Language of document : ECLI:EU:C:2008:257

Kawża C-133/06

Il-Parlament Ewropew

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Politika komuni fil-qasam tal-ażil — Direttiva 2005/85/KE — Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Pajjiżi ta’ oriġini bla periklu — Pajjiżi terzi Ewropej bla periklu — Listi komuni minimi — Proċedura għall-adozzjoni u għall-emenda tal-listi komuni minimi — Artikolu 67(1) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE – Nuqqas ta’ kompetenza”

Sommarju tas-sentenza

1.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri

(Artikolu 202 KE; Direttiva tal-Kunsill 2005/85, premessi 19 u 24)

2.        Atti tal-istituzzjonijiet — Proċedura għall-adozzjoni — Regoli tat-Trattat — Natura mandatorja

(it-tieni inċiż tal-Artikolu 67(2) KE)

3.        Viżi, ażil, immigrazzjoni — Politika tal-ażil — Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri

(punti 1 u 2(a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE, Artikolu 67(1) u (5) KE u Artikolu 202 KE; Direttiva tal-Kunsill 2005/85)

1.        Skont l-Artikolu 202 KE, meta jkun neċessarju li jittieħdu l-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ att ta’ bażi fuq livell Komunitarju, hija l-Kummissjoni li normalment għandha teżerċita din il-kompetenza. Il-Kunsill huwa marbut li jiġġustifika kif xieraq, skont in-natura u l-kontenut tal-att ta’ bażi li għandu jiġi implementat, eċċezzjoni għall-imsemmija regola.

F’dan ir-rigward, il-motivi esposti fil-premessi 19 u 24 tad-Direttiva 2005/85, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, u li jirrigwardaw rispettivament l-importanza politika li għandha l-indikazzjoni tal-pajjiżi ta’ oriġini bla periklu u l-konsegwenzi li jista’ jkollu l-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għall-applikanti għal ażil, jiġġustifikaw il-konsultazzjoni mal-Parlament fir-rigward tal-istabbiliment tal-listi ta’ pajjiżi bla periklu tal-emendi li jkollhom isirulhom, iżda ma jagħtux motivazzjoni suffiċjenti għal riżerva ta’ setgħa ta’ implementazzjoni li tkun speċifika għall-Kunsill.

(ara l-punti 47-49)

2.        Ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u mhumiex għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess. It-Trattat biss jista’, f’każijiet partikolari bħal dak previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 67(2) KE, jawtorizza lil istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huwa jistabbilixxi.

Li jiġi rrikonoxxut li istituzzjoni tkun tista’ tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji, kemm jekk ikun sabiex issaħħaħ jew sabiex tiffaċilita l-modalitajiet tal-adozzjoni ta’ att, ikun ifisser li din l-istituzzjoni tkun qed tingħata setgħa leġiżlattiva li teċċedi dak li huwa previst mit-Trattat. Dan jippermetti wkoll lill-istituzzjoni kkonċernata timmina l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali, li jeżiġi li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha b’rispett għal dawk tal-oħrajn.

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ prattika preċedenti li tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ bażijiet legali sekondarji ma tistax tidderoga mir-regoli tat-Trattat u konsegwentement ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet.

(ara l-punti 54-57, 60)

3.        Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-adozzjoni u l-emendi futuri tal-listi ta’ pajjiżi bla periklu permezz ta’ att leġiżlattiv jew id-deċiżjoni eventwali li jiġi applikat it-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE fil-forma ta’ delega jew ta’ riżerva ta’ setgħa ta’ implementazzjoni, jaqgħux taħt l-Artikolu 67(1) jew (5) KE, għandu jiġi evalwat jekk, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2005/85, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, il-Kunsill adottax leġiżlazzjoni Komunitarja li tiddefinixxi r-regoli komuni u l-prinċipji bażiċi li jirregolaw l-oqsma li jaqgħu taħt il-punti 1 u 2(a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE.

Peress li d-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi kriterji dettaljati li jippermettu li l-listi ta’ pajjiżi bla periklu jiġu stabbiliti sussegwentement, il-Kunsill, permezz ta’ dan l-att leġiżlattiv, adotta l-“leġislazzjoni tal-Komunità li tiddefinixxi r-regoli komuni u l-prinċipji bażiċi” skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE, b’mod li l-proċedura ta’ kodeċiżjoni hija applikabbli.

(ara l-punti 63, 65-66)