komposti mid-disa’ fatturi segwenti:

–        kikkra;

–        il-kulur tal-kikkra huwa aħmar;

–        il-kikkra qiegħda b’mod li jidher il-kontenut;

–        il-kikkra għandha manku;

–        il-wiċċ fuq ġewwa tal-kikkra huwa abjad;

–        il-kikkra hija mimlija b’xarba sħuna;

–        hemm l-istim ħiereġ mill-kikkra;

–        il-kikkra tinsab fuq qiegħ ta’ kafeni;

–        l-isfond huwa kannella u oranġjo-deheb u l-kikkra hija mdawwra b’awreola;

27      Id-disa’ elementi tat-trade marks preċedenti huma riprodotti fl-intier tagħhom fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni. It-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti huma simili ħafna fuq livell viżiv. Barra minn hekk, il-parti ta’ isfel tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 u l-ġnub tan-naħa tal-lemin tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, minn naħa, u t-trade marks preċedenti, min-naħa l-oħra, huma identiċi fuq livell kunċettwali.

28      Ir-rikorrenti tqis li, skont il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion (C‑120/04, Ġabra p. I-8551), jekk trade mark preċedenti hija integrata f’trade mark sussegwenti, it-trade marks huma simili meta l-element komuni tagħhom ikollu pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark komposta sussegwenti.

29      Huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell qies li t-trade marks preċedenti kienu ftit distintivi. Kuntrarjament, dawn it-trade marks għandhom karattru distintiv intrinsiku ta’ livell għoli. Barra minn hekk, huma għandhom reputazzjoni, u dan indipendentement mill-fatt li jintużaw flimkien mat-trade mark Nescafé.

30      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

31      L-UASI jqis li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li t-trade marks kunfliġġenti ma kinux simili. It-trade marks preċedenti għandhom karattru distintiv intrinsiku dgħajjef u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti ma jurux li dawn kisbu karattru distintiv ta’ livell għoli jew reputazzjoni. Huwa jsostni li, fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, ir-rappreżentazzjoni ta’ kikkra hija sempliċement użata bħala “tiżjin tal-isfond” u ma għandhiex pożizzjoni distintiva awtonoma. Barra minn hekk, huwa jsostni li t-trade marks preċedenti ma humiex riprodotti b’mod fidil fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni.

32      L-intervenjenti tqis ukoll li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li t-trade marks kunfliġġenti ma kinux simili. Hija ssostni li, kuntrarjament għat-trade marks preċedenti, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jinkludu elementi verbali, li huma l-elementi dominanti ta’ dawn it-trade marks. Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1, id-differenzi bejnha u bejn it-trade marks preċedenti huma iktar dominanti peress li r-rappreżentazzjoni ta’ ajkla li tirrappreżenta karattru distintiv ta’ livell għoli u hija l-element figurattiv dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1. Fid-dawl tal-użu mifrux tal-immaġni ta’ reċipjent tax-xorb u ta’ kafeni fil-kuntest tar-reklamar ta’ xarbiet, id-differenzi bejn ir-rappreżentazzjonijiet ta’ dawn l-elementi fit-trade marks għandhom jiġu kkunsidrati bħala sinjifikattivi. L-immaġni ta’ kikkra u ta’ kafeni hija deskrittiva u ma għandhiex pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, l-intervenjenti tqis li t-trade marks inkwistjoni ma humiex simili minn perspettiva kunċettwali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Osservazzjonijiet preliminari

33      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fil-każ ta’ oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk, minħabba l-identità tagħha jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identità jew ix-xebh mal-prodotti jew mas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku li jinsab fit-territorju li fih hija protetta t-trade mark preċedenti. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 207/2009], trade marks preċedenti tfisser, rispettivament, it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru u t-trade marks li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li kellha effett fi Stat Membru, li d-data ta’ applikazzjoni tagħha kienet qabel id-data tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-riskju li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi li għandhom konnessjoni ekonomika, jikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq ix-xebh tal-prodotti

35      Għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ġustament qies, fid-deċiżjonijiet ikkontestati (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑5/08 u punt 27 tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑6/08 u T‑7/08), li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi, kif jirriżulta mill-punti 3, 8, 10 u 12 iktar ’il fuq.

