Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Mejju 2011 - Stichting Greenpeace Nederland u PAN Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-232/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Stichting Greenpeace Nederland (Amsterdam, il-Pajjizi l-Baxxi) u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: B. Kloostra, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2011 (Ares(2011)223668) tmur kontra r-Regolament Nru 1367/2006/KE1;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2011 (Ares(2011)223668);

tordna lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-merti tat-talba għal reviżjoni interna tal-20 ta' Diċembru 2010, f'terminu stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-konvenuta kellha l-obbligu kif mitlub mir-rikorrenti, li twettaq ir-reviżjoni interna tad-Direttiva 2010/77/UE2, peress li l-imsemmija direttiva ma għandhiex aplikazzjoni ġenerali, kif sostnut mill-konvenuta, iżda hija pjuttost att li jinkludi deċiżjonijiet konkreti u individwali bbażati fuq talbiet individwali tal-produtturi kkonċernati.

It-tieni motiv jallega li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra r-Regolament Nru 1367/2006/KE peress li d-Direttiva 2010/77/UE tinkludi għadd ta' atti amministrattivi li jikkonċernaw deċiżjonjiet individwali adottati għal talbiet individwali. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija direttiva ma ġietx adottata taħt il-kompetenza leġiżlattiva tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jqisu li l-aċċess għall-ġustizzja li jikkonċerna din id-direttiva għandu jiġi ggarantit.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13)

2 - Direttiva tal-Kummissjoni 2010/77/UE, tal-10 ta' Novembru 2010, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KE fir-rigward tad-dati ta' skadenza għall-inklużjoni fl-Anness I ta' ċerti sustanzi attivi (ĠU L 293, p. 48)