36      Madankollu, huwa qies li t-trade marks inkwistjoni ma kinux simili, b’mod li kundizzjoni sine qua non tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma kinitx sodisfatta. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell kienx korrett meta qies li t-trade marks inkwistjoni ma kinux simili.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali

37      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġenerali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ karattru distintiv ta’ trade mark, għandha tiġi evalwata l-kapaċità massima jew minima tat-trade mark li tidentifika l-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata bħala li toriġina minn impriża speċifika u għalhekk sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew servizzi tagħha minn dawk ta’ impriżi oħrajn (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 22). Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ element ta’ trade mark kumplessa, japplika l-istess kriterju, b’mod li għandha tiġi evalwata l-kapaċità massima jew minima ta’ dan l-element li jidentifika l-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata bħala li toriġina minn impriża speċifika.

–       Fuq l-elementi tat-trade marks inkwistjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tax-xebh tas-sinjali

39      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi mqabbel ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, ix-xebh għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, li ma jimplikax li l-impressjoni ġenerali fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti ta’ trade mark kumplessa ma tistax, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 37 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, punt 37 iktar ’il fuq, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

40      Fil-kawża inkwistjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-element dominanti fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni kien l-element verbali “golden eagle” fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3 u l-element verbali “golden eagle” flimkien mar-rappreżentazzjoni ta’ ajkla fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1. Huwa qies li r-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra u ta’ kafeni tidher bħala element dekorattiv fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni. Minkejja l-preżenza ta’ elementi figurattivi simili, it-trade marks inkwistjoni ma humiex simili minħabba d-differenzi bejn l-elementi figurattivi u peress li ma hemmx elementi verbali fit-trade marks preċedenti.

41      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi identifikati mill-Bord tal-Appell kinux jikkostitwixxu elementi dominanti tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u jekk l-elementi l-oħra tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni għandhomx jitqiesu negliġibbli.

42      Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1, għandu jiġi kkonstatat li din hija essenzjalment komposta mill-elementi segwenti: ir-rappreżentazzjoni ta’ ajkla, l-element verbali “golden eagle” li jinsab taħt ir-rappreżentazzjoni ta’ ajkla, kikkra ħamra bil-kafè fuq qiegħ ta’ kafeni li tinsab taħt l-element verbali u linja ħamra fil-parti ta’ isfel tan-naħa tal-lemin tat-trade mark.

43      Għandu jiġi kkunsidrat li l-kompożizzjoni tal-element verbali “golden eagle” mar-rappreżentazzjoni ta’ ajkla għandha pożizzjoni predominanti fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1. Fil-fatt, kif enfasizza l-Bord tal-Appell, huwa normalment l-element verbali li jintuża mill-konsumaturi sabiex jidentifikaw u jakkwistaw prodott. Barra minn hekk, id-daqs tal-element verbali ma huwiex negliġibbli. Dan huwa wkoll element distintiv ferm, peress li jirrappreżenta karattru fantasjuż għall-prodotti inkwistjoni. Għall-konsumatur li ma għandux għarfien suffiċjenti tal-lingwa Ingliża sabiex jifhem it-tifsira tal-element verbali, dan tal-aħħar huwa madankollu distintiv ferm, peress li huwa ser jipperċepixxih bħala element fantasjuż mingħajr tifsira konkreta. Bl-istess mod, ir-rappreżentazzjoni ta’ ajkla għandha karattru distintiv sabiex tkopri l-kafè u x-xarbiet abbażi tal-kafè, peress li tali rappreżentazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata li tevoka l-prodotti inkwistjoni.

44      Min-naħa l-oħra, ir-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra fuq qiegħ ta’ kafeni fuq il-parti ta’ isfel tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 għandha karattru distintiv dgħajjef għall-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, kikkra ħamra u kafeni ma jistgħux jitqiesu li ma għandhomx karattru distintiv ta’ livell għoli meta jevokaw il-prodotti inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra għall-ħalib u prodotti tal-ħalib, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra), T‑153/03, Ġabra p. II‑1677, punt 36]. Kuntrarjament, għandu jiġi kkonstatat, kif sostna l-Bord tal-Appell, li dawn huma elementi banali. Fil-fatt, fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kafè u tax-xarbiet tal-kafè, ir-rappreżentazzjoni ta’ kafè f’kikkra lest għax-xorb u kafè fil-forma ta’ kafeni tidħol fil-moħħ b’mod naturali.

45      Madankollu, l-element li huwa kompost minn kikkra ħamra fuq qiegħ ta’ kafeni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kompletament negliġibbli fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1. Filwaqt li dan l-element ma jistax jindika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni daqs kemm jindikah l-element verbali u l-element figurattiv li jirrappreżenta ajkla, xorta jibqa’ l-fatt li jokkupa iktar minn nofs it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 u li ma huwiex kompletament negliġibbli fl-impressjoni ġenerali prodotta minn dan is-sinjal.

46      Fir-rigward tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, għandu jiġi kkonstatat li huma essenzjalment komposti mill-element verbali “golden eagle deluxe” fuq in-naħa tax-xellug tas-sinjali, minn kikkra ħamra bil-kafè fuq in-naħa tal-lemin u minn kafeni fil-parti ta’ isfel. F’dawn it-trade marks, l-element verbali “golden eagle” għandu jitqies li huwa dominanti. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, din il-kompożizzjoni ta’ kliem tippreżenta karattru fantasjuż meta mqabbla mal-prodotti kkonċernati, indipendentement mill-fatt jekk tinftiehemx jew le. Barra minn hekk, il-konsumatur għandu tendenza jibbaża ruħu fuq element verbali iktar milli element figurattiv sabiex jidentifika u jakkwista prodott. Iktar minn hekk, l-element figurattiv tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3 għandu karattru distintiv dgħajjef. Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kompletament negliġibbli. Fil-fatt, dawn it-trade marks figurattivi ma jistgħux jiġu ridotti għall-element verbali tagħhom. Minkejja li huwa miktub b’ittri kbar, l-element verbali jokkupa biss parti mill-wiċċ tal-imsemmija trade marks.

47      Fid-dawl tal-fatt li l-element kompost minn kikkra ħamra u minn kafeni ma jistax jitqies li huwa kompletament negliġibbli fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, ix-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni ma jistax jiġi limitat għall-elementi dominati ta’ dawn it-trade marks.

48      Fir-rigward tat-trade marks preċedenti, lanqas ma jeżisti element li jiddomina dawn is-sinjali, sal-punt li l-elementi l-oħra huma negliġibbli fl-impressjoni ġenerali prodotta minnhom.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li x-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni għandu jiġi bbażat fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom u ma jistax jiġi limitat għal ċerti elementi tagħhom.

–       Fuq ix-xebh viżiv

50      Fil-kawża inkwistjoni, għandu qabelxejn jiġi analizzat ix-xebh bejn il-parti tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni komposta minn kikkra u minn kafeni, minn naħa, u t-trade marks preċedenti, min-naħa l-oħra, sabiex sussegwentement isir xebh bejn it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, meħuda fl-intier tagħhom, u t-trade marks preċedenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma hemm xejn li jipprekludi li l-ewwel nett issir analiżi tax-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni fid-dawl ta’ element wieħed ta’ trade mark kumplessa, sabiex sussegwentement issir analiżi globali ta’ dan ix-xebh.

51      Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1, għandu jiġi rrilevat li l-parti ta’ isfel ta’ din it-trade mark u t-trade marks preċedenti għandhom element komuni li huwa r-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra minn barra u bajda minn ġewwa li tinsab fuq qiegħ ta’ kafeni. Barra minn hekk, f’kull waħda minn dawn it-trade marks, il-manku tal-kikkra jxaqleb lejn il-lemin, il-kikkra hija mimlija b’xarba sħuna (apparentement kafè) u hemm l-istim ħiereġ mill-kikkra. Barra minn hekk, il-kulur tal-isfond ta’ dawn it-trade marks huwa simili inkwantu l-isfond tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 huwa oranġjo u l-awreola madwar il-kikkra fit-trade mark preċedenti rreġistrata bin-numru IR 726641 hija wkoll oranġjo. Huwa wkoll possibbli li, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1, issir distinzjoni bejn it-tip ta’ awreola madwar il-kikkra, minkejja li l-kontorni ta’ din l-awreola huma inqas ċari minn dawk tat-trade mark preċedenti rreġistrata bin-numru IR 726641.

52      Fir-rigward tad-differenzi bejn il-parti ta’ isfel tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 u t-trade marks preċedenti, għandu jiġi rrilevat dan li ġej. L-iktar differenza predominanti bejn it-trade marks inkwistjoni tinsab fil-fatt li, fit-trade marks preċedenti, il-kikkra ħamra hija mżejjna b’linja tad-deheb fuq barra, liema linja ma tinsabx fil-kikkra ħamra tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1. Barra minn hekk, fit-trade marks preċedenti, il-kafè fil-kikkra huwa ta’ kulur skur, kważi iswed, filwaqt li fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1, il-kulur huwa kannella ċar. Barra minn hekk, kuntrarjament għat-trade marks preċedenti, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 hemm linja ħamra fil-parti ta’ isfel fuq in-naħa tal-lemin.

53      Fir-rigward tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, għandu jiġi rrilevat li għandhom element komuni mat-trade marks preċedenti li huwa r-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra minn barra u bajda minn ġewwa u ta’ kafeni. Barra minn hekk, f’kull waħda minn dawn it-trade marks, il-kikkra hija mimlija b’xarba sħuna (apparentement kafè) u hemm l-istim ħiereġ minnha. Hemm ukoll xebh mal-kulur tal-isfond ta’ dawn it-trade marks, peress li l-isfond tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u  3 huwa parzjalment oranġjo u parzjalment kannella, bħal dak tat-trade mark preċedenti rreġistrata bin-numru IR 726641.

54      Madankollu, kuntrarjament għat-trade marks preċedenti, il-kikkra ħamra tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, ma hijiex imżejjna b’linja tad-deheb fuq barra. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li hemm differenzi bejn it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3 u t-trade marks preċedenti fir-rigward tal-perspettiva u tal-parti tal-kikkra li hija viżibbli. Fil-fatt, fit-trade marks preċedenti, il-manku tal-kikkra jxaqleb lejn il-lemin filwaqt li, fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, ixaqleb lejn ix-xellug. Barra minn hekk, fit-trade marks preċedenti, kważi l-kikkra kollha hija apparenti u hija biss parti żgħira minnha li hija miksija bil-kafeni li hemm taħtha. Min-naħa l-oħra, fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, hija biss il-parti ta’ fuq tal-kikkra li hija viżibbli u l-immaġni tidher li nqatgħet min-nofs il-manku.

55      Barra minn hekk, it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3 għandhom forma ta’ rettangolu li t-tul huwa ferm itwal mill-għoli. Il-kikkra ma tinsabx fin-nofs iżda fin-naħa tal-lemin ta’ dawn it-trade marks. Min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti rreġistrata bin-numru IR 633089 għandha l-forma ta’ kaxxa u t-trade mark preċedenti rreġistrata bin-numru IR 726641 għandha l-forma ta’ rettangolu li t-tul tiegħu huwa iqsar mill-għoli. Fit-trade mark irreġistrata bin-numru IR 726641, il-kikkra tinsab fiċ-ċentru u tokkupa parti sostanzjali mill-wiċċ. Il-wiċċ kopert bil-kafeni u l-isfond jidhru kemmxejn żgħar. Min-naħa l-oħra, fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, il-kikkra ħamra tinsab fin-naħa tal-lemin u lanqas biss tkopri parti sostanzjali mill-wiċċ. Fit-trade mark preċedenti rreġistrata bin-numru IR 633089, il-kikkra tinsab fin-nofs tal-qiegħ ta’ kafeni. Il-qiegħ ta’ kafeni jkopri kważi kwart mill-għoli ta’ din it-trade mark. Min-naħa l-oħra, fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, il-kafeni jkopru parti ikbar mill-wiċċ.

56      Fir-rigward tal-awreola, li hija ppreżentata mir-rikorrenti bħala waħda mid-disa’ elementi tat-trade marks preċedenti (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3 ma jagħtux l-impressjoni li hemm awreola madwar il-kikkra. L-impressjoni mogħtija minn dawn it-trade marks hija pjuttost li, fil-parti tax-xellug tas-sinjal, l-isfond huwa kannella u, fil-parti tal-lemin u fin-nofs tas-sinjali, l-isfond huwa oranġjo.

57      Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 3, għandu jiġi rrilevat li l-kafè fil-kikkra huwa kannella ċar, filwaqt li fit-trade marks preċedenti, il-kafè huwa kannella skur ħafna, kważi iswed.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-trade marks preċedenti u l-element tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jikkostitwixxu r-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra u ta’ kafeni li għandhom jiġu kkunsidrati li huma simili.

59      Fir-rigward tax-xebh tal-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade marks inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar, qabelxejn, li l-parti tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni komposta mir-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra u ta’ kafeni ma hijiex element distintiv ħafna u li l-elementi verbali tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u l-element figurattiv li jirrappreżenta ajkla fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 huma distintivi ħafna.

60      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont il-ġurisprudenza, meta trade mark komposta hija kkostitwita permezz tat-tqegħid ta’ element u ta’ trade mark oħra fejn xulxin, din it-trade mark tal-aħħar, anke jekk ma hijiex l-element dominanti fit-trade mark komposta, tista’ tikkonserva pożizzjoni distintiva awtonoma fit-trade mark komposta. F’tali każ, it-trade mark komposta u din it-trade mark l-oħra jistgħu jitqiesu li jixxiebhu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Medion, C‑120/04, Ġabra p. I‑8551, punti 30 u 37). Għandu jiġi rrilevat li s-sentenza Medion, punt 28 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna sitwazzjoni li fiha t-trade mark preċedenti kienet riprodotta identikament fit-trade mark sussegwenti. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, fis-sitwazzjoni fejn it-trade mark preċedenti ma hijiex riprodotta identikament fit-trade mark sussegwenti, huwa wkoll possibbli li s-sinjali inkwistjoni jkunu simili minħabba x-xebh bejn it-trade mark preċedenti u element tat-trade mark preċedenti li għandu pożizzjoni distintiva awtonoma.

61      Fil-kawża inkwistjoni, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-fatt li l-element kompost mir-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra fuq qiegħ ta’ kafeni ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa kompletament negliġibbli fl-impressjoni ġenerali prodotta minn dan is-sinjal u fid-dawl tax-xebh bejn dan l-element u t-trade marks preċedenti, din it-trade mark u t-trade marks preċedenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati li ma jixxiebhux kompletament. Madankollu, peress li l-element li jikkostitwixxi rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra fuq qiegħ ta’ kafeni ma ġiex riprodott identikament fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 u peress li dan l-element tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 ma huwiex distintiv ħafna, filwaqt li l-element verbali kif ukoll l-element figurattiv magħmul minn rappreżentazzjoni ta’ ajkla huma distintivi ħafna, ix-xebh viżiv bejn din it-trade mark u t-trade marks preċedenti għandu jitqies li huwa dgħajjef.

62      Fir-rigward tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, għandu wkoll jiġi rrilevat li, peress li l-element li huwa kompost mir-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra u ta’ kafeni ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kompletament negliġibbli fl-impressjoni ġenerali prodotta minn dan is-sinjal u fid-dawl tax-xebh bejn dan l-element u t-trade marks preċedenti, dawn it-trade marks u t-trade marks preċedenti ma jistgħux jitqiesu li ma jixxiebhux kompletament.

63      Madankollu, għandu wkoll jiġi enfasizzat li d-differenzi, irrilevati fil-punti 54 sa 57 iktar ’il fuq, bejn it-trade marks preċedenti u l-element tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, komposti minn rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra u ta’ kafeni ma jistgħux jiġu injorati. Peress li dan l-element tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3 ma huwiex distintiv ħafna filwaqt li l-element verbali tiegħu huwa distintiv ħafna, ix-xebh viżiv bejn it-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti għandu jitqies li huwa dgħajjef.

64      Fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li d-differenzi bejn ir-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra u ta’ kafeni fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni u r-rappreżentazzjoni tagħhom fit-trade marks preċedenti għandhom importanza kunsiderevoli fir-rigward tal-karattru dgħajjef tat-trade marks preċedenti (punt 26 ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ikkontestati), għandu jiġi rrilevat kif ġej.

65      Il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa wieħed mill-fatturi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra p. II‑949, punt 61, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, Ġabra p. II‑5213, punt 70; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 24]. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li hemm lok li ssir distinzjoni bejn il-kunċett tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, li jiddetermina l-protezzjoni mogħtija lil tali trade mark, u l-kunċett distintiv li għandu l-element ta’ trade mark kumplessa, li jikkonċerna l-kapaċità tiegħu li jiddomina l-impressjoni ġenerali prodotta minn din it-trade mark (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2006, L’Oréal vs UASI, C‑235/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43). Filwaqt li huwa minnu li għandu jiġi eżaminat il-karattru distintiv ta’ element ta’ trade mark kumplessa mill-istadju tal-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali, sabiex jiġu ddeterminati l-elementi dominanti possibbli tas-sinjal, il-livell ta’ karattru distintiv tat-trade mark preċedenti huwa wieħed mill-elementi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Għalhekk, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell possibbilment dgħajjef tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti fl-istadju tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjali.

–       Fuq ix-xebh fonetiku

66      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma wettaqx xebh bejn is-sinjali inkwistjoni fuq livell fonetiku. Hija tqis li l-fatt li t-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni jinkludu element verbali ma huwiex importanti f’dan ir-rigward, peress li dawn jinkludu l-element distintiv awtonomu kompost minn kikkra ħamra fuq qiegħ ta’ kafeni.

67      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad li t-trade marks preċedenti ma jinkludu ebda element verbali, peress li xebh fonetiku bejn it-trade marks inkwistjoni ma huwiex rilevanti. Ma jistax jingħad li hemm xebh fonetiku bejn it-trade marks inkwistjoni peress li l-konsumatur, jekk jiddeskrivi t-trade marks inkwistjoni, juża frażijiet bħal “kikkra ħamra” u ”kafeni”. Fil-fatt, sabiex jagħmel riferiment għat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni, il-pubbliku jikkwota l-element verbali, iżda ma jiddiskrivix l-element figurattiv tagħhom.

–       Fuq ix-xebh kunċettwali

68      Ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma wettaqx xebh bejn it-trade marks inkwistjoni minn perspettiva kunċettwali. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-parti ta’ isfel tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 u l-ġnub tan-naħa tal-lemin tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3, minn naħa, u tat-trade marks preċedenti, min-naħa l-oħra, huma identiċi minn perspettiva kunċettwali.

69      L-UASI jqis li d-differenza bejn it-trade marks inkwistjoni fuq livell kunċettwali tidher b’mod ċar, peress li t-trade marks preċedenti ma għandhomx il-kunċett karatteristiku ta’ ajkla tad-deheb li tidher fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell ma jiddeċidiex b’mod ċar fuq ix-xebh kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni. Għandu wkoll jiġi rrilevat ukoll li l-parti ta’ isfel tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni Nru 1 u l-ġnub tan-naħa tal-lemin tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 1 u 2 huma magħmula minn kikkra ħamra, mimlija bil-kafè, l-istess bħat-trade marks preċedenti.

71      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-element tat-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni huma magħmula mir-rappreżentazzjoni ta’ kikkra ħamra fuq qiegħ ta’ kafeni li għandha karattru distintiv dgħajjef, peress li tevoka l-prodotti inkwistjoni.

72      Għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ ajkla huwa, min-naħa tiegħu, deskrittiv ħafna għall-prodotti inkwistjoni, peress li ma għandu ebda rabta magħhom (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Madankollu, għandu jiġi rrilevat li konsumatur li ma għandux għarfien suffiċjenti tal-lingwa Ingliża sabiex jifhem it-tifsira tal-kelma “eagle” ma jistax jipperċepixxi r-riferiment għall-kunċett ta’ ajkla fit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni Nri 2 u 3.

73      Fil-kawża inkwistjoni, ma jistax jingħad li ma hemm ebda xebh bejn it-trade marks inkwistjoni fuq livell kunċettwali.

74      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell żbalja meta kkunsidra, fid-deċiżjonijiet ikkontestati (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑5/08 u punt 27 tad-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T‑6/08 u T‑7/08), li t-trade marks inkwistjoni ma jixxiebhux. Peress li hemm xebh, minkejja li huwa ftit, fuq il-livelli viżivi u kunċettwali, il-Bord tal-Appell kellu jwettaq l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

75      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fuq din il-bażi, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv.

2.     Fuq it-talba intiża għall-bidla tad-deċiżjonijiet ikkontestati

76      Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-applikazzjonijiet tat-trade marks li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni għandhom jiġi miċħuda, għandu jiġi rrilevat kif ġej.

77      Għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali għandha l-possibbiltà li tibdel id-deċiżjoni kkontestata, skont l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009) u li din hija, bħala prinċipju, limitata għal sitwazzjonijiet li fihom il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, li jimplika li l-Qorti Ġenerali tista’ tistabbilixxi, fuq il-bażi tal-provi li jiġu mressqa quddiemha, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu l-obbligu li jieħu [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, MFE Marienfelde vs UASI – Vétoquinol (HIPOVITON), T‑334/01, Ġabra p. II‑2787, punt 63]. F’dan il-każ, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, peress li l-Bord tal-Appell ma wettaqx evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

78      Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti intiża għall-bidla tad-deċiżjonijiet ikkontestati għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jiġu sostnuti l-ispejjeż.

80      F’dan il-każ, peress li l-UASI u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitluba minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-1 ta’ Ottubru 2007 (Każijiet R 563/2006‑2, R 568/2006‑2 u R 1312/2006‑2) għandhom jiġu annullati.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-UASI u Master Beverage Industries Pte Ltd għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż sostnuti minn Société des produits Nestlé SA.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Marzu 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